Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑13 ta’ Mejju 2026 (1)
Kawża C‑227/25 P
DR,
DS
vs
L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)
“Appell – Servizz pubbliku – Rikors għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea ppreżentat minħabba n-nuqqas ta’ istituzzjoni milli twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tad-data personali – Dannu morali mġarrab mill-membru tal-persunal u mill-konjuġi tiegħu – Bażi legali tar-rikors ippreżentat mill-konjuġi tal-membru tal-persunal – Inammissibbiltà tar-rikors ibbażat fuq l-Artikoli 268 u 340 TFUE – Dritt jew obbligu tal-membru tal-familja li jippreżenta r-rikors tiegħu abbażi tal-Artikolu 270 TFUE”
I. Introduzzjoni
1. Dan l-appell ġie ppreżentat mid-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑17 ta’ Jannar 2025, DR u DS vs EIOPA (2), li permezz tiegħu din tal-aħħar ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni, ippreżentat minn membru tal-persunal tal-Unjoni, DR, kif ukoll mill-konjuġi tiegħu, DS, minħabba l-allegat żvelar tad-data personali tagħhom mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) waqt l-istħarriġ tal-etika u tal-investigazzjoni amministrattiva li DR kien suġġett għalihom.
2. Dan l-appell jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi li l-Qorti Ġenerali siltet mill-prinċipji stabbiliti minnha fis-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano (3), dwar il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi għad-danni ppreżentati mill-membri tal-familja ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal fl-okkażjoni ta’ tilwima li toriġina mir-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad lil dan tal-aħħar mal-istituzzjoni kkonċernata.
3. Ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-imsemmi appell u tannulla d-digriet appellat sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors ippreżentat minn DS kien inammissibbli minħabba li kien fuq bażi legali żbaljata. Ser nispjega r-raġunijiet li għalihom dan id-digriet huwa bbażat, fil-fehma tiegħi, fuq interpretazzjoni żbaljata tat-termini ta’ din is-sentenza peress li l-fakultà offruta mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-membri tal-familja ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li jaġixxu abbażi tal-Artikolu 270 TFUE tinbidel, fl-imsemmi digriet, f’obbligu li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jwassal għaċ-ċaħda tar-rikors bħala inammissibbli.
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża
4. Għall-finijiet ta’ dan l-appell, il-fatti li wasslu għall-kawża, imsemmija fil-punti 2 sa 30 tad-digriet appellat, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.
5. Fis‑16 ta’ Settembru 2017, DR ġie rreklutat bħala membru tal-persunal fi ħdan id-dipartiment “Sorveljanza” tal-EIOPA wara li mela dikjarazzjoni ta’ kunflitti ta’ interessi. Wara l-ftuħ, fis‑7 ta’ Diċembru 2018, ta’ proċedura ta’ kontroll etiku fir-rigward tiegħu, dan tal-aħħar ikkomunika permezz ta’ posta elettronika tal‑14 ta’ Jannar 2019 u tal‑10 ta’ Marzu 2019 informazzjoni dwar il-kumpanniji A, B u C (4), billi sostna n-natura kunfidenzjali tad-data trażmessa u billi ppreċiża li din ma setgħetx tiġi żvelata lil persuni oħra fi ħdan l-EIOPA mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu. Wara r-rapport ta’ evalwazzjoni trażmess mill-uffiċjal responsabbli għall-kwistjonijiet etiċi lill-EIOPA, id-Direttur Eżekuttiv ta’ din l-awtorità fetaħ, fit‑22 ta’ Lulju 2019, investigazzjoni amministrattiva kontra DR sabiex jistabbilixxi n-natura tal-attivitajiet esterni tiegħu. Fit‑30 ta’ Settembru 2019, l-investigatur estern inkarigat minn din l-investigazzjoni bagħat ir-rapport tiegħu u DR tneħħa mill-funzjonijiet tiegħu fi ħdan l-EIOPA permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2019.
6. Fit‑13 ta’ Jannar 2020, DR ressaq l-ewwel ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew sabiex jirrapporta n-natura illegali tat-tkeċċija tiegħu. Dan ġie miċħud bħala inammissibbli minħabba li huwa ma kienx eżawrixxa r-rimedji interni kollha. DR għalhekk ressaq, fit‑3 ta’ Frar 2020, ilment quddiem l-EIOPA kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija li fih, fl-ewwel lok, huwa kkontesta l-legalità tat-trasferiment tiegħu lejn dipartiment ieħor u dik tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, fit-tieni lok, huwa ddenunzja diversi irregolaritajiet li jikkonċernaw l-ipproċessar tad-data personali tiegħu, fit-tielet lok, huwa sostna l-eżistenza ta’ fatti ta’ fastidju fil-konfront tiegħu u fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, huwa talab il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għad-dannu allegatament imġarrab.
7. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Ġunju 2020, l-EIOPA ċaħdet l-ilment dwar id-deċiżjoni ta’ tkeċċija.
