IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.12.2021
COM(2021) 771 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-konformità tal-Awtorita Bankarja Ewropea mar-rekwiżiti rigward il-post tas-sede tagħha
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.12.2021
COM(2021) 771 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-konformità tal-Awtorita Bankarja Ewropea mar-rekwiżiti rigward il-post tas-sede tagħha
1 Introduzzjoni
Fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, is-27 Stat Membru l-ieħor, fil-marġini tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali fl-20 ta’ Novembru 2017, għażlu lil Pariġi, Franza, bħala s-sede l-ġdida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA - European Banking Authority) 1 .
Il-post tas-sede tal-EBA huwa stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ twaqqif tal-EBA 2 (“ir-Regolament EBA”), li għalhekk kellu jiġi emendat 3 biex is-sede tiġi rilokata minn Londra għal Pariġi. Minbarra li mmodifikat il-post tas-sede, l-emenda għar-Regolament EBA introduċiet ukoll ċerti rekwiżiti ġodda rigward il-post tas-sede kif ukoll obbligu għall-Kummissjoni li tippubblika rapport sat-30 ta’ Marzu 2019 u kull 12-il xahar wara dan dwar il-konformità tal-EBA ma’ dawn ir-rekwiżiti.
Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament EBA: “Il-post tas-sede tal-Awtorità ma għandux jaffettwa l-eżekuzzjoni tal-kompiti u tas-setgħat tal-Awtorità, l-organizzazzjoni tal-istruttura ta’ governanza tagħha, l-operat tal-organizzazzjoni prinċipali tagħha, jew il-finanzjament prinċipali tal-attivitajiet tagħha, filwaqt li jippermetti, fejn ikun applikabbli, l-kondiviżjoni ma’ aġenziji tal-Unjoni ta’ servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u ta’ ġestjoni tal-faċilitajiet li ma jkunux relatati mal-attivitajiet ewlenin tal-Awtorità”.
L-EBA pprovdiet il-kontribut meħtieġ biex tissodisfa dawn ir-rekwiżiti ta’ rapportar. L-ewwel żewġ rapporti ġew ippubblikati fl-2019 4 u fl-2020 5 . Dan hu t-tielet rapport skont l-obbligu l-ġdid ta’ rappurtar.
2 Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali tal-EBA
Fis-6 ta’ Marzu 2019, f’Pariġi ġie ffirmat Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali (minn hawn ’il quddiem, HQA - Headquarters Agreement) mal-Gvern Franċiż. F’konformità mal-Artikolu 25 tal-HQA, l-EBA lestiet il-proċeduri interni għad-dħul fis-seħħ tiegħu fl-4 ta’ Marzu 2019, u f’Ġunju 2021 ikkonfermat lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Franċiż li dawn kienu tlestew. L-EBA qed tistenna konferma tat-tlestija tal-proċeduri meħtieġa mil-liġi Franċiża biex l-HQA jidħol fis-seħħ – dan jinkludi ratifika mill-Parlament Franċiż. L-iffirmar tal-HQA ma kellux impatt fuq l-operazzjonijiet u l-governanza tal-EBA.
Minbarra li jirrifletti r-rekwiżiti tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea 6 , l-HQA jintitola lill-membri tal-persunal tal-EBA għal permess ta’ residenza speċjali FI (Fonctionnaire International), li jattesta l-istatus tagħhom bħala impjegati internazzjonali taċ-ċivil fi Franza (applikabbli wkoll għall-membri tal-familja). L-EBA tinsab f’kuntatt mal-Uffiċċju tal-Protokoll tal-Ministeru Franċiż tal-Ewropa u l-Affarijiet Barranin u kif ukoll mal-awtoritajiet doganali Franċiżi biex tiggarantixxi proċess bla xkiel fir-rigward tal-wasla tal-persunal u l-familji tagħhom fi Franza, il-provvediment ta’ permessi ta’ residenza speċjali, u l-applikazzjoni tal-privileġġi fiskali għall-EBA. Sa Lulju 2021, 231 membru tal-persunal u membri tal-familji tagħhom kienu rċevew permessi speċjali ta’ residenza u qed jiġu pproċessati żewġ applikazzjonijiet oħra.
Barra minn hekk, skont l-HQA, il-persunal tal-EBA li jirriloka minn Londra għal Pariġi jista’ jixtri jew jimporta mingħajr taxxa vettura fi żmien tnax-il xahar minn meta jasal fi Franza. Sal-lum, 38 membru tal-persunal ibbenefikaw mill-possibbiltà ta’ xiri u/jew importazzjoni mingħajr VAT ta’ vettura u r-reġistrazzjoni tagħha bil-privileġġ diplomatiku.
L-Artikolu 9 tal-HQA jeżenta lill-EBA mill-VAT imġarrba fuq spejjeż uffiċjali meta l-ammont tal-fattura nett mill-VAT ikun aktar minn EUR 150. Fil-prattika, l-EBA qed tħallas il-VAT fuq l-akkwisti Franċiżi, u fuq l-akkwisti fejn tapplika l-iskema tal-MOSS 7 , u qed tirkupra din il-VAT mill-gvern Franċiż. Sa Lulju 2021, l-EBA kienet talbet rimborż ta’ EUR 1,938,479.84, li kollha ġew rimborżati.
