Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SPIELMANN
ippreżentati fit‑18 ta’ Diċembru 2025 (1)
Kawża C‑580/24 [Tsachkov] (i)
Proċeduri kriminali
kontra
LY
fil-preżenza ta’:
Sofiyska gradska prokuratura
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 6 – Dritt għal-libertà u għas-sigurtà – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 12 u Artikolu 23(5) – Żamma taħt detenzjoni tal-persuna rikjesta – Artikolu 5(1)(f) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali – Ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem”
Introduzzjoni
1. Permezz ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (3) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”). B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà, fid-dawl tal-Artikolu 12 u tal-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi, b’mod awtomatiku u ġenerali, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tordna d-detenzjoni, f’faċilità korrettiva, tal-persuna rikjesta b’effett mid-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u sal-konsenja effettiva tagħha lill-Istat Membru emittenti, mingħajr ebda teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi individwali tal-każ.
2. It-talba għal deċiżjoni preliminari tqum fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti tar-Repubblika tal-Awstrija għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali għal serq aggravat kontra ċittadin Bulgaru residenti fil-Bulgarija. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk għandhiex, fil-mument li hija tieħu deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha u tordna simultanjament id-detenzjoni tal-persuna rikjesta, jew jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dan fid-dawl tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 dwar iż-żamma tal-persuna rikjesta f’detenzjoni jew il-ħelsien tagħha taħt miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tal-ħrib, u mill-Artikolu 23(5) tal-imsemmija deċiżjoni qafas dwar il-ħelsien mal-iskadenza tat-termini ta’ konsenja.
3. Għalhekk, din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tippreċiża l-portata tas-setgħat tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fil-qasam ta’ ċaħda tal-libertà matul il-fażi ta’ konsenja u li teżamina jekk japplikax ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni individwalizzata tal-każ ikkonċernat.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
4. Il-premessi 5 u 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprovdu:
“(5) L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.
(6) Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.”
5. L-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, huwa fformulat kif ġej:
“1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.
3. Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”
6. Skont l-Artikolu 12 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Iż-żamma tal-persuna f’detenzjoni”:
“Meta persuna tiġi arrestata abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-persuna rikjesta għandhiex tibqa’ f'detenzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni. Il-persuna tista’ tiġi meħlusa proviżorjament fi kwalunkwe ħin f’konformità mal-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tieħu l-miżuri kollha li tikkunsidra meħtieġa biex tippreveni li l-persuna taħrab.”
7. L-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Limiti ta’ żmien u proċeduri għad-deċiżjoni tal-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprevedi dan li ġej:
“1. Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza.
2. F’każijiet fejn il-persuna rikjesta tagħti l-kunsens għall-konsenja tagħha, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 10 ijiem mill-għoti tal-kunsens.
3. F’każijiet oħra, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 60 jum wara l-arrest tal-persuna rikjesta.
4. Fejn f’każijiet speċifiċi l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jiġi esegwit fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b’dan, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F’dan il-każ, il-limiti ta’ żmien jistgħu jiġu estiżi b’30 jum ieħor.
[...]”
8. Skont l-Artikolu 23 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Limiti ta’ żmien għall-konsenja tal-persuna”:
“1. Il-persuna rikjesta għandha tiġi konsenjata malajr kemm jista’ jkun f’data miftehma bejn l-awtoritajiet ikkonċernati.
2. Il-persuna għandha tiġi konsenjata mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.
3. Jekk il-konsenja tal-persuna rikjesta fil-perjodu stabbilit fil-paragrafu 2 ma tħallietx minħabba ċirkostanzi li mhumiex fil-kontroll ta’ l-ebda mill-Istati Membri, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ esekuzzjoni u dawk emittenti għandhom jagħmlu immedjatament kuntatt ma’ xulxin u jiftehmu dwar data ta’ konsenja ġdida. F’dak il-każ, il-konsenja għandha ssir fi żmien 10 ijiem mid-data l-ġdida hekk miftehma.
4. Il-konsenja tista’ eċċezzjonalment tiġi posposta temporanjament għal raġunijiet umanitarji serji, per eżempju jekk hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li dan ipoġġi manifestament f’perikolu l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna rikjesta. L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha sseħħ malli dawn ir-raġunijiet ma jibqgħux jeżistu. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti u tiftiehem fuq data ta’ konsenja ġdida. F’dak il-każ, il-konsenja għandha seħħ fi żmien 10 ijiem mid-data l-ġdida hekk miftiehma.
5. Ma’ l-iskadenza tal-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4, jekk il-persuna għadha qed tinżamm f’kustodja hija għandha tinħeles.”
9. L-Artikolu 24 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Konsenja posposta jew kondizzjonali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’, wara li tiddeċiedi li tesegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, tipposponi l-konsenja tal-persuna rikjesta biex il-persuna tkun tista’ tiġi pproċessata fl-Istat Membru ta’ esekuzzjoni jew, jekk hi diġà ġiet mogħtija sentenza, sabiex tkun tista’ tiskonta, fit-territorju tagħha, sentenza mogħtija għal att minbarra dak imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew.”
10. L-Artikolu 26 ta’ din l-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Tnaqqis fil-perjodu ta’ detenzjoni skontat fl-Istat Membru ta’ esekuzzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-Istat Membru emittenti għandu jnaqqas il-perjodi kollha ta’ detenzjoni li jirriżultaw mill-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-perjodu totali ta’ detenzjoni li għandu jiġi skontat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat bħala riżultat ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni li qed tingħata.”
Id-dritt Bulgaru
Iz-ZEEZA
11. Iz-Zakon za ekstraditsiata i evropeyskata zapoved za arest (il-Liġi dwar l-Estradizzjoni u l-Mandat ta’ Arrest Ewropew) (iktar ’il quddiem iz-“ZEEZA”) (4) timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Iz-ZEEZA tipprovdi, fl-Artikolu 42(1) u (2) tagħha, li, meta mandat ta’ arrest Ewropew jiġi riċevut b’mod effettiv, il-persuna rikjesta titqiegħed taħt detenzjoni mill-pulizija għal 72 siegħa, f’każ ta’ legalità formali tal-mandat ta’ arrest Ewropew.
12. Skont l-Artikolu 43(1) u (2) taz-ZEEZA, malli tinbeda l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, il-qorti għandha tevalwa jekk il-persuna rikjesta għandhiex tinżamm f’detenzjoni. Id-detenzjoni ma hijiex meħtieġa b’mod mandatorju matul din il-proċedura.
13. Skont l-Artikolu 43(7) taz-ZEEZA, jekk il-persuna rikjesta tkun tqiegħdet f’detenzjoni, hija tista’ tressaq talba għall-ħelsien sakemm il-proċedura ta’ rikonoxximent tal-mandat Ewropew tkun pendenti. Dik it-talba għandha tintlaqa’ jekk id-detenzjoni tagħha ma tirriżultax neċessarja.
14. It-tieni sentenza tal-Artikolu 44(7) taz-ZEEZA hija fformulata kif ġej:
“Fi kwalunkwe każ, meta tawtorizza l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-qorti għandha tordna t-tqegħid taħt detenzjoni provviżorja tal-persuna rikjesta sakemm din tiġi effettivament ikkonsenjata lill-Istat emittenti.”
