11.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 290/26


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1886

tas-7 ta’ Novembru 2019

li temenda d-Deċiżjoni 2010/346/UE dwar ir-reġjonalizzazzjoni tar-Rumanija għall-applikazzjoni tal-miżuri protettivi fir-rigward tal-anemija infettiva taż-żwiemel

(notifikata bid-dokument CC(2019) 7873)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju applikabbli għall-kummerċ intra-Unjoni ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-anemija infettiva taż-żwiemel (“EIA”) hija marda virali li taffettwa biss lill-annimali tal-familja Equidae. Il-perjodu ta’ inkubazzjoni normalment ikun bejn ġimgħa u tliet ġimgħat, iżda jista’ jkun twil sa tliet xhur. L-Equidae infettati jibqgħu infettati għal dejjem u jistgħu potenzjalment jittrażmettu l-infezzjoni lil equidae oħrajn. L-infezzjoni bl-EIA għandha tendenza li ma tidhirx jekk il-mewt ma tirriżultax minn wieħed mill-attakki kliniċi akuti waqt il-viremija, u b’hekk il-probabbiltà ta’ trażmissjoni tikber b’mod sostanzjali. It-trażmissjoni lokali sseħħ bi trasferiment tad-demm minn annimal ekwin infettat permezz ta’ tmigħ interrott ta’ xidjiet li jerdgħu d-demm, u in utero lill-fetu. Il-mezz ewlieni tat-tixrid fuq distanza kbira tal-marda huwa l-moviment tal-annimali infettati, is-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom, u l-użu ta’ siringi kontaminati jew l-infużjoni ta’ prodotti ta’ demm li fihom il-virus.

(2)

L-EIA hija marda notifikabbli b’mod obbligatorju skont l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE (2). Barra minn hekk, id-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE (3) tistipula li t-tifqigħat ta’ EIA għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra permezz tas-Sistema ta’ Notifika tal-Mard tal-Annimali (“ADNS”).

(3)

Kuntrarjament għas-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali fi Stati Membri oħra, l-EIA hija endemika f’ċerti partijiet tar-Rumanija u l-programm ta’ eradikazzjoni nazzjonali għadu ma tlestiex. Għal din ir-raġuni, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/346/UE (4) tipprevedi miżuri protettivi fir-rigward tal-anemija infettiva taż-żwiemel fir-Rumanija.

(4)

Madankollu, fil-laqgħa ta’ Ġunju 2019 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, l-awtoritajiet kompetenti tar-Rumanija ppreżentaw rapport tas-sitwazzjoni lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni li wera li sar progress b’mod ġenerali fl-eradikazzjoni tal-marda u li ċerti partijiet tar-Rumanija baqgħu ħielsa mill-marda għal aktar minn 12-il xahar jew il-prevalenza tal-marda baqgħet fil-limiti osservati reġjonalment fi Stati Membri oħra. Għalhekk, jixraq li tiġi ddefinita l-parti tat-territorju tar-Rumanija li fir-rigward tagħha għandhom jiġu applikati l-miżuri protettivi stipulati fid-Deċiżjoni 2010/346/UE.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni 2010/346/UE jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2010/346/UE huwa sostitwit bl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ ekwidi (ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE tal-21 ta' Diċembru 1982 dwar in-notifika ta’ mard tal-annimali fil-Komunità (ĠU L 378, 31.12.1982, p. 58).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/346/UE tat-18 ta’ Ġunju 2010 dwar miżuri protettivi fir-rigward tal-anemija infettiva taż-żwiemel fir-Rumanija (ĠU L 155, 22.6.2010, p. 48).


ANNESS

“ANNESS

Reġjuni kif imsemmija fl-Artikolu 1(1)(e):

Stat Membru

Reġjun

Kumment

Ir-Rumanija

Bihor

 

 

Satu Mare

 

 

Maramureș

 

 

Bistriț-Năsăud

 

 

Sălaj

 

 

Cluj

 

 

Mureș

 

 

Harghita

 

 

Alba

 

 

Sibiu

 

 

Brașov

 

 

Hunedora

 

 

Caraș-Severin

 

 

Gorj

 

 

Vâlcea

 

 

Tulcea

 

”