Skont l-Artikolu 19 tal-HQA, il-Gvern Franċiż fetaħ l-Iskola Ewropea ta’ Pariġi-La Défense) f’Courbevoie f’Settembru 2019. L-iskola toffri kurrikulu komprensiv mill-kindergarten sal-Bakkalawrjat Ewropew lit-tfal tal-persunal tal-korpi tal-UE stabbiliti fir-Reġjun ta’ Pariġi, kif ukoll lil studenti bi sfond internazzjonali. Minbarra l-akkreditazzjoni għaċ-ċiklu preprimarju, primarju u sekondarju sal-ħames sena, din is-sena l-Bord tal-Gvernaturi tal-Iskejjel Ewropej ta l-akkreditazzjoni b’mod unanimu għas-snin tal-iskola sekondarja (is-sitt u s-seba’ sena). Dan jipprovdi aċċess għall-Bakkalawrjat Ewropew. Minn Settembru 2021, it-taqsima tal-lingwa Ingliża tinkludi ċ-ċiklu kollu mill-klassi preprimarja sal-aħħar sena tal-iskola sekondarja. It-taqsima tal-lingwa Franċiża tipprovdi ċiklu sħiħ preprimarju u primarju. Għas-sena skolastika 2020-2021, 20 tifel u tifla tal-membri tal-persunal tal-EBA ġew irreġistrati fl-iskola, kollha kemm huma fit-taqsima Ingliża.
3 Governanza, Operazzjonijiet u Eżekuzzjoni tal-Kompiti tal-EBA
Il-kompiti u s-setgħat tal-EBA, l-organizzazzjoni tal-istruttura ta’ governanza tagħha, l-operat tal-organizzazzjoni prinċipali tagħha, u l-finanzjament prinċipali tagħha ma kinux affettwati mir-rilokazzjoni tas-sede tal-EBA. L-EBA ilha kompletament operattiva fl-uffiċċji l-ġodda tagħha f’Pariġi mill-bidu ta’ Ġunju 2019.
Ir-rilokazzjoni tas-sede tal-EBA lejn Pariġi ma kellha l-ebda impatt fuq il-finanzjament ewlieni tal-attivitajiet tal-EBA mill-UE u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. B’mod separat għal dan il-finanzjament, il-gvern Franċiż qed jipprovdi EUR 8,5 miljun biex ikopri l-ispejjeż tal-uffiċċji ta’ Pariġi. Dan il-finanzjament huwa maqsum bejn EUR 1,5 miljun għall-ispejjeż ta’ installazzjoni, li diġà waslu u ntefqu, u EUR 7,0 miljun għall-ispejjeż ta’ lokazzjoni li tinsab għaddejja li għandhom jaslu matul id-disa’ snin tal-lokazzjoni sabiex jittaffa l-impatt baġitarju. Sal-lum, l-EBA ffatturat u rċeviet EUR 5,075,000 skont dan il-ftehim.
L-awtoritajiet tar-Renju Unit għadhom responsabbli għal pretensjonijiet tal-VAT mhux saldati stmati għal EUR 581,000 fil-kontijiet tal-EBA.
Kondiviżjoni ta’ servizzi ta’ appoġġ amministrattiv ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni
L-EBA ffirmat Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz mal-ESMA għall-forniment ta’ servizzi kontabilistiċi, u l-EBA ilha minn April 2021 tipprovdi dawn is-servizzi lill-ESMA. Iż-żewġ aġenziji jaqsmu s-servizzi tal-Uffiċjal tal-Kontabilità u tal-Assistent tal-Kontabilità tal-EBA biex b’hekk qed isir użu aktar effiċjenti tar-riżorsi. Il-Bord tat-Tmexxija tal-ESMA ħatar lill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-EBA bħala l-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-ESMA b’effett mill-1 ta’ Lulju 2021.
L-EBA u l-EIOPA qed jimplimentaw b’mod konġunt proġett għall-iżvilupp ta’ għodod li jappoġġaw proċess ta’ żvilupp tal-qafas ta’ rapportar superviżorju, li jinkludi rilaxxi ta’ mudelli ta’ punti tad-data, ċiklu tal-ħajja komplet tar-regoli ta’ validazzjoni u l-pakketti tat-tassonomija XBRL. Maniġer ta’ proġett mill-EIOPA huwa ssekondat lill-EBA għal kemm idum il-proġett.
L-EBA u l-EIOPA jikkondividu Cloud Privat u servizzi ta’ infrastruttura assoċjati, offruti minn fornitur terz, li huma fasslu b’mod konġunt u jimmonitorjaw u jtejbu kontinwament. L-aktar titjib reċenti bħal dan huwa ċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet tas-Sigurtà li l-aġenziji fasslu flimkien u bdew jużaw dan l-aħħar. L-EBA u l-EIOPA diġà qed jaħdmu flimkien ukoll biex jiddefinixxu s-servizzi futuri tagħhom tal-Cloud u l-perkors tal-migrazzjoni lejhom, b’seħħ mill-2022.