8. Fis‑16 ta’ Settembru 2020, DR ressaq it-tieni lment quddiem l-Ombudsman, li ċaħdu minħabba l-fatt li huwa ma kellux raġunijiet suffiċjenti sabiex jiftaħ investigazzjoni.
9. Fit‑30 ta’ Settembru 2020, DR adixxa lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) sabiex isostni l-ipproċessar illegali min-naħa tal-EIOPA tad-data personali tiegħu, ta’ dik ta’ DS kif ukoll ta’ dik tal-kumpanniji inkwistjoni.
10. Fl‑1 ta’ Diċembru 2021, DR ressaq it-tielet ilment quddiem l-Ombudsman.
11. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Settembru 2022, il-KEPD qies li l-EIOPA kienet kisret l-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament (UE) 2018/1725 (5), peress li, matul l-investigazzjoni amministrattiva, hija ma kinitx informat b’mod korrett lil DR bil-bażi legali tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu. Konsegwentement, il-KEPD iddeċieda li jċanfar lill-EIOPA, skont l-Artikolu 58(2)(b) ta’ dan ir-regolament.
12. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2023, wara t-tielet ilment ta’ DR, l-Ombudsman qies li, waqt ir-reklutaġġ tiegħu, l-EIOPA ma kinitx amministrat b’mod diliġenti l-kwistjoni dwar il-kunflitti ta’ interessi tiegħu, li kien ta lok għal każ ta’ amministrazzjoni ħażina. Barra minn hekk, l-Ombudsman irrileva li l-EIOPA ma kinitx wettqet b’mod attent u rigoruż il-kontroll etiku u l-investigazzjoni amministrattiva.
III. Il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni
A. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat
13. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ April 2024, l-appellanti ppreżentaw rikors skont l-Artikolu 268 TFUE u bbażat fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE sabiex jiġu kkumpensati għad-dannu morali li huma jqisu li ġarrbu minħabba l-aġir illegali tal-EIOPA fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom fil-kuntest tal-kontroll etiku u tal-investigazzjoni amministrattiva li DR kien suġġett għaliha.
14. Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Lulju 2024, l-EIOPA qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. B’mod partikolari, hija sostniet li r-rikors ippreżentat minn DR u mill-konjuġi tiegħu, DS, joriġina mir-relazzjoni ta’ impjieg tal-ewwel wieħed, b’tali mod li s-suġġett ta’ dan ir-rikors jaqa’ manifestament taħt l-Artikolu 270 TFUE kif ukoll taħt l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (6), u mhux taħt l-Artikolu 268 kif ukoll taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet li huma ppreżentaw dwar din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-appellanti tennew u ddefendew espressament l-għażla ta’ din il-bażi legali fid-dawl tat-termini tar-Regolament 2018/1725.
15. Permezz tad-digriet appellat, adottat abbażi tal-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat kemm minn DR kif ukoll minn DS bħala inammissibbli.
B. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
16. Fl‑24 ta’ Marzu 2025, l-appellanti appellaw mid-digriet appellat. Fit-talbiet tagħhom, huma jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla dan id-digriet, tilqa’ t-talbiet tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi li l-EIOPA wettqet ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-individwi, b’mod partikolari tal-Artikoli 8 u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tar-Regolament 2018/1725, li huma ġarrbu dannu morali li jirriżulta mill-illegalitajiet imwettqa minn din tal-aħħar, tordna l-kumpens għal dan id-dannu, tikkundanna lill-EIOPA għall-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi jew, fin-nuqqas ta’ dan, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu.
17. L-EIOPA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.
IV. Analiżi
18. Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji bbażati, fl-ewwel lok, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-punt 74 tad-digriet appellat u, fit-tieni lok, fuq żball ta’ liġi dwar il-portata tal-kunċett ta’ “persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal” fis-sens tal-Artikolu 91(1) tagħhom (7).
19. Sa fejn id-dispożittiv ta’ dan id-digriet, fejn jikkonċerna r-rikors ippreżentat minn DS, huwa bbażat fuq il-kwalità tiegħu ta’ “persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal”, ser neżamina fl-ewwel lok it-tieni aggravju tal-appelli.
A. Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-portata tal-kunċett ta’ “persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal” fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal
1. Id-digriet appellat
20. Fil-punt 38 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, preliminarjament, li l-appellanti jibbażaw ir-rikors tagħhom fuq l-Artikolu 268 u fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.
21. Fil-punti 39 sa 47 ta’ dan id-digriet, din iċċitat il-prinċipji u l-ġurisprudenza rilevanti dwar il-portata tal-Artikolu 270 TFUE, billi rreferiet b’mod partikolari għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano.
22. Għalhekk, fil-punt 43 tal-imsemmi digriet, il-Qorti Ġenerali fakkret li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, meta t-tilwima toriġina mir-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad uffiċjal jew membru tal-persunal ma’ istituzzjoni tal-Unjoni, mhux biss dan l-uffiċjal jew dan il-membru tal-persunal, iżda wkoll kull persuna oħra li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, “tista’ taġixxi kontra istituzzjoni tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, sabiex tikkontesta l-legalità ta’ att li jikkawżalha preġudizzju”.
