11.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 40/59


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/73/PESK

tal-10 ta’ Frar 2014

dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR RCA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fir-Riżoluzzjoni 2127 (2013) tiegħu dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA), adottata fil-5 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) esprima tħassib profond dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tas-sigurtà u l-ksur ripetut u dejjem jiżdied tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem fir-RĊA. Barra minn hekk, huwa awtorizza l-iskjerament tal-Missjoni ta’ Appoġġ Internazzjonali Mmexxija mill-Afrika fir-RĊA (AFISM-CAR) għal perijodu ta' tnax-il xahar u awtorizza l-iskjerament ta' forzi Franċiżi fir-RĊA, għal perijodu temporanju, biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jappoġġaw AFISM-CAR fit-twettiq tal-mandat tagħha.

(2)

Wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2013 u tas-16 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta' Diċembru 2013 esprima t-tħassib tiegħu dwar il-kriżi li kontinwament sejra għall-agħar fir-RĊA u l-konsegwenzi serji umanitarji u ta' drittijiet tal-bniedem tagħha. Huwa laqa' l-intervent militari Franċiż b'appoġġ għall-forzi Afrikani biex jgħinu biex jerġa' jkun hemm sigurtà kif ukoll l-impenn konsistenti tas-sħab Afrikani tiegħu biex jistabbilizzaw is-sitwazzjoni. Fil-qafas ta' approċċ komprensiv, huwa kkonferma r-rieda tal-UE li teżamina l-użu ta' strumenti rilevanti biex tikkontribwixxi għall-isforzi li qed isiru għall-istabilizzazzjoni tal-pajjiż, fost l-oħrajn fil-qafas tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), kemm fid-dimensjoni militari kif ukoll dik ċivili. Huwa stieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) biex tippreżenta proposta dwar dan għal deċiżjoni fil-Kunsill f'Jannar 2014.

(3)

Fl-20 ta' Jannar 2014, il-Kunsill approva Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi għal operazzjoni militari ta' tranżizzjoni tal-PSDK fir-RĊA, (minn hawn 'il quddiem 'EUFOR RCA'), soġġett għal Riżoluzzjoni tal-KSNU adottata taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU. Il-Kunsill saħaq dwar l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab tiegħu, b'mod partikolari n-NU, l-Unjoni Afrikana (UA), l-awtoritajiet tar-RĊA, kif ukoll mal-Operazzjoni Franċiża Sangaris.

(4)

Fit-28 ta' Jannar 2014, il-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni 2134 (2014) li tawtorizza l-istabbiliment ta' operazzjoni tal-UE, EUFOR RCA.

(5)

Fit-23 ta' Jannar 2014, is-Segretarjat Ġenerali tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS) laqa' b'sodisfazzjon l-istabbiliment tal-operazzjoni tal-UE fir-RĊA.

(6)

Fl-24 ta' Jannar 2014, f'ittra indirizzata lir-RGħ, il-President interim tar-RĊA laqa' b'sodisfazzjon l-istabbiliment tal-operazzjoni tal-UE awtorizzata mir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2134 (2014).

(7)

L-EUFOR RCA għandha timplimenta malajr kemm jista' jkun il-Kapaċità Operattiva Sħiħa (KOS) sabiex tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni. Hija għandha twettaq kompiti ordnati bil-għan li jsir it-trasferiment tar-responsabbiltajiet lill-AFISM-CAR fi żmien erba' sa sitt xhur minn meta tintlaħaq il-KOS.

(8)

F'konformità mal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, kontroll politiku fuq l-operazzjoni ta' mmaniġġar ta' kriżi, jagħtiha direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f'dak ir-rigward.

(9)

Huwa meħtieġ li jiġu negozjati u konklużi ftehimiet internazzjonali relatati mal-istatus tal-unitajiet u l-persunal tal-Unjoni u mal-parteċipazzjoni ta' Stati terzi f'operazzjonijiet tal-Unjoni.

