Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1579/2007 li jistabbilixxi, għall-2008, l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati magħhom applikabbli fil-Baħar l-Iswed għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut /* KUMM/2008/0806 finali */
MT Brussel 28.11.2008 KUMM(2008) 806 finali Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1579/2007 li jistabbilixxi, għall-2008, l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati magħhom applikabbli fil-Baħar l-Iswed għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1579/2007 [1] jistabbilixxi, għall-2008, l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati magħhom applikabbli fil-Baħar l-Iswed għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut. Bħala parti mill-qbil politiku fil-Kunsill tas-Sajd tas-27 ta’ Ottubru 2008 dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2009 fil-Baħar l-Iswed, inqabel li l-flessibbiltà inkluża għall-2009 tkun applikata wkoll għas-sena kurrenti. Din il-flessibbiltà tfisser li l-Istati Membri jistgħu jitolbu li jaqbżu b’sa 10 % l-kwota annwali tagħhom għall-barbun imperjali. Il-kwantità żejda sejra titnaqqas mill-kwota tagħhom għas-sena ta’ wara. Din il-proposta għandha l-għan li tintroduċi l-emenda meħtieġa għar-Regolament (KE) Nru 1579/2007. Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1579/2007 li jistabbilixxi, għall-2008, l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati magħhom applikabbli fil-Baħar l-Iswed għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd [il-Politika Komuni tas-Sajd] [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 847/1996 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kundizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti [3], u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi: (1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1579/2007 [4] jistabbilixxi, għall-2008, l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati magħhom applikabbli fil-Baħar l-Iswed għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut. (2) Filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 1579/2007 jipprovdi li l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika għall-kwota tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed għall-2008, il-qagħda kurrenti tal-istokk tal-barbun imperjali jippermetti applikazzjoni tali. (3) Ir-Regolament (KE) Nru 1579/2007 għaldaqstant għandu jkun emendat skont dan. (4) Fid-dawl tal-urġenza tal-kwistjoni, u fil-qies tal-fatt li s-sena tal-kwota 2008 dalwaqt sejra tasal għal tmiemha, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. (5) Fid-dawl tal-urġenza tal-kwistjoni, huwa importanti wkoll li tingħata eċċezzjoni għall-perjodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fil-paragrafu I(3) tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u għat-Trattati li jistabbilixxu l-Komuitajiet Ewropej. ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1579/2007 Fl-entrata “Barbun imperjali” fl-ANNESS I għar-Regolament (KE) Nru 1579/2007, il-kliem “l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika” għandhom jinbidlu bil-kliem “l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għandu japplika”. Artikolu 2 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tall-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill il-President [1] ĠU L 346, 29.12.2007, p. 1. [2] ĠU L 358,31.12.2002, p. 59. [3] ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3. [4] ĠU L 346, 29.12.2007, p. 1. --------------------------------------------------