European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2377

10.10.2024

RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2377 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-11 ta’ April 2024

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2022

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2022,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0091/2024),

A.

billi l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea (EU-Rail) ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 (1) (l-“Att Bażiku Uniku”);

B.

billi, f’konformità mal-Artikolu 174(6) tal-Att Bażiku Uniku, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea hija s-suċċessur legali u universali fir-rigward tal-kuntratti kollha, inklużi l-kuntratti ta’ impjieg u l-ftehimiet ta’ għotja, l-obbligazzjonijiet u l-proprjetà akkwistata tal-Impriża Konġunta Shift2Rail, li tagħha hija s-sostitut u s-suċċessur;

C.

billi l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea hija sħubija pubblika-privata għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur ferrovjarju; billi l-membri fundaturi tagħha huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u s-sħab tal-industrija ferrovjarja, inklużi l-manifatturi tat-tagħmir ferrovjarju, il-kumpaniji ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura, u ċ-ċentri tar-riċerka;

D.

billi, biex tiżdied it-trasparenza, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandha tiddivulga, fil-kontijiet annwali tagħha, informazzjoni rilevanti rigward il-kontribuzzjonijiet tal-membri fil-livell tal-programm; billi, għal kull programm li fil-qafas tiegħu topera, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandha tippreżenta, għal kull kategorija ta’ membri sa tmiem is-sena, l-informazzjoni rilevanti kollha, inklużi l-miri tal-kontribuzzjonijiet legali li jiġu stabbiliti għall-programm rispettiv, il-volum ta’ kontribuzzjonijiet li jiġu riċevuti, u l-volum ta’ impenji legali; billi l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandha tkompli ttejjeb it-trasparenza;

Ġenerali

1.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (ir-“rapport tal-Qorti”) dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, li l-kontijiet annwali jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea fil-31 ta’ Diċembru 2022, ir-riżultati tal-operat tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet f’dik id-data, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota, barra minn hekk, li skont ir-rapport tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet ta’ bażi tal-kontijiet huma, fl-aspetti materjali kollha, legali u regolari;

2.

Jilqa’ l-bidu b’suċċess tal-attivitajiet mill-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea fi tmiem l-2021; jilqa’, barra minn hekk, ir-rwol tagħha fit-twassil ta’ network ferrovjarju integrat tal-UE għall-passiġġieri u l-merkanzija Ewropej;

3.

Jirrikonoxxi, mir-Rapport Annwali tal-Attività Konsolidat tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea (2) li l-2022 kienet sena ambizzjuża u ta’ suċċess li fiha nkisbet il-fażi ta’ tal-irrankar tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea u l-programm tagħha li issa huma kompletament operattivi, inklużi l-Pilastru tal-Innovazzjoni, il-Pilastru tas-Sistema u, dalwaqt, il-Grupp ta’ Varar; jinnota, fl-istess ħin, li l-2022 kienet sena kruċjali għall-programmi ta’ innovazzjoni ta’ EU-Rail;

4.

Jieħu nota tal-fatt li d-dimostraturi tekniċi kollha jew diġà wrew riżultati tal-ħidma li ilha għaddejja mit-tnedija tal-programm jew qed jorjentaw lejn passi finali ta’ tħejjija għad-dimostrazzjonijiet li għandhom isiru fl-2023;

5.

Jinnota li, matul l-2022, il-membri fundaturi kienu qed jaħdmu flimkien biex iħaddmu l-impenn tagħhom lejn l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea billi ppreżentaw proposti ewlenin għas-Sejħa 2022-1, li wara valutazzjoni miftuħa, trasparenti u indipendenti rriżultaw f’sitt Proġetti Ewlenin li jkopru l-Fażi 1 tal-Programm tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea; jinnota li sal-aħħar tal-2022, dawn il-proġetti kienu qed jaħdmu; jinnota, barra minn hekk, li, fl-istess ħin, il-Pilastru tas-Sistema ġie ffinanzjat wara sejħa għall-offerti importanti;

6.