L-EBA u l-ESMA jikkoordinaw ukoll mill-qrib rigward il-proċeduri ta’ akkwist tagħhom. It-tabella ta’ hawn taħt tiġbor fil-qosor l-attività f’dan il-qasam.
|
Aġenzija ewlenija |
Aġenziji parteċipanti |
Proċedura |
Status |
|
EBA |
ESMA |
Servizzi tal-ġestjoni tal-iskart |
Kuntratt Qafas 8 iffirmat fl-2021 |
|
EBA |
ESMA |
Servizz ta’ forniment ta’ pjanti fl-uffiċċji |
Kuntratt Qafas iffirmat fl-2021 |
|
EBA |
ESMA + 9 aġenzija oħra |
Konsulenza dwar il-protezzjoni tad-data |
Kurrenti |
|
EBA |
Servizzi mediċi |
Kurrenti |
|
|
ESMA |
EBA |
Servizzi ta’ persunal interim |
Kuntratt Qafas iffirmat fl-2021 |
|
ESMA |
EBA |
Servizzi ta' kurjer |
Kurrenti |
L-EBA taġixxi bħala punt ta’ kuntatt bejn l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Akkwisti tal-Eurosistema (Euro system Procurement Coordination Office - EPCO) u t-tliet ASE l-oħra u tikkoordina d-diskussjonijiet biex tidentifika u tingħaqad fil-proċeduri ta’ akkwist immexxija mill-EPCO. Dan l-aħħar, l-ASE setgħu jingħaqdu ma’ żewġ kuntratti qafas taħt il-kappa tal-EPCO: Servizzi ta’ tagħlim elettroniku tal-lingwi; u servizzi ta’ konsulenza informatika, bankarja u finanzjarja.
L-EBA u l-ESMA jipparteċipaw ukoll f’network ta’ uffiċjali tal-akkwist ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali bbażati f’Pariġi.
Koordinazzjoni dwar il-COVID-19
Mindu faqqgħet il-pandemija, l-EBA kompliet bl-operazzjonijiet tagħha, u wettqet il-firxa sħiħa ta’ kompiti tagħha. L-EBA kienet f’kuntatt regolari u mill-qrib mal-ESMA u organizzazzjonijiet internazzjonali bbażati fi Franza (l-OECD u l-Interpol) biex taqsam prattiki tajbin rigward miżuri matul il-lockdown kif ukoll pjanijiet relatati mar-ritorn lejn l-uffiċċju.
L-EBA mexxiet l-inizjattiva biex tingħata kontribuzzjoni lill-persunal tagħha li jaħdem mid-dar u kkoordinat l-iżvilupp ta’ linji gwida mal-EIOPA u l-ESMA biex tiżgura li jkun hemm allinjament kemm jista’ jkun fost l-ASE.
L-EBA nediet u kkoordinat ukoll ittra konġunta lill-awtoritajiet Franċiżi biex tinkludi lill-persunal tal-Aġenziji tal-UE u l-familji tagħhom ibbażati fi Franza fil-programm nazzjonali tal-vaċċinazzjoni. B’kollox, id-diretturi eżekuttivi ta’ seba’ aġenziji ffirmaw ittra mibgħuta f’Jannar 2021. Il-persunal tal-EBA u l-membri familjari eliġibbli tagħhom sussegwentement irnexxielhom jirċievu l-vaċċin bħala parti minn dak il-programm. Dan appoġġa wkoll il-passaġġ ippjanat tal-EBA minn ambjent tax-xogħol virtwali għal wieħed ibridu.
L-EBA u l-ESMA kkoordinaw ukoll mill-qrib l-approċċi tagħhom ta’ ritorn gradwali lejn l-uffiċċju bil-ħsieb li jiggarantixxu li jkun hemm kemm jista’ jkun allinjament.
4 Konklużjonijiet
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, l-eżekuzzjoni min-naħa tal-EBA tal-kompiti u s-setgħat tagħha, l-istruttura ta’ governanza tagħha, l-organizzazzjoni ewlenija tagħha, u l-finanzjament tal-attivitajiet tagħha ma ġewx affettwati mir-rilokazzjoni tas-sede tagħha lejn Pariġi u mill-ftehimiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva mal-ESMA u l-EIOPA deskritti hawn fuq, li mhumiex relatati mal-attivitajiet ewlenin tal-EBA.
Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali (Art. 50), l-20 ta’ Novembru 2017: https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/11/20/european-banking-authority-to-be-relocated-to-city-country/
Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
Ir-Regolament (UE) 2018/1717 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 fir-rigward tal-post tas-sede tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ĠU L 291, 16.11.2018, p. 1).
COM(2019) 451 final.
COM(2020) 317 final.
ĠU C202, 7.6.2016, p. 266-272
https://europa.eu/youreurope/business/taxation/vat/vat-digital-services-moss-scheme/index_mt.htm
Kuntratt qafas
Ir-rwol tal-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali.