|
29.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 200/152 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1327
tas-26 ta’ Lulju 2022
li titlob lill-Kummissjoni tippreżenta studju dwar is-sitwazzjoni tas-suq intern tas-servizz postali tal-Unjoni, b’mod partikolari rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u proposta, jekk xieraq, fid-dawl tal-eżiti tal-istudju
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 241 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ittri bil-posta esperjenzaw tnaqqis annwali ta’ 4,9 % fl-Unjoni mill-2008 ’l hawn, u din it-tendenza ġiet aċċellerata bil-kontrazzjoni tal-ekonomija minħabba l-pandemija tal-COVID-19, li matulha l-volumi tal-ittri bil-posta naqsu bejn 12 % u 26 % bejn l-2019 u l-2020. |
|
(2) |
Servizzi tal-konsenja tal-pakketti esperjenzaw żieda annwali ta’ madwar 9 % fl-Unjoni mill-2008, u din it-tendenza ġiet aċċellerata minħabba l-pandemija tal-COVID-19. |
|
(3) |
L-ispiża tal-obbligu tas-servizz universali, ibbażata fuq l-iskala tal-ispejjeż, żdiedet minħabba t-tnaqqis qawwi tas-suq tal-ittri bil-posta. |
|
(4) |
L-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku u d-diġitalizzazzjoni introduċew atturi, prodotti u servizzi ġodda fis-suq tas-servizzi postali. |
|
(5) |
F’kull Stat Membru s-servizzi postali universali huma pprovduti fil-pajjiż kollu, filwaqt li l-ħtiġijiet tal-utenti ta’ dawk is-servizzi nbidlu b’mod sinifikanti. |
|
(6) |
Il-kunċett ta’ “servizz universali” jeħtieġ li jirrifletti l-ħtiġijiet tal-utenti li qed jinbidlu u li jkun flessibbli u sostenibbli. |
|
(7) |
Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) laħqet parzjalment l-għanijiet tagħha. Madankollu, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li tiġi riveduta sabiex jiġi żgurat li tibqa’ valida fil-futur u li tindirizza l-isfidi msemmija hawn fuq b’mod sostenibbli. |
|
(8) |
Analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni tas-suq intern tas-servizz postali tal-Unjoni tiġġustifika l-ħtieġa għal reviżjoni tad-Direttiva 97/67/KE sabiex tirrifletti l-iżviluppi teknoloġiċi u t-tibdil f’dak is-suq u tippermetti l-adozzjoni tad-Direttiva riveduta fi ħdan iċ-ċiklu leġiżlattiv Ewropew ta’ bħalissa, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kunsill b’dan jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta studju dwar is-sitwazzjoni tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Unjoni, b’mod partikolari rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva 97/67/KE.
Artikolu 2
1. Il-Kunsill jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta, jekk xieraq, fid-dawl tar-riżultati tal-istudju msemmi fl-Artikolu 1, jew inkella biex tinforma lill-Kunsill dwar miżuri alternattivi meħtieġa bħala segwitu tal-istudju.
2. F’konformità mal-prassi tas-soltu, il-Kunsill jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-proposta tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J. SÍKELA
(1) Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14).