European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/67

30.1.2026

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

It-tisħiħ tal-valuri Ewropej fil-pajjiżi kandidati permezz ta’ appoġġ lis-settur tas-servizz pubbliku u tisħiħ tal-pożizzjoni tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

(opinjoni esploratorja fuq talba tal-Presidenza Daniża)

(C/2026/67)

Relatur ġenerali:

Kristina AALTONEN

Konsulent

Lorenzo TAMBURRINI

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.2.2025

Bażi legali

Artikolu 47(1) tar-Regoli ta’ Proċedura

Konsultazzjoni

7.2.2025, Ittra mill-Presidenza Daniża tal-Kunsill tal-UE

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

Adozzjoni fis-sezzjoni

9.9.2025

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

23.10.2025

Sessjoni plenarja Nru

600

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

211/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza r-rwol kruċjali li l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi kandidati u l-Istati Membri tal-UE jaqdu fil-proċess tat-tkabbir tal-UE. L-involviment attiv tagħhom huwa essenzjali biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni tal-pajjiżi kandidati lejn il-valuri fundamentali universali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u tal-Unjoni Ewropea (UE): id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, u l-istat tad-dritt.

1.2.

Rakkomandazzjonijiet tal-KESE lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni u kuntesti rilevanti oħra:

—

l-imsieħba soċjali mill-pajjiżi kandidati jiġu mistiedna bħala osservaturi fl-istrutturi ta’ djalogu soċjali transsettorjali kif ukoll f’dawk settorjali fil-livell tal-UE, bil-parteċipazzjoni tagħhom iffinanzjata mill-Kummissjoni. Dan jippermetti esponiment sa minn kmieni għall-prattiki tal-UE u jappoġġja t-tagħlim;

—

il-programmi u l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE għandhom ikunu mmirati b’mod strateġiku biex isaħħu l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi kandidati, inkluż id-djalogu soċjali u ċivili;

—

il-prijoritizzazzjoni tal-promozzjoni, u l-finanzjament ta’ sħubijiet u inizjattivi ta’ tagħlim bejn il-pari bejn l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi kandidati għall-promozzjoni tal-iskambju reċiproku u l-bini tal-kapaċità;

—

il-garanzija għaż-żgħażagħ, il-pjani ta’ tkabbir u l-aġenda ta’ riforma jintużaw bħala mezzi biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali;

—

is-sinerġiji ma’ atturi oħra, b’mod partikolari l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, huma mfittxija b’mod attiv sabiex tiġi żgurata l-koerenza, tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jissaħħaħ l-impatt tal-appoġġ tal-UE għad-djalogu soċjali u l-bini tal-kapaċità fil-pajjiżi kandidati.

1.3.

Il-KESE jenfasizza li:

—

l-imsieħba soċjali li jirrappreżentaw lill-impjegaturi u lill-impjegati, speċjalment dawk fis-servizzi pubbliċi, għandhom jiġu rikonoxxuti bħala aġenti ewlenin fil-promozzjoni tal-fiduċja pubblika, l-istituzzjonijiet demokratiċi u d-djalogu soċjali effettiv;

—

il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili għandha tissaħħaħ u tiġi istituzzjonalizzata bħala parti mit-tħejjijiet għall-adeżjoni;

—

korpi u istituzzjonijiet oħra tal-UE għandhom jimxu fuq l-approċċ tal-KESE, l-ewwel korp tal-UE li applika prinċipji ta’ adeżjoni gradwali u involva lill-pajjiżi kandidati tal-UE fil-ħidma tiegħu billi ħatar “membri kandidati għat-tkabbir”;

—

il-pajjiżi kandidati għandhom jiġu mħeġġa jinkludu l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili fil-kumitati ta’ monitoraġġ tagħhom sabiex itejbu l-implimentazzjoni, il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-proċess, u fl-istess ħin jiżguraw li r-rappreżentattività tiġi vvalutata regolarment.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-proċess ta’ adeżjoni huwa ggwidat mill-kriterji tal-adeżjoni (magħrufa wkoll bħala l-kriterji ta’ Copenhagen) u bbażat fuq l-acquis communautaire. Il-pajjiżi kandidati huma mistennija juru li stabbilew oqfsa legali u istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi.

2.2.

Din l-aspettattiva hija msaħħa minn strumenti u standards internazzjonali, inklużi l-Konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni (Nru 87) (1), id-dritt għal negozjar kollettiv (Nru 98) (2) u konsultazzjonijiet tripartitiċi (Nru 144) (3). Dawn il-Konvenzjonijiet jistabbilixxu l-importanza li jiġu rikonoxxuti l-imsieħba soċjali u li jiġi żgurat djalogu strutturat fil-proċessi ta’ politika nazzjonali.

2.3.