Jinnota, barra minn hekk, li fl-2022 ġie implimentat b’mod konsistenti approċċ ta’ sistema għall-evoluzzjoni ferrovjarja, immexxi mill-politika tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport tal-Kummissjoni fejn l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea tirrappreżenta l-fergħa tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA) tirrappreżenta l-awtorità ewlenija tas-sistema għas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) u l-applikazzjonijiet telematiċi, u dan joħloq l-opportunità għall-industrija ferrovjarja Ewropea biex tressaq il-fehmiet u l-ambizzjonijiet tagħha b’“vuċi waħda” bl-istennija ta’ approċċ sistemiku u koerenti fil-livell istituzzjonali;

7.

Jinnota l-Pjan Regolatorju tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea u l-aġġustament tiegħu għall-Pjan bl-“Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u Innovazzjoni fis-Settur Ferrovjarju” tal-Kunsill Konsultattiv għar-Riċerka Ferrovjarja Ewropea (ERRAC);

8.

Ifaħħar il-kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, jiġifieri l-ERRAC, l-ERA, u programmi/sħubijiet oħra, li huwa xhieda tal-isforz proattiv biex jitrawmu s-sinerġiji u jiġu esplorati l-opportunitajiet għal proġetti konġunti fis-settur ferrovjarju Ewropew; jilqa’ l-involviment tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea ma’ assoċjazzjonijiet u programmi ta’ pajjiżi terzi, bl-għan li tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

9.

Jinnota mir-rapport tal-Impriża Konġunta Sistema Finanzjarja Ewropea dwar il-Ġestjoni Baġitarja u Finanzjarja 2021, li bħala riżultat ta’ tliet emendi baġitarji, il-baġit adottat mill-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea ammonta għal EUR 171,4 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u għal EUR 180,8 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament (3);

10.

Huwa konxju tal-fatt li l-bidliet fid-daqs tal-baġit tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea jiddependu l-aktar mill-fażi ta’ implimentazzjoni tal-programmi pluriennali ta’ riċerka u innovazzjoni, u jinnota li, fl-2022, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea bdiet bl-implimentazzjoni tal-programm Orizzont Ewropa, u għalhekk, il-baġit tal-2022 jinkludi l-baġit ta’ impenn għall-ewwel sejħiet ta’ Orizzont Ewropa ppjanati għall-2022, u l-baġit ta’ pagament għall-pagamenti ta’ prefinanzjament relatati (4);

11.

Jinnota li, fi tmiem is-sena 2022, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea kienet implimentat 100 % tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tagħha li saru disponibbli fil-baġit attiv tagħha (it-Titoli 1 sa 3); jinnota, barra minn hekk, li l-approprjazzjonijiet ta’ pagament ġew implimentati sa 79,1 % tal-fondi attivi (rispettivament 79 % tal-implimentazzjoni meta mqabbla mal-baġit sħiħ tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea inkluż it-Titolu 4) (5);

12.

Jinnota, li, permezz tad-Deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija Nru 08/2021 tal-25 ta’ Novembru 2021, il-Bord ta’ Tmexxija tax-Shift2Rail adotta l-Pjan ta’ Ħidma Annwali inizjali u l-Baġit għall-2022, li komplew japplikaw għall-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea permezz tal-adozzjoni tal-hekk imsejħa “deċiżjoni omnibus” mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea; jinnota li, fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-approprjazzjonijiet tal-baġit inklużi fil-Baġit 2022 ma kinux previsti li jkopru s-sena finanzjarja sħiħa 2022, iżda li jiżguraw it-twettiq tal-attivitajiet sa ma titnieda s-sħubija l-ġdida, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, u li jiżguraw il-kontinwità tal-operat meħtieġa tal-attivitajiet;

13.

Jinnota li, fir-rigward tal-ispejjeż amministrattivi, ir-rata ta’ implimentazzjoni fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn kienet ta’ 100 % u fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 84 % (meta mqabbla ma’ 95 % fl-2021); jinnota li l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea ġġustifikat dan it-tnaqqis bil-fatt li l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea setgħet tistenna biss li tilħaq l-għadd sħiħ tal-persunal tagħha mhux qabel tmiem is-sena;

14.

Jinnota li fir-rigward tal-baġit operattiv, ir-rata ta’ implimentazzjoni kienet ta’ 100 % fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ 79 % fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament (meta mqabbla ma’ 84 % fl-2021); jifhem li r-rata ta’ implimentazzjoni tinkludi wkoll EUR 76 000 relatati mal-Evalwaturi Esperti li huma ġestiti mis-Servizzi tal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka;

15.