23. Sabiex jiġu ddeterminati l-persuni li ma humiex l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal li jistgħu jitqiesu li għalihom “japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal”, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 44 tad-digriet appellat, li, skont l-imsemmija ġurisprudenza, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kundizzjonijiet tal-impjieg”) għandhom l-għan li jirregolaw ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-uffiċjali tagħhom jew il-membri tal-persunal tagħhom u li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, huma jistabbilixxu mhux biss sensiela ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi bejn dawn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom jew il-membri tal-persunal tagħhom, iżda jagħtu wkoll lil ċerti membri tal-familja tagħhom drittijiet u benefiċċji.
24. Fil-punt 45 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonstatat li, fir-rigward tal-konjuġi ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, l-Artikoli 42b u 55a tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll l-Artikolu 16 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg jippermettulu, fil-każ fejn huwa jbati minn marda gravi jew minn diżabbiltà kbira, li jibbenefika mill-għajnuna tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal billi jagħtu l-possibbiltà lil dan tal-aħħar li jeżerċita d-dritt tiegħu għal leave tal-familja jew għax-xogħol part-time. Barra minn hekk, l-Artikolu 70 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 35 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg jagħtu lill-konjuġi superstiti, taħt ċerti kundizzjonijiet, id-dritt għal benefiċċji fil-każ tal-mewt tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal.
25. Fil-punt 46 tal-imsemmi digriet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-konjuġi ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal huwa persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u li, konsegwentement, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata, huwa “jista’”, bl-istess mod bħall-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li tiegħu huwa jkun il-konjuġi, jippreżenta rikors għad-danni kontra istituzzjoni tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, meta t-tilwima toriġina mir-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad lil dan l-uffiċjal jew lil dan il-membru tal-persunal mal-imsemmija istituzzjoni.
26. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 47 tad-digriet appellat li, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, “id-dritt tal-persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal li jaġixxu abbażi tal-Artikolu 270 TFUE ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li dawn il-persuni jkollhom effettivament, f’kull każ inkwistjoni, drittijiet u vantaġġi mogħtija lilhom mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-Kundizzjonijiet tal-impjieg. Fil-fatt, huwa biżżejjed li, minħabba r-rabtiet li jgħaqqduhom ma’ uffiċjal jew ma’ membru tal-persunal, dawn il-persuni jkunu koperti mir-Regolamenti tal-Persunal”.
27. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji stabbiliti b’mod partikolari fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 48 ta’ dan id-digriet, li, “peress li r-rikors għad-danni ppreżentat minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal kif ukoll mill-konjuġi tiegħu joriġina mir-rabta ta’ impjieg li torbot lil dan l-uffiċjal jew lil dan il-membru tal-persunal ma’ istituzzjoni tal-Unjoni, dan ir-rikors jaqa’, taħt piena ta’ inammissibbiltà, taħt l-Artikolu 270 TFUE, kif implimentat mill-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, u ma jistax ikun ibbażat fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE”.
28. Konsegwentement, sabiex tevalwa l-ammissibbiltà tar-rikors kemm fir-rigward ta’ DR kif ukoll ta’ DS, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 51 sa 61 tad-digriet appellat, l-oriġini tat-tilwima sabiex tiddetermina jekk din tinsabx fir-relazzjoni ta’ impjieg li kienet torbot lil DR mal-EIOPA. Wara li stabbilixxiet li dan huwa effettivament il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 62 ta’ dan id-digriet, li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata, ir-rikors kellu jitqies bħala inammissibbli sa fejn kien ibbażat fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.
29. Fil-punt 63 tal-imsemmi digriet, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, “[f]i kwalunkwe każ”, anki jekk ir-rikors seta’ jiġi interpretat bħala bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE u anki jekk is-suġġett tiegħu kellu jew ma kellux jiġi konfuż ma’ dak tal-ilment dwar id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ DR, dan għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti ma bdewx proċedura prekontenzjuża quddiem l-EIOPA, konformement mal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.
30. Fil-punt 64 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti mressqa mill-appellanti fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.
2. L-argumenti tal-partijiet
31. Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li DS kellha tiġi rrikonoxxuta l-kwalità ta’ “persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal” fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u, f’din il-kwalità, kellha tippreżenta r-rikors għad-danni tagħha abbażi tal-Artikolu 270TFUE.
32. Filwaqt li jiċċitaw il-punt 52 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano, l-appellanti jsostnu li l-kunċett ta’ “persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal”, fis-sens tal-Artikolu 91(1) ta’ dan it-test, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jinkludi l-membri tal-familja li għalihom jirreferu r-Regolamenti tal-Persunal minħabba li ngħataw drittijiet u vantaġġi speċifiċi u li huma intitolati li jitolbu dawn id-drittijiet u dawn il-benefiċċji indipendentement minn jekk l-ilment tagħhom huwiex fondat jew le. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ir-Regolamenti tal-Persunal b’hekk espressament jagħtu drittijiet u benefiċċji lill-membri tal-familja tal-uffiċjal deċedut. Issa, dan ma huwiex il-każ ta’ DS. Din la ssostni u lanqas ma tallega li tibbenefika minn dritt jew minn vantaġġ li ngħatalha mir-Regolamenti tal-Persunal u r-rikors tagħha jikkonsisti f’li jiġi ddenunzjat l-ipproċessar illegali tad-data personali tagħha bi ksur tar-Regolament 2018/1725.