It-tkabbir tal-UE mhuwiex biss proċess politiku u istituzzjonali; huwa proċess fundamentalment bbażat fuq il-valuri. Il-pajjiżi kandidati huma meħtieġa jallinjaw mal-valuri u l-prinċipji ewlenin universali tan-NU u tal-UE. Dan l-allinjament irid imur lil hinn mil-leġiżlazzjoni formali biex jinkludi istituzzjonijiet demokratiċi b’saħħithom, parteċipazzjoni ċivika robusta u djalogu soċjali u ċivili fil-livelli kollha.

2.4.

Il-gwerra fl-Ukrajna reġgħet ħarġet fid-dieher l-importanza strateġika tat-tkabbir tal-UE bħala neċessità ġeopolitika. Huwa essenzjali li l-pajjiżi ġirien jallinjaw ruħhom ma’ ordni Ewropew u globali demokratiku, ibbażat fuq ir-regoli, imsejjes fuq id-dritt internazzjonali, il-multilateraliżmu, u l-prinċipji minquxa fil-Karta tan-NU.

2.5.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lil istituzzjonijiet oħra jidentifikaw u jippromovu l-aħjar prattiki mill-pajjiżi kandidati tal-imgħoddi u dawk attwali, inklużi:

—

kif l-impjegaturi tas-servizz pubbliku u t-trade unions jappoġġjaw b’mod kostruttiv il-proċessi ta’ riforma u l-bini tal-istituzzjonijiet;

—

kif il-kooperazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-amministrazzjoni pubblika avvanzat it-trasparenza, l-isforzi kontra l-korruzzjoni u r-responsabbiltà pubblika;

—

kif il-mekkaniżmi tad-djalogu soċjali u ċivili kkontribwew għad-difiża tad-drittijiet fundamentali u għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi.

2.6.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza tentattivi evidenti biex jitrażżan l-ispazju ċiviku u l-media indipendenti, u biex dawn il-kwistjonijiet jiġu riflessi b’mod aktar prominenti fl-istrateġija tat-tkabbir u fir-rapporti tal-pajjiżi. Huwa mixtieq li l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali kollha tal-UE jiġu inklużi fir-rapporti dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali.

3.   Nappoġġjaw l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

3.1.

Il-KESE jirreferi għall-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-istat tad-dritt u l-valuri demokratiċi, li fihom enfasizza (4) l-importanza ta’ involviment sinifikanti tas-soċjetà ċivili, u jafferma mill-ġdid ir-rwol ewlieni li jaqdu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fid-demokrazija (5). Il-KESE jenfasizza r-rwol ewlieni tas-soċjetà ċivili fl-iżgurar tat-trasparenza u r-responsabbiltà fil-proċess ta’ rappurtar tal-UE dwar l-istat tad-dritt, u fl-istess ħin iħeġġeġ l-involviment tagħhom fl-istadji kollha biex jissaħħu l-leġittimità demokratika u l-akkuratezza. Il-KESE jenfasizza r-rwol demokratiku essenzjali li taqdi s-soċjetà ċivili biex leħen iċ-ċittadini jingħata widen u jiġu mħarsa d-drittijiet, u jinsisti li l-UE tkompli tappoġġja lis-soċjetà ċivili b’finanzjament, salvagwardji u tnaqqis tal-piżijiet biex issaħħaħ l-impatt u r-reżiljenza tagħha.

3.2.

Il-KESE jirreferi wkoll għall-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-djalogu soċjali, id-djalogu ċivili u d-demokrazija parteċipattiva u dwar l-involviment taż-żgħażagħ fid-djalogu soċjali u ċivili (6). Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ djalogu soċjali robust fit-tfassil ta’ politiki ekonomiċi u soċjali ġusti. Jappella għal negozjar kollettiv aktar b’saħħtu, involviment tripartitiku sinifikanti, u appoġġ għal oqfsa fil-livell nazzjonali. Għandhom jiġu stabbiliti u implimentati strutturi istituzzjonalizzati trasparenti għall-parteċipazzjoni u l-konsultazzjoni. Huwa jappella għal strateġija tal-UE aktar b’saħħitha għad-djalogu ċivili, inkluż pjan ta’ azzjoni, tabella ta’ valutazzjoni annwali, u panels taċ-ċittadini, biex tissaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva u jiġi implimentat l-Artikolu 11 tat-TUE b’mod effettiv. Jenfasizza l-ħtieġa għal parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ fid-djalogu soċjali u ċivili u jappella għal tfassil ta’ politika inklużiv, involviment strutturali, u appoġġ għall-gruppi vulnerabbli taż-żgħażagħ. Il-KESE jtenni wkoll l-importanza li d-djalogu ċivili u soċjali jiġi inkorporat fil-pajjiżi kandidati permezz ta’ qafas leġiżlattiv komprensiv.