Jinnota li l-ammont (EUR 41,1 miljun) taħt it-Titolu 5 – Approprjazzjonijiet mhux użati mhux meħtieġa fis-sena kurrenti – stabbilit biex jappoġġja implimentazzjoni trasparenti tal-Artikolu 6.5 tar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, l-hekk imsejħa regola n+3, se jiġi riattivat fil-baġit(s) tas-sena futura u se jintuża l-ewwel;

16.

Jinnota, mill-osservazzjonijiet tal-Qorti, li l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet rikonoxxuti għal kull kategorija ta’ membri (l-Unjoni u l-membri privati) ivarjaw b’mod sinifikanti minn xulxin; jifhem li dan huwa dovut għall-fatt li l-kontribuzzjonijiet fi flus mill-UE jiġu vvalidati u rikonoxxuti meta jitħallsu lill-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea fil-bidu tal-implimentazzjoni tal-proġett, iżda l-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri jiġu rikonoxxuti biss wara l-validazzjoni tal-ispejjeż li jiġġarrbu u li jiġu ddikjarati għall-implimentazzjoni tal-proġett;

17.

Jistieden lill-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea tindirizza d-differenza bejn l-ammont rikonoxxut ta’ kontribuzzjonijiet fi flus, minn naħa waħda, u kontribuzzjonijiet in natura, min-naħa l-oħra, billi tipprovdi informazzjoni dwar l-impenji legali tal-membri tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea fi tmiem is-sena, f’termini ta’ ftehimiet ta’ għotja u kuntratti ffirmati; jilqa’ l-impenn tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea li tindirizza din l-osservazzjoni fil-kontijiet annwali tas-sena d-dieħla (2023);

18.

Jinnota, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm Orizzont 2020, li, fi tmiem l-2022, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea kienet impenjat bis-sħiħ il-kontribut operattiv massimu tal-UE ta’ EUR 384,5 miljun għal ftehimiet ta’ għotja u kuntratti ffirmati fil-qafas tal-programm Orizzont 2020; jinnota, barra minn hekk, li minn dan l-ammont impenjat, madwar EUR 68,2 miljun (jew 18 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin għal proġetti li għad iridu jitlestew;

19.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-membri privati kienu legalment impenjati li jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea ta’ EUR 320,7 miljun, u kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali ta’ EUR 244 miljun jew 123,7 % tal-mira minima ta’ EUR 456,5 miljun, u li dawn l-ammonti impenjati ġew irrapportati fl-aħħar tal-2022;

20.

Jinnota, dejjem għall-attivitajiet fil-qafas ta’ Orizzont 2020, li l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea ma rċeviet l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn operattiva ġdida peress li sa tmiem l-2021 kienet spiċċat l-aħħar sejħa għal proposti tagħha; jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament operattivi, inklużi l-approprjazzjonijiet operattivi mhux użati u riallokati, niżlet għal 47 % (meta mqabbla mal-2021: 61 %); jifhem li, skont l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, dan kien minħabba ż-żieda fl-ispejjeż u l-problemi ta’ konsenja li ffaċċjaw il-benefiċjarji b’riżultat tal-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna u li, b’konsegwenza ta’ dan, it-tul ta’ żmien tal-biċċa l-kbira tal-proġetti ta’ Orizzont 2020 kellu jiġi estiż u l-pagamenti finali ġew posposti għall-2023;

21.

Jinnota li, għall-implimentazzjoni tal-programm Orizzont Ewropa, fl-2022, il-Kummissjoni għamlet kontribuzzjonijiet fi flus ta’ EUR 108,9 miljun; jinnota li l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea kienet għalqet b’suċċess l-ewwel żewġ sejħiet fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa, u kważi użat bis-sħiħ il-parti tal-kontribuzzjoni operattiva ta’ EUR 107,5 miljun għall-prefinanzjament tal-ewwel ftehimiet ta’ għotja konklużi fl-ambitu tal-programm;

22.