15. Skont l-Artikolu 54(1) taz-ZEEZA, il-konsenja għandha sseħħ fi żmien għaxart ijiem minn meta d-deċiżjoni ta’ konsenja tkun saret definittiva. Skont l-Artikolu 54(2) taz-ZEEZA, dan it-terminu jista’ jiġi estiż jekk ikun hemm impediment oġġettiv għall-konsenja. Il-ħelsien tal-persuna rikjesta huwa awtorizzat biss jekk ma tistax isseħħ il-konsenja.
Iz-ZINZS
16. Skont l-Artikolu 260 taz-Zakon za izpalnenie na nakazaniata i zadarzhaneto pod strazha (il-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni tal-Pieni u d-Detenzjoni Provviżorja) (iktar ’il quddiem iz-“ZINZS”) (5):
“1. Il-persuni li huma detenuti għall-finijiet ta’ konsenja magħmula fuq talba ta’ Stat barrani għandhom ukoll jitqiegħdu l-ħabs [...]
2. Sakemm tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ konsenja lill-Istat barrani, [...] il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ikollhom id-drittijiet li jgawdu l-imputati u l-akkużati kif stabbiliti minn din il-liġi.”
Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
17. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Eisenstadt (l-Awstrija) adixxa lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), li hija l-qorti tar-rinviju, b’mandat ta’ arrest Ewropew tal‑4 ta’ Lulju 2024 li kien jitlob il-konsenja ta’ LY (iktar ’il quddiem il-“persuna rikjesta”), ċittadin Bulgaru, li jirrisjedi b’mod permanenti fil-Bulgarija, għall-finijiet tal-iżvolġiment ta’ proċeduri kriminali għal serq aggravat bi żgass ta’ 61 tajer komplet, b’valur ta’ EUR 150 990.
18. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, fis‑26 ta’ Lulju 2024, ħarġet mandat ta’ arrest kontra l-persuna rikjesta fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija. Din ġiet arrestata fl‑4 ta’ Awwissu 2024. Fis‑7 ta’ Awwissu 2024, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li ma kienx hemm riskju ta’ ħrib u stabbilixxiet, bħala miżura kawtelatorja, garanzija ta’ ammont ta’ 1 000 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 511). Il-persuna rikjesta ġiet meħlusa.
19. Il-persuna rikjesta dehret personalment, assistita mill-avukat tagħha, fis-seduti tad‑9 u tat‑30 ta’ Awwissu 2024. Permezz ta’ dan tal-aħħar, hija indikat li kienet ser tagħti l-kunsens għall-konsenja tagħha lill-awtoritajiet ġudizzjarji Awstrijaċi fl-iqsar żmien possibbli, filwaqt li ppreċiżat li kienet astjeniet preċedentement milli tagħti tali kunsens minħabba r-riskju li tiġi suġġetta, matul l-istennija tal-konsenja, għal miżura ta’ detenzjoni ta’ tul potenzjalment sinjifikattiv. Konsegwentement, hija talbet permess tmur liberament l-Awstrija, fejn għandha avukat awtorizzat, sabiex tippreżenta ruħha volontarjament quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dak l-Istat Membru bl-assistenza tiegħu.
20. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-proposta magħmula mill-persuna rikjesta tmur kontra n-natura stess tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jipprovdi li l-qorti għandha tagħti deċiżjoni dwar il-konsenja tal-persuna rikjesta u, sussegwentement, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandhom jittrasferixxu l-persuna rikjesta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti.
21. Il-qorti tar-rinviju tikkondividi l-analiżi tad-difiża li d-detenzjoni tal-persuna rikjesta immedjatament wara l-għoti tad-deċiżjoni ta’ konsenja ma tistax titqies li hija neċessarja għat-twettiq effettiv tagħha. Tali miżura, li tista’ testendi għal diversi jiem, jew saħansitra għal iktar minn ġimgħa, u li tiġi eżegwita f’faċilità korrettiva, tikkostitwixxi ksur sproporzjonat tal-libertà tal-persuna meta mqabbel mal-għan imfittex.
22. Id-dritt Bulgaru jobbliga lill-qorti tar-rinviju, fil-mument li tagħti d-deċiżjoni ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li tqiegħed lill-persuna rikjesta taħt detenzjoni u tibgħatha f’faċilità korrettiva. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk dawn il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni humiex konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
23. Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-detenzjoni obbligatorja, il-mandat ta’ arrest Ewropew jimplika neċessarjament, min-natura tiegħu stess, li l-persuna rikjesta tiġi arrestata, peress li l-arrest huwa distint mill-konsenja. Konsegwentement, huwa inevitabbli li l-persuna rikjesta tiġi arrestata tal-inqas fil-mument tal-konsenja. Madankollu, ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma teżiġi li dan l-arrest iseħħ b’mod mandatorju fl-istadju proċedurali li jippreċedi l-konsenja fiżika tal-persuna rikjesta.
24. L-ewwel nett, l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi bħala regola ġenerali li kemm id-detenzjoni u kemm ir-rilaxx huma possibbli, bl-għażla tal-miżura kawtelatorja xierqa tiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. Konsegwentement, id-detenzjoni hija possibbli, iżda mhux obbligatorja.
25. It-tieni nett, l-espressjoni “[i]l-persuna tista’ tiġi meħlusa proviżorjament fi kwalunkwe ħin f’konformità mal-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni” tfisser li l-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni għandha tipprevedi possibbiltà ta’ ħelsien “fi kwalunkwe ħin”.
26. It-tielet nett, l-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dwar il-perijodu bejn l-għoti ta’ deċiżjoni definittiva ta’ konsenja u l-konsenja attwali, jindika t-termini “jekk il-persuna għadha qed tinżamm f’kustodja”, li jfisser li huwa possibbli li l-persuna rikjesta ma tkunx detenuta matul dan il-perijodu.
27. Għal dawn ir-raġunijiet, u fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tqis li t-tieni sentenza tal-Artikolu 44(7) taz-ZEEZA tikser l-Artikolu 12 u l-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, peress li dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jipprekludu d-detenzjoni obbligatorja tal-persuna rikjesta matul il-perijodu bejn l-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja għall-konsenja tagħha u l-konsenja fiżika nnifisha, anki jekk, mill-bidu nett ma jkunx hemm riskju li l-persuna rikjesta taħrab jew li l-konsenja tagħha ssir impossibbli. F’tali każ, id-detenzjoni tkun oġġettivament neċessarja fil-mument tal-konsenja biss.
