27.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/19


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1315

tas-26 ta' Lulju 2022

li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta' Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Lulju 2015 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333.

(2)

Skont l-Artikolu 17(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333, il-Kunsill irrieżamina l-listi ta' persuni u entitajiet iddeżinjati li jinsabu fl-Annessi II u IV għal dik id-Deċiżjoni.

(3)

Il-Kunsill ikkonkluda li l-entrata għal persuna waħda, li mietet, jenħtieġ li titħassar u jenħtieġ li jinżammu l-miżuri restrittivi kontra l-persuni u l-entitajiet l-oħra kollha fil-listi li jinsabu fl-Annessi II u IV għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet u l-informazzjoni ta' identifikazzjoni għal żewġ persuni jenħtieġ li jiġu aġġornati.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Annessi II u IV għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 huma emendati f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SÍKELA


(1)   ĠU L 206, 1.8.2015, p. 34.


ANNESS

Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Anness II (Lista ta' persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 8(2)), il-Parti A (Persuni) hija emendata kif ġej:

(a)

l-entrata 17 (dwar AL-WERFALLI, Mahmoud Mustafa Busayf) titħassar;

(b)

l-entrata 19 (dwar PRIGOZHIN, Yevgeniy Viktorovich) tiġi sostitwita b'dan li ġej:

"19.

Yevgeniy Viktorovich PRIGOZHIN

(Евгений Викторович Пригожин

Data tat-twelid: 1 ta' Ġunju 1961

Post tat-twelid: Leningrad, eks USSR (issa San Pietruburgu, il-Federazzjoni Russa)

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Yevgeniy Viktorovich Prigozhin huwa negozjant Russu b'rabtiet mill-qrib, inkluż finanzjarjament, mal-Wagner Group, entità militari privata mhux inkorporata bbażata fir-Russja.

B'dan il-mod, Prigozhin hu involut fl-attivitajiet u jipprovdi appoġġ lill-attivitajiet tal-Grupp Wagner fil-Libja li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-pajjiż.

B'mod partikolari, il-Grupp Wagner hu involut fi ksur multiplu u ripetut tal-embargo fuq l-armi fil-Libja stabbilit fl-UNSCR 1970 (2011) u traspost fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333, inkluż it-twassil ta' armi u l-iskjerament ta' merċenarji fil-Libja b'appoġġ għall-Armata Nazzjonali Libjana. Il-Grupp Wagner ipparteċipa f'operazzjonijiet militari multipli kontra l-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali approvat min-NU u kkontribwixxa biex jikkawża danni lill-istabbiltà tal-Libja u jimmina l-proċess ta' paċi.

15.10.2020"

(2)

fl-Anness IV (Lista ta' persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 9(2)), il-Parti A (Persuni) hija emendata kif ġej:

(a)

l-entrata 22 (dwar AL-WERFALLI, Mahmoud Mustafa Busayf) titħassar;

(b)

l-entrata 17 (dwar AL QADHAFI, Quren Salih) tiġi sostitwita b'dan li ġej:

"17.

AL QADHAFI, Quren Salih Quren

magħruf ukoll bħala Akrin Akrin Saleh, Al Qadhafi Qurayn Salih Qurayn, Al Qadhafi Qu'ren Salih Qu'ren, Salah Egreen

Sess: raġel

Eks ambaxxatur Libjan għaċ-Chad. Telaq miċ-Chad lejn Sabha. Involut direttament fir-reklutaġġ u l-koordinazzjoni ta' merċenarji għar-reġim tad-deċedut Muammar Qadhafi.

Assoċjat mill-qrib mal-eks reġim ta' Muammar Qadhafi.

Membru tal-Front Popolari għal-Liberazzjoni tal-Libja (PFLL), partit tal-milizzja u politiku leali lejn id-deċedut Muammar Qadhafi. Involut fid-dgħajfien tat-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Libja billi oppona lin-NU u dgħajjef il-proċess politiku ffaċilitat min-NU, inkluż il-Forum ta' Djalogu Politiku Libjan (LPDF), u b'hekk ħoloq riskju kontinwu għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Libja.

12.4.2011"

(c)

l-entrata 24 (dwar PRIGOZHIN, Yevgeniy Viktorovich) tiġi sostitwita b'dan li ġej:

"24.

Yevgeniy Viktorovich PRIGOZHIN

(Евгений Викторович Пригожин

Data tat-twelid: 1 ta' Ġunju 1961

Post tat-twelid: Leningrad, eks USSR (issa San Pietruburgu, il-Federazzjoni Russa)

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Yevgeniy Viktorovich Prigozhin huwa negozjant Russu b'rabtiet mill-qrib, inkluż finanzjarji, mal-Wagner Group, entità militari privata mhux inkorporata bbażata fir-Russja.

B'dan il-mod, Prigozhin hu involut fl-attivitajiet u jipprovdi appoġġ lill-attivitajiet tal-Grupp Wagner fil-Libja li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-pajjiż.

B'mod partikolari, il-Grupp Wagner hu involut fi ksur multiplu u ripetut tal-embargo fuq l-armi fil-Libja stabbilit fl-UNSCR 1970 (2011) u traspost fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333, inkluż it-twassil ta' armi u l-iskjerament ta' merċenarji fil-Libja b'appoġġ għall-Armata Nazzjonali Libjana. Il-Grupp Wagner ipparteċipa f'operazzjonijiet militari multipli kontra l-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali approvat min-NU u kkontribwixxa biex jikkawża danni lill-istabbiltà tal-Libja u jimmina l-proċess ta' paċi.

15.10.2020"