Ifaħħar l-istadji kruċjali miksuba mill-Programm Shift2Rail sa tmiem l-2022, b’impenn sħiħ ta’ riżorsi u madwar 86 % tal-Programm imwettaq u 91 % f’termini ta’ eżekuzzjoni finanzjarja tal-Programm għall-2023, bil-ħsieb li jintlaħqu d-dimostrazzjonijiet operattivi TRL6/7 ippjanati għall-konklużjoni matul l-2023;

23.

Jinnota li, fir-rigward tal-kontijiet proviżorji tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, ma wasal l-ebda ċertifikat tal-awditjar dwar IKOP/IKAA 2022; jistenna l-validazzjoni ta’ IKOP 2022 wara sottomissjonijiet tal-ispejjeż tal-proġetti fi Frar 2023;

24.

Jinnota li, fl-2022, il-valur kumulattiv tal-attivitajiet mogħtija mill-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea lill-Impriża Konġunta Shift2Rail għall-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni jammonta għal EUR 619,4-il miljun u realizzat għal EUR 92 miljun;

25.

Jisħaq fuq l-importanza li tinħoloq sistema ferrovjarja sostenibbli u reżiljenti billi tiġi żviluppata sistema ferrovjarja silenzjuża u b’emissjonijiet żero u infrastruttura reżiljenti għall-klima, tiġi applikata ekonomija ċirkolari, jiġu ppilotati proċessi, teknoloġiji, disinji u materjali innovattivi fiċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi ferrovjarji u jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi oħra għat-trasport bis-superfiċje ggwidat;

26.

Jappella għal aktar appoġġ għall-attivitajiet ta’ Riċerka u Innovazzjoni biex jitwassal network ferrovjarju Ewropew integrat, jiġu eliminati l-ostakli għall-interoperabbiltà u jiġu pprovduti soluzzjonijiet għal integrazzjoni sħiħa, li jkopru l-ġestjoni tat-traffiku, il-vetturi u l-infrastruttura, u l-integrazzjoni b’gauges mhux standard (bħal ferroviji ta’ 1 520, 1 000 jew 1 668 mm, li wrew li huma importanti għall-Korsiji ta’ Solidarjetà fl-Ukrajna); jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-passiġġieri u tan-negozji, li titħaffef l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi biex tiġi appoġġjata ż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, filwaqt li jiżdiedu l-kapaċità, l-affidabbiltà u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport ferrovjarju;

27.

Jitlob li jkun hemm tranżizzjoni rapida lejn sistema ferrovjarja Ewropea aktar attraenti, faċli għall-utent, kompetittiva, affordabbli, faċli biex tinżamm, effiċjenti u sostenibbli, integrata fis-sistema usa’ tal-mobbiltà għall-appoġġ tal-iżvilupp ta’ industrija ferrovjarja Ewropea b’saħħitha u kompetittiva fil-livell dinji;

Akkwist u persunal

28.

Jinnota, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ akkwist, li l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea kkonformat mal-prinċipji tar-Regolament Finanzjarju u mal-gwida pprovduta fil-Vademecum tal-Akkwist tal-Kummissjoni, u dan wassal biex ġew implimentati attivitajiet li jiksbu l-aħjar valur għall-flus; jinnota li l-valuri stabbiliti għall-proċeduri ta’ akkwist differenti, li huma taħt kwalunkwe livell ta’ materjalità meta jitqies il-valur totali tal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-Programm, jirriżultaw mill-għarfien kollettiv tal-persunal involut u l-esperjenza tagħhom f’organizzazzjonijiet privati u pubbliċi preċedenti;

29.

Jinnota li, fl-2022, għall-proċeduri miftuħa, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea kompliet tuża l-pjattaformi tal-offerti elettroniċi u tas-sottomissjoni elettronika disponibbli mis-sit web tal-offerti elettroniċi tat-TED u aċċessibbli fuq il-portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Sejħiet għall-Offerti; jinnota li, fil-kuntest tal-istrateġija tal-akkwist elettroniku, fl-2022, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea bdiet il-proċess li tintegra l-Għodda għall-Ġestjoni tal-Akkwist Pubbliku (PPMT), l-għodda li se tissostitwixxi l-avviżi elettroniċi u l-offerti elettroniċi tat-TED (6);

30.

