4.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 253/4


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ Awwissu 2017

dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid

(Picpoul de Pinet (DOP))

(2017/C 253/05)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 97(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Franza ressqet applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Picpoul de Pinet” skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(2)

L-isem “Languedoc Picpoul-de-Pinet” sal-2013 kien jibbenefika minn protezzjoni skont l-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 (2) u l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 (3). Fl-2013, l-isem “Languedoc Picpoul-de-Pinet” tneħħa mir-Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 172/2013 (4).

(3)

B’konformità mal-Artikolu 97(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni eżaminat din l-applikazzjoni u sabet li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 93 sa 96, fl-Artikolu 97(1), kif ukoll fl-Artikoli 100, 101 u 102 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, huma ssodisfati. Għalkemm l-isem “Picpoul de Pinet” fih il-kelma “Picpoul”, li huwa l-isem ta’ varjetà ta’ għeneb tal-inbid, huwa stabbilit li l-isem kien jintuża tradizzjonalment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minħabba li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija segwenti għall-irtirar tal-isem antik “Languedoc Picpoul-de-Pinet” mir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti. Id-denominazzjoni “Picpoul ta’ Pinet” tikkostitwixxi, konsegwentement, denominazzjoni ta’ oriġini skont it-tifsira tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Ir-reġistrazzjoni possibbli tad-denominazzjoni tal-oriġini “Picpoul de Pinet”, kif mitluba m’għandhiex tipprevjeni l-użu tal-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “Picpoul” fit-tikkettar tal-inbejjed li huma miksuba minn għeneb tal-varjetà “Picpoul” iżda li mhumiex prodotti skont l-ispeċifikazzjonijiet ta’ “Picpoul de Pinet” peress li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 100(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma ġewx issodisfati.

(4)

Sabiex tkun tista’ ssir il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, id-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) ta’ dak ir-Regolament u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni li saret matul il-proċedura nazzjonali għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Picpoul de Pinet” jenħtieġ li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Id-dokument uniku mfassal skont l-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-referenza tal-ispeċifikazzjoni għall-isem “Picpoul de Pinet” (DOP) jinstabu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, id-dritt ta’ oġġezzjoni għall-protezzjoni tal-isem previst fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu jingħata għal xaharejn li jibdew jiskorru mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid (ĠU L 179, tal-14.7.1999, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 tad-29 ta’ April 2002 li jistipula ċerti regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 f’dak li għandu x’jaqsam mad-deskrizzjoni, l-isem, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 118, 4.5.2002, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 172/2013 tas-26 ta’ Frar 2013 dwar it-tneħħija ta’ ċerti ismijiet eżistenti tal-inbejjed mir-reġistru provdut fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 55, 27.2.2013, p. 20).


ANNESS

DOKUMENT UNIKU

“PICPOUL DE PINET”

PDO-FR-N1672

Data tat-tressiq tal-applikazzjoni: 6.1.2014

1.   Ismijiet li se jiġu rreġistrati

Picpoul de Pinet

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP - Denominazzjoni ta’ oriġini protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Picpoul de Pinet

Id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Picpoul ta’ Pinet” hija riżervata għall-inbejjed mhux frizzanti bojod mhux misjurin.

L-inbejjed għandhom qawwa minimima naturali ta’ alkoħol ta’ 12 % għal kull volum.

Il-kontenut ta’ zokkor fermentabbli tal-inbejjed li jkunu lesti għall-bejgħ huwa inferjuri jew ugwali għal 3 g/l.

L-inbid tad-denominazzjoni “Picpoul de Pinet” huwa prodott esklussivament minn inbid abjad ta’ varjetà waħda, il-Piquepoul Blanc.

L-inbejjed huma lewn id-deheb pallidu jleqq u b’riflessjonijiet ħodor fil-każ ta’ inbejjed li għadhom ma mmaturawx. Ir-riħa fina u eleganti tagħhom ħafna drabi hija florali, (tilju, żagħrun) b’noti ta’ frott taċ-ċitru (grejpfrut, lumi) u bi ħjiel minerali.

It-togħma hija friska u fina fl-istess ħin b’dik id-daqsxejn aċidità karatteristika li tiddistingwi dawn l-inbejjed mill-inbejjed bojod l-oħra tar-reġjun.

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Metodi enoloġiċi essenzjali

Prattiċi enoloġiċi

Metodi enoloġiċi speċifiċi:

L-użu taċ-ċana huwa pprojbit.

L-użu ta’ faħam għall-użu enoloġiku, waħdu jew imħallat fi preparazzjonijiet, huwa pprojbit.

L-inbid jinkiseb billi jingħasru l-għenieqed kollha tal-vendemmja bil-maċerazzjoni jew mingħajrha.

Il-maċerazzjoni preċedenti tal-vendemmja kollha ssir fuq ħsad protett permezz ta’ ditossifikazzjoni.