(10)

F'konformità mal-Artikolu 41(2) tat-TUE u f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK (1), in-nefqa operazzjonali li tirriżulta minn din id-Deċiżjoni, li jkollha implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, għandha titħallas mill-Istati Membri.

(11)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża. B'konsegwenza ta' dan, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, la hi marbuta minnha u lanqas hija soġġetta għall-applikazzjoni tagħha u ma tiħux sehem fil-finanzjament ta' din l-operazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni għandha tmexxi operazzjoni militari ta' tranżizzjoni fir-RĊA, EUFOR RCA, biex tikkontribwixxi għall-provvediment ta' ambjent sikur, bi trasferiment tar-responsabbiltajiet lill-Missjoni ta' Appoġġ Internazzjonali taħt tmexxija Afrikana fir-RĊA (AFISM-CAR) fi żmien erba' sa sitt xhur minn meta tintlaħaq il-Kapaċità Operattiva Sħiħa, f'konformità mal-mandat li jinsab fir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2134 (2014) u bil-konċentrazzjoni tal-azzjoni tagħha fiż-żona ta' Bagui.

2.   L-EUFOR RCA għandha topera skont l-għanijiet politiċi, strateġiċi, politiko-militari stabbiliti fil-Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi approvat mill-Kunsill fl-20 ta' Jannar 2014.

Artikolu 2

Ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE

Il-Maġġur-Ġeneral Philippe Pontiès huwa b'dan maħtur Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE tal-EUFOR RCA.

Artikolu 3

Għażla tal-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni ta-UE

Il -Kwartieri Ġenerali tal-EUFOR RCA għandhom ikunu f'Larissa, il-Greċja.

Artikolu 4

Ippjanar u tnedija tal-operazzjoni

1.   Ir-Regoli ta' Kumbattiment meħtieġa għall-fażi preparatorja tal-EUFOR RCA għandhom jiġu approvati mill-Kunsill mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Id-Deċiżjoni li tiġi varata l-EUFOR RCA għandha tiġi adottata mill-Kunsill wara l-approvazzjoni tal-Pjan tal-Operazzjoni u tar-Regoli tal-Kumbattiment meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-mandat.

Artikolu 5

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' EUFOR RCA. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f'konformità mal-Artikolu 38 tat-TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat li jiġu emendati d-dokumenti tal-ippjanar, inkluż il-Pjan tal-Operazzjoni, il-Linja tal-Kmand u r-Regoli ta' Kumbattiment. Din għandha tinkludi wkoll is-setgħat li jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u tal-Kmandant tal-Forza tal-UE. Is-setgħat ta' deċiżjoni rigward l-għanijiet u t-tmiem tal-operazzjoni militari tal-UE għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.   Il-president tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) għandu, f'intervalli regolari, jirrapporta lill-KPS fir-rigward tat-tmexxija tal-EUFOR RCA. Il-KPS jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE għal-laqgħat tiegħu, skont kif ikun meħtieġ.

4.   Il-KPS għandu jevalwa l-progress tal-EUFOR RCA tliet xhur wara li tiġi varata l-Operazzjoni, abbażi ta' rapport bil-miktub.

Artikolu 6

Direzzjoni militari

1.   L-EUMC għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni korretta ta' EUFOR RCA li ssir taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għandu, f'intervalli regolari, jirrapporta lill-EUMC. L-EUMC jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE għal-laqgħat tiegħu, skont kif ikun meħtieġ.

3.   Il-President tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ta' kuntatt ewlieni mal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

Artikolu 7

Konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni

1.   Ir-RGħ għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha mal-azzjoni esterna kollha tal-Unjoni, inklużi l-programmi ta' żvilupp tal-Unjoni u l-għajnuna umanitarja tagħha.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-katina ta' kmand, il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għandu jirċievi gwida politika lokali mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE f'Bangui.

