16.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1361

tat-30 ta’ Ġunju 2021

li tawtorizza lill-Greċja tapplika estensjoni għal perjodu speċifikat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021)4650)

(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tal-persistenza tal-kriżi tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet, il-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport u l-estensjoni ta’ ċerti perjodi msemmija fir-Regolament (UE) 2020/698 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti taż-żmien għat-tiġdid taċ-ċertifikati tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2004/49/KE (2), li kieku skadew jew li kieku jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021.

(2)

B’ittra bid-data tas-26 ta’ Mejju 2021, il-Greċja ppreżentat talba motivata għal awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ xahar għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2021/267. Il-Greċja pprovdiet informazzjoni addizzjonali biex issostni t-talba tagħha fit-8 u fis-17 ta’ Ġunju 2021.

(3)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Greċja, it-tiġdid taċ-ċertifikati tas-sikurezza msemmi fl-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2004/49/KE x’aktarx jibqa’ imprattikabbli lil hinn mit-30 ta’ Ġunju 2021 minħabba miżuri li ħadet biex tipprevjeni jew trażżan it-tixrid tal-COVID-19.

(4)

Fost dawn il-miżuri, mis-7 ta’ Novembru 2020, il-Greċja imponiet it-telexogħol obbligatorju tal-persunal sa minimu ta’ 50 %, miżuri dwar il-protezzjoni ta’ gruppi vulnerabbli, u l-obbligu ta’ iżolament għal persuni li kienu morda jew li kellhom kuntatti ma’ każijiet ikkonfermati ta’ COVID-19.

(5)

Skont il-Greċja, dawn il-miżuri kkawżaw diversi diffikultajiet u dewmien, b’mod partikolari, lill-korp taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza kompetenti Grieg, li l-kompiti tiegħu huma eżerċitati mill-Awtorità Regolatorja Ferrovjarja (“RAS”). Din l-awtorità amministrattiva, li skont il-Greċja, diġà kellha nuqqas ta’ persunal minħabba l-miżuri ta’ reklutaġġ, ġiet mgħobbija b’mod sinifikanti bil-piż tal-miżuri nazzjonali dwar it-telexogħol obbligatorju, li kellhom l-effett li jirrestrinġu l-aċċess tal-persunal tagħha għall-fajls amministrattivi rilevanti, u li jestendu ż-żmien tal-eżamijiet amministrattivi tal-każijiet rilevanti.

(6)

Barra minn hekk, sabiex jitkompla t-tiġdid ta’ ċertifikat tas-sikurezza uniku, jeħtieġ li jitwettqu proċeduri bħal spezzjonijiet fuq il-post mill-korp taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-proċeduri proposti mill-impriża ferrovjarja, u biex jiġi żgurat li jiġu vvalutati l-modifiki ssuġġeriti lil dawk l-impriżi ferrovjarji. Minħabba l-miżuri msemmija hawn fuq, maħsuba biex irażżnu t-tixrid tal-COVID-19, it-tlestija ta’ dawk l-ispezzjonijiet fuq il-post saret iktar diffiċli.

(7)

Barra minn hekk, it-talba għat-tiġdid ta’ ċertifikat tas-sikurezza speċifiku wieħed, li attwalment qed jiġi analizzat mill-korp taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza, ġiet ippreżentata ftit qabel id-data tal-iskadenza tiegħu. Skont il-Greċja, filwaqt li l-korp taċ-ċertifikazzjoni kompetenti għamel kull sforz biex jissodisfa l-obbligi tiegħu fl-iskadenzi applikabbli, mhuwiex possibbli għal dik l-awtorità li twettaq il-proċeduri meħtieġa għat-tiġdid taċ-ċertifikat tas-sikurezza qabel id-data tal-iskadenza tiegħu, meta wieħed iqis id-diffikultajiet imsemmija hawn fuq ikkawżati mill-miżuri adottati biex jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19.

(8)

Il-perjodu ta’ xahar għall-estensjoni mitluba huwa limitat għal dak li huwa meħtieġ biex il-korp taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza jkun jista’ jwettaq il-formalitajiet amministrattivi meħtieġa għat-tiġdid taċ-ċertifikat tas-sikurezza inkwistjoni.

(9)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Greċja, l-iktar rapporti reċenti tal-impriża ferrovjarja li applikaw għat-tiġdid taċ-ċertifikat tas-sikurezza msemmi juru li ma ġie rreġistrat l-ebda inċident għall-parti tas-sezzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja li fiha topera dik l-impriża, għajr tentattiv ta’ suwiċidju li seħħ fl-2019. Barra minn hekk, l-ebda kwistjoni ta’ riskju jew każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma ġew osservati mill-korp taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza fl-attivitajiet ta’ spezzjoni u ta’ monitoraġġ li twettqu minn meta nħareġ iċ-ċertifikat tas-sikurezza. Għal dawn ir-raġunijiet, u minħabba li l-estensjoni meħtieġa mill-Greċja hija ta’ xahar biss għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 stabbilit fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2021/267, l-estensjoni mitluba ma għandhiex twassal għal riskji sproporzjonati f’termini ta’ sikurezza u ta’ sigurtà tat-trasport.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Greċja tiġi awtorizzata tapplika estensjoni ta’ xahar għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2021/267.

(11)

Il-Greċja qablet li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u nnotifikata bl-Ingliż,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Greċja hija awtorizzata tapplika estensjoni ta’ xahar għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2021/267.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 60, 22.2.2021, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva dwar is-Sikurezza Ferrovjarja) (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).