28. Fit-tieni lok, fir-rigward tad-detenzjoni f’faċilità korrettiva, konformement mad-dritt Bulgaru, jekk il-qorti tar-rinviju tordna d-detenzjoni tal-persuna rikjesta, din titqiegħed f’faċilità korrettiva sakemm tiġi effettivament ikkonsenjata. Konsegwentement, hija tagħmel numru ta’ ġranet, ġimgħa jew iktar hemmhekk u tiġi suġġetta għall-istess sistema ta’ detenzjoni bħall-persuni li huma detenuti fuq il-bażi tal-Artikolu 5(1)(ċ) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (6). Tqum il-kwistjoni dwar jekk it-tqegħid f’faċilità korrettiva huwiex konformi man-natura tad-detenzjoni awtorizzata mill-Artikoli 12 u l-Artikolui 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
29. Minkejja l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-qorti tar-rinviju tqis li jeżistu wkoll argumenti favur il-konformità tad-dritt Bulgaru mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
30. B’mod partikolari, skont il-qorti tar-rinviju, jista’ jitqies li d-detenzjoni obbligatorja fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi eżekuzzjoni tad-detenzjoni li ġiet ordnata bis-saħħa tal-mandat ta’ arrest nazzjonali għall-finijiet tal-proċeduri kriminali fl-Istat Membru emittenti. Fil-fatt, il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq mandat ta’ arrest nazzjonali u jikkostitwixxi biss strument ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest nazzjonali fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Dan il-mandat ta’ arrest nazzjonali huwa, permezz tal-mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll tal-mekkaniżmu marbut miegħu ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, kif stabbilit bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, suġġett għal stħarriġ limitat tal-legalità tiegħu mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.
31. Is-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistabbilixxi proċedura ta’ konsenja tal-persuni rikjesti għall-finijiet tal-iżvolġiment ta’ proċeduri kriminali li hija kwalitattivament differenti mill-estradizzjoni tradizzjonali, minħabba li hija bbażata fuq fiduċja reċiproka u rikonoxximent reċiproku tal-mandati ta’ arrest adottati minn qorti nazzjonali estera. Din hija wkoll l-oriġini tal-prinċipju mħaddan fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, li skontu kull mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi eżegwit, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet, limitati fil-portata tagħhom u ta’ interpretazzjoni stretta, għar-rifjut tal-eżekuzzjoni tiegħu. Dan il-prinċipju ma jeżistix fil-każ ta’ estradizzjoni.
32. Dawn l-argumenti jwasslu għall-konklużjoni li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-konsenja tal-persuna rikjesta, kemm id-detenzjoni obbligatorja tal-persuna rikjesta kif ukoll il-fatt li tintbagħat f’faċilità korrettiva.
33. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“Hija konformi mal-Artikoli 12 u 23(5) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tieħu d-deċiżjoni li tirrikonoxxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-iżvolġiment ta’ proċedura kriminali u għall-konsenja tal-persuna mfittxija, huwa obbligatorju li toħroġ ukoll att għall-arrest tiegħu, li jwassal sabiex il-persuna mfittxija ser tinżamm taħt arrest sakemm issir il-konsenja tagħha?”
34. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Bulgaru u mill-Gvern Ungeriż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Bulgaru, il-Gvern Ċek u l-Gvern Ungeriż, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta tat‑2 ta’ Ottubru 2025.
Analiżi
Osservazzjonijiet preliminari
35. Għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju tagħmel domanda waħda li, għalkemm ma tiddistingwihomx espressament, tinkludi essenzjalment żewġ partijiet. Din id-domanda tirrigwarda prinċipalment in-natura awtomatika tat-tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna rikjesta. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li n-natura awtomatika tat-tqegħid għandha bħala effett li tqiegħed dik il-persuna taħt detenzjoni f’faċilità korrettiva. Din il-kjarifika tissuġġerixxi li d-detenzjoni f’faċilità korrettiva tikkostitwixxi l-konsegwenza immedjata tan-natura awtomatika taż-żamma f’detenzjoni, fi kliem ieħor, hija effett addizzjonali li jirriżulta mill-obbligu tal-qorti li tordna ċ-ċaħda tal-libertà malli tieħu d-deċiżjoni li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew.
36. F’dan ir-rigward, u peress li l-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra d-detenzjoni f’faċilità korrettiva bħala l-effett neċessarju ta’ dan l-obbligu, jidhirli li d-domanda tista’ tinqasam f’żewġ partijiet: l-ewwel waħda tirrigwarda n-natura awtomatika tat-tqegħid taħt detenzjoni, filwaqt li t-tieni waħda tikkonċerna l-kompatibbiltà, fid-dawl tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ta’ detenzjoni f’faċilità korrettiva sakemm issir il-konsenja effettiva tal-persuna rikjesta.
Fuq l-ewwel parti tad-domanda magħmula
37. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ regola nazzjonali li timponi, b’mod awtomatiku, id-detenzjoni tal-persuna rikjesta b’effett mid-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew sal-konsenja effettiva tagħha, mal-Artikolu 12 u mal-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 5 tal-KEDB.
38. Qabelxejn, u sabiex jiġu identifikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandha titfakkar is-sitwazzjoni tal-persuna rikjesta fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, skont kif tirriżulta mill-proċedura fil-kawża prinċipali. Il-persuna rikjesta, ċittadin Bulgara, kienet is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mir-Repubblika tal-Awstrija għall-finijiet tal-iżvolġiment ta’ proċeduri kriminali għal serq bi żgass. Wara l-arrest tagħha fil-Bulgarija, hija ġiet sussegwentement meħlusa taħt garanzija, peress li l-qorti tar-rinviju qieset li ma kienx jeżisti riskju ta’ ħrib.
39. Id-dritt nazzjonali applikabbli, f’dan il-każ l-Artikolu 44(7) taz-ZEEZA, jimponi fuq il-qorti tar-rinviju l-obbligu li tordna l-arrest u d-detenzjoni tal-persuna rikjesta mill-mument tal-għoti tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew sal-konsenja effettiva tagħha lill-Istat Membru emittenti. Fi kliem ieħor, skont id-dritt nazzjonali, id-deċiżjoni ta’ konsenja timplika awtomatikament l-arrest u d-detenzjoni tal-persuna rikjesta. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ tali obbligu ta’ detenzjoni, li jkopri l-perijodu bejn id-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni u l-konsenja nnifisha, mal-Artikolu 12 u mal-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
40. Peress li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtoritajiet Bulgari timplika neċessarjament l-arrest tal-persuna rikjesta (7), id-dispożizzjoni prinċipalment applikabbli hija l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jirregola s-sitwazzjoni ta’ din il-persuna wara l-arrest tagħha (8). Addizzjonalment, l-Artikolu 23(5) ta’ din id-deċiżjoni qafas għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni, sa fejn dan jirregola d-detenzjoni li sseħħ wara d-deċiżjoni li jiġi eżegwit il-mandat ta’ arrest Ewropew.
41. Nipproponi minn issa li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel parti tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
42. Fil-fehma tiegħi, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 teżiġi stħarriġ ġudizzjarju individwalizzat ta’ kull ċaħda tal-libertà fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Din hija, fil-fatt, l-interpretazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 12 u mill-Artikolu 23(5) ta’ din id-deċiżjoni qafas, skont qari letterali, sistematiku u teleoloġiku tagħhom. Approċċ kuntrarju jitbiegħed mir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll minn dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”).
43. Ser neżamina suċċessivament ir-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni tirriżulta b’mod evidenti mill-interpretazzjoni, l-ewwel litterali, imbagħad sistematika u, fl-aħħar nett, teleoloġika, tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.
44. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dan jipprevedi li, meta persuna tiġi arrestata abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, “l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-persuna rikjesta għandhiex tibqa’ f’detenzjoni, skond il-liġi tal-Istat Membru ta’ esekuzzjoni” (9), filwaqt li l-ħelsien provviżorju jibqa’ possibbli “fi kwalunkwe ħin”. Inqis li r-risposta għall-ewwel parti tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirriżulta b’mod ċar minn din il-formulazzjoni. It-termini “tieħu deċiżjoni”, assoċjati direttament mal-“awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni” (10), jafdaw espliċitament lil din tal-aħħar bil-kompitu li tiddeċiedi dwar iż-żamma f’detenzjoni. It-termini “tieħu deċiżjoni” jimplikaw għalhekk marġni ta’ diskrezzjoni ġudizzjarja ġenwina.
45. Huwa ċertament minnu li, kif jenfasizza b’mod partikolari l-Gvern Bulgaru, l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi espressament li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tinżamm f’detenzjoni skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Minn din il-frażi jista’ jiġi dedott li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tħalli fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri l-għażla bejn, minn naħa, li jafdaw lil awtorità ġudizzjarja bl-evalwazzjoni tan-neċessità tad-detenzjoni, u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxu bil-liġi mekkaniżmu awtomatiku ta’ detenzjoni? Fil-fehma tiegħi, ir-risposta hija le.
46. Fil-fatt, kuntrarjament għall-argument invokat b’mod partikolari mill-Gvern Bulgaru, ir-riferiment magħmul għal-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jistax jiġi interpretat bħala li jagħti lil dan l-Istat il-possibbiltà li jistabbilixxi detenzjoni awtomatika, mingħajr ebda possibiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Għall-kuntrarju, dan jimplika li l-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-modalitajiet tad-detenzjoni għandha ssir mill-awtorità ġudizzjarja, li taġixxi skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti mid-dritt intern. Kull qari ieħor ixejjen is-sustanza tal-frażi “tieħu deċiżjoni”, li tippreċedi l-kliem “skond il-liġi tal-Istat Membru ta’ esekuzzjoni”. L-istruttura tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 twassal għalhekk sabiex jitqies li l-intervent tal-qorti jibqa’, fi kwalunkwe każ, indispensabbli, anki jekk, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, dan jiġi eżerċitat skont il-kriterji u l-proċedura previsti mid-dritt nazzjonali.
47. Minn dan niddeduċi li, skont interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-leġiżlatur tal-Unjoni jafda imperattivament lil awtorità ġudizzjarja bil-kompitu li tevalwa jekk il-persuna rikjesta għandhiex tinżamm f’detenzjoni jew le fl-istadju tal-proċedura li bejn l-arrest ta’ dik il-persuna u l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti.
48. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, meta meħud fil-kuntest tiegħu, inqis li l-istruttura ġenerali tiegħu, kif ukoll il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkonfermaw l-importanza tar-rwol tal-awtorità ġudizzjarja fl-evalwazzjoni tan-neċessità li l-persuna rikjesta tinżamm f’detenzjoni matul il-proċedura kollha ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.
49. L-ewwel nett, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat flimkien mal-Artikolu 23(5) tagħha. Infakkar li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma inklużi fil-kapitolu intitolat “Proċedura ta’ Konsenja” li jirregola l-fażi ta’ konsenja tal-persuna rikjesta lill-Istat Membru emittenti. L-Artikolu 23(5) jipprovdi li mal-iskadenza tat-termini msemmija fil-paragrafi 2 sa 4, “jekk il-persuna għadha qed tinżamm f’kustodja hija għandha tinħeles” (11). Minn dan jirriżulta b’mod ċar li matul dak il-perijodu intermedju, id-detenzjoni ma hijiex ta’ natura obbligatorja: il-leġiżlatur tal-Unjoni jirrikonoxxi espressament li l-persuna rikjesta tista’, skont iċ-ċirkustanzi, tinżamm f’detenzjoni jew tinħeles.
50. Din id-dispożizzjoni ssegwi l-loġika tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Jekk wieħed jadotta qari kronoloġiku tal-iżvolġiment tal-proċedura, din tinqasam fi tliet stadji suċċessivi: l-ewwel nett, l-arrest tal-persuna rikjesta, segwit mid-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti dwar il-ħtieġa ta’ detenzjoni; sussegwentement, il-possibbiltà, għal din l-istess awtorità, li tordna f’kull mument il-ħelsien ta’ din il-persuna; fl-aħħar nett, jekk din tibqa’ f’detenzjoni, l-Artikolu 23(5) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprevedi, b’mod koerenti mal-Artikolu 12, li mal-iskadenza tat-termini msemmija, “jekk il-persuna għadha qed tinżamm f’kustodja” hija għandha tinħeles.
51. It-tieni nett, l-importanza tal-istħarriġ ġudizzjarju taż-żamma taħt detenzjoni tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-ewwel lok, fis-sentenza Lanigan (12), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas, mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tal-osservanza tat-termini tal-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jipprojbixxix, fih innifsu, id-detenzjoni kontinwa tal-persuna rikjesta. Madankollu, hija fakkret ir-rekwiżit, li jirriżulta mill-Artikolu 6 tal-Karta, ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv li jiggarantixxi li t-tul tad-detenzjoni ma jsirx eċċessiv fid-dawl tal-progress tal-proċedura (13).
52. Dan l-approċċ huwa kkonfermat mis-sentenza Vilkas (14). Fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 23(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jimponix neċessarjament il-ħelsien meta, minħabba każ ta’ forza maġġuri, il-konsenja ma tistax isseħħ fi żmien għaxart ijiem mid-data miftiehma mill-ġdid. Madankollu, b’riferiment għall-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tevalwa, konformement mad-dritt nazzjonali, jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tinżamm f’detenzjoni (15).
53. Is-sentenza TC (16) turi wkoll ir-rwol ċentrali tal-qorti fl-evalwazzjoni taż-żamma taħt detenzjoni f’dak li jirrigwarda t-terminu ta’ 90 jum stabbilit fl-Artikolu 17(3) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. B’estensjoni tas-sentenza Lanigan, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fis-sentenza TC li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ titkompla wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Hija tqis li obbligu ġenerali u inkundizzjonat ta’ ħelsien provviżorju f’dak l-istadju jista’ jippreġudika l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ konsenja (17). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li ż-żamma taħt detenzjoni lil hinn minn dan it-terminu għandha tiġi rrikonċiljata mal-garanziji previsti fl-Artikolu 6 tal-Karta u fl-Artikolu 5 tal-KEDB. Filwaqt li tirreferi għall-punti 57 sa 59 tas-sentenza Lanigan, hija tippreċiża li l-estensjoni tad-detenzjoni tista’ sseħħ biss “taħt ċerti kundizzjonijiet”, li jimplika stħarriġ konkret, kontinwu u mmotivat mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura li ċċaħħad il-libertà (18). Għalhekk, mis-sentenza TC jirriżulta li r-rekwiżit ta’ eżami ġudizzjarju individwalizzat taż-żamma taħt detenzjoni huwa meħtieġ matul il-fażi ta’ eżekuzzjoni kollha u jeħtieġ, f’kull stadju, verifika effettiva tal-ġustifikazzjoni taċ-ċaħda tal-libertà.
54. Dan l-approċċ huwa kkonfermat mis-sentenza CJ, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjoni li tiġi posposta l-konsenja tal-persuna rikjesta, konformement mal-Artikolu 24 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sabiex tippermetti t-tmexxija ta’ proċeduri kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ piena fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, kif jipprevedi espressament l-Artikolu 24(1) tagħha (19).
55. Minn din il-ġurisprudenza kollha jirriżulta li l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi r-rekwiżit ta’ evalwazzjoni ġudizzjarja individwalizzata, motivata u li tista’ tiġi eżaminata mill-ġdid, dwar in-neċessità taż-żamma taħt detenzjoni. Din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq iċ-ċirkustanzi konkreti tal-proċedura, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li wieħed jirrikorri għal miżuri inqas restrittivi. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi d-detenzjoni bħala konsegwenza awtomatika tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tikser għalhekk l-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u xxejjen is-sustanza tal-Artikolu 12 ta’ din id-deċiżjoni qafas.
56. Fit-tielet u l-aħħar lok, il-konklużjoni li tirriżulta mill-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 12 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, u ċċarata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija sostnuta mill-interpretazzjoni teleoloġika ta’ dan l-artikolu, li tenfasizza l-għan proprju tal-mekkaniżmu stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (20).
57. Fuq il-livell teleoloġiku, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-applikazzjoni tiegħu fil-kawża prinċipali għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-ekwilibriju intrinsiku li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew: minn naħa, il-ħeffa u s-sempliċità proċedurali, iggarantiti mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku; min-naħa l-oħra, is-salvagwardja effettiva tad-drittijiet fundamentali u tal-garanziji ġudizzjarji (21).
58. Fir-rigward tal-ewwel aspett, il-premessa 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tenfasizza li din tal-aħħar hija ntiża li tistabbilixxi sistema ssemplifikata ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji, u b’hekk telimina l-kumplessità u d-dewmien inerenti fil-proċeduri ta’ estradizzjoni użati fil-passat (22). Huwa minn din il-lenti li, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku bħala bażi fundamentali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (23), l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi bħala prinċipju r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni awtomatiċi tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa minn Stat Membru ieħor (24).
59. Madankollu, dan il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka għandu bħala kontroparti essenzjali r-rispett tad-drittijiet fundamentali. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ifakkar espressament li din tal-aħħar ma jistax ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali tad-dritt, kif stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE (25). Dawn id-drittijiet jinkludu, fl-ewwel lok, id-dritt għal-libertà, iggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta, li fid-dawl tiegħu għandu jiġi interpretat l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (26). Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull restrizzjoni għal dan id-dritt għandha tkun neċessarja, proporzjonata mal-għan imfittex u akkumpanjata b’garanziji effettivi ta’ stħarriġ ġudizzjarju.
60. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet inklużi fiha u li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB għandhom jingħataw l-istess tifsira u portata bħal dawk mogħtija minn din tal-aħħar. L-Artikolu 53 tal-Karta jikkonferma li din tal-aħħar ma tistax tiġi interpretata bħala li tillimita d-drittijiet irrikonoxxuti mill-KEDB. Il-mandat ta’ arrest Ewropew jaqa’ taħt l-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB, dwar id-detenzjoni legali ta’ persuna li tkun għaddejja proċedura ta’ tkeċċija jew ta’ estradizzjoni kontriha (27).
61. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti EDB, kull ċaħda tal-libertà għandha tkun “legali”, li jimplika mhux biss bażi legali, iżda wkoll li l-liġi tkun aċċessibbli, preċiża u prevedibbli fl-applikazzjoni tagħha, sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ arbitrarjetà (28).
62. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB jirrigwarda ċ-ċaħda tal-libertà ta’ persuna sabiex jiġi evitat dħul illegali fit-territorju, jew sabiex tiġi ppreparata tkeċċija jew estradizzjoni.
63. Fl-ipoteżi prevista mill-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB, simili għal dik inkwistjoni, il-Qorti EDB teżerċita stħarriġ limitat fir-rigward tal-fondatezza tar-raġuni ta’ detenzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ proċedura ta’ tkeċċija jew ta’ estradizzjoni. Min-naħa l-oħra, hija tiżgura l-osservanza stretta tal-garanziji sostanzjali u proċedurali li għandhom jirregolaw din iċ-ċaħda tal-libertà, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Kif fakkret f’kawża li tirrigwarda speċifikament l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, “fir-rigward tal-‘legalità’ ta’ detenzjoni, inkluża l-osservanza tal-‘proċedura preskritta bil-liġi’, il-[KEDB] essenzjalment tirreferi għall-obbligu li jiġu osservati r-regoli sostantivi u proċedurali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda barra minn hekk teħtieġ ukoll il-konformità ta’ kull ċaħda tal-libertà mal-għan tal-Artikolu 5: li l-individwu jiġi protett kontra l-arbitrarjetà” (29).
64. B’mod partikolari, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, l-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB ma jeżiġix li d-detenzjoni titqies raġonevolment bħala neċessarja, pereżempju sabiex jiġi evitat it-twettiq ta’ reat jew ir-riskju ta’ ħrib. Il-Qorti EDB ippreċiżat li l-Artikolu 5(1)(f) joffri livell ta’ protezzjoni distint minn dak offrut mill-Artikolu 5(1)(ċ) (30): dak kollu li huwa meħtieġ skont il-paragrafu (f) huwa li “jittieħdu miżuri għal tkeċċija jew estradizzjoni”. Għalhekk, il-Qorti EDB ripetutament iddeċidiet li ma huwiex rilevanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li d-deċiżjoni sottostanti ta’ tkeċċija jew ta’ estradizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dritt nazzjonali jew tal-KEDB (31).
65. Madankollu, il-Qorti EDB teżerċita, fir-rigward tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB, stħarriġ speċifiku, għalkemm mhux eżawrjenti, ta’ proporzjonalità. Għalhekk, il-Qorti EDB tqis li d-detenzjoni bbażata fuq l-Artikolu 5(1)(f) għandha titkompla in bona fide u għandha tkun marbuta mill-qrib mar-raġuni ta’ detenzjoni invokata, filwaqt li l-post u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni għandhom ikunu xierqa u t-tul ta’ dik il-miżura ma għandux jeċċedi t-terminu raġonevoli neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (32). Barra minn hekk, id-detenzjoni hija ġġustifikata biss sakemm il-proċedura għat-tkeċċija jew l-estradizzjoni titmexxa b’diliġenza; ladarba l-awtoritajiet jieqfu milli jkunu attivi, iċ-ċaħda tal-libertà ma tibqax koperta minn din id-dispożizzjoni (33).
66. Fl-aħħar nett, il-Qorti EDB tenfasizza, aspett li huwa importanti fid-dawl tad-domanda magħmula fil-kawża prinċipali, li l-KEDB tistabbilixxi wkoll garanziji proċedurali li jippermettu lill-persuna kkonċernata tikkontesta l-legalità u t-tul tad-detenzjoni tagħha, u b’hekk tipprevjeni kull riskju ta’ arbitrarjetà (34).
67. Għaldaqstant, ir-rwol tal-qorti jibqa’ fundamentali, anki fil-kuntest tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB li ma jimponix stħarriġ intensiv tal-proporzjonalità, peress li huwa permezz tal-istħarriġ ġudizzjarju li jsir possibbli li jiġi ddeterminat jekk id-detenzjoni ordnata fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ estradizzjoni jew ta’ tkeċċija hijiex konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.
68. Niġu issa għall-kuntest tal-kawża prinċipali u għall-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tal-Karta, hekk kif għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB. Ma jistax jiġi miċħud li dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ portata ġenerali bħal dik inkwistjoni tidher li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ prevedibbiltà u ta’ aċċessibbiltà (35). Madankollu, jidhirli li r-restrizzjoni għad-dritt għal-libertà li hija tistabbilixxi ma tistax titqies li hija proporzjonata mal-għan imfittex.
69. Fil-fatt, sabiex detenzjoni tkun proporzjonata mal-għan imfittex, il-proċedura ta’ konsenja għandha titwettaq b’diliġenza, iċ-ċaħda tal-libertà għandha tkun strettament neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan u l-awtoritajiet għandhom ikunu qiesu miżuri inqas intrużivi qabel ma jirrikorru għad-detenzjoni. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu iggarantiti biss permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, peress li dan biss huwa kapaċi jiżgura lill-persuna kkonċernata l-applikazzjoni ġenwina tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
70. Fi kliem ieħor, dispożizzjoni nazzjonali li għandha l-effett li “torbot idejn il-qorti” u li ġġib bħala konsegwenza awtomatika tqegħid taħt detenzjoni ma tistax, min-natura tagħha stess, titqies bħala kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Tali regola teskludi kull eżami tal-elementi neċessarji sabiex jiġi stabbilit jekk t-tqegħid taħt detenzjoni huwiex proporzjonat mal-għan imfittex mill-konsenja u mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
71. Bħala konklużjoni, l-interpretazzjoni sistematika, u iktar u iktar dik teleoloġika, tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 twassal sabiex jiġi kkonstatat li, anki fl-assenza ipotetika tal-Artikolu 12 tagħha, dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax, fi kwalunkwe każ, titqies li hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fi kliem ieħor, il-ħeffa u l-effiċjenza tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ma jistgħux jinkisbu billi tiġi awtomatizzata ċ-ċaħda tal-libertà.
72. F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument imressaq b’mod partikolari mill-Gvern Ċek, waqt is-seduta, li l-priġunerija “in principio” hija ġġustifikata min-natura qasira tat-termini ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll dak invokat mill-Gvern Bulgaru u l-Gvern Ungeriż, ibbażat fuq in-neċessità li tiġi ggarantita l-konsenja tal-persuna rikjesta. Fil-fehma tiegħi, l-ebda ċaħda tal-libertà ma hija leġittima fiha nnifisha. Hija leġittima biss jekk issir bil-kundizzjoni li tkun tista’ tiġi reveduta f’kull mument, u jekk tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju meta ebda miżura inqas restrittiva ma tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex.
73. Mingħajr ebda dubju, il-garanziji proċedurali previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, imsemmija b’mod partikolari mill-Gvern Bulgaru, mill-Gvern Ungeriż u mill-Gvern Ċek fl-osservazzjonijiet tagħhom, bħalma huma t-termini qosra stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li jirregolaw id-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni, l-obbligu ta’ ħelsien previst fl-Artikolu 23(5) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru emittenti taż-żmien ta’ detenzjoni fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jikkostitwixxu garanziji importanti. Madankollu, għar-raġunijiet diġà esposti, dawn ma jistgħux jikkumpensaw l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv taż-żamma taħt detenzjoni tal-persuna rikjesta. Huwa biss eżami individwalizzat mill-qorti nazzjonali li kapaċi jagħti effett sħiħ lill-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u jiżgura l-implimentazzjoni konkreta tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi tiġi vverifikata n-neċessità reali jew le tad-detenzjoni.
74. Bħala konklużjoni, inqis li l-Artikolu 12 u l-Artikolu 23(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 5 tal-KEDB, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, meta tiddeċiedi li tirrikonoxxi mandat ta’ arrest Ewropew u tordna l-eżekuzzjoni tiegħu, tagħti awtomatikament deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna rikjesta sal-konsenja effettiva tagħha, mingħajr eżami individwalizzat taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.
Fuq it-tieni parti tad-domanda magħmula
75. Għandu jiġi ddeterminat jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tawtorizzax, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, id-detenzjoni f’faċilità korrettiva tal-persuna rikjesta sakemm tiġi kkonsenjata.
76. Inqis li għandha tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
77. Fl-ewwel lok, kuntrarjament għal atti legali oħra tad-dritt tal-Unjoni (36), ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tipprevedi li d-detenzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha sseħħ f’tip ta’ faċilità li ma hijiex ta’ natura korrettiva.
78. Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, konformement mal-Artikolu 26(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istat Membru emittenti għandu, wara kundanna għal piena jew miżura ta’ sigurtà li jinvolvu ċaħda tal-libertà, inaqqas mill-perijodu totali ta’ ċaħda tal-libertà li għandu jiġi skontat fl-Istat Membru emittenti kull perijodu ta’ detenzjoni li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Dan jissuġġerixxi, fil-fehma tiegħi, li d-detenzjoni fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi assimilata mad-detenzjoni f’faċilità korrettiva tal-Istat Membru emittenti li ssir għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà.
79. Fit-tielet lok, għandu jitfakkar, kif indikat fil-punt 60 iktar ’il fuq li, sa fejn il-Karta tistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) ta’ din il-Karta jipprevedi li t-tifsira u l-ambitu tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti minn din il-Konvenzjoni. Għalhekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 5(1) tal-KEDB għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Karta.
80. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB tkompli ssaħħaħ il-linja ta’ raġunament diġà esposta fil-punti 77 u 78 iktar ’il fuq (37). Huwa minnu li, kif imfakkar fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-kuntest tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB, il-post u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-persuna rikjesta għandhom ikunu “xierqa” għall-għan imfittex. Dan ir-rekwiżit isegwi ġurisprudenza li, b’mod partikolari fil-qasam tat-tkeċċija, tenfasizza li l-miżura tirrigwarda nies barranin li ma humiex detenuti minħabba li wettqu reat kriminali u li, ta’ spiss, ħarbu minn pajjiżhom minħabba biża’ għal ħajjithom (38).
81. Għandu b’daqshekk jiġi dedott li tqegħid f’faċilità korrettiva huwa, bħala prinċipju, ipprojbit? Ma naħsibx li huwa l-każ. Din il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB teżiġi pjuttost li s-sistema ta’ detenzjoni tirrifletti n-natura mhux punittiva tal-miżura u li tkun adattata għall-għan amministrattiv tagħha, u dan jippreżupponi l-osservanza ta’ kundizzjonijiet materjali deċenti kif ukoll teħid inkunsiderazzjoni tal-vulnerabbiltajiet potenzjali tal-persuna kkonċernata (39).
82. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB tikkonferma li l-istanzi ta’ ksur ikkonstatati kienu jirrigwardaw qabel kollox il-kundizzjonijiet konkreti ta’ detenzjoni, bħall-popolazzjoni eċċessiva, l-iġjene, l-aċċess għall-kura u għall-arja friska, iż-żamma tar-rabtiet familjali, u l-insuffiċjenza tal-garanziji proċedurali, iktar milli l-klassifikazzjoni ġuridika tas-sistema applikabbli. B’hekk, pereżempju, fis-sentenza Suso Musa vs Malta, il-Qorti EDB, filwaqt li eżaminat id-detenzjoni estiża ta’ applikant għall-ażil, irrilevat li l-ksur kien jirriżulta min-natura irraġonevoli tat-tul tad-detenzjoni u mill-kundizzjonijiet materjali inkwetanti li ġew deskritti f’diversi rapporti internazzjonali mingħajr, madankollu, ma kkritikat in-natura tal-faċilità fejn il-persuna kkonċernata kienet ġiet miżmuma (40).
83. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tagħha Zaloilo vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi tat‑12 ta’ Ġunju 2018, il-Qorti EDB ikkonfermat dan l-approċċ funzjonali. Hija kkonstatat li fiż-żmien meta seħħew il-fatti, fil-Pajjiżi l-Baxxi, tliet faċilitajiet kienu speċifikament irriżervati għad-detenzjoni tal-barranin, iżda id-dritt nazzjonali kien xorta waħda jippermetti, fejn ikun il-każ, it-tqegħid tagħhom f’ħabs ordinarju. F’dak il-każ, il-Bord tal-Appell ikkonstata li t-trasferiment tal-appellant kien iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet operazzjonali marbuta mal-aġir tiegħu, peress li ma kienx iktar possibbli li jinżamm fil-faċilità ta’ Rotterdam, filwaqt li żgurat li l-istatus tiegħu bħala persuna detenuta għal raġunijiet ta’ immigrazzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti EDB ma rrilevat ebda apparenza ta’ arbitrarjetà (41).
84. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li t-tqegħid f’faċilità li taqa’ taħt l-amministrazzjoni tal-ħabs ma huwiex, fih innifsu, kuntrarju għall-KEDB. Dak li huwa importanti, għal dik il-qorti, huma l-konformità tal-miżura mal-għan ta’ tkeċċija, il-kundizzjonijiet materjali ta’ detenzjoni kif ukoll id-diliġenza tal-awtoritajiet fit-twettiq tal-proċedura. L-enfasi hija għalhekk fuq l-adegwatezza konkreta bejn in-natura amministrattiva taċ-ċaħda tal-libertà u l-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha.
85. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, inqis li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tipprekludix id-detenzjoni tal-persuna rikjesta f’faċilità korrettiva sakemm tiġi kkonsenjata lill-Istat Membru emittenti. Minkejja dan, xorta jibqa’ l-fatt li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huma obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3 tal-KEDB, billi jiżguraw li d-detenzjoni tirrispetta d-dinjità tal-bniedem u n-natura mhux punittiva tal-miżura.
Konklużjoni
86. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija):
Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
għandha tiġi interpretata fis-sens li:
– tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, meta tiddeċiedi li tirrikonoxxi mandat ta’ arrest Ewropew u li tordna l-eżekuzzjoni tiegħu, obbligu li tagħti awtomatikament deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni tal-persuna rikjesta sal-konsenja effettiva tagħha, mingħajr ma twettaq eżami individwalizzat taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni;
– hija ma tipprekludix id-detenzjoni tal-persuna rikjesta f’faċilità korrettiva sakemm tiġi kkonsenjata lill-Istat Membru emittenti. Minkejja dan, xorta jibqa’ l-fatt li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huma obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, billi jiżguraw li d-detenzjoni tirrispetta d-dinjità tal-bniedem u n-natura mhux punittiva tal-miżura.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.
3 ĠU 2009, L 81, p. 24.
4 DV Nru 46, tat‑3 ta’ Ġunju 2005, fl-aħħar verżjoni tagħha ppubblikata fid-DV Nru 18, 1 ta’ Marzu 2024.
5 DV Nru 25, tat‑3 ta’ April 2009, fil-verżjoni tagħha kif ippubblikata fid-DV Nru 84, tas‑6 ta’ Ottubru 2023.
6 Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Skont l-Artikolu 5(1)(ċ) tal-KEDB: “Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skont il-proċedura preskritta bil-liġi:
[...]
(ċ) l-arrest jew detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna effettwata sabiex tiġi miġjuba quddiem l-awtorità legali kompetenti fuq suspett raġonevoli li tkun ikommettiet reat jew meta jkun meqjus raġonevolment meħtieġ biex jiġi evitat li tikkommetti reat jew li taħrab wara li tkun għamlet reat.”
7 Ara l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
8 Ara, f’dan ir-rigward, S. Bot, Le mandat d’arrêt européen, Larcier, Brussell, 2009, b’mod partikolari p. 427, Nru 551, li jipprovdi xi eżempji dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali.
9 L-enfasi hija tiegħi.
10 L-enfasi hija tiegħi.
11 L-enfasi hija tiegħi.
12 Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lanigan”, EU:C:2015:474).
13 Sentenza Lanigan (punti 54 u 58).
14 Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas (C‑640/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Vilkas”, EU:C:2017:39).
15 Sentenza Vilkas (punti 41 u 42).
16 Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2019, TC (C‑492/18 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza TC”, EU:C:2019:108).
17 Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2019, TC (C‑492/18 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza TC”, EU:C:2019:108, punti 49 u 50).
18 Sentenza TC (punt 64).
19 Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, CJ (Deċiżjoni ta’ konsenja posposta minħabba prosekuzzjoni ta’ reat kriminali) (C‑492/22 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza CJ”, EU:C:2022:964). Filwaqt li tirreferi għall-punt 43 tas-sentenza Vilkas, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, skont l-Artikolu 6 tal-Karta, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq stħarriġ konkret tas-sitwazzjoni inkwistjoni sabiex tiżgura ruħha li “[l-]proċedura ta’ konsenja tkun ġiet applikata b’mod suffiċjentement diliġenti u, għaldaqstant, [li] [t]-tul ta’ detenzjoni ma jkunx ta’ natura eċċessiva” (punt 82).
20 Kif ġie rrilevat minn K. Lenaerts u J.‑A. Gutiérrez-Fons, f’Les méthodes d’interprétation de la Cour de justice de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2020, p. 55, Nru 58: “il-metodu teleoloġiku u l-metodu sistematiku huma ta’ spiss marbuta mill-qrib, peress li dan tal-aħħar jgħin sabiex jiġi identifikat l-għan tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni. Fi kliem ieħor, hija l-istruttura ġenerali tat-trattat (jew tal-att tad-dritt sekondarju inkwistjoni) li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-għan imfittex minnu”.
21 Ara, dwar il-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, S. Bot, Le mandat d’arrêt européen, Larcier, Brussell, 2009, pp. 410 sa 433.
22 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Vilkas (punt 31).
23 Ara l-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
24 Ara s-sentenza Lanigan (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Ara s-sentenza CJ (punt 87), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, minkejja li l-formulazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma timponi ebda kundizzjoni addizzjonali għall-eżerċizzju, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-possibbiltà li tadotta deċiżjoni ta’ posponiment tal-konsenja (minbarra l-kundizzjoni li din id-deċiżjoni tkun intiża li tippermetti l-iżvolġiment ta’ proċeduri kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ piena minħabba fatt differenti minn dak imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew), din id-deċiżjoni qafas għandha tiġi interpretata konformement mad-drittijiet fundamentali.
26 Ara s-sentenza Lanigan (punti 53 u 54).
27 Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2021, Spetsializirana prokuratura (Dikjarazzjoni tad-drittijiet) (C‑649/19, EU:C:2021:75, punt 55); tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Spetsializirana prokuratura (Informazzjoni dwar id-deċiżjoni nazzjonali ta’ arrest) (C‑105/21, EU:C:2022:511, punti 55 u 56), kif ukoll CJ (punt 80).
28 Sentenza TC (punt 58). Ara wkoll il-Qorti EDB, 19 ta’ Mejju 2016, J.N. vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2016:0519JUD003728912, punt 77). B’mod ġenerali, fuq l-Artikolu 5 tal-KEDB, ara D. von Arnim, “Artikel 5. Recht auf Freiheit und Sicherheit”, fi Frowein/Peukert, Europäische MenschenRechtsKonvention. EMRK-Kommentar, N. P. Engel Verlag, Kehl am Rhein, 2024, ir-raba’ edizzjoni., pp. 181 sa 287.
29 Ara Qorti EDB, 17 ta’ April 2018, Pirozzi vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2018:0417JUD002105511, punt 45).
30 Għall-kontenut ta’ dan l-artikolu, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
31 Ara Qorti EDB, 15 ta’ Novembru 1996, Chahal vs Ir‑Renju Unit [GC] (CE:ECHR:1996:1115JUD002241493, punt 112), u Qorti EDB, 23 ta’ Ottubru 2008, Soldatenko vs L‑Ukrajna (CE:ECHR:2008:1023JUD000244007, punt 109).
32 Ara Qorti EDB, 20 ta’ Diċembru 2011, Yoh-Ekale Mwanje vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2011:1220JUD001048610, punti 117 sa 119), u Qorti EDB, 9 ta’ April 2024, Lazăr vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2024:0409JUD002018321, punti 108 sa 111).
33 Ara Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2016, Khlaifia et vs L‑Italja [GC] (CE:ECHR:2016:1215JUD001648312, punt 90), u Qorti EDB, 24 ta’ Jannar 2022, Sy vs L‑Italja (CE:ECHR:2022:0124JUD001179120, punt 79) (il-kawża kienet tikkonċerna preċiżament id-detenzjoni bħala konsegwenza tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew).
34 Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 17 ta’ Lulju 2014, Kim vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2014:0717JUD004426013, punt 53). Il-kawża kienet tikkonċerna d-detenzjoni matul proċedura ta’ tkeċċija ta’ persuna mingħajr Stat, li kienet twieldet fir-Repubblika Soċjalista Sovjetika Użbeka, minkejja nuqqas ta’ prospett realistiku għall-eżekuzzjoni tat-tkeċċija u nuqqas ta’ diliġenza fit-twettiq tal-proċeduri mill-parti tal-awtoritajiet. B’mod partikolari, il-Qorti EDB irrikonoxxiet li, mill-bidu nett, l-awtoritajiet Russi kienu obbligati jeżaminaw jekk id-detenzjoni sabiex tiġi ppreparata t-tkeċċija kinitx, jew baqgħetx, iġġustifikata. Dan l-obbligu kellu importanza partikolari fil-każ tar-rikorrent, persuna mingħajr stat u bla riżorsi, imqiegħed f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà kbira. Madankollu, huwa ma kellu l-ebda rimedju effettiv sabiex jikkontesta l-legalità jew it-tul tad-detenzjoni tiegħu, u ma kienet prevista l-ebda garanzija legali jew prattika sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ arbitrarjetà. Is-sistema Russa għalhekk ma kienet tipprevedi ebda mekkaniżmu ta’ stħarriġ ġudizzjarju xieraq sabiex tiġi evitata detenzjoni arbitrarja, filwaqt li l-miżura msejħa “preventiva” rriżultat iktar severa mill-piena massima ta’ 30 jum, prevista għar-reat.
35 Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 43); tat‑12 ta’ Frar 2019, TC (punti 61 u 66), kif ukoll tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn (C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 62).
36 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn (C‑519/20, EU:C:2022:178, punti 34,36 u 45), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), tistabbilixxi l-prinċipju li d-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment għandha sseħħ ġewwa faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali faċilitajiet għandhom jiġu distinti mill-faċilitajiet korrettivi, li jimplika li s-sistema ta’ detenzjoni titqies bħala adattata għall-istatus ġuridiku ta’ dawn iċ-ċittadini biss jekk il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’dawn il-faċilitajiet igawdu ċerti karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla mal-kundizzjonijiet li wieħed normalment isib f’faċiltajiet korrettivi fejn jiġu skontati pieni li jċaħħdu l-libertà. B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni applikabbli f’tali faċilità għandhom ikunu tali li jevitaw, sa fejn huwa possibbli, li d-detenzjoni ta’ tali ċittadin tkun tkun tixbah ħafna detenzjoni f’ambjent ta’ ħabs, li huwa adegwat għal detenzjoni għal finijiet punittivi.
37 Fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB, ara, b’mod partikolari, D. von Arnim, “Artikel 5. Recht auf Freiheit und Sicherheit”, f’Europäische MenschenRechtsKonvention. EMRK-Kommentar, N. P. Engel Verlag, Kehl am Rhein, 2024, Ir-raba’ edizzjoni, p. 236 sa 238.
38 Ara Qorti EDB, 29 ta’ Jannar 2008, Saadi vs Ir‑Renju Unit [GC] (CE:ECHR:2006:0711JUD001322903, punt 74); Qorti EDB, 23 ta’ Lulju 2013, Suso Musa vs Malta (CE:ECHR:2013:0723JUD004233712, punt 93); Qorti EDB, 4 ta’ April 2017, Thimothawes vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2017:0404JUD003906111, punt 64), u Qorti EDB, 25 ta’ Jannar 2018, J. R. et vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2018:0125JUD002269616, punt 110).
39 Ara Qorti EDB, 4 ta’ April 2017, Thimothawes vs Il-Belġju (CE:ECHR:2017:0404JUD003906111, punti 73, 79 u 80).
40 Qorti EDB, 23 ta’ Lulju 2013, Suso Musa vs Malta (CE:ECHR:2013:0723JUD004233712, punt 101).
41 Qorti EDB, 12 ta’ Ġunju 2018, Zaloilo vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (CE:ECHR:2018:0612DEC006003512, punti 39 sa 41).