IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.9.2025
COM(2025) 625 final
2025/0316(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tmien sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar il-komunikazzjonijiet ACCC/C/2015/128 dwar l-aċċess għall-ġustizzja fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, ACCC/C/2013/96 dwar Proġetti ta’ Interess Komuni, ACCC/C/2014/121 dwar id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali u ACCC/C/2010/54 dwar il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Enerġija
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE fit-tmien Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus jew il-Konvenzjoni). Il-proposta hija relatata mal-adozzjoni prevista tal-abbozz tad-deċiżjoni VIII/8e dwar il-konformità mill-UE mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus
Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus hija ftehim ambjentali multilaterali konkluż taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NUKEE).
Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ġiet approvata fis-17 ta’ Frar 2005 mill-Komunità Ewropea, li għamlet ukoll Dikjarazzjoni hekk kif ġiet iffirmata, b’mod partikolari dwar l-obbligi tagħha rigward l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali. L-Istati Membri kollha huma Partijiet għall-Konvenzjoni fihom infushom. Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (ir-Regolament ta’ Aarhus) kif emendat bir-Regolament (KE) 2021/1767 jikkostitwixxi l-implimentazzjoni ewlenija tal-Konvenzjoni fir-rigward tal-atti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-UE.
2.2.Il-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus
Il-Partijiet għall-Konvenzjoni jiltaqgħu kull 4 snin u wieħed mill-punti permanenti fuq l-aġenda jikkonċerna l-konformità tal-Partijiet mal-Konvenzjoni. Il-konformità tiġi vvalutata mill-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (l-ACCC, Aarhus Convention Compliance Committee, jew il-Kumitat għall-Konformità) stabbilit skont l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni. Is-sejbiet tal-Kumitat ma humiex soġġetti għal appell.
Is-sejbiet tal-Kumitat għall-Konformità jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni lil-Laqgħa tal-Partijiet (MoP, Meeting of the Parties) għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus skont ir-regola 37 tad-Deċiżjoni I/7 dwar ir-rieżami tal-konformità. Jekk jiġu approvati, is-sejbiet tal-Kumitat jiksbu l-istatus ta’ interpretazzjoni uffiċjali tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u dan jagħmilhom vinkolanti għall-Partijiet Kontraenti u għall-Korpi tal-Konvenzjoni.
Id-deċiżjonijiet waqt il-Laqgħa tal-Partijiet ġeneralment jittieħdu b’kunsens. Jekk jiġu eżawriti l-isforzi kollha biex jintlaħaq kunsens, id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet sostantivi jittieħdu b’vot ta’ maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-Partijiet preżenti, li jistgħu jivvotaw. L-UE għandha 27 vot mit-48 vot kumplessiv jekk il-Partijiet kollha jkunu preżenti.
Qabel il-Laqgħa tal-Partijiet, il-pożizzjoni tal-UE dwar kwistjonijiet li għalihom hija meħtieġa deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) tiġi diskussa fil-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet Ambjentali Internazzjonali (WPIEI, Working Party on International Environmental Issues) tal-Kunsill u tiġi adottata mhux aktar tard mill-aħħar laqgħa tal-Kunsill qabel il-Laqgħa tal-Partijiet li fiha jkun possibbli li jsir dan. Fl-2025, dan ikun il-Kunsill Ambjent fil-21 ta’ Ottubru 2025.
2.3.L-att previst tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus
Bejn is-17 u d-19 ta’ Novembru 2025, matul it-tmien sessjoni tagħha, il-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus trid tadotta d-deċiżjoni VIII/8e rigward il-konformità mill-UE mal-Konvenzjoni.
L-għan tad-deċiżjoni VIII/8e huwa li tiddetermina jekk l-UE tikkonformax mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus wara li indirizzat is-sejbiet fil-komunikazzjoni ACCC/C/2015/128 u r-rakkomandazzjonijiet fid-deċiżjoni VII/8f tal-MoP dwar il-komunikazzjonijiet ACCC/C/2013/96, ACCC/C/2014/121 u ACCC/C/2010/54; li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet neċessarji biex tiġi żgurata l-konformità; li titlob lill-Parti kkonċernata tieħu miżuri urġenti biex tiżgura l-konformità; u li titlob rapportar regolari mill-UE dwar il-miżuri adottati biex tiżgura li tikkonforma mal-Konvenzjoni.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE
3.1.Komunikazzjoni ACCC/C/2015/128
Fis-17 ta’ Marzu 2021, il-Kumitat ħareġ sejbiet fir-rigward tal-komunikazzjoni ACCC/C/2015/128, li saru mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs, Non-Governmental Organisations) Oekobuero u GLOBAL 2000, dwar il-possibbiltà li l-membri tal-pubbliku jikkontestaw deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ għajnuna mill-Istat meħuda mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE.
L-ACCC għamel ukoll ir-rakkomandazzjoni li ġejja fis-sejbiet tiegħu.
(131) Il-Parti kkonċernata [għandha] tieħu l-miżuri leġiżlattivi u regolatorji u miżuri oħrajn neċessarji biex tiżgura li r-Regolament ta’ Aarhus jiġi emendat, jew tiġi adottata leġiżlazzjoni ġdida tal-Unjoni Ewropea, biex il-membri tal-pubbliku jiġu pprovduti b’mod ċar aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex jikkontestaw deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ għajnuna mill-Istat meħuda mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea relatat mal-ambjent, f’konformità mal-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni.
Fis-sessjoni ordinarja tagħha ta’ Ottubru 2021, il-Laqgħa tal-Partijiet iddeċidiet b’mod eċċezzjonali, u b’kunsens, li tipposponi t-teħid ta’ deċiżjoni dwar is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ACCC fl-ACCC/C/2015/128 għas-sessjoni ordinarja li jmiss tal-Laqgħa tal-Partijiet. Fil-Laqgħa tal-Partijiet tal-2021, l-UE affermat mill-ġdid l-impenn tagħha li twettaq l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus.
Wara sejħa għal evidenza u diversi sensiliet ta’ konsultazzjonijiet mill-2022, il-Kummissjoni emendat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki fit-12 ta’ Mejju 2025 billi introduċiet mekkaniżmu ta’ rieżami intern simili għal dak applikabbli skont ir-Regolament ta’ Aarhus iżda adattat għall-karatteristiċi speċifiċi tal-għajnuna mill-Istat.
Fl-abbozz tar-rapport tiegħu dwar it-talba ACCC/M/2021/4 tal-MoP dwar il-konformità mill-Unjoni Ewropea, l-ACCC jikkonkludi li l-UE ssodisfat ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-ACCC/C/2015/128.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, fit-tmien sessjoni li jmiss tal-Laqgħa tal-Partijiet, l-UE għandha tapprova d-deċiżjoni VIII/8e fir-rigward tal-komunikazzjoni ACCC/C/2015/128 u tilqa’ b’sodisfazzjon l-abbozz tar-rapport tal-ACCC.
3.2.Deċiżjoni VII/8f
Fis-seba’ sessjoni tagħha tal-2021, l-MoP adottat id-deċiżjoni VII/8f, fost affarijiet oħra, li tafferma mill-ġdid id-deċiżjoni V/9g tagħha. Id-deċiżjoni kienet tinkludi rakkomandazzjonijiet rigward is-sejbiet tal-ACCC dwar il-komunikazzjonijiet ACCC/C/2010/54, ACCC/C/2013/96 u ACCC/C/2014/121.
3.2.1.Komunikazzjoni ACCC/C/2010/54
Fil-ħames sessjoni tagħha tal-2014, l-MoP approvat is-sejbiet tal-ACCC, u ddikjarat li l-UE kienet naqset milli tikkonforma mal-Konvenzjoni fir-rigward tal-komunikazzjoni ACCC/C/2010/54 b’rabta mal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (NREAP, National Renewable Energy Action Plan) tal-Irlanda. L-MoP irrakkomandat li l-UE “tadotta qafas regolatorju xieraq u/jew struzzjonijiet ċari għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-NREAPs.”
Rapporti sussegwenti tal-ACCC sabu li l-UE għadha ma ssodisfatx ir-rekwiżiti tal-paragrafu 3 tad-deċiżjoni V/9g. Wara t-talba mill-MoP dwar il-konformità mill-UE (ACCC/M/2017/3), l-UE rrapportat dwar il-miżuri meħuda biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet fid-deċiżjoni V/9g fir-rigward tal-Komunikazzjoni ACCC/C/2010/54 f’Ottubru 2018, 2019 u 2020. B’mod partikolari, il-Kummissjoni infurmat lill-Kumitat dwar id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-Governanza relatat mal-involviment pubbliku fit-tħejjija mill-Istati Membri tal-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (NECPs, National Energy and Climate Plans), li, fost l-oħrajn, issostitwew l-NREAPs, u dwar il-ħidma tagħha biex tgħin lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus fil-kuntest ta’ dak l-Artikolu 10, li għandu jinqara flimkien mal-premessa 28 tar-Regolament dwar il-Governanza.