3.3.

Il-kumitati konsultattivi konġunti (JCCs) jipprovdu pjattaformi effettivi għat-trawwim tat-tagħlim reċiproku, id-djalogu ċivili u l-kooperazzjoni pilota. Dawn għandhom rwol importanti fis-segwitu tan-negozjati tal-adeżjoni mal-UE u fit-trawwim ta’ djalogu istituzzjonali mal-korpi tal-UE.

3.4.

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw approċċ strateġiku u inklużiv għat-tkabbir futur. Soċjetà ċivili ħielsa u awtonoma hija essenzjali għall-ħarsien tad-demokrazija, b’mod partikolari fis-salvagwardja tad-drittijiet u l-libertajiet ewlenin u fil-ġlieda kontra ż-żieda fil-populiżmu. Is-soċjetà ċivili organizzata taġixxi fl-interess tal-pubbliku permezz ta’ mezzi demokratiċi u tista’ timla l-vojt bejn l-istituzzjonijiet governattivi u ċ-ċittadini ordinarji. Dawn jipprovdu lok fejn in-nies jistgħu jesprimu t-tħassib tagħhom, jippromovu d-drittijiet tagħhom, u jipparteċipaw f’involviment ċiviku mhux vjolenti. Is-soċjetà ċivili, li hija bbażata fuq valuri kondiviżi, tirrifletti l-ilħna ta’ komunitajiet diversi, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli.

3.5.

Il-KESE jappella sabiex l-istrumenti eżistenti tal-UE, bħall-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III), jintużaw b’mod aktar effettiv biex jappoġġjaw lill-atturi demokratiċi fil-pajjiżi kandidati, inklużi mekkaniżmi bħar-ritorn biex jintlaħqu l-oqsma u l-gruppi vulnerabbli kollha.

3.6.

Dan jinkludi wkoll appoġġ immirat għall-imsieħba soċjali, ikluż fis-servizzi pubbliċi, u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-iżvilupp ta’ programmi ta’ bini tal-kapaċità li jippromovu l-valuri universali u Ewropej permezz ta’ sħubija, djalogu u involviment ċiviku.

3.7.

Il-KESE jirrakkomanda li fil-QFP li jmiss tingħata prijorità lill-finanzjament għall-pjattaformi li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transnazzjonali bejn l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi kandidati. Dawn is-sħubijiet jistgħu jrawmu l-iskambju tal-għarfien, l-appoġġ reċiproku u l-impenn kondiviż għall-valuri Ewropej. Eżempju tajjeb huwa n-network ta’ mobbiltà urbana sostenibbli CIVINET Slovenja-Kroazja-Xlokk tal-Ewropa (7).

4.   Is-servizzi pubbliċi bħala pedament għad-demokrazija u l-fiduċja

4.1.

Il-proċess ta’ allinjament tal-pajjiżi kandidati mal-prinċipji demokratiċi kondiviżi u mal-valuri tal-UE jeħtieġ impenn soċjetali wiesa’. L-impjegaturi u l-ħaddiema tas-settur pubbliku, li jaħdmu mill-qrib mas-soċjetà ċivili, mhumiex sempliċiment implimentaturi, iżda huma aġenti trasformattivi fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki. L-involviment attiv u strutturat tagħhom jista’ jiżgura li n-normi demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt jiġu inkorporati b’mod effettiv fl-istituzzjonijiet u fil-ħajja ta’ kuljum.

4.2.

F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza li settur pubbliku li jiffunzjona tajjeb u bbażat fuq id-drittijiet, sostnut minn impjegaturi u ħaddiema impenjati u kompetenti, huwa kruċjali biex dawn il-valuri jiġu inkorporati fil-prattika. Għandhom jiġu stabbiliti u implimentati strutturi istituzzjonalizzati trasparenti għall-parteċipazzjoni u l-konsultazzjoni.

4.3.

Servizzi pubbliċi trasparenti, professjonali u responsabbli huma vitali sabiex tinbena u tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet politiċi u amministrattivi. Huwa permezz ta’ dawn l-istituzzjonijiet li l-elementi ewlenin tal-ħajja demokratika — l-aċċess għall-ġustizzja, it-trattament ugwali, l-għoti tas-servizzi — jiġu implimentati u esperjenzati mill-popolazzjoni.

4.4.

Permezz ta’ djalogu soċjali strutturat, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u t-trade unions jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, governanza inklużiva, rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u l-istat tad-dritt. Ir-rwol tagħhom fit-tiswir u fit-twassil tas-servizzi pubbliċi jappoġġja t-tranżizzjoni lejn il-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.5.

