|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2613 |
24.11.2023 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2613
tat-23 ta’ Novembru 2023
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward ta’ miżuri tranżizzjonali għall-esportazzjoni tal-frakass tal-fdal tal-laħam u tal-għadam bħala fjuwil għall-kombustjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (2) jistabbilixxi regoli tas-saħħa pubblika u tal-annimali għall-introduzzjoni fis-suq u l-esportazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati. |
|
(2) |
L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 jistipula li l-frakass tal-fdal tal-laħam u tal-għadam (meat-and-bone meal, MBM) tal-Kategorija 1 jenħtieġ li jintrema permezz ta’ inċinerazzjoni, koinċinerazzjoni, kombustjoni jew landfill biex jiġi evitat id-dħul mill-ġdid fil-katina tal-għalf u l-kontaminazzjoni tagħha. |
|
(3) |
Fl-2021, l-awtoritajiet kompetenti tal-Irlanda indikaw li kienu qed jibnu impjanti għall-kombustjoni tal-frakass tal-fdal tal-laħam u tal-għadam, u talbu li matul perjodu tranżizzjonali jiġu awtorizzati l-flussi kummerċjali tradizzjonali tal-MBM tal-materjali tal-Kategorija 1 maħsuba għar-rimi fir-Renju Unit. Il-Kummissjoni tat id-deroga mitluba sal-31 ta’ Diċembru 2023 permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/899 (3). |
|
(4) |
F’April 2023, l-awtoritajiet kompetenti tal-Irlanda infurmaw lill-Kummissjoni dwar xi dewmien fl-ippjanar previst u talbu lill-Kummissjoni għal estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali mill-1 ta’ Jannar 2024 sat-30 ta’ Ġunju 2025. Il-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi tal-Irlanda biex tistabbilixxi l-kapaċitajiet ta’ kombustjoni tagħha stess għar-rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali. Il-perjodu tranżizzjonali jenħtieġ għalhekk li jiġi estiż għal 18-il xahar li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2024. Dan il-perjodu jenħtieġ li jintuża kif xieraq biex jiġu ffinalizzati l-proġetti li għaddejjin bħalissa għall-bini tal-kapaċità tal-impjanti tal-kombustjoni fl-Irlanda. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat skont dan. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/899 tat-3 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward ta’ miżuri tranżizzjonali għall-esportazzjoni ta’ taħlita ta’ laħam u għadam mitħuna bħala karburant għall-kombustjoni (ĠU L 197, 4.6.2021, p. 68).
ANNESS
Fl-Anness XIV, il-Kapitolu V, tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, il-punt (a) fit-tielet kolonna tar-ringiela 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
“(a) |
l-awtorità kompetenti tal-Irlanda awtorizzat l-esportazzjoni lejn l-impjant tal-kombustjoni fir-Renju Unit sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2025, dment li tali movimenti ta’ MBM ta’ materjali tal-Kategorija 1 maħsuba għar-rimi jkunu saru minn dak l-Istat Membru qabel l-1 ta’ Jannar 2021 fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(6), (7) u (8);”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2613/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)