52010PC0075

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' emendi għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku /* KUMM/2010/0075 finali - NLE 2010/0042 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 8.3.2010

KUMM(2010)75 finali

2010/0042 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' emendi għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku (il-Konvenzjoni), ġiet iffirmata f'Ottawa fl-24 ta' Ottubru 1978 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1979. Il-Komunità Ekonomika Ewropea ssieħbet f'din il-Konvenzjoni fit-28 ta' Diċembru 1978 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3179/78[1].

Il-Konvenzjoni stabbilixxiet l-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Majjistral tal-Atlantiku (NAFO), Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO), bil-għan li tippromwovi l-konservazzjoni u l-aħjar utilizzazzjoni tar-riżorsi tas-sajd tal-Majjistral tal-Atlantiku f'qafas xieraq għar-reġim ta' ġuriżdizzjoni estiża tal-Istat Kostali fuq is-sajd, u għalhekk li tinkoraġġixxi kooperazzjoni u konsultazzjonijiet internazzjonali fir-rigward ta' riżorsi.

Il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni adottaw l-"Emenda għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku" (l-Emenda) fil-Laqgħat Annwali tan-NAFO fl-2007 (il-verżjoni Ingliża) u fl-2008 (il-verżjoni Franċiża). L-Emenda tirrevedi l-Konvenzjoni b'mod komprensiv bl-għan prinċipali li ssir aktar konformi ma' Konvenzjonijiet reġjonali oħra u strumenti internazzjonali u sabiex tinkorpora kunċetti moderni dwar il-ġestjoni tas-sajd. Għalhekk l-Emenda tissimplifika l-istruttura tal-organizzazzjoni, tintroduċi definizzjonijiet ċari tar-responsabbiltajiet tal-Partijiet Kontraenti, tal-Istati tal-Bandiera u tal-Istati tal-Port, tipprovdi proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet aktar koerenti u tirrazzjonalizza l-formula ta' kontribuzzjoni għall-baġit tan-NAFO. Finalment, l-Emenda tipprovdi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-każ li jinqala' xi tilwim bejn il-Partijiet Kontraenti.

Fid-dawl tal-possibbiltajiet ta' sajd li żdiedu għall-Unjoni Ewropea skont il-Konvenzjoni, huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea li tapprova l-Emenda proposta għall-Konvenzjoni, filwaqt li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3179/78 tat-28 ta' Diċembru 1978 li jirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ekonomika Ewropea tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral [fil-Majjistral tal-Atlantiku] se jibqa' fis-seħħ għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li mhux se jinbidlu.

Il-proposta hija maħsuba sabiex tapprova l-Emenda għall-Konvenzjoni f'isem l-Unjoni Ewropea.

Il-Kunsill huwa mitlub jadotta din il-proposta malajr kemm jista' jkun wara l-kunsens tal-Parlament Ewropew.

2010/0042 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' emendi għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artkolu 218(6)(a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[3],

Billi:

1. Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku (il-Konvenzjoni), ġiet iffirmata f'Ottawa fl-24 ta' Ottubru 1978 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1979, u b'hekk stabbilixxiet l-Organizzazzjoni tas-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku (NAFO).

2. Il-Komunità Ekonomika Ewropea issieħbet ma' din il-Konvenzjoni permezz tal-adozzjoni mill-Kunsill tar-Regolament (KEE) Nru 3179/78 tat-28 ta' Diċembru 1978 li jirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ekonomika Ewropea tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral [fil-Majjistral tal-Atlantiku][4].

3. Permezz tal-Artikolu 1, it-tielet paragrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea biddlet u hija s-suċċessur għall-Komunità Ewropea.

4. Skont l-Artikolu XXI(2) tal-Konvenzjoni, emenda għall-Konvenzjoni tirrikjedi li l-emenda tiġi adottata minn tliet kwarti tal-Partijiet Kontraenti mal-Konvenzjoni. Skont l-Artikolu XXI(3) tal-Konvenzjoni, emenda tidħol fis-seħħ 120 ġurnata wara d-data ta' notifika mid-Depożitarju li jkun irċieva n-notifika bil-miktub tal-approvazzjoni ta' tliet kwarti tal-Partijiet Kontraenti kollha.