Fl-istess ħin, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija fundamentali biex jiġu żgurati l-ftuħ, il-parteċipazzjoni ċivika u governanza responsabbli. Din il-kollaborazzjoni għandha tiġi appoġġjata u istituzzjonalizzata b’mod attiv bħala għodda permanenti għat-trawwim tar-reżiljenza demokratika u l-koeżjoni soċjali fil-pajjiżi kandidati.

4.6.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku tal-istati kandidati u tal-Istati Membri tal-UE, inklużi proġetti konġunti, taħriġ u tagħlim bejn il-pari li jibnu l-kapaċità demokratika u l-professjonaliżmu amministrattiv.

4.7.

Il-KESE jenfasizza li s-sistemi edukattivi huma pedament tar-reżiljenza demokratika u mezz kruċjali għall-promozzjoni tal-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza inklużiva. L-għalliema huma aġenti ewlenin f’dan il-proċess. F’ħafna pajjiżi ġirien tal-Lvant, b’mod partikolari dawk b’legati post-Sovjetiċi, proporzjon sinifikanti ta’ edukaturi kienu inizjalment imħarrġa skont mudelli pedagoġiċi ċentralizzati u awtoritarji. Ħafna drabi dawn is-sistemi ma kinux jenfasizzaw il-ħsieb kritiku, il-pluraliżmu jew il-parteċipazzjoni demokratika. Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali biex fil-programmi attwali u f’dawk futuri tal-IPA jipprijoritizzaw kemm jista’ jkun l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema, b’enfasi fuq l-edukazzjoni ċivika, il-valuri demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem. Dan jallinja mal-objettivi speċifiċi tar-Regolament dwar l-IPA (8), li jinkludu t-trawwim tal-governanza demokratika u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, kif ukoll il-promozzjoni tal-impjieg u l-edukazzjoni inklużiva, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ. Il-KESE jappella sabiex l-Erasmus+ u programmi rilevanti oħra tal-UE jintużaw biex jintlaħqu dawn l-objettivi meta jkun adegwat.

4.8.

Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-edukazzjoni mhux formali li ssaħħaħ il-pożizzjoni taċ-ċittadini, tas-soċjetà ċivili u tal-istituzzjonijiet pubbliċi billi tibni l-ħiliet, trawwem il-valuri demokratiċi, u ssaħħaħ il-parteċipazzjoni ċivika. Hija tippromovi djalogu inklużiv, issaħħaħ il-koeżjoni soċjali, u tappoġġja governanza trasparenti — pilastri ewlenin fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE.

4.9.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata u promossa l-awtonomija professjonali tal-għalliema, inklużi l-libertà pedagoġika u l-indipendenza istituzzjonali. L-awtonomija hija prerekwiżit biex l-għalliema jkunu jistgħu jrawmu djalogu miftuħ, ħsieb kritiku u sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet fl-iskejjel. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja b’mod attiv riformi li jiggarantixxu l-libertà akkademika u l-awtonomija professjonali, jipproteġu lill-edukaturi minn rappreżalji, u jiżguraw l-involviment sinifikanti tal-professjonisti tat-tagħlim fl-iżvilupp tal-politika tal-edukazzjoni. L-awtonomija professjonali tal-għalliema hija essenzjali għall-bini ta’ kultura demokratika u fiduċja istituzzjonali.

Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2025.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Séamus BOLAND


(1)  Konvenzjoni 87 tal-ILO: Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni.

(2)  Konvenzjoni 98 tal-ILO: Dritt ta’ Organizzazzjoni u għal Negozjar Kollettiv.

(3)  Konvenzjoni 144 tal-ILO: Konsultazzjoni Tripartitika (Standards Internazzjonali tax-Xogħol)

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Evalwazzjoni tar-Rapporti annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C, C/2025/1184, 21.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1184/oj).

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-appoġġ u l-finanzjament tas-soċjetà ċivili fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C, C/2023/861, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/861/oj).

(6)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea” (COM(2023) 38 final — 2023/0012 (NLE)) u dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Insaħħu d-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea: nisfruttaw il-potenzjal kollu tiegħu biex niksbu tranżizzjonijiet ġusti” (COM(2023) 40 final) (ĠU C 228, 29.6.2023, p. 87); Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tisħiħ tad-djalogu ċivili u d-demokrazija parteċipattiva fl-UE: it-triq ’il quddiem” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Belġjana) (ĠU C, C/2024/2481, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2481/oj); Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — L-involviment taż-żgħażagħ fid-djalogu soċjali u ċivili fir-reġjun tal-Mediterran (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C, C/2025/1189, 21.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1189/oj); Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — L-importanza tal-istituzzjonalizzazzjoni tad-djalogu ċiviku u soċjali fil-pajjiżi kandidati u msieħba tal-UE (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C, C/2025/5152, 28.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5152/oj).

(7)   https://civinet-slohr.eu/hr/english/.

(8)  Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (ĠU L 330, 20.9.2021, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/67/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)