Fir-rapport tiegħu dwar id-deċiżjoni VII/8f, wara li rrieżamina r-rapport ta’ progress finali ppreżentat mill-UE lill-ACCC fl-1 ta’ Ottubru 2024, l-ACCC jirrikonoxxi li l-Gwida lill-Istati Membri għall-aġġornament tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima tal-2021–2030 tirrappreżenta struzzjonijiet għall-finijiet tal-paragrafu 2(a) tad-deċiżjoni VII/8f. Konsegwentement, l-ACCC ikkonkluda li l-UE rnexxielha tikkonforma mas-sejbiet fir-rigward tal-iżgurar li l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni pubblika fit-tħejjija tal-NECPs tal-Istati Membri huma trasparenti u ġusti, ir-rekwiżit li tiġi permessa parteċipazzjoni pubblika bikrija “meta l-għażliet kollha jkunu possibbli”, u l-obbligu li jiġi żgurat li jitqies kif xieraq l-eżitu tal-parteċipazzjoni pubblika. Madankollu, skont l-istess rapport tiegħu, l-ACCC ikkonkluda li l-UE ma ssodisfatx bis-sħiħ ir-rekwiżiti fir-rigward tal-għoti tal-informazzjoni neċessarja lill-pubbliku biex jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċeduri, b’mod partikolari t-tħejjija tal-abbozz tal-NECP aġġornat innifsu. Fir-rigward tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-paragrafu 2(b) tad-deċiżjoni VII/8f dwar il-mod li bih il-Kummissjoni tevalwa l-NECPs kif xieraq, l-ACCC irrikonoxxa l-progress sinifikanti li sar. Madankollu, huwa jqis li l-Kummissjoni għandha tinkorpora b’mod espliċitu fil-kriterji ta’ valutazzjoni tagħhom, ir-rekwiżit li l-parteċipazzjoni pubblika sseħħ “meta l-opzjonijiet kollha jkunu possibbli”. Ir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament dwar il-Governanza toffri l-opportunità li ssir aktar ħidma fuq il-bqija tal-elementi tas-sejbiet tal-ACCC.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, fit-tmien sessjoni li ġejja tal-Laqgħa tal-Partijiet, l-UE għandha tapprova l-abbozz tad-deċiżjoni VIII/8e sa fejn jagħti segwitu għall-ACCC/C/2010/54, soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill. L-UE għandha tiżgura, li l-MoP tirrikonoxxi fid-deċiżjoni tagħha “progress sinifikanti fl-iżgurar tal-konformità mas-sejbiet fl-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni”.
3.2.2.Komunikazzjoni ACCC/C/2013/96
Fit-28 ta’ Ottubru 2013, il-pjattaforma Ewropea kontra l-parks eoliċi ppreżentat il-komunikazzjoni ACCC/C/2013/96 lill-ACCC li allegat nuqqas mill-UE li tikkonforma mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikoli 4 u 7 tal-Konvenzjoni b’rabta mal-adozzjoni mill-Kummissjoni Ewropea fl-14 ta’ Ottubru 2013 ta’ lista ta’ 248 Proġett ta’ Interess Komuni (PCI, Projects of Common Interest).
Fis-sejbiet tiegħu tad-9 ta’ Novembru 2020, l-ACCC irrakkomanda li l-UE “tieħu l-miżuri leġiżlattivi jew regolatorji, jew miżuri oħrajn, u l-arranġamenti prattiċi neċessarji biex tiżgura li fil-proċeduri ta’ parteċipazzjoni pubblika fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni mwettqa skont ir-Regolament TEN-E, jew kwalunkwe leġiżlazzjoni ta’ sostituzzjoni: (a) Id-dokumenti ta’ konsultazzjoni ewlenin, inkluża n-notifika lill-pubbliku, jiġu pprovduti lill-pubbliku bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Parti kkonċernata; (b) Jitqiesu kif xieraq l-eżiti tal-parteċipazzjoni pubblika, b’mod trasparenti u traċċabbli, fit-teħid tad-deċiżjonijiet.”
Fis-seba’ laqgħa tagħha tal-2021, l-MoP adottat id-deċiżjoni VII/8f, li tapprova s-sejbiet tal-Kumitat fir-rigward tal-komunikazzjoni ACCC/C/2013/96 dwar il-konformità mill-UE mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni u li titlob lill-UE tippreżenta pjan ta’ azzjoni u rapporti ta’ progress sussegwenti dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.
Minn dak iż-żmien, il-Kummissjoni ħadet għadd ta’ passi biex tipprovdi opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni addizzjonali, bħal:
(1)konsultazzjoni pubblika dwar il-metodoloġija li għandha tintuża għall-valutazzjoni ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni u Reċiproku;
(2)laqgħat ibridi, miftuħin għall-pubbliku matul il-proċess tal-għażla;
(3)il-preżentazzjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-proġetti kandidati lill-gruppi reġjonali;
(4)it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-laqgħat meta r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-proġetti kandidati jiġu ppreżentati lill-gruppi reġjonali, u r-reġistrazzjonijiet tagħhom.
L-UE rrapportat dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MoP dwar il-komunikazzjoni ACCC/C/2013/96 fir-rapport ta’ progress finali tagħha tal-1 ta’ Ottubru 2024. Madankollu, fl-abbozz tar-rapport tiegħu dwar il-progress li sar mill-UE, l-ACCC ikkonkluda li l-UE għadha ma ssodisfatx bis-sħiħ ir-rekwiżiti tad-deċiżjoni VII/8f.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, fit-tmien sessjoni li ġejja tal-MoP, l-UE għandha ttenni l-fehim li l-opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni addizzjonali introdotti fil-proċess tat-TEN-E jirrappreżentaw arranġamenti prattiċi li jiżguraw li l-eżiti tal-parteċipazzjoni pubblika jitqiesu kif xieraq f’konformità mad-deċiżjoni VII/8f, b’mod trasparenti u traċċabbli, fit-teħid tad-deċiżjonijiet skont ir-Regolament TEN-E rivedut. Barra minn hekk, l-UE għandha ttenni li d-dokumenti ta’ konsultazzjoni ewlenin, inkluża n-notifika lill-pubbliku, jiġu pprovduti lill-pubbliku bil-lingwi uffiċjali kollha tal-partijiet ikkonċernati, peress li r-Regolament TEN-E jirrikjedi li d-dokumenti ta’ konsultazzjoni pubblika kollha, il-manwali tal-proċeduri, u d-dokumenti tekniċi u ta’ applikazzjoni disponibbli fis-siti web tal-promoturi jiġu tradotti bil-lingwi kollha tal-Istati Membri kkonċernati. Madankollu, l-UE għandha tapprova l-abbozz tad-deċiżjoni VIII/8e sa fejn jagħti segwitu għall-ACCC/C/2013/96 fl-aspetti li jifdal, soġġett għall-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill, dment li l-MoP tirrikonoxxi t-titjib li sar mill-UE biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 8(a) u (b) tad-deċiżjoni VII/8f u tikkonforma mal-Artikolu 3(2) u l-Artikoli 4 u 7 tal-Konvenzjoni. B’mod speċifiku:
–l-organizzazzjoni ta’ laqgħat miftuħa li jippermettu l-parteċipazzjoni pubblika tal-partijiet interessati fil-proċess tal-għażla tal-PCI, f’konformità mal-paragrafu 8(a);
–iċ-ċentralizzazzjoni tas-siti web tal-proġetti taħt il-pjattaforma tat-trasparenza u l-link tagħha għas-siti web tal-proġetti fejn tista’ tinstab il-verżjoni tradotta tad-dokumenti, f’konformità mal-paragrafu 8(b).
3.2.3.Komunikazzjoni ACCC/C/2014/121
Fit-12 ta’ Diċembru 2014, l-NGO, l-Istitut Internazzjonali għad-Dritt u għall-Ambjent, ippreżenta l-komunikazzjoni ACCC/C/2014/121 li fiha allega li l-UE naqset milli tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet. B’mod partikolari, huwa allega li d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet stipulati fl-Artikolu 6(1)(a) u (10) tal-Konvenzjoni f’każijiet fejn permess maħruġ skont id-Direttiva jiġi kkunsidrat mill-ġdid jew aġġornat.
Fis-sejbiet tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2020, l-ACCC irrakkomanda li l-UE “tistabbilixxi qafas legalment vinkolanti biex tiżgura li, meta awtorità pubblika fi Stat Membru tal-Parti kkonċernata tikkunsidra mill-ġdid jew taġġorna l-kundizzjonijiet tal-permessi skont il-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 21(3), (4) u (5)(b) u (c) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, jew id-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tissostitwixxi dik id-Direttiva, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2)(9) se jiġu applikati mutatis mutandis u meta jkun xieraq, filwaqt li jitqiesu l-objettivi tal-Konvenzjoni”.
Fis-seba’ sessjoni tagħha tal-2021, l-MoP adottat id-deċiżjoni VII/8f, li tapprova s-sejbiet tal-Kumitat fir-rigward tal-komunikazzjoni ACCC/C/2014/121 dwar il-konformità mill-UE mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni u talbet lill-UE tippreżenta pjan ta’ azzjoni u rapporti ta’ progress sussegwenti dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.
L-UE rrapportat dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-MoP dwar il-komunikazzjoni ACCC/C/2014/121 fir-rapport ta’ progress finali tagħha tal-1 ta’ Ottubru 2024. Fl-abbozz tar-rapport tiegħu dwar id-deċiżjoni VII/8f tal-MoP dwar il-konformità mill-UE, l-ACCC ikkonkluda li l-UE issa ssodisfat ir-rekwiżiti rigward il-komunikazzjoni ACCC/C/2014/121 billi emendat id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, fit-tmien sessjoni li jmiss tal-MoP, l-UE għandha tapprova l-abbozz tad-deċiżjoni VIII/8e sa fejn jagħti segwitu għall-ACCC/C/2014/121 u tilqa’ b’sodisfazzjon l-abbozz tar-rapport tal-ACCC, soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
3.3.Konklużjonijiet tal-ACCC
Fl-abbozz tar-rapporti tagħha dwar il-progress li sar mill-UE biex timplimenta t-talba ACCC/M/2021/4 tal-MoP dwar il-konformità mill-Unjoni Ewropea u d-deċiżjoni VII/8f, l-ACCC:
(1)jikkonkludi li l-UE ssodisfat ir-rekwiżiti rigward il-komunikazzjoni ACCC/C/2014/121 billi emendat id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali;
(2)jikkonkludi li l-UE ssodisfat ir-rekwiżiti rigward il-komunikazzjoni ACCC/C/2015/128 billi introduċiet mekkaniżmu ta’ talba għal rieżami intern simili għal dak skont ir-Regolament ta’ Aarhus iżda adattat għall-karatteristiċi speċifiċi tal-qafas tal-għajnuna mill-Istat;
(3)jilqa’ l-progress sinifikanti li sar sa issa iżda jqis li l-UE għadha ma ssodisfatx ċerti rekwiżiti rigward il-komunikazzjonijiet oriġinali dwar l-ACCC/C/2010/54 u jirrakkomanda lill-MoP tafferma mill-ġdid id-deċiżjoni VII/8f tagħha;
(4)jilqa’ l-progress sinifikanti li sar sa issa iżda jqis li l-UE għadha ma ssodisfatx ċerti rekwiżiti rigward il-komunikazzjonijiet oriġinali dwar l-ACCC/C/2013/96 u jirrakkomanda lill-MoP tafferma mill-ġdid id-deċiżjoni VII/8f.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, wara prattika konsistenti fir-rigward ta’ dawn il-komunikazzjonijiet, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-UE:
–tapprova l-abbozz tad-deċiżjoni VIII/8e;
–tilqa’ b’sodisfazzjon l-abbozzi tar-rapporti tal-ACCC fir-rigward tas-sejbiet li l-UE ssodisfat ir-rekwiżiti rigward il-komunikazzjonijiet ACCC/C/2015/128 u ACCC/C/2014/121;
–tilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-progress mill-UE fir-rigward tal-komunikazzjonijiet ACCC/C/2010/54 u ACCC/C/2013/96 u timpenja ruħha li taħdem biex tindirizza l-kwistjonijiet pendenti f’dawk il-każijiet;
–tagħmel dikjarazzjoni li tenfasizza l-progress miksub u tenfasizza l-kumplessitajiet fl-indirizzar tal-kwistjonijiet pendenti relatati mal-komunikazzjoni ACCC/C/2013/96.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li għandhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda “li jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-MoP hija korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri n-NUKEE.
