13.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 445/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2193

tat-13 ta’ Diċembru 2021

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(2)

Fid-dawl tal-involviment tal-Grupp Wagner, entità militari privata mhux inkorporata bbażata fir-Russja, fl-Ukrajna, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li tliet persuni jinżdiedu mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(3)

Għalhekk l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-persuni elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament għandhom jinżdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.


ANNESS

Il-persuni li ġejjin jinżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“201.

Dimitriy (Dimitry, Dmitri, Dmitry) Valerievich UTKIN

(Дмитрий Валерьевич УТКИН)

Pożizzjoni(jiet): Fundatur u Kmandant tal-Grupp Wagner; Kap Eżekuttiv ta’ Concord Management and Consulting

Grad: Logutenent Kurunell (militar Russu)

Sinjal tas-sejħa: Vagner/Wagner

Data tat-twelid: 1.6.1970 jew 11.6.1970

ID tal-Grupp Wagner: M-0209

Post tat-twelid: Asbest, Sverdlovsk Oblast, ex USSR (ex Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi) (issa l-Federazzjoni Russa)

Nazzjonalità: Russa

Indirizz: Pskov, il-Federazzjoni Russa

Ġeneru: maskil

Dimitriy Utkin, eks uffiċjal tal-intelligence militari Russa (GRU), huwa l-fundatur tal-Grupp Wagner u huwa responsabbli għall-koordinazzjoni u l-ippjanar tal-operazzjonijiet għall-iskjerament tal-merċenarji tal-Grupp Wagner fl-Ukrajna.

Fil-pożizzjoni ta’ kmand tiegħu fi ħdan il-Grupp Wagner, huwa kien personalment preżenti fuq il-post tal-ġlied fl-Ukrajna billi kkoordina u ppjana l-attivitajiet tal-membri ta’ Wagner.

Minħabba l-pożizzjoni ta’ kmand tiegħu, huwa għalhekk responsabbli għal azzjonijiet li dgħajfu u heddew l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna u implimentahom b’mod attiv.

13.12.2021

202.

Denis Yurievich KHARITONOV

(Денис Юрьевич ХАРИТОНОВ)

Pożizzjoni(jiet): Viċi kap reġjonali tal-fergħa ta’ Astrakhan tal-Unjoni tal-Voluntiera ta’ Donbass; membru tad-Duma ta’ Astrakhan Oblast; merċenarju tal-Grupp Wagner

Data tat-twelid: 16.3.1980

Post tat-twelid: Astrakhan Oblast, SFSR Russa

Nazzjonalità: Russa

Passaport: 76 2759110

Maħruġ minn MVD 30001

Data ta’ skadenza: 10.3.2030

Indirizz: Il-villaġġ ta’ Ilyinka, Astrakhan Oblast, il-Federazzjoni Russa

Ġeneru: maskil

Denis Kharitonov huwa viċi kap reġjonali tal-fergħa ta’ Astrakhan tal-Unjoni tal-Voluntiera ta’ Donbass, membru tad-Duma ta’ Astrakhan Oblast u merċenarju tal-Grupp Wagner.

Huwa ġġieled f’Donbas fil-battaljun separatista ta’ Steppe, fejn ikkmanda platun ta’ kumpless ta’ missili kontra l-inġenji tal-ajru portabbli. Huwa ammetta li personalment waqqa’ ħelikopter Ukren u żewġ inġenji tal-ajru Su-25 waqt li kien qiegħed Donbas.

Huwa rċieva l-Ordni tal-Mertu tal-Federazzjoni Russa għall-Patrija. Huwa rċieva wkoll premjijiet interni tal-Grupp Wagner kif ukoll premjijiet mill-kap tal-Unjoni tal-Voluntiera ta’ Donbas u eks Prim Ministru tal-hekk imsejħa Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk (DPR) Alexander Borodai (soġġett għal miżuri restrittivi abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK). B’hekk huwa appoġġa b’mod attiv azzjonijiet u implimenta politiki li jipperikolaw u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

13.12.2021

203.

Sergey Vladimirovich SHCHERBAKOV

(Сергей Владимирович ЩЕРБАКОВ)

Pożizzjoni(jiet): Impjegat freelance tal-GRU Russu u merċenarju tal-grupp Wagner

Data tat-twelid: 21.7.1981

Nazzjonalità: Russa

Indirizz: Possibbilment: Astrakhan, Kirovskiy rayon, Raskolnikova 11 app. 5, il-Federazzjoni Russa

Ġeneru: maskil

Sergey Shcherbakov huwa impjegat freelance tal-GRU Russu u merċenarju tal-Grupp Wagner.

Huwa ġġieled f’Donbas għall-forzi separatisti favur ir-Russja bħala membru ta’ unità militari ta’ kumpless ta’ missili kontra l-inġenji tal-ajru portabbli fil-battaljun separatist ta’ Steppe favur ir-Russja li waqqgħu ħelikopter Ukren u żewġ inġenji tal-ajru Su-25 f’Donbas. B’hekk huwa appoġġa b’mod attiv azzjonijiet u implimenta politiki li jipperikolaw u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

13.12.2021”.