33. L-EIOPA ssostni li dan l-aggravju huwa manifestament infondat. Fl-ewwel lok, bħala konjuġi ta’ ex membru tal-persunal temporanju tal-EIOPA, DS tikseb ċertu numru ta’ drittijiet pekunjarji mir-Regolamenti tal-Persunal, bħall-fatt li hija koperta mill-iskema komuni ta’ assigurazzjoni tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra. Fit-tieni lok, ftit li xejn huwa rilevanti jekk, f’dan il-każ, DS tippretendix drittijiet u vantaġġi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal peress li l-Artikolu 13 ta’ dawn tal-aħħar jirreferi speċifikament għall-konjuġi ta’ uffiċjali (8).
3. Kunsiderazzjonijiet
34. Jiena nikkunsidra li dan l-aggravju huwa fondat. Fil-fatt, naħseb li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat lil DS bħala “persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal”, li kien jimplika l-obbligu għaliha li tippreżenta r-rikors tagħha għad-danni abbażi tal-Artikolu 270 TFUE.
35. Ninnota li, fil-punti 43, 44 u 47 tad-digriet appellat, ir-riferiment għall-punti 46 sa 48 u 51 sa 55 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano huwa ppreċedut mill-kliem “ara, f’dan is-sens”. Madankollu, nikkonstata li, f’dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali tmur lil hinn minn sempliċi applikazzjoni partikolari ta’ din is-sentenza peress li twessa’ l-kunċett ta’ “persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal” kif kien ġie ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja u tistabbilixxi kundizzjoni għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ppreżentati minn dawn tal-aħħar billi tirrendi obbligatorju li titressaq kawża quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 270 TFUE. Huwa l-effett ikkombinat ta’ dawn iż-żewġ aspetti tal-imsemmi digriet li jqajjem diffikultà, peress li l-Qorti Ġenerali tislet konsegwenzi proċedurali irraġonevoli minn din is-sentenza billi ebda dispożizzjoni u lanqas ġurisprudenza ma teżiġi li l-konjuġi ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal jippreżenta r-rikors tiegħu fuq tali bażi legali. Għalkemm l-appellanti ma jargumentawx it-tieni wieħed minn dawn l-aspetti insostenn tat-tieni aggravju tagħhom, dan l-aspett huwa marbut mill-qrib mal-kontestazzjoni tagħhom, kif espressa fil-punt 47 tal-appell tagħhom.
36. Kif jirrilevaw l-appellanti, is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano. Kif jirriżulta mill-punti 48, 51, 52 u 54 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-kunċett ta’ “persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal” fid-dawl b’mod partikolari tad-“drittijiet u tal-vantaġġi” li r-Regolamenti tal-Persunal jagħtu lil dawn tal-aħħar, peress li l-membri tal-familja tal-uffiċjal jibbenefikaw fil-fatt minn drittijiet u minn vantaġġi pekunjarji speċifiċi fil-każ tal-mewt ta’ dan tal-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dawn għandhomx effettivament dawn id-drittijiet u dawn il-vantaġġi fil-każ inkwistjoni, u dan b’mod li jiġi evitat li jkun neċessarju li tiġi eżaminata minn qabel il-fondatezza tar-rikors sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti (9). Madankollu, huwa proprju minħabba li huma setgħu, skont ir-Regolamenti tal-Persunal, jibbenefikaw minn vantaġġi pekunjarji minħabba l-mewt tal-uffiċjal, li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tassimilahom ma’ “persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal”.
37. Issa, fil-kawża prinċipali, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtu lill-konjuġi tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ebda dritt u ebda vantaġġ li huwa marbut mal-ipproċessar tad-data personali tiegħu. Fil-punt 45 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali tirreferi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jippermettu jew lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal li jibbenefika minn dritt għal leave tal-familja jew għax-xogħol part-time fil-każ ta’ mard gravi jew ta’ diżabbiltà serja tal-konjuġi, jew lil dan tal-aħħar li jibbenefika minn benefiċċji fil-każ tal-mewt tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal. Dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhom ebda rabta ma’ eventwali dritt jew vantaġġ li r-Regolamenti tal-Persunal jirrikonoxxu lill-konjuġi tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal fil-każ ta’ pproċessar illegali tad-data personali tiegħu. Bl-istess mod, fir-risposta tagħha, l-EIOPA tirreferi għall-Artikolu 13 tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprovdi li l-uffiċjal huwa obbligat jiddikjara l-attività lukrattiva eżerċitata b’mod professjonali mill-konjuġi tiegħu. Madankollu, dan l-artikolu jistabbilixxi obbligu statutorju fuq l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal, li għandu jiġi distint minn dritt jew vantaġġ favur il-membri tal-familja ta’ dan tal-aħħar li fuqu tistrieħ il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
38. Interpretazzjoni daqstant wiesgħa tal-kunċett ta’ “persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal” u t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 270 TFUE li dan iwassal għalih ma jqajmux neċessarjament diffikultajiet partikolari jekk dan ma jkunx akkumpanjat, fid-digriet appellat, minn tisħiħ tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi għad-danni ppreżentati mill-membri tal-familja ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal (10). Fil-fatt, il-fakultà offruta mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-membri tal-familja ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li jaġixxu abbażi tal-Artikolu 270 TFUE tinbidel, għall-Qorti Ġenerali, f’obbligu, li jwassal sabiex jivvizzja dan id-digriet bi żball ta’ liġi.
39. Għalkemm il-Qorti Ġenerali rrilevat, ġustament, fil-punt 46 tad-digriet appellat, li l-konjuġi ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal “jista’” jippreżenta rikors għad-danni abbażi tal-Artikolu 270 TFUE meta t-tilwima toriġina mir-rabta ta’ impjieg li torbot lil dan l-uffiċjal jew lil dan il-membru tal-persunal mal-istituzzjoni u rreferiet b’mod korrett, fil-punt 47 ta’ dan id-digriet, għad-“dritt tal-persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal li jaġixxu abbażi tal-Artikolu 270 TFUE”, hija madankollu qieset immedjatament, fil-punt 48 tiegħu, li dan it-tip ta’ rikors ser jiġi essenzjalment deċiż inammissibbli jekk ma jiġix ippreżentat abbażi ta’ dan l-artikolu. Issa, dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet huma kontradittorji: din hija fakultà, jew obbligu. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għażlet b’mod ċar, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano, sempliċi fakultà offruta lill-membri tal-familja tal-uffiċjal, il-Qorti Ġenerali meta, mingħajr raġunijiet, stabbilixxiet din il-fakultà bħala obbligu ma osservatx il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’hekk kisret l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.
40. Din il-konklużjoni jidhirli li hija kkorroborata mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, billi interpretat b’mod wiesa’ l-locus standi tal-membri tal-familja ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal skont l-Artikolu 270 TFUE, ma kellhiex l-intenzjoni li toħloq kundizzjoni għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għad-danni ppreżentati minn dawn tal-aħħar. Sakemm ma iniex sejjer żball, it-termini użati fil-punti 55 u 62 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano jixhdu biss ir-rieda tal-qorti tal-Unjoni li toffri lill-membri tal-familja ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal il-possibbiltà li jippreżentaw rikors għad-danni abbażi tal-Artikolu 270 TFUE meta t-tilwima toriġina mir-rabta ta’ impjieg li torbot lil dan l-uffiċjal jew lil dan il-membru tal-persunal mal-istituzzjoni kkonċernata, u mhux li teskludi totalment il-possibbiltà li jiġi ppreżentat dan ir-rikors abbażi tal-Artikolu 268 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.
41. It-termini ta’ din is-sentenza ma humiex imperattivi, kif turi l-espressjoni użata repetutament “jistgħu […] jippreżentaw rikors” [“eine Schadensersatzklage errme en können”, bil-Ġermaniż, “may […] bring an action”, bl-Ingliż, jew “possono […] proporre un ricorso”, bit-Taljan (korsiv miżjud minni)]. Din l-espressjoni tippreżupponi r-rikonoxximent ta’ għażla. Għalkemm il-membri tal-familja ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw rikors għad-danni abbażi tal-Artikolu 270 TFUE sakemm it-tilwima toriġina mir-rabta ta’ impjieg li torbtu mal-istituzzjoni kkonċernata, il-preżentata ta’ dan ir-rikors fuq tali bażi legali bl-ebda mod ma tikkostitwixxi obbligu, peress li dawn tal-aħħar għandhom f’dan ir-rigward marġni ta’ evalwazzjoni. Għalhekk, huma għandhom ukoll il-possibbiltà li jippreżentaw ir-rikors tagħhom abbażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE. Kif fakkret il-Qorti Ġenerali reċentement, “[i]r-Regolamenti tal-Persunal huma, minnhom innifishom, strument awtonomu, li l-uniku għan tagħhom huwa li jirregolaw ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal tagħhom, billi jistabbilixxu bejniethom drittijiet u obbligi reċiproċi” (11). Fi kliem ieħor, ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom effett relattiv: huma joħolqu obbligi biss bejn il-partijiet u jipprekludu li terzi, li ma jkunux taw il-kunsens tagħhom għall-kuntratt, jiġu imposti fuqhom tali obbligi taħt dawn tal-aħħar.