L-att li l-MoP hija mitluba tadotta jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni I/7 dwar ir-rieżami tal-konformità, b’mod partikolari r-regola 37 tagħha.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-UE.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw il-politika ambjentali.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1).
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali għad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2025/0316 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tmien sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar il-komunikazzjonijiet ACCC/C/2015/128 dwar l-aċċess għall-ġustizzja fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, ACCC/C/2013/96 dwar Proġetti ta’ Interess Komuni, ACCC/C/2014/121 dwar id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali u ACCC/C/2010/54 dwar il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Enerġija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fis-17 ta’ Frar 2005, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus) ġiet approvata, f’isem il-Komunità Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE.
(2)Skont l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ġie stabbilit il-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (il-Kumitat għall-Konformità). Il-Kumitat għall-Konformità għandu l-kompetenza li jagħmel rieżami tal-konformità mill-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus mal-obbligi tagħhom skont dik il-Konvenzjoni.
(3)Il-Laqgħa tal-Partijiet (MoP, Meeting of the Parties), matul it-tmien sessjoni tagħha bejn is-17 u d-19 ta’ Novembru 2025, trid tadotta d-deċiżjoni VIII/8e dwar il-konformità mill-UE mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni, inklużi s-sejbiet fir-rigward tal-komunikazzjoni ACCC/C/2015/128 b’rabta mal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali rigward id-deċiżjonijiet finali dwar l-għajnuna mill-Istat u r-rakkomandazzjonijiet fid-deċiżjoni VII/8f b’rabta mal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs, National Energy and Climate Plans), il-Proġetti ta’ Interess Komuni (PCIs, Projects of Common Interest) u d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali. Jekk is-sejbiet jiġu adottati mill-MoP, dawn jiksbu l-istatus ta’ interpretazzjoni uffiċjali tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u jkunu vinkolanti fuq il-Partijiet għall-Konvenzjoni u l-korpi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.
(4)Għalhekk, id-deċiżjoni prevista tal-MoP għandha effetti legali.
(5)Huwa neċessarju li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE fit-tmien sessjoni tal-MoP.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE fit-tmien sessjoni tal-MoP dwar il-konformità mill-UE mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus b’rabta mal-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali rigward id-deċiżjonijiet finali dwar l-għajnuna mill-Istat, kif indirizzat fil-komunikazzjoni ACCC/C/2015/128, għandha tkun li tapprova l-abbozz tad-deċiżjoni VIII/8e kif ukoll li tilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport ippreżentat mill-ACCC dwar it-talba ACCC/M/2021/4 tal-MoP dwar il-konformità mill-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE fit-tmien sessjoni tal-MoP dwar il-konformità mill-UE mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus b’rabta mal-NECPs, mal-PCIs u mad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, kif indirizzat fil-komunikazzjonijiet ACCC/C/2010/54, ACCC/C/2013/96 u ACCC/C/2014/121 u fid-deċiżjoni VII/8f, għandha tkun li tapprova l-abbozz tad-deċiżjoni VIII/8e, jekk il-punti li ġejjin jiġu riflessi f’dik id-deċiżjoni:
–b’rabta mal-NECPs, id-deċiżjoni tirrikonoxxi u tilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-UE għamlet progress sinifikanti biex tiżgura l-konformità mas-sejbiet u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Konformità dwar il-komunikazzjoni ACCC/C/2010/54 b’rabta mal-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni, u li l-UE tkun ikkonformat ma’ parti minn dawk is-sejbiet fir-rigward tal-adozzjoni ta’ struzzjonijiet għall-finijiet tal-paragrafu 2(a) tad-deċiżjoni VII/8f;
–b’rabta mal-PCIs, id-deċiżjoni tirrikonoxxi t-titjib li sar mill-UE, permezz ta’ arranġamenti prattiċi, biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-paragrafi 8(a) u (b) tad-deċiżjoni VII/8f u biex ikun hemm konformità mal-Artikoli 3(2), 4 u 7 tal-Konvenzjoni.
Artikolu 3
Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet tekniċi minuri fil-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 1 u 2 mir-rappreżentanti tal-UE, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, fuq il-post u mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President