Jinnota li, matul l-2022, diversi dokumenti ta’ gwida u mudelli għall-proċeduri tal-akkwist komplew jiġu aġġornati mill-Kap Uffiċjal Legali (jiġifieri: kalendarju, speċifikazzjonijiet tal-offerti, ftuħ u evalwazzjoni tal-offerti, proċeduri ta’ għoti għal kuntratti ta’ valur baxx, eċċ.) biex jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea u għar-rakkomandazzjonijiet tad-DĠ BUDG, b’mod partikolari għall-proċedura ta’ sottomissjoni elettronika;

31.

Jinnota li, fl-2022, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea wettqet proċedura miftuħa ta’ sejħa għall-offerti: il-Pilastru tas-Sistema Ferrovjarja tal-Ewropa (tliet lottijiet) – kuntratti ta’ servizzi qafas għall-forniment ta’ servizzi lill-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea fl-oqsma tal-Pilastru tas-Sistema; jinnota li l-ammont totali mogħti huwa ta’ EUR 45 miljun b’EUR 4 miljun mogħtija lil-lott 1, EUR 37 miljun mogħtija lil-lott 2 u EUR 4 miljun mogħtija lil-lott 3 (7);

32.

Jinnota li t-Titolu 1 u t-Titolu 2 tal-baġit ġew eżegwiti sa 100 %, u t-Titolu 1 (Nefqa fuq il-Persunal) intuża prinċipalment għas-salarji tal-persunal; jinnota li, matul is-sena, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għamlet ukoll użu mill-appoġġ estern biex timla l-lakuni sakemm jiġu ffinalizzati r-reklutaġġi tal-persunal u tlaħħaq mal-ammont ta’ xogħol relatat mal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea;

33.

Jinnota li, fi tmiem l-2022, imtlew 28 pożizzjoni;

34.

Jinnota li t-Tabella tal-Persunal attwali tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea ġiet adottata mill-Bord ta’ Tmexxija fl-1 ta’ Marzu 2022, li introduċiet pożizzjonijiet ta’ aġenti temporanji fir-rigward tar-rwol il-ġdid tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea fil-Pilastru tas-Sistema u biex jissaħħaħ aktar l-appoġġ għall-attivitajiet ta’ politika bil-Programm integrat tagħha ta’ riċerka u innovazzjoni;

35.

Jinnota li, skont it-Tabella tal-Persunal, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandu jkollha 29 membru tal-persunal li jinkludu żewġ esperti nazzjonali sekondati; jinnota li, fl-2022, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-pożizzjonijiet vakanti kienu qed jimtlew progressivament, u ma kien hemm l-ebda membru tal-persunal li telaq, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea xorta rat xi membri tal-persunal jitilqu b’mod temporanju; jinnota li biex jimtlew il-lakuni temporanji jew l-assenzi fit-tul, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għamlet ukoll użu mill-kompetenzi u mill-għarfien espert esterni biex twettaq l-attivitajiet operattivi tagħha, kif ukoll mill-esternalizzazzjoni temporanja ta’ xi kompiti amministrattivi;

36.

Jinnota li mir-Rapport Annwali tal-Attività Konsolidat tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, għadu mistenni li jsir titjib fir-rigward tal-bilanċ bejn il-ġeneri, fil-bord ta’ tmexxija kif ukoll fil-livelli l-oħra kollha tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea; jinnota li fl-2022, għall-bord ta’ tmexxija l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea kellha 28 (58 %) raġel u 21 (42 %) mara; jinnota li l-proporzjon bejn il-ġeneri fil-livell tal-maniġment tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea kien ta’ 78 % rġiel u 22 % nisa u l-persunal kollu kien magħmul minn 65 % rġiel u 35 % nisa; jilqa’ l-fatt li l-bord ta’ tmexxija ħatar it-tieni pożizzjoni ta’ Kap tal-Unità mara għat-tim maniġerjali tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea; jissuġġerixxi li l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea tkompli ttejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri u tistinka għal proporzjon ġeografiku bbilanċjat f’dan ir-rigward;

Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

37.

Jirrikonoxxi l-fatt li, għan-nefqa fil-qafas ta’ Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa, is-Servizz tal-Awditjar Komuni tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Kummissjoni (DĠ RTD) huwa responsabbli mill-awditi ex post; jinnota li, għan-nefqa fil-qafas ta’ Orizzont 2020 (ikklerjar u pagamenti finali), l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea rrapportat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 2,2 % u rata tal-iżball residwu ta’ 1,3 %;

38.