42. L-interpretazzjoni stretta li għandha ssir tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi quddiem il-qorti, sa fejn dawn jikkundizzjonaw l-aċċess għall-qorti u l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja, kif ukoll in-neċessità imperattiva li jkun hemm regoli ċari dwar dan is-suġġett jipprekludu li l-verb “jista’” hawnhekk jiġi assimilat mal-verb “għandu” u jinftiehem bħala li jeżiġi li l-membri tal-familja ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal jippreżentaw ir-rikors tagħhom abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, taħt piena ta’ inammissibbiltà. Tali żvilupp tal-ġurisprudenza kien jeħtieġ, tal-inqas, minimu ta’ spjegazzjonijiet, sa fejn dan jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati mill-individwi quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-interpretazzjoni korretta tagħhom hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja.
43. Fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano, din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex jiġu eżaminati r-rikorsi għad-danni ppreżentati abbażi tal-Artikolu 270 TFUE kellha l-għan li tiżgura protezzjoni ikbar lill-membri tal-familja tal-uffiċjal, fid-dawl tal-obbligi ta’ diliġenza u ta’ premura tal-istituzzjoni. Hija kellha wkoll l-għan li tiggarantixxi li azzjonijiet relatati mal-istess avveniment li jirriżultaw minn rabta ta’ impjieg bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li minnha jiddependi jew kien jiddependi jkunu jistgħu jiġu kkonċentrati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja waħda, quddiem l-istess qorti.
44. Għalkemm naqbel max-xewqa li jiġu ċċentralizzati dawn il-kawżi kollha, nikkonstata madankollu li, f’din il-kawża, DS hija finalment imċaħħda mill-possibbiltà li tara t-talba tagħha għal kumpens għad-dannu li hija sofriet personalment eżaminata, u dan minħabba l-istatus familjari tagħha. Din is-soluzzjoni tista’ tidher partikolarment severa meta mqabbla mat-trattament proċedurali li l-Qorti Ġenerali rriżervat għar-rikors għad-danni li ġie ppreżentat fl-istess jum, minħabba t-twettiq tal-istess att, minn impriża li DR huwa l-proprjetarju, il-fundatur, ir-rappreżentant legali u d-direttur ġenerali kif ukoll minn impriża miżmuma minn din tal-aħħar (12). Dan ir-rikors, li permezz tiegħu dawn il-persuni ġuridiċi talbu kumpens għad-danni allegatament imġarrba waqt l-istħarriġ tal-etika u l-investigazzjoni amministrattiva li għalihom DR kien suġġett abbażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE, ġie eżaminat fil-mertu mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Marzu 2026, DP u DQ vs EIOPA (13).
45. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, naħseb li d-digriet appellat huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors ippreżentat minn DS kien inammissibbli minħabba li kien ibbażat fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.
46. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalhekk ma hemmx lok li jiġi analizzat l-ewwel aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ dan id-digriet fir-rigward tal-bażi legali tar-rikors ippreżentat minn DS.
47. Madankollu, nipproponi li jiġi eżaminat dan l-ewwel aggravju mhux biss b’mod prinċipali, sa fejn huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-digriet appellat fir-rigward tal-bażi legali tar-rikors ippreżentat minn DR, iżda wkoll sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi bħala infondat it-tieni aggravju bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-portata tal-kunċett ta’ “persuni li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal”, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.
B. Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-digriet appellat fir-rigward tal-bażi legali tar-rikors ippreżentat minn DR u DS
1. Id-digriet appellat
48. Fil-punti 64 sa 78 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-diversi argumenti mqajma mill-appellanti fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.
49. B’mod partikolari, fil-punti 72 sa 75 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tieni argument, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ preċedenti ġurisprudenzjali li fihom il-Qorti Ġenerali aċċettat l-ammissibbiltà ta’ rikorsi ppreżentati minħabba l-ksur tar-Regolament 2018/1725 (14), u dan minkejja l-fatt li dawn ma kinux ġew ippreżentati abbażi tal-Artikolu 270 TFUE.
50. Fil-punt 74 tal-imsemmi digriet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, “fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2021, JR vs Il‑Kummissjoni (T‑265/20, EU:T:2021:850), ir-rikorrenti, li kienet applikat għal kompetizzjoni interna fi ħdan il-Kummissjoni […] u li ma kinitx ġiet inkluża fil-lista ta’ riżerva, kienet talbet l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li rrifjutawlha l-aċċess għal informazzjoni dwar l-imsemmija kompetizzjoni. Għalhekk, din is-sentenza tikkonċerna rikors għal annullament ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u hija irrilevanti sabiex jiġi evalwat jekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti għandhomx id-dritt li jaġixxu kontra l-EIOPA abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE”.
2. L-argumenti tal-partijiet
51. Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jinvokaw nuqqas ta’ motivazzjoni tad-digriet appellat.
