4.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 32/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/250

tal-4 ta’ Frar 2023

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/252 tal-4 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 833/2014 (2).

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK (3).

(3)

Fis-6 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1909 (4), li introduċiet eżenzjoni mill-projbizzjoni li jiġi pprovdut trasport marittimu u mill-projbizzjoni li jingħataw assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew finanzjament jew assistenza finanzjarja, b'rabta mat-trasport marittimu lil pajjiżi terzi ta’ żejt mhux maħdum) jew prodotti tal-petroleum li joriġinaw jew li jiġu esportati mir-Russja, mixtrija bi prezz li jkun ekwivalenti jew anqas minn dak massimu stabbilit minn qabel miftiehem mill-Koalizzjoni għal-Limitu Massimu tal-Prezzijiet. Dik l-eżenzjoni hija maħsuba biex ittaffi l-konsegwenzi negattivi fuq il-provvista tal-enerġija għal pajjiżi terzi u tnaqqas iż-żieda qawwija f'daqqa fil-prezzijiet xprunata minn kundizzjonijiet straordinarji tas-suq, filwaqt li jiġi limitat id-dħul Russu miż-żejt.

(4)

Fit-3 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsilla adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2369 (5) li stabbiliet il-limitu massimu tal-prezz għaż-żejt mhux maħdum, jiġifieri l-prezz għal kull barmil li fih jew li taħtu, iż-żejt mhux maħdum mir-Russja jkun eżentat mill-projbizzjoni li jiġi pprovdut trasport marittimu ta' tali żejt mhux maħdum lejn pajjiżi terzi u l-projbizzjoni li jingħataw assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew finanzjament jew assistenza finanzjarja, b'rabta mat-trasport marittimu ta' tali żejt mhux maħdum lejn pajjiżi terzi.

(5)

Fl-4 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/252. Dik id-Deċiżjoni tistabbilixxi żewġ limiti addizzjonali għall-prezzijiet tal-prodotti tal-petroleum, jiġifieri l-prezz għal kull barmil li miegħu jew taħtu l-prodotti tal-petroleum mir-Russja jkunu eżentati mill-projbizzjoni li jiġi pprovdut trasport marittimu ta' tali prodotti lejn pajjiżi terzi u l-projbizzjoni li jingħataw assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew finanzjament jew assistenza finanzjarja, b'rabta mat-trasport marittimu ta' tali prodotti lejn pajjiżi terzi: wieħed għall-prodotti tal-petroleum innegozjati bi skont għaż-żejt mhux maħdum (“skont għaż-żejt mhux maħdum”) u t-tieni wieħed għall-prodotti tal-petroleum innegozjati bi primjum għaż-żejt mhux maħdum (“primjum għaż-żejt mhux maħdum”).

(6)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/252 tintroduċi perjodu tranżitorju ta’ 55 jum għal bastimenti li jġorru prodotti tal-petroleum li joriġinaw mir-Russja li jinxtraw u jitgħabbew fuq il-bastiment qabel il-5 ta’ Frar 2023 u li jinħattu qabel l-1 ta’ April 2023.

(7)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/2369 introduċiet rieżami regolari tal-mekkaniżmu tal-limitu massimu tal-prezzijiet. Jenħtieġ li, minn nofs Marzu 2023, ir-rieżami jkun ibbażat fuq data oġġettiva pprovduta mill-Kummissjoni lill-Kunsill kull xahrejn. Id-data għandha tinkludi informazzjoni dwar il-livell tal-prezz taż-żejt mhux maħdum u tal-prodotti tal-petroleum raffinat, varjazzjonijiet matul il-perjodu taħt rieżami u previżjonijiet raġonevoli tal-prezzijiet fil-perjodu ta' wara. Il-Kummissjoni ser tinkludi wkoll data rilevanti dwar l-impatt mistenni fuq il-baġit Russu, fuq is-settur tal-enerġija u fuq l-Istati Membri.

(8)

Dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

(9)

Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 3n tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 6, jinżdied il-punt li ġej:

“(e)

mill-5 ta’ Frar 2023, għall-prodotti tal-petroleum li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2710, li joriġinaw mir-Russja jew li ġew esportati mir-Russja li nxtraw bi prezz ogħla mill-prezz rispettiv stipulat fl-Anness XXVIII li jitgħabbew fuq bastiment fil-port tat-tagħbija qabel il-5 ta’ Frar 2023 u li jinħattu fil-port tad-destinazzjoni finali qabel l-1 ta’ April 2023.”;

(2)

il-paragrafu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“11.   Il-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-limitu massimu tal-prezzijiet, inkluż l-Anness XXVIII kif ukoll il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 4 ta' dan l-Artikolu, għandu jiġi rieżaminat sa nofs Marzu 2023 u kull xahrejn minn hemm 'il quddiem.

Ir-rieżami għandu jqis l-effettività tal-miżura f'termini tar-riżultati mistennija tagħha, l-implimentazzjoni tagħha, l-aderenza internazzjonali u l-allinjament informali mal-iskema tal-limitu massimu tal-prezzijiet, u l-impatt potenzjali tagħha fuq l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Għandu jwieġeb għall-iżviluppi fis-suq, inkluż it-turbolenzi possibbli.

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-limitu massimu tal-prezzijiet, inkluż il-kapaċità tiegħu li jnaqqas id-dħul tar-Russja miż-żejt, il-limitu massimu tal-prezzijiet għandu jkun mill-inqas 5 % taħt il-prezz medju tas-suq għaż-żejt u l-prodotti petroliferi Russi, ikkalkulat abbażi tad-data pprovduta mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Frar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)   ĠU L 32 I, 4.2.2023.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2014/2022 tas-6 ta' Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 259I, 6.10.2022, p. 122).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2369 tat-3 ta' Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 311I, 3.12.2022, p. 8).