Jinnota li, għall-programm Orizzont Ewropa, għad iridu jitwettqu awditi ex post peress li l-ewwel pagamenti interim huma mistennija biss fl-2024;

39.

Jinnota li, sabiex tivvaluta l-kontrolli tal-pagamenti operattivi tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, il-Qorti awditjat kampjun aleatorju ta’ pagamenti fil-qafas ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2022, fil-livell tal-benefiċjarji finali (8); jinnota li, għal każ wieħed, il-Qorti sabet u kkwantifikat żball serju li rriżulta minn spiża tal-persunal mitluba b’mod eċċessiv minħabba li l-benefiċjarju qies spejjeż indiretti fil-bażi għall-kalkolu tar-rati ta’ kostijiet unitarji taċ-ċentri tal-ispejjeż; jinnota li, madankollu, dawn l-ispejjeż huma koperti mir-rata fissa ta’ 25 % għal spejjeż indiretti;

40.

Jinnota li, filwaqt li fuq bażi ad hoc l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea wettqet kontrolli ex ante bbażati fuq ir-riskju rigward proġetti riskjużi, hija kienet għadha ma implimentatx approċċ strutturat ibbażat fuq ir-riskju għall-kontrolli ex ante sa tmiem l-2022; jinnota, b’mod partikolari, li l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea ma kinitx allinjat il-kontrolli ex ante mal-fatturi ta’ riskju għoli identifikati minn valutazzjonijiet tar-riskju mmirati u li ma kinitx żviluppat gwida prattika interna dwar kif għandu jiġi implimentat monitoraġġ ibbażat fuq ir-riskju, fosthom istruzzjonijiet dwar kif il-persunal għandu juża l-modulu tal-ġestjoni tar-riskju disponibbli fil-COMPASS;

41.

Konsegwentement, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea ma żguratx valutazzjoni kompleta u armonizzata tar-riskji rilevanti tal-proġetti tagħha b’rabta mal-proġetti u mal-benefiċjarji, u dan jista’ jirriżulta f’kontrolli ex ante ineffiċjenti u/jew ineffettivi li jżidu r-riskju ta’ kofinanzjament ta’ spejjeż ineliġibbli, nuqqas ta’ ksib tal-objettivi tal-proġetti, dewmien fil-proġetti jew saħansitra fallimenti tal-proġetti;

42.

Itenni l-appell tal-Qorti biex tittieħed azzjoni b’rabta mal-fatt li l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandha timplimenta approċċ strutturat ibbażat fuq ir-riskju għall-kontrolli ex ante li jkopru r-riskji rilevanti relatati mal-proġett u mal-benefiċjarju; jaqbel, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandha tiżviluppa gwida interna u prattika dwar kif għandu jiġi implimentat monitoraġġ ibbażat fuq ir-riskju fil-livell tal-proġetti u f’dak tal-benefiċjarji, u kif il-persunal għandu juża l-modulu tal-ġestjoni tar-riskju disponibbli fil-COMPASS;

43.

Jistieden lill-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea tindirizza d-dgħufijiet fl-użu tal-għodda ta’ monitoraġġ imsaħħaħ; jaqbel li l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandha tiżgura li l-azzjonijiet kollha ta’ monitoraġġ imsaħħaħ ikunu akkumpanjati minn azzjonijiet ta’ kontroll speċifiċi mmirati lejn ir-riskji identifikati, u li jingħatalhom segwitu f’data ta’ skadenza predefinita;

44.

Jinnota li l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea tixtieq tissottolinja li r-riskju ta’ żbalji fil-pagamenti ta’ għotjiet ta’ Orizzont 2020 kien immitigat ħafna bl-użu ta’ somom f’daqqa;

45.

Jinnota, b’mod partikolari, li l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea żgurat somom f’daqqa raġonevoli billi użat esperti finanzjarji matul il-proċeduri ta’ evalwazzjoni tas-sejħiet u investigat u nnegozjat bir-reqqa l-elementi kollha tal-ispiża li l-esperti finanzjarji qajmu dubju dwarhom matul il-fażi ta’ tħejjija tal-ftehim ta’ għotja, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017)7151 tas-27 ta’ Ottubru 2017 dwar l-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ rimborż abbażi ta’ somma f’daqqa għall-ispejjeż eliġibbli ta’ azzjonijiet fl-ambitu tal-Programm Qafas Orizzont 2020;

46.