52. Huma jsostnu li l-punt 74 ta’ dan id-digriet ma jippermettilhomx jifhmu r-raġunijiet li għalihom l-Artikolu 270 TFUE jikkostitwixxi, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 39 sa 41 tal-imsemmi digriet, ir-rimedju għall-kontenzjuż tas-servizz pubbliku. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-qorti tal-Unjoni ammettiet fis-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2021, JR vs Il‑Kummissjoni (15), imsemmija f’dan il-punt 74, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE fil-kuntest ta’ tilwima simili, li toriġina mir-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad l-uffiċjal mal-istituzzjoni kkonċernata u li tirrigwarda l-ksur tar-Regolament 2018/1725.
53. B’mod partikolari, għalkemm l-appellanti jindikaw b’mod ċar li rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE huwa proċedura li n-natura u l-portata tagħha huma differenti minn rikors għad-danni bbażat fuq l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, min-naħa l-oħra, huma jqisu li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx b’mod suffiċjenti r-raġuni għalfejn tali differenza proċedurali twassal għal konsegwenzi proċedurali distinti fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ kull wieħed minn dawn ir-rikorsi, it-tnejn li huma ppreżentati minħabba ksur tar-Regolament 2018/1725 minn uffiċjali jew membri tal-persunal f’kawżi li joriġinaw mir-rabta ta’ impjieg li torbothom mal-istituzzjoni kkonċernata.
54. L-appellanti jirreferu wkoll għas-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2022, OC vs SEAE (16), imsemmija fil-punt 70 tad-digriet appellat, li fiha l-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkritikat lir-rikorrenti, uffiċjal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), li ma ppreżentatx rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibgħat biss verżjoni sommarja ta’ ċerti dokumenti li jinkludu data ta’ natura personali, bi ksur tar-Regolament 2018/1725.
55. L-EIOPA ssostni li dan l-aggravju huwa ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, manifestament infondat.
3. Kunsiderazzjonijiet
56. Infakkar, preliminarjament, li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni, impost fuq il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 53 tiegħu, jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni (17). Barra minn hekk, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (18). Madankollu, ninnota li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti Ġenerali l-obbligu li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża u l-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (19).
57. F’dan il-każ, inqis li d-digriet appellat huwa vvizzjat b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni peress li ma jiddeċidix espliċitament fuq l-argument li l-appellanti ressqu fil-punt 42 tal-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Fil-fatt, dawn tal-aħħar irreferew għas-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2021, JR vs Il‑Kummissjoni (20), preċiżament minħabba l-fatt li dan kien rikors għal annullament (21). It-tweġiba qasira għal dan l-argument ma tippermettix li jiġu evalwati r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali topponihom fil-punt 40 tad-digriet appellat fejn jingħad li l-prinċipju li l-Artikolu 270 TFUE jikkostitwixxi r-rimedju għall-kontenzjuż tas-servizz pubbliku, distint mir-rimedju ġenerali li jikkostitwixxi r-rikors għal annullament irregolat mill-Artikolu 263 TFUE, filwaqt li jeżistu preċedenti ġurisprudenzjali intiżi sabiex juru li dan ir-rimedju speċifiku ma huwiex esklużiv (22).
58. Madankollu, dan id-difett ta’ motivazzjoni ma għandux effett fuq id-dispożittiv tad-digriet appellat dwar ir-rikors ippreżentat kemm minn DR kif ukoll minn DS u dan l-aggravju għandu, konsegwentement, jiġi ddikjarat ineffettiv.
59. Skont ġurisprudenza stabbilita, peress li wieħed mill-motivi adottati mill-Qorti Ġenerali huwa suffiċjenti sabiex jiġġustifika d-dispożittiv tas-sentenza tagħha, id-difetti li bihom jista’ jkun ivvizzjat motiv ieħor, li jissemma wkoll fis-sentenza inkwistjoni, huma, fi kwalunkwe każ, mingħajr effett fuq dan id-dispożittiv, b’tali mod li l-aggravju li jinvokahom huwa ineffettiv u għandu jiġi miċħud (23).
60. Barra minn hekk, il-punt 74 tad-digriet appellat jidħol fil-kuntest ta’ raġunament li l-Qorti Ġenerali tibda fil-punt 63 tiegħu permezz tal-espressjoni “fi kwalunkwe każ”. Issa, tali espressjoni tindika li dawn ir-raġunamenti jifformaw motivi sovrabbundanti ta’ dan id-digriet, peress li l-Qorti Ġenerali bbażat l-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn DR u DS fuq il-motivi legali u l-konstatazzjonijiet fattwali esposti rispettivament fil-punti 39 sa 42 u 51 sa 61 tal-imsemmi digriet li l-appellanti ma kkontestawx fil-kuntest tal-appell tagħhom.
V. Konklużjoni
61. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑17 ta’ Jannar 2025, DR u DS vs EIOPA (T‑182/24, EU:T:2025:62) sa fejn il-Qorti Ġenerali ddikjarat l-inammissibbiltà tar-rikors għad-danni ppreżentat minn DS għal motiv li hija kienet obbligata tippreżentah abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 T‑182/24, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2025:62.
