|
25.8.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 222/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1421
tal-24 ta' Awwissu 2015
li jestendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn tidħol id-distanza minima mill-kosta u l-fond għas-sajd bit-tartaruni tax-xatt f'ċertu ilmijiet territorjali ta' Franza (Languedoc-Roussillon u Provenzja-Alpi-Côte d'Azur)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (1) tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94, u b'mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta' rkaptu rmunkat fl-inħawi ta' 3 mili nawtiċi mill-kosta jew fl-inħawi ta' 50 metru isobath fejn il-fond jintlaħaq f'distanza iqsar mill-kosta. |
|
(2) |
Meta xi Stat Membru jitlobha, il-Kummissjoni tista' tippermetti deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, diment li jkunu jintlaħqu għadd ta' kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9). |
|
(3) |
Fl-1 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni waslitilha talba mingħand Franza għal deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta' dak ir-Regolament, għall-użu ta' tartaruni tax-xatt f'ċertu żoni tal-ilmijiet territorjali ta' Franza, ikun xi jkun il-fond. |
|
(4) |
Fl-2013, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta d-deroga li talbet Franza u l-abbozz relatat tal-pjan ta' ġestjoni. |
|
(5) |
Franza adottat il-pjan ta' ġestjoni Franċiż fil-15 ta' April 2014 (2). |
|
(6) |
Id-deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ingħatat sal-31 ta' Diċembru 2014 permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 587/2014 (3). |
|
(7) |
Fis-27 ta' Novembru 2014, l-awtoritajiet Franċiżi talbu lill-Kummissjoni biex testendi d-deroga għal wara l-31 ta' Diċembru 2014. Franza tat informazzjoni aġġornata li tiġġustifika l-estensjoni tad-deroga. |
|
(8) |
Id-deroga li talbet Franza tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(9) |
Minħabba d-daqs limitat tal-blata kontinentali jeżistu xi limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi. |
|
(10) |
Is-sajd bit-tartaruni tax-xatt ma jħalli ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar. |
|
(11) |
Id-deroga li talbet Franza tolqot għadd limitat ta' bastimenti, jiġifieri 23 bastiment biss. |
|
(12) |
Is-sajd bit-tartaruni tax-xatt isir mill-kosta f'baħar baxx u jimmira varjetà ta' speċijiet. In-natura ta' dan it-tip ta' sajd ma tippermettilux isir b'xi rkaptu ieħor. |
|
(13) |
Il-pjan ta' ġestjoni li adottat Franza fil-15 ta' April 2014 jiggarantixxi li fil-ġejjieni mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd, peress li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu għat-23 bastiment speċifikat li jinvolvu sforz totali ta' 1 225 kW li diġà huma awtorizzati għas-sajd minn Franza. |
|
(14) |
It-talba tkopri bastimenti li għandhom esperjenza vasta fis-sajd ta' aktar minn ħames snin u li jaħdmu bi pjan ta' ġestjoni adottat minn Franza skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(15) |
Dawk il-bastimenti jinsabu f'lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(16) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 peress li l-pjan ta' ġestjoni Franċiż jipprojbixxi b'mod espliċitu li jsir sajd f'ħabitats protetti. |
|
(17) |
Ir-rekwiżit tal-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma japplikax għax dan għandu x'jaqsam mal-bastimenti tat-tkarkir. |
|
(18) |
Fejn jidħol ir-rekwiżit ta' konformità mal-Artikolu 9(3) li jistabbilixxi d-daqs minimu tal-malja, il-Kummissjoni tinnota li billi l-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati huma selettivi ħafna, għandhom effett negliġibbli fuq l-ambjent tal-baħar u ma jsirux f'ħabitati protetti, Franza awtorizzat deroga minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-pjan ta' ġestjoni tagħha f'konformità mal-Artikolu 9(7) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(19) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (4). |
|
(20) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati ma jfixklux l-attivitajiet tal-bastimenti bi rkapti oħra li mhumiex tat-tkarkir, tartaruni jew xbieki rmunkati simili. |
|
(21) |
L-attività tat-tartaruni tax-xatt jirregolaha l-pjan ta' ġestjoni Franċiż biex ikun żgurat li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ikunu minimi. |
|
(22) |
It-tartaruni tax-xatt ma jimmirawx għaċ-ċefalopodi. |
|
(23) |
Il-pjan ta' ġestjoni Franċiż fih deroga għad-daqs minimu tal-organiżmi tal-baħar għall-frieħ tas-sardin li jinħattu l-art għall-konsum tal-bniedem u li huma fil-mira tal-attivitajiet tas-sajd regolati fih, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(24) |