Jinnota b’sodisfazzjon, li l-Impriża Konġunta, filwaqt li għandha proċeduri inkorporati għall-identifikazzjoni ex ante ta’ fatturi ta’ riskju għoli għall-ftehimiet ta’ għotja ta’ Orizzont 2020, tirrikonoxxi li dawn il-proċeduri jistgħu jkunu allinjati aħjar mal-gwida tal-Kummissjoni dwar il-kontrolli ex ante bbażati fuq ir-riskju;

Segwitu għall-osservazzjonijiet mis-snin preċedenti

47.

Jinnota li l-osservazzjonijiet fir-rapporti annwali speċifiċi tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea huma fil-fatt “rakkomandazzjonijiet mhux f’waqthom” mill-Qorti; jinnota li l-QEA ssegwi kull sena dawk l-osservazzjonijiet billi tivvaluta l-istatus tagħhom bħala “miftuħa” jew “magħluqa”;

48.

Jinnota li, fir-rigward taż-żewġ osservazzjonijiet tal-Qorti għall-2021, waħda għadha miftuħa – hija kienet tikkonċerna r-rata baxxa ta’ implimentazzjoni għall-baġit tal-pagamenti operattivi disponibbli tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għall-2021, inklużi approprjazzjonijiet operattivi mhux użati u riallokati (naqset għal 61 %, meta mqabbla mal-2020: 76 %);

49.

Jinnota li din is-sitwazzjoni kienet prinċipalment ikkawżata mill-kwalità ħażina tar-rapporti tekniċi tal-benefiċjarji u l-ħtieġa ta’ evidenza addizzjonali li tikkonferma l-kisba tar-riżultati tal-proġett u l-fatt li d-dewmien ta’ benefiċjarju uniku jaffettwa l-ħlas tal-ammont sħiħ ta’ somma f’daqqa;

50.

Japprezza li, fl-2022, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea żviluppat pjan ta’ azzjoni biex ittejjeb ir-rapportar finanzjarju tal-benefiċjarji, li huwa importanti b’mod partikolari għar-rimborżi abbażi ta’ somma f’daqqa għall-ispejjeż eliġibbli ta’ azzjonijiet fejn id-dewmien ta’ benefiċjarju wieħed jaffettwa l-pagament tal-ammont sħiħ ta’ somma f’daqqa.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).

(2)  L-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea: Ir-Rapport Annwali tal-Attività Konsolidat 2022 – https://rail-research.europa.eu/wp-content/uploads/2023/06/GB-Decision_07_2023_Annex_AAR_22.pdf

(3)  EUR 13,6-il miljun u EUR 68,4 miljun rispettivament għall-2021.

(4)  Ir-rapport tal-QEA (p. 106), https://www.eca.europa.eu/ECAPublications/SAR-JUS-2022/RAS-Jus-FY2022_MT.pdf

(5)  Titolu 1 – Nefqa għall-persunal; Titolu 2 – Nefqa għall-infrastruttura u operatorja; Titolu 3 u 4 – Nefqa operattiva.

(6)  Il-proċess ta’ integrazzjoni huwa skedat li jiġi ffinalizzat bejn l-ewwel u t-tieni trimestru tal-2023.

(7)  L-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea fl-oqsma tal-grupp ewlieni tal-Pilastru tas-Sistema (lott 1), l-għarfien espert tal-Pilastru tas-Sistema (lott 2) u l-attivitajiet ta’ manutenzjoni tat-TSI tas-CCS (lott 3) konklużi fit-12 ta’ Lulju 2022 mal-Konsorzju tal-Pilastru tas-Sistema tal-kuntrattur(għat-tliet lottijiet) L-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea: Ir-Rapport Annwali tal-Attività Konsolidat 2022 (p. 131-132).

(8)  Rigward it-tranżazzjonijiet ta’ pagamenti ta’ għotjiet ittestjati fil-livell tal-benefiċjarji, is-soll ta’ rapportar għal żbalji kwantifikabbli huwa ta’ 1 % tal-ispejjeż awditjati (rapport tal-QEA, p. 110).


ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2377/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)