3 C‑54/20 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano”, EU:C:2022:349.
4 DR kien il-proprjetarju u d-direttur ġenerali ta’ A, li kellha 100 % tal-kapital ta’ B u ta’ C, peress li dawn tal-aħħar amalgamaw matul is-sena 2018.
5 Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).
6 Fil-verżjoni applikabbli fit-tilwima (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).
7 L-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropej għandu jkollu ġurisdizzjoni f’kull tilwima bejn l-Unjoni u kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal dwar il-legalità ta’ att li jaffettwa ħażin lit-tali persuna fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2). F’tilwim ta’ karattru finanzjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollu ġurisdizzjoni mingħajr limitu”.
8 L-Artikolu 13 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi, b’mod partikolari, li, “[j]ekk mart uffiċjal għandha mpieg bi qligħ, l-uffiċjal għandu jinforma l-awtorità tal-ħatra ta’ l-istituzzjoni tiegħu”.
9 Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano (punti 52 u 61). Il-punt 52 ta’ din is-sentenza huwa fformulat kif ġej, “It-teħid inkunsiderazzjoni b’dan il-mod, mir-Regolamenti tal-Persunal, ta’ dawn il-membri tal-familja tal-uffiċjal għandu l-konsegwenza li dawn huma persuni ‘li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal’, fis-sens tal-Artikolu 91(1) ta’ dawn tal-aħħar, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk rikorrent effettivament għandux, fil-każ ikkunsidrat, dritt jew vantaġġ mogħti mir-Regolamenti tal-Persunal [fil-verżjoni bl-Ingliż ta’ din is-sentenza, din il-parti tal-frażi tgħid hekk: ‘irrespective of whether an applicant does in fact have, in the particular case under consideration, a right or benefit’] […] Fil-fatt, id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni ratione personae tal-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal hija indipendenti mill-kwistjoni dwar l-għoti effettiv [‘actual grant’ fil-verżjoni bl-Ingliż] ta’ dritt jew ta’ vantaġġ lil persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal li tippreżenta rikors quddiem dawn il-qrati”. Enfasi miżjuda minni.
10 Jiena naqbel max-xewqa li jiġi żgurat li azzjonijiet relatati mal-istess avveniment li jirriżultaw mir-rabta ta’ impjieg bejn uffiċjal u l-istituzzjoni kkonċernata jkunu jistgħu jiġu kkonċentrati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja waħda, quddiem l-istess qorti.
11 Ara d-digriet tat‑13 ta’ Marzu 2025, RY vs Il‑Kummissjoni (T‑246/24, EU:T:2025:299, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
12 Il-Qorti Ġenerali għalhekk ġiet adita b’żewġ rikorsi għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, ippreżentati fl-istess ħin, minħabba t-twettiq tal-istess att li kiser, minn naħa, regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali (T‑182/24) u, min-naħa l-oħra, regoli dwar il-protezzjoni ta’ data kummerċjali kunfidenzjali (T‑183/24).
13 T‑183/24, EU:T:2026:221.
14 Jew bil-ksur tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 26, p. 102, rettifika ĠU 2013, L 298, p. 50), li r-Regolament 2018/1725 issostitwixxa.
15 T‑265/20, EU:T:2021:850.
16 T‑681/20, EU:T:2022:422.
17 Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, UPL Europe u Indofil Industries (Netherlands) vs Il‑Kummissjoni (C‑262/23 P, EU:C:2024:862, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2026, Martinair Holland vs Il‑Kummissjoni (C‑386/22 P, EU:C:2026:131, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2026, Martinair Holland vs Il‑Kummissjoni (C‑386/22 P, EU:C:2026:131, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 T‑265/20, EU:T:2021:850.
21 Fil-punt 42 ta’ dawn l-osservazzjonijiet, l-appellanti ressqu l-argument li ġej: “Barra minn hekk, fil-kawża (li tat lok għas-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2021, JR vs Il‑Kummissjoni (C‑265/20, EU:T:2021:850)), il-Kummissjoni ġiet ikkontestata talli kisret diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament 2018/1725, fosthom l-Artikoli 14 u 17 ta’ dan ir-regolament, billi ma kkomunikatx ċerta data personali dwar il-marki miksuba fil-kuntest ta’ kompetizzjoni. Ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti, uffiċjal tal-Kummissjoni, kien ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE u ma ġiex iddikjarat inammissibbli mill-Qorti Ġenerali”.
22 Fid-digriet tagħha tal‑24 ta’ Frar 2026, RY vs Il‑Kummissjoni (C‑336/25 P, EU:C:2026:138), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, “fil-kontinwità tal-ġurisprudenza [tagħha], [hija] ripetutament iddeċidiet li l-Artikolu 270 TFUE [...] joħloq rimedju għall-kontenzjuż tas-servizz pubbliku distint mir-rimedji ġenerali, bħar-rikors għal annullament irregolat mill-Artikolu 263 TFUE kif ukoll ir-rikors għad-danni rregolat mill-Artikolu 268 TFUE u mit-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE” (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2025, Al-Assad vs Il‑Kunsill (C‑779/24 P, EU:C:2025:880, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).