L-Artikolu 15(11) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jeżiġi li għall-ispeċijiet soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art kif jispeċifika l-Artikolu 15(1) tal-istess Regolament, l-użu tal-qabdiet tal-ispeċijiet li jkunu inqas mid-daqs tar-referenza ta' konservazzjoni minima, għandu jkun ristrett għal skopijiet oħra ħlief għall-konsum dirett tal-bniedem. |
|
(25) |
Mill-1 ta' Jannar 2015 is-sardin sar soġġett għall-obbligu ta' ħatt l-art u, fil-prinċipju, il-projbizzjoni tal-użu tal-qabdiet tal-ispeċijiet li jkunu inqas mid-daqs tar-referenza ta' konservazzjoni minima għall-konsum dirett tal-bniedem għandha tiġi applikata minn dik id-data għall-frieħ tas-sardin. |
|
(26) |
Minħabba f'hekk, għall-ewwel, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 587/2014 ta deroga biss għall-attivitajiet tas-sajd regolati bil-pjan ta' ġestjoni Franċiż li jsiru bit-tartaruni tax-xatt sal-31 ta' Diċembru 2014, peress li l-modifiki f'dan il-pjan ta' ġestjoni biex isir konformi mal-obbligu ta' ħatt l-art riedu jsiru wara. |
|
(27) |
Madanakollu, matul in-negozjati tar-Regolament (UE) 2015/812 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) il-koleġiżlaturi qablu li jitbiegħdu mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, u li jżommu d-deroga għall-frieħ tas-sardin prevista fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 anki wara l-1 ta' Jannar 2015. |
|
(28) |
Għaldaqstant jista' jiġi konkluż li wara l-1 ta' Jannar 2015, il-pjan ta' ġestjoni Franċiż xorta kien għadu konformi mal-liġi tal-Unjoni. |
|
(29) |
Il-pjan ta' ġestjoni Franċiż fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(30) |
Għaldaqstant id-derogi mitluba għandhom jingħataw. |
|
(31) |
Franza għandha tirrapporta lill-Kummissjoni fil-mument opportun u skont il-pjan ta' monitoraġġ previst fil-pjan ta' ġestjoni Franċiż. |
|
(32) |
B'limitu fit-tul tad-deroga jkunu jistgħu jittieħdu miżuri ta' ġestjoni korrettivi fil-pront, f'każ li l-monitoraġġ tal-pjan ta' ġestjoni jkun juri status ta' konservazzjoni dgħajjef fejn jidħol l-istokk sfruttat, filwaqt li jkun qed jipprovdi skop biex tissaħħaħ il-bażi xjentifika għal pjan ta' ġestjoni aħjar. |
|
(33) |
Għalhekk id-deroga għandha tapplika sal-25 ta' Awwissu 2018. |
|
(34) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-deroga
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ilmijiet territorjali ta' Franza biswit il-kosta ta' Languedoc-Roussillon u Provenzja-Alpi-Côte d'Azur, għat-tartaruni tax-xatt li jużaw il-bastimenti li għandhom:
|
(a) |
in-numru tar-reġistrazzjoni msemmi fil-pjan ta' ġestjoni Franċiż, |
|
(b) |
esperjenza vasta fis-sajd ta' aktar minn ħames snin u fil-ġejjieni mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd eżerċitat; u |
|
(c) |
awtorizzazzjoni għas-sajd u joperaw bil-pjan ta' ġestjoni li adottat Franza skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
Artikolu 2
Il-pjan ta' monitoraġġ u r-rappurtar
Fi żmien sena minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, Franza għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jkun imfassal skont il-pjan ta' monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta' ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1(c).
Artikolu 3
Id-dħul fis-seħħ u l-perjodu ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan japplika sal-25 ta' Awwissu 2018.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Awwissu 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 409, 30.12.2006, verżjoni rettifikata fil-ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6.
(2) JORF Nru 0101, 30.4.2014, p. 7452
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 587/2014 tat-2 ta' Ġunju 2014 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn tidħol id-distanza minima mill-kosta u l-fond għal tartaruni tax-xatt li jistadu f'ċertu ilmijiet territorjali ta' Franza (Languedoc-Roussillon u Provenzja-Alpi-Côte d'Azur) (ĠU L 164, 3.6.2014, p. 13)
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(6) Ir-Regolament (UE) 2015/812 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2187/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 2347/2002 u (KE) Nru 1224/2009, u r-Regolamenti (UE) Nru 1379/2013 u (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rigward l-obbligu tal-ħatt u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1434/98 (ĠU L 133, 29.5.2015, p. 1).