3.   Ir-RGħ, assistit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għandu jaġixxi bħala punt ta' kuntatt ewlieni man-Nazzjonijiet Uniti, l-awtoritajiet tar-RĊA u l-pajjiżi ġirien, l-AU, l-ECCAS, kif ukoll ma' atturi internazzjonali u bilaterali oħrajn rilevanti.

4.   L-arranġamenti ta' koordinazzjoni bejn il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, l-atturi tal-Unjoni u s-sħab strateġiċi ewlenin lokali rilevanti għall-operazzjoni għandhom jiġu definiti fid-dokument ta' ppjanar operazzjonali.

Artikolu 8

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni jew għall-qafas istituzzjonali uniku, u skont il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-missjoni.

2.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jistieden lil Stati terzi sabiex joffru kontributi u biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar jekk jiġux aċċettati l-kontributi offerti, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u l-EUMC.

3.   L-arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 tat-TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Fejn l-Unjoni u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dan tal-aħħar f'missjonijiet ta' maniġġar ta' kriżi tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUFOR RCA.

4.   L-Istati terzi li jagħmlu kontributi militari sinifikanti għal EUFOR RCA għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tat-tmexxija ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri li jieħdu sehem fl-operazzjoni.

5.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti rigward it-twaqqif ta’ Kumitat ta’ Kontributuri, fil-każ li xi Stati terzi jipprovdu kontributi militari sinifikanti.

Artikolu 9

Status tal-persunal immexxi mill-Unjoni

L-istatus tal-unitajiet u l-persunal immexxija mill-Unjoni, inklużi l-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tagħhom, għandu jkun is-suġġett ta' ftehim konkluż skont l-Artikolu 37 tat-TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-TFUE.

Artikolu 10

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għandhom jiġu amministrati skont id-Deċiżjoni 2011/871/PESK.

2.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni ta' EUFOR RCA għandu jkun ta' EUR 25,9 miljun. Il-perċentwal tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni 2011/871/PESK għandu jkun ta' 50 %.

Artikolu 11

Ħruġ ta' informazzjoni

1.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jgħaddi lil Stati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, kif adatt u f'konformità mal-ħtiġijiet ta' EUFOR RCA, informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet tal-operazzjoni, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2), kif ġej:

(a)

sal-livell previst mill-Ftehimiet applikabbli dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni konklużi bejn l-Unjoni u l-Istat terz ikkonċernat;

(b)

jew sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” f'każijiet oħrajn.

2.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jgħaddi lin-NU u lill-UA, f’konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali ta' EUFOR RCA, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li jiġu ġġenerati għall-finijiet ta' EUFOR RCA, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dan l-iskop bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tan-NU u tal-UA.

3.   Fil-każ ta’ ħtieġa operazzjonali speċifika u immedjata, ir-RGħ għandu jkun awtorizzat ukoll jgħaddi lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li tiġi ġġenerata għall-finijiet tal-Operazzjoni, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dan l-iskop bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.

4.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jgħaddi lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-Operazzjoni u li jkun kopert mill-obbligu ta' segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (3).

5.   Ir-RGħ jista' jiddelega tali awtorizzazzjonijiet, kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmijin f'dan l-Artikolu lil uffiċjali tas-SEAE, lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE, skont il-punt VII tal-Anness VI tad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   L-EUFOR RCA għandha tintemm mhux aktar tard minn sitt xhur wara li tkun intlaħqet il-KOS.

3.   Din id-Deċiżjoni għandha titħassar mid-data tal-għeluq tal-Kwartieri Ġenerali tal-UE skont il-pjanijiet approvati għat-tmiem tal-EUFOR RCA, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li jirrigwardaw il-verifika u l-preżentazzjoni tal-kontijiet ta' EUFOR RCA, stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/871/PESK.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK tad-19 ta' Diċembru 2011 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (Athena) (ĠU L 343, 23.12.2011, p. 35).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).