Prattika tal-kultivazzjoni:

Id-densità minima tad-dwieli meta jinżergħu: 4 400 pied/ettaru;

Id-distanza bejn ir-ringieli tad-dwieli ma għandhiex tkun aktar minn 2,25 m;

L-erja massima disponibbli għal kull dielja hija ta’ 2,25 metru kwadru.

Id-dwieli jridu bilfors ikunu mħarrġa fuq strutturi espalier.

b.   Rendimenti massimi

66 hl/ha

6.   Żona definita

Il-ħsad tal-għeneb, il-produzzjoni, il-maturazzjoni u t-tkabbir tal-inbejjed isiru kollha fil-muniċipalitajiet tad-Dipartiment ta’ Hérault li ġejjin: Castelnau-de-Guers, Florensac, Mèze, Montagnac, Pinet, Pomerols.

7.   Id-dwieli ewlenin tal-inbid

Piquepoul blanc B

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Iż-żona ġeografika tinsab f’tarf l-Etang de Thau, qrib il-baħar Mediterran, fuq kull naħa tal-“Via Domitia”, bejn il-muniċipalitajiet ta’ Agde, Pézenas u Sète.

Il-formazzjonijiet ġeoloġiċi u pedoloġiċi li jmorru lura għall-Kretaċju u l-Plijoċenu huma magħmula minn għoljiet mhux weqfin li jiżżerżqu bil-mod il-mod lejn il-laguna u li huma ġeneralment esposti għall-Majjistral/il-Lbiċ. Il-vinji huma mtarrġa max-xfar tal-laguna sa 100 metru għoli. Fuq l-għoljiet iċ-ċatti il-vinji huma kontigwi, filwaqt li fil-parti tat-Tramuntana taż-żona ġeografika dawn qegħdin imxerrda bejn foresti tal-arżnu u xagħri.

Iż-żona ġeografika tibbenefika minn livell baxx ta’ xita annwali b’mod partikolari tul is-sajf. It-temperatura medja annwali hija għolja. Il-massa ta’ ilma fil-madwar għandha rwol deċiżiv fil-moderazzjoni tad-differenzi fit-temperatura: il-prossimità tal-baħar u tal-Etang de Thau jnaqqsu l-qawwiet termali annwali u ta’ kuljum u ż-żiffa tal-baħar tillimita ż-żidiet fit-temperaturi ta’ binhar sajfin. Il-flora naturali spontanja hija proprju r-riżultat ta’ dan l-ambjent marittimu sħun, bi rqajja ta’ imsaġar mimlijin siġar tal-arżnu, tal-ballut jew tal-kermès fil-pajsaġġ.

Il-fdalijiet tal-villel Gallo-Rumani jevidenzaw it-tkabbir tal-inbid fiż-żona ġeografika tad-Denominazzjoni “Picpoul de Pinet” minn żminijiet ir-Rumani.

Din il-vinja, qrib il-portijiet antiki ta’ Agde u ta’ Sète hija waħda mill-vinji l-aktar storiċi fit-truf tal-Mediterran. Imsejħa “Vignoble de la Marine” jew “La Marine”, ilha minn żmien l-antik magħrufa għall-inbejjed bojod tagħha.

Il-varjetà tal-għenba Piquepoul B, li ilha stabbilita sew f’wieħed mis-siti ideali tagħha u li Olivier de SERRES, fl-1608, jirreferi għaliha bħala waħda mill-varjetajiet nobbli tal-inbid li ġġib l-isem ta’“Pique-Poule blanc”, hija kkaratterizzata miż-żerriegħa tagħha li titneħħa faċilment u l-użu ta’ platti li jitpoġġew taħt iz-zkuk biex l-għeneb misjur jaqa’ ġo fihom. Fl-11 ta’ Diċembru 1945, digriet ikklassifika l-“Piquepoul de Pinet” fil-kategorija “inbejjed bojod tal-Languedoc” u fis-26 ta’ Novembru 1954 l-inbejjed bojod taż-żona ġeografika ġew rikonoxxuti bħala “Appelation d’origine vin délimité de qualité supérieure” (denominazzjoni tal-oriġini inbid demarkat ta’ kwalità superjuri) “Picpoul de Pinet”. Fl-1960, proġett li kkombina flimkien 15-il denominazzjoni ta’ oriġini storika għall-inbejjed delimitati ta’ kwalità superjuri tad-Dipartiment tal-Hérault u tal-Aude, kiseb rikonoxximent bħala d-denominazzjoni tal-oriġini għal inbejjed delimitati ta’ kwalità superjuri “Coteaux du Languedoc”. L-isem “Languedoc” innifsu llum il-ġurnata jirrifletti l-valuri storiċi u kulturali tal-attività ta’ tkabbir tal-dwieli li ilha għaddejja mal-elf sena.

