20.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/51


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2390

tal-15 ta' Diċembru 2017

dwar in-nuqqas ta' konformità tar-rati unitarji fiż-żona tal-imposti tal-Iżvizzera għall-2017 skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013

(notifikata bid-dokument C(2017) 8498)

(It-testi bil-Ġermaniz, bil-Franċiż u bit-Taljan biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (1) (il-Ftehim),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta' servizz) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(1) tiegħu, u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (3), u b'mod partikolari l-Artikolu (17)(1)(e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru. L-iskema komuni ta' imposti hija element integrali għall-ksib tal-għanijiet tal-iskema ta' prestazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 (5).

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE (6) tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha, fosthom il-mira tal-kosteffikaċja tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route, espressa f'kosti unitarji determinati għall-forniment ta' dawn is-servizzi, għat-tieni perjodu ta' referenza li jkopri u jinkludi s-snin mill-2015 sal-2019.

(3)

Skont l-Artikolu 17(1)(b) u (c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rati unitarji tal-2017 għaż-żoni tal-imposti ppreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni sal-1 ta' Ġunju 2016 bi qbil mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u 9(2) ta' dak ir-Regolament. Dik il-valutazzjoni tikkonċerna l-konformità ta' dawn ir-rati unitarji mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

(4)

Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha tar-rati unitarji bl-appoġġ tal-Unità tar-Reviżjoni tal-Prestazzjoni tal-Eurocontrol, permezz tad-dejta u tal-informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-Istati Membri sal-1 ta' Novembru 2016. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni qieset ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija u l-korrezzjonijiet li saru qabel il-laqgħa konsultattiva dwar ir-rati unitarji għall-2017 għas-servizzi en route, li saret fit-23 ta' Novembru 2016 b'applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, kif ukoll il-korrezzjonijiet tar-rati unitarji li għamlu l-Istati Membri wara li saru komunikazzjonijiet sussegwenti mal-Kummissjoni.

(5)

Abbażi ta' din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni sabet, bi qbil mal-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, li r-rati għal kull unità għaż-żoni tal-imposti en route għall-2017 ippreżentati mill-Iżvizzera huma konformi mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

(6)

Is-sejba u l-avviż li r-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 huma mingħajr ħsara għall-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004.

(7)

Skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 17(1), ir-rati għal kull unità għandhom jiġu stabbiliti fil-munita nazzjonali. Ir-rati unitarji li jinsabu f'din id-Deċiżjoni huma ppreżentati fil-Frank Żvizzeru.

(8)

Il-Kummissjoni kkonsultat mal-Iżvizzera dwar din id-Deċiżjoni, skont l-Artikolu 19(2) tal-Ftehim.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-rata għal kull unità għall-2017 ta' 113,86 fiż-żona tal-imposti en route tal-Iżvizzera hija konformi mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Konfederazzjoni Żvizzera.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 114, 30.4.2002, p.73.

(2)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(3)   ĠU L 128, 9.5.2013, p.31.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE tal-11 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-livelli limiti ta' twissija għat-tieni perjodu ta' referenza mill-2015 sal-2019 (ĠU L 71, 12.3.2014, p. 20).