5. Il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku adottaw l-Emenda għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku fil-Laqgħat Annwali tan-NAFO fl-2007 (il-verżjoni Ingliża) u fl-2008 (il-verżjoni Franċiża). L-Emenda tirrevedi ħafna aspetti tal-Konvenzjoni bl-għan ewlieni li ssir aktar konformi ma' Konvenzjonijiet reġjonali oħra u strumenti internazzjonali fil-qasam tas-sajd u sabiex tinkorpora kunċetti moderni dwar il-ġestjoni tas-sajd.

6. L-għan u l-prinċipji ġenerali tal-Konvenzjoni ġew riveduti u mwessa' sabiex jiżguraw il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli fit-tul tar-riżorsi tas-sajd aktar milli l-aħjar utilizzazzjoni tagħhom. Flimkien ma' dawn l-għanijiet, l-Emenda tippermetti li n-NAFO tissalvagwardja l-ekosistema tal-baħar li fiha jinsabu r-riżorsi tas-sajd, u li l-Partijiet Kontraenti għandhom iqisu l-approċċ prekawzjonarju, l-approċċ ekosistemiku u l-bżonn li d-diversità bijoloġika tal-baħar tkun ikkonservata.

7. Skont l-Emenda, in-NAFO għandha, filwaqt li taqdi dawn il-funzjonijiet, tqis l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli għaliha.

8. L-istruttura tan-NAFO ġiet irrazzjonalizzata sabiex taqdi aħjar il-bżonnijiet tal-organizzazzjoni. B'mod partikolari, iż-żewġ korpijiet ta' deċiżjoni fl-istruttura attwali, il-Kunsill Ġenerali u l-Kummissjoni tas-Sajd, ingħaqdu f'korp wieħed.

9. Il-formula ta' kontribuzzjoni għall-baġit ġiet immodernizzata sabiex tirrifletti l-prinċipju ta' min juża jħallas rigward is-servizzi mogħtija mill-Partijiet Kontraenti tan-NAFO.

10. Ġew introdotti definizzjonijiet ġodda dwar l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti, l-Istati tal-Bandiera u l-Istati tal-Port skont l-iżviluppi internazzjonali sabiex jipprovdu gwida ċara dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti tan-NAFO.

11. Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ġie rrivedut, b'mod partikolari sabiex ikun hemm aktar ċarezza rigward l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti li jixtiequ joġġezzjonaw għall-miżuri ta' Konservazzjoni u ġestjoni adottati min-NAFO.

12. Proċedura ġdida dwar is-soluzzjoni tat-tilwim stabbilita skont il-Konvenzjoni se tippermetti li t-tilwim jiġi solvut bla telf ta' żmien, u dan għandu jkun fl-interess tal-Unjoni Ewropea.

13. L-Emenda proposta għall-Konvenzjoni għandha tgħin lill-Unjoni Ewropea lejn it-twettiq tal-obbligi internazzjonali tagħha rigward is-sajd sostenibbli kif ukoll rigward aktar għanijiet tat-Trattat.

14. Fid-dawl tal-possibbiltajiet tas-sajd li żdiedu għall-Unjoni Ewropea skont il-Konvenzjoni, huwa fl-interess tal-UE li tapprova l-Emenda proposta għall-Konvenzjoni, filwaqt li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3179/78 għandu jibqa' fis-seħħ għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li mhux se jinbidlu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Emenda għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku kif stipulata fl-Anness hija hawnhekk approvata.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina persuna awtorizzata sabiex, f’isem l-Unjoni Ewropea, tinnotifika lill-Gvern Depożitarju bl-approvazzjoni tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu XXI(3) tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Se tkun pubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Emenda għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku għandha tkun ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President[pic][pic][pic]

[1] ĠU L 378, 30.12.1978, p. 1

[2] ĠU C, , p.

[3] ĠU C, , p.

[4] ĠU L 378, 30.12.1978, p. 1 Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 653/80 tas-17 ta' Marzu 1980, ĠU L 74, 20.3.1980, p. 1.