Il-produtturi tad-denominazzjoni ta’ oriġini tal-inbid demarkat ta’ kwalità superjuri “Picpoul de Pinet” iffurmaw parti minn dan il-proġett, fl-1984. Meta ġiet rikonoxxuta d-denominazzjoni tal-oriġini kkontrollata “Coteaux du Languedoc”, fl-1985, l-użu tal-isem “Picpoul de Pinet” baqa’ jinżamm, bil-possibbiltà li l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jiġi ssuplimentat bid-denominazzjoni ġeografika addizzjonali “Picpoul de Pinet” (inbejjed abjad bl-użu tal-għeneb unika Piquepoul B).

Is-sengħa tal-inbid hija riflessa fl-għażla tal-postijiet fejn tinżera’ l-vinja fuq irqajja tar-raba’ mhux weqfin b’irrigazzjoni u skular tal-ilma tajbin u b’ebda ostaklu għall-proċess tat-tkabbir tal-għeruq.

Dan l-għarfien jintwera wkoll permezz tal-għażla tas-sistemi tat-tħarriġ. Tiżbir fil-baxx huwa ppreferut għax jagħti aktar saħħa lill-varjetà u jillimita l-produzzjoni. Is-sistemi ta’ tħarriġ normalment huma gobelet jew cordon de Royat u l-kontroll fuq il-produzzjoni jirriżulta f’rendimenti moderati u densità tal-pjanti ta’ ’l fuq minn 4 400 vinja għal kull ettaru u f’livell għoli ta’ sajran tal-għeneb skont il-prattiki tradizzjonali.

Fl-aħħar nett, l-għarfien tal-inbid huwa rifless ukoll fl-arranġamenti stretti stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-kwalità ta’ din il-varjetà b’qoxra rqiqa matul it-trasportazzjoni u kif ukoll fl-għasir ta’ vendemmja protetta sabiex tiġi ppreżervata d-delikatezza aromatika u l-bilanċ tal-inbejjed.

Sabiex tiġi ppreservata d-diversità patrimonjali ta’ din il-varjetà emblematika taż-żona ġeografika, il-produtturi waqqfu konservatorju tal-kloni li jservi bħala bażi għas-selezzjoni kollha tal-pjanti.

Il-“Picpoul de Pinet” huwa inbid abjad miksub minn għenba waħda biss, il-“Piquepoul B”, li hija perfettament adattata għall-ambjent naturali taż-żona ġeografika. Fil-fatt, f’dan is-settur ftit li xejn tinżel xita, iżda l-ħamrija fonda u poruża, flimkien mal-influwenzi marittimi umdi, jiffavorixxu l-maturazzjoni ottimali ta’ dan l-għeneb tardiv, u jirriżultaw aromi ta’ fjuri u frott, b’noti ta’ frott taċ-ċitru u bi ħjiel minerali, assoċjati ma dik id-daqsxejn aċidità li tiddistingwi l’Picpoul de Pinet minn inbejjed bojod oħra tar-reġjun.

L-għarfien espert tal-produtturi tal-inbid jidher kemm mill-għażla tal-postijiet fejn jitkabbru l-vinji u kif ukoll mill-modi tat-tħarriġ użati għal din il-varjetà robusta, fejn l-għażla dejjem taqa’ fuq metodi tat-tħarriġ tal-vinji tradizzjonali u kontroll fuq il-produzzjoni, li jiżgura sajran ottimu tal-għeneb skont il-prattiki tradizzjonali.

Fl-aħħar nett, il-produtturi jiżguraw u jippreżervaw il-finezza aromatika u l-bilanċ tal-inbejjed billi jagħtu attenzjoni kbira lit-trasport tal-vendemmja u lill-għasir tagħha.

9.   Kundizzjonijiet essenzjali oħra

Isem ġeografiku supplimentari

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni Nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplimentari:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata jistgħu jispeċifikaw fuq it-tikketti tagħhom l-unità ġeografika usa’ ta’ “Languedoc”. Id-daqs tal-ittri għal din l-unità ġeografika usa’ ma għandux ikun akbar, fl-għoli jew fil-wisa’, minn nofs id-daqs tal-ittri li jifformaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata.

Dispożizzjonijiet addizzjonali tat-tikkettar

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni Nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplimentari:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Id-daqs tal-ittri tat-termini fakultattivi kollha li l-użu tagħhom jista’, skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji, jiġi rregolat mill-Istati Membri, ma għandux ikun akbar, fl-għoli jew fil-wisa’, minn nofs id-daqs tal-ittri li jifformaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata.

Żona fi prossimità immedjata

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni Nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplimentari:

Derogi li jikkonċernaw il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Iż-żona fi prossimità immedjata, iddefinita b’deroga għall-produzzjoni u l-iżvilupp tal-inbejjed, tikkonsisti mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin (Id-Dipartiment ta’ Hérault): Agde u Marseillan.

Referenza tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-b0a39007-4c88-4090-8523-f19de64abead