|
28.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 190/8 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1560
tal-20 ta’ Lulju 2023
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika għal ftehim dwar it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista għal minerali kritiċi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti”) għandhom l-ikbar relazzjoni kummerċjali u ta’ investiment bilaterali u dik l-aktar profonda fid-dinja u għandhom ekonomiji integrati ħafna. |
|
(2) |
Fis-16 ta’ Awwissu 2022, l-Istati Uniti ppromulgaw l-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni li jemenda, fost l-oħrajn, it-Taqsima 30D tal-Kodiċi tad-Dħul Intern tal-Istati Uniti (il-“Kreditu għal Vetturi Nodfa”). Fin-nuqqas ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti, il-konklużjoni ta’ ftehim immirat dwar il-minerali kritiċi jenħtieġ li tippermetti li l-minerali kritiċi rilevanti estratti jew ipproċessati fl-UE jgħoddu għar-rekwiżiti tal-Kreditu għal Vetturi Nodfa. |
|
(3) |
Minbarra t-trawwim tal-ktajjen tal-provvista bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-minerali kritiċi meħtieġa fil-produzzjoni tal-batteriji tal-vetturi elettriċi, il-konklużjoni ta’ ftehim immirat dwar il-minerali kritiċi tirrappreżenta pass ġdid fit-tkabbir u fl-approfondiment tar-relazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Istati Uniti. |
|
(4) |
Jenħtieġ li għalhekk jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim dwar il-minerali kritiċi mal-Istati Uniti, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni Ewropea, mal-Istati Uniti tal-Amerika għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista ta’ minerali kritiċi.
Artikolu 2
In-negozjati għandhom jitwettqu abbażi tad-direttivi ta’ negozjar tal-Kunsill stabbiliti fl-Addendum ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Il-Kummissjoni għandha twettaq negozjati b’konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Politika Kummerċjali kif previst fl-Artikolu 207(3), it-tielet subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES