DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)
26 ta’ April 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Standards u proċeduri komuni applikabbli fl-Istati Membri għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Artikolu 6(2) – Deċiżjoni ta’ ritorn akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul għal perijodu ta’ tliet snin – Ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor – Nuqqas mill-awtoritajiet tal-pulizija nazzjonali li jippermettu lil dan iċ-ċittadin jirritorna lejn it-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu”
Fil-Kawża C‑629/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Förvaltningsrätten i Göteborg, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Göteborg, li Tiddeċiedi Fil-Qasam tal-Immigrazzjoni, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura
A.L.
vs
Migrationsverket
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),
komposta minn M. Safjan (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A.L., ċittadin ta’ pajjiż terz li kien qiegħed jirrisjedi irregolarment fl-Isvezja, u l-Migrationsverket (l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni, l-Isvezja) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiċħad ir-rikors amministrattiv ippreżentat minn A.L. kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn adottata fil-konfront tiegħu mill-awtoritajiet tal-pulizija Svediżi u kontra l-projbizzjoni ta’ dħul fl-Isvezja li takkumpanja din id-deċiżjoni. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, bit-titolu “Suġġett”, jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem”. |
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:
|
|
5 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Dispożizzjonijiet aktar favorevoli”, jistabbilixxi: “1. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar favorevoli ta’:
2. Din id-Direttiva m’għandha tippreġudika ebda dispożizzjoni li tista’ tkun aktar favorevoli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz stabbilita fl-acquis Komunitarju fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni u l-asil. 3. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva. 4. Fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skond l-Artikolu 2(2)(a) l-Istati Membri għandhom:
|
|
6 |
Skont l-Artikolu 6 tal-istess direttiva, bit-titolu “Deċiżjoni ta’ ritorn”: “1. L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5. 2. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru immedjatament. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1. 3. L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għad-deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed joqgħod illegalment fit-territorju tagħhom jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jittieħed lura minn Stat Membru ieħor skond ftehim jew arranġamenti bilaterali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. F’dan il-każ l-Istat Membru li jkun ħa lura ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu japplika l-paragrafu 1. 4. L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn. 5. Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru jkun is-suġġett ta’ proċedura pendenti għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu jew tagħha jew ta’ xi permess ieħor li joffri d-dritt ta’ soġġorn, dak l-Istat Membru għandu jikkunsidra li joqgħod lura milli joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn sakemm tintemm il-proċedura pendenti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6. 6. Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn u/jew deċiżjoni dwar tneħħija u/jew projbizzjoni fuq id-dħul f’deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali disponibbli taħt il-Kapitolu III u taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ liġi Komunitarja u nazzjonali”. |
|
7 |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115, bit-titolu “Projbizzjoni fuq id-dħul” huwa fformulat kif ġej: “1. Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:
F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul. 2. It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. Hu jista’ madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali. […]” |
Id‑dritt Svediż
|
8 |
Il-Paragrafu 6 a tal-Kapitolu 8 tal-Utlänningslag (2005:716) (il-Liġi (2005:716) dwar il-Barranin) jipprovdi: “Meta tqum kwistjoni relatata mat-tneħħija skont il-Paragrafi 2, 3 jew 6 [ta’ dan il-kapitolu] ta’ barrani detentur ta’ permess ta’ residenza validu jew ta’ forma oħra ta’ permess li jagħti dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor tal-[Unjoni Ewropea], l-awtorità kompetenti għandha titlob lill-barrani jirritorna fuq inizjattiva tiegħu stess lejn l-Istat Membru l-ieħor tal-[Unjoni] f’terminu raġonevoli. L-awtorità kompetenti tista’ tagħti deċiżjoni dwar it-tneħħija biss jekk il-barrani ma jkunx ikkonforma ruħu ma’ tali talba. L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika jekk: […]
[…]”. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
9 |
Fit‑23 ta’ Marzu 2022, A.L., ċittadin ta’ pajjiż terz, kien suġġett għal spezzjoni mal-ġenb tat-triq fl-Isvezja. Waqt din l-ispezzjoni, l-awtoritajiet tal-pulizija Svediżi kkonstataw li A.L. la kellu awtorizzazzjoni ta’ residenza u lanqas permess ta’ xogħol fl-Isvezja. Madankollu, huwa seta’ jippreżenta permess ta’ residenza Kroat validu sal‑25 ta’ Ġunju 2022 u sostna li huwa kien jaħdem għal aġenzija Kroata li kienet kriet is-servizzi tiegħu lil impriża Svediża. |
|
10 |
Fl-istess jum, dawn l-awtoritajiet tal-pulizija adottaw deċiżjoni li tordna lil A.L. jitlaq mit-territorju Svediż. Din id-deċiżjoni kienet akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fl-Isvezja għal perijodu ta’ tliet snin. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija awtoritajiet tal-pulizija ma talbux lil A.L. jirritorna lejn il-Kroazja fuq inizjattiva tiegħu stess, minħabba li, fil-fehma tagħhom, kien hemm probabbiltà li huwa ma kienx jikkonforma ruħu ma’ tali talba. |
|
11 |
A.L. telaq għal Zagreb (il-Kroazja) fl‑1 ta’ April 2022. |
|
12 |
A.L. ippreżenta rikors amministrattiv kontra d-deċiżjoni msemmija fil-punt 10 ta’ dan id-digriet quddiem l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni. Peress li dan tal-aħħar ċaħad dan ir-rikors, A.L. ippreżenta rikors ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-Förvaltningsrätten i Göteborg, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Göteborg, li Tiddeċiedi Fil-Qasam tal-Immigrazzjoni, l-Isvezja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
13 |
Dik il-qorti tistaqsi jekk il-Paragrafu 6 tal-Kapitolu 8 tal-Liġi (2005:716) dwar il-Barranin, li jimplimenta l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 fl-ordinament ġuridiku Svediż, huwiex kompatibbli ma’ din id-direttiva. |
|
14 |
Ċertament, dan l-ewwel subparagrafu tal-Paragrafu 6 jipprovdi, konformement mal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jippermettu lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu dritt ta’ residenza fi Stat Membru jirritorna fuq inizjattiva tiegħu stess lejn dan tal-aħħar, qabel ma jagħtu deċiżjoni dwar ir-ritorn eventwali tiegħu. Madankollu, il-punt 5 tat-tieni subparagrafu tal-imsemmi Paragrafu 6 a jipprevedi eċċezzjoni li ma hijiex prevista fl-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva, sa fejn, meta jkun hemm probabbiltà li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jirritornax lejn dan l-Istat Membru, deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tiġi adottata fil-konfront tiegħu mingħajr ma dawn l-awtoritajiet ikunu l-ewwel ippermettewlu jirritorna lejn l-imsemmi Stat Membru. |
|
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Förvaltningsrätten i Göteborg, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Göteborg, li Tiddeċiedi Fil-Qasam tal-Immigrazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id‑domandi preliminari
|
16 |
Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tkun tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat. |
|
17 |
Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża. |
Fuq l‑ewwel u r‑raba’ domanda
|
18 |
Permezz tal-ewwel u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru huma meħtieġa jippermettu lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li jkollu permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza maħruġa minn Stat Membru ieħor jirritorna lejn dan l-Istat Membru l-ieħor qabel ma jadottaw, jekk ikun il-każ, deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu, anki jekk dawn l-awtoritajiet ikunu jqisu li hemm probabbiltà li dan iċ-ċittadin ma jikkonformax ruħu ma’ tali talba sabiex jirritorna lejn dan l-Istat Membru l-ieħor. |
|
19 |
Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru u li jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza validu jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza maħruġa minn Stat Membru ieħor għandhom ikunu meħtieġa jirritornaw immedjatament lejn it-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu miċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz jew meta t-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, l-Artikolu 6(1) għandu japplika. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom. |
|
20 |
Mill-imsemmi Artikolu 6(2) jirriżulta li hemm lok li ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru filwaqt li jkollu permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza maħruġa minn Stat Membru ieħor, jitħalla jirritorna lejn dan l-aħħar Stat pjuttost milli tiġi adottata, mill-bidu nett, deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu, sakemm l-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali ma jkunux jeżiġu dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru), C‑673/19, EU:C:2021:127, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
21 |
Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tistabbilixxi eċċezzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, li tkun tiżdied ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 2(2) ta’ din tal-aħħar u li tkun tippermetti lill-Istati Membri jeskludu mill-istandards u mill-proċeduri komuni ta’ ritorn liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment meta dawn jirrifjutaw li jirritornaw immedjatament lejn it-territorju tal-Istat Membru li jirrikonoxxilhom dritt ta’ residenza (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru), C‑673/19, EU:C:2021:127, punt 36). |
|
22 |
Għall-kuntrarju, fil-każ li dawn iċ-ċittadini jirrifjutaw li jirritornaw immedjatament lejn dan it-territorju, l-Istati Membri li fit-territorju tagħhom l-imsemmija ċittadini jirrisjedu irregolarment huma, bħala prinċipju, meħtieġa li jadottaw, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1), deċiżjoni ta’ ritorn li tordna lill-imsemmija ċittadini jitilqu mit-territorju tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru), C‑673/19, EU:C:2021:127, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta kemm mit-titolu kif ukoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, din tistabbilixxi “standards u proċeduri komuni” li għandhom jiġu applikati minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment. Mill-espressjoni msemmija iktar ’il fuq, iżda wkoll mis-sens ġenerali ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dawn l-istandards u minn dawn il-proċeduri biss fil-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija direttiva, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ din tal-aħħar (sentenza tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi, C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 32). |
|
24 |
Dan l-Artikolu 4 jagħti, fil-paragrafu 3 tiegħu, il‑possibbiltà lill-Istati Membri li jadottaw jew li jżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment minn dawk tad-Direttiva 2008/115, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli magħha. Madankollu, din id-direttiva ma tippermettix lill-imsemmija Stati Membri japplikaw standards iktar severi fil-qasam irregolat minnha (sentenza tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi, C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 33). |
|
25 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li d-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi bi preċiżjoni l-proċedura li għandha tiġi applikata minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħhom u tistabbilixxi l-ordni tal-iżvolġiment tad-diversi stadji li din il-proċedura tinvolvi suċċessivament (sentenza tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi, C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 34). |
|
26 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 fis-sens li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn meta jkun hemm “probabbiltà” li ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz ma jikkonformax ruħu ma’ talba sabiex jirritorna immedjatament lejn it-territorju tal-Istat Membru li jkun ħariġlu permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza tkun twassal sabiex tiġi stabbilita deroga li ma hijiex prevista f’dan l-Artikolu 6(2) u għalhekk tkun iċċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha. |
|
27 |
Fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet, ir-risposta għall-ewwel u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru huma meħtieġa jippermettu lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li jkollu permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza maħruġa minn Stat Membru ieħor jirritorna lejn dan l-Istat Membru l-ieħor qabel ma jadottaw, jekk ikun il-każ, deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu, anki jekk dawn l-awtoritajiet ikunu jqisu li hemm probabbiltà li dan iċ-ċittadin ma jikkonformax ruħu ma’ talba sabiex jirritorna lejn dan l-Istat Membru l-ieħor. |
Fuq it‑tielet domanda
|
28 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn dan jeżiġi li l-Istati Membri jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħhom jirritornaw lejn l-Istat Membru li jkun ħarġilhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza qabel ma jadottaw, jekk ikun il-każ, deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tagħhom, dan għandu effett dirett u jista’ għalhekk jiġi invokat mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali. |
|
29 |
Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat Membru kkonċernat jew meta dan ikun naqas milli jittrasponi fit-termini previsti din id-direttiva fid-dritt nazzjonali jew meta dan ikun ittrasponiha b’mod inkorrett (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, TL (Assenza ta’ interpretu u ta’ traduzzjoni), C‑242/22 PPU, EU:C:2022:611, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, hija inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma jkun ikkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma jkun suġġett, fl-eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ ebda att kemm tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, hija suffiċjentement preċiża sabiex tiġi invokata minn parti fil-kawża u applikata mill-qorti meta din tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivokabbli (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, TL (Assenza ta’ interpretu u ta’ traduzzjoni), C‑242/22 PPU, EU:C:2022:611, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk direttiva tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta huma jadottaw il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha, dispożizzjoni ta’ din id-direttiva tista’ titqies bħala li għandha natura inkundizzjonata u preċiża meta din timponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivokabbli, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma jkun ikkwalifikat b’ebda kundizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regola li din tistabbilixxi (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, TL (Assenza ta’ interpretu u ta’ traduzzjoni), C‑242/22 PPU, EU:C:2022:611, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
F’dan il-każ, hekk kif ġie indikat fil-punt 25 ta’ dan id-digriet, id-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi bi preċiżjoni l-proċedura li għandha tiġi applikata minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment u tistabbilixxi l-ordni tal-iżvolġiment tad-diversi stadji li din il-proċedura tinvolvi suċċessivament. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li huwa biss meta ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz ma josservax l-obbligu li jirritorna immedjatament lejn it-territorju tal-Istat Membru li jkun ħariġlu permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza jew meta t-tluq immedjat tiegħu jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali li l-Istat Membru, li fit-territorju tiegħu dan iċ-ċittadin ikun qiegħed jirrisjedi irregolarment, jieħu deċiżjoni ta’ ritorn, konformement mal-Artikolu 6(1). |
|
34 |
Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-obbligu, għall-Istati Membri, li jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħhom jirritornaw lejn l-Istat Membru li jkun ħarġilhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza huwa ta’ natura inkundizzjonata, peress li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 ma jissuġġettax dan l-obbligu għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni u lanqas ma jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw għal kundizzjoni jew jirrestrinġu l-portata tal-imsemmi obbligu. |
|
35 |
Min-naħa l-oħra, għalkemm id-Direttiva 2008/115 tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta huma jadottaw il-modalitajiet prattiċi intiżi li jimplimentaw il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni timponi fuqhom, f’termini inekwivokabbli, l-obbligu li jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħhom jirritornaw lejn l-Istat Membru li jkun ħarġilhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tagħhom. |
|
36 |
Fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn dan jeżiġi li l-Istati Membri jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħhom jirritornaw lejn l-Istat Membru li jkun ħarġilhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza qabel ma jadottaw, jekk ikun il-każ, deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tagħhom, dan għandu effett dirett u jista’ għalhekk jiġi invokat mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali. |
Fuq it‑tieni domanda
|
37 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li meta, f’kontradizzjoni ma’ din id-dispożizzjoni, Stat Membru ma jippermettix lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tiegħu jirritorna immedjatament lejn l-Istat Membru li jkun ħariġlu permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza qabel ma jadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu, din id-deċiżjoni ta’ ritorn u l-projbizzjoni ta’ dħul li takkumpanja l-imsemmija deċiżjoni ta’ ritorn huma nulli. |
|
38 |
Skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, fejn ikun impossibbli għaliha li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, għandha, bħala korp ta’ Stat Membru, l-obbligu li ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li jkollha effett dirett fit-tilwima adita biha, bħal, f’dan il-każ, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn, C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Minn dan isegwi li, sakemm ma tkunx tista’ tinterpreta leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, għandha tirrifjuta li tapplika tali leġiżlazzjoni fit-tilwima adita biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn, C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 102). |
|
40 |
F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni li dan il-fatt jimplika, jekk ikun il-każ, l-obbligu li jittieħdu l-miżuri kollha sabiex jiġi ffaċilitat t-twettiq tal-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe, C‑239/09, EU:C:2010:778, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Fil-fatt, taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma meħtieġa jeliminaw il-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele), C‑24/19, EU:C:2020:503, punt 83). Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inklużi l-qrati nazzjonali aditi b’rikors kontra att tad-dritt nazzjonali adottat bi ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115, huma meħtieġa, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirrimedjaw għan-nuqqas ta’ osservanza, minn awtorità nazzjonali, tal-obbligi li jirriżultaw minn din l-aħħar dispożizzjoni. Dan jista’, pereżempju, iwassal, taħt id-dritt nazzjonali, għan-nullità ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u, għaldaqstant, ukoll ta’ deċiżjoni li takkumpanja tali deċiżjoni, bħal projbizzjoni ta’ dħul taħt l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva. |
|
42 |
Fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta, f’kontradizzjoni ma’ din id-dispożizzjoni, Stat Membru ma jippermettix lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tiegħu jirritorna immedjatament lejn l-Istat Membru li jkun ħariġlu permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza qabel ma jadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inklużi l-qrati nazzjonali aditi b’rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ritorn u l-projbizzjoni ta’ dħul li takkumpanja tali deċiżjoni, huma meħtieġa jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirrimedjaw għan-nuqqas ta’ osservanza, minn awtorità nazzjonali, tal-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija dispożizzjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
|
43 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.