|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/644 |
28.3.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/644
tal-24 ta’ Marzu 2025
li tawtorizza lil Franza tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u ddestinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika skont id-Direttiva 2003/96/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/880/KE (2) u d-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/192/UE (3) u (UE) 2019/372 (4), Franza ġiet awtorizzata tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. |
|
(2) |
B’ittra datata 31 ta’ Ottubru 2024, Franza talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-enerġija għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant. It-tnaqqis jammonta għal EUR 1 għal kull ettolitru. L-awtorizzazzjoni intalbet għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2028. F’Korsika, il-kost tal-forniment tal-petrol bla ċomb lill-pompi huwa konsiderevolment ogħla minn dak fi Franza kontinentali, bil-prezzijiet finali jkunu aktar minn EUR 0,10 għal kull litru minn dawk tal-pajjiż kontinentali. |
|
(3) |
Bit-tnaqqis fit-taxxa fuq il-petrol bla ċomb imħallsa mill-konsumaturi f’Korsika, il-konsumaturi kkonċernati ser jitqiegħdu f’livell iktar ugwali ma’ dawk li jgħixu fil-pajjiż kontinentali. Għalhekk, il-miżura tissodisfa l-għanijiet ta’ politika reġjonali u ta’ koeżjoni. |
|
(4) |
It-tnaqqis tat-taxxa ma jaqbiżx dak li hu meħtieġ biex jitqiesu l-kostijiet addizzjonali tat-trasport u d-distribuzzjoni mħallsa mill-konsumaturi f’Korsika. |
|
(5) |
Il-livell finali tat-tassazzjoni jikkonforma mar-rati minimi stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE, attwalment EUR 359 għal kull 1 000 litru (jew EUR 35,90 għal kull ettolitru). |
|
(6) |
Minħabba n-natura remota u insulari tad-dipartimenti li ser tapplika għalihom u l-livell moderat tat-tnaqqis tar-rata – li, madankollu, huwa għoli ħafna meta mqabbel mal-livell minimu stabbilit bid-Direttiva 2003/96/KE – il-miżura mitluba mhi ser twassal għall-ebda moviment marbut speċifikament mal-forniment tal-karburant. |
|
(7) |
Għaldaqstant, il-miżura hija aċċettabbli f’termini tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta, u mhijiex inkompatibbli mal-politiki tal-Unjoni dwar is-saħħa, l-ambjent, l-enerġija, u t-trasport. |
|
(8) |
Jenħtieġ għalhekk li Franza tiġi awtorizzata, skont l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, biex tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u ddestinat għall-konsum f’Korsika. |
|
(9) |
Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil, jenħtieġ li jiġi żgurat li Franza tista’ tapplika t-tnaqqis speċifiku relatat ma’ din id-Deċiżjoni mill-1 ta’ Jannar 2025, bla ebda xkiel abbażi tal-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/372. Jenħtieġ għalhekk li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025. |
|
(10) |
F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dik id-dispożizzjoni għandha tkun limitata fiż-żmien.Sabiex tipprovdi lid-dipartimenti kkonċernati b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perjodu ta’ 4 snin. Madankollu, biex ma jiddgħajfux l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, jixraq li jiġi stipulat li jekk il-Kunsill, li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija li għalihom ma tkunx tista’ tiġi adattata din l-awtorizzazzjoni, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiskadi fil-jum li fih issir applikabbli dik is-sistema. |
|
(11) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Franza hija b’dan awtorizzata tapplika tnaqqis fir-rata ta’ tassazzjoni li ma jkunx ta’ aktar minn EUR 1 għal kull ettolitru għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u ddestinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika. Sabiex jiġi evitat kull kumpens żejjed, it-tnaqqis ma għandux imur lil hinn mill-kostijiet addizzjonali ta’ trasport, ħżin u distribuzzjoni mħallsin fid-dipartimenti ta’ Korsika meta mqabblin ma’ Franza kontinentali.
Ir-rata mnaqqsa għandha tirrispetta r-rati minimi msemmijin fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96/KE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2028.
Madankollu, fil-każ li l-Kunsill, li jkun qiegħed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija, li ma din is-sistema l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni ma tkunx kompatibbli, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali modifikata ssir applikabbli.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
C. SIEKIERSKI
(1) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/96/oj.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/880/KE tal-20 ta’ Diċembru 2007 li tawtorizza lil Franza tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 346, 29.12.2007, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/880/oj).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/192/UE tat-22 ta’ April 2013 li tawtorizza lir-Repubblika Franċiża tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 113, 25.4.2013, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/192/oj).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/372 tal-5 ta’ Marzu 2019 li tawtorizza lil Franza tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 68, 8.3.2019, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/372/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/644/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)