|
5.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 184/179 |
P9_TA(2021)0432
Baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022 – it-taqsimiet kollha
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022 (11352/2021 – C9-0353/2021 – 2021/0227(BUD))
(2022/C 184/17)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (2) (ir-“Regolament Finanzjarju”), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ir-“Regolament dwar il-QFP”) (3), u d-dikjarazzjonijiet konġunti maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f'dan il-kuntest (4), kif ukoll id-dikjarazzjonijiet unilaterali relatati (5), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (6), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP 21) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima) (7), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2022, Taqsima III – Kummissjoni (8), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2021 dwar l-estimi tad-dħul u n-nefqa tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2022 (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, adottat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Lulju 2021 (COM(2021)0300) (l-“AB”), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, adottata mill-Kunsill fis-6 ta' Settembru 2021 u li ntbagħtet lill-Parlament fl-10 ta' Settembru 2021 (11352/2021 – C9-0353/2021), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 94 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-kumitati ikkonċernati, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0281/2021]), |
Taqsima III – Kummissjoni
Ħarsa ġenerali
|
1. |
Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tal-25 ta' Marzu 2021 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2022, il-Parlament iddefinixxa prijoritajiet politiċi ċari għall-baġit tal-2022 biex jappoġġja l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19, isaħħaħ l-investimenti u jindirizza l-qgħad u jqiegħed il-pedamenti għal Unjoni aktar reżiljenti u sostenibbli; jerġa' jafferma l-impenn qawwi tiegħu għal dawk il-prijoritajiet u jistabbilixxi l-pożizzjoni li ġejja biex jiżgura livell xieraq ta' finanzjament biex dawn jintlaħqu; |
|
2. |
Jemmen li l-baġit tal-Unjoni jrid ikun mgħammar bl-għodod li jippermettulu jirrispondi għal kriżijiet multipli simultanjament; itenni l-fehma tal-Parlament li l-2022 għandha tkun sena ta' implimentazzjoni sħiħa u li l-baġit tal-2022 għandu jaqdi rwol ċentrali fl-iżgurar ta' impatt pożittiv u tanġibbli fuq il-ħajja taċ-ċittadini; f'dan l-isfond, jappoġġja żidiet biex jagħtu spinta lill-investiment b'enfasi partikolari fuq l-SMEs, li huma pedament tal-ekonomija tal-Unjoni u jaqdu rwol kruċjali fit-twassil ta' investiment ta' kwalità eċċellenti u fil-ħolqien tal-impjiegi fl-Istati Membri kollha, biex isaħħu l-isforzi lejn tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, jagħtu opportunitajiet ġodda liż-żgħażagħ u jipprovdu protezzjoni lit-tfal, jibnu Unjoni tas-Saħħa Ewropea b'saħħitha u jappoġġjaw il-programm COVAX; isaħħaħ, barra minn hekk, il-prijoritajiet fl-oqsma tas-sigurtà, il-migrazzjoni, l-ażil u l-integrazzjoni, id-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-Unjoni, filwaqt li jirrikonoxxi s-sitwazzjoni reċenti li sejra għall-agħar fil-politika esterna u fl-għajnuna umanitarja u l-ħtieġa li nkunu nistgħu nirreaġixxu malajr kif ukoll fil-perjodu ta' żmien medju u twil għall-isfidi li ġejjin; |
|
3. |
Jieħu nota tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-AB, li tnaqqas EUR 1,43 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn għall-intestaturi tal-QFP meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni; iqis li t-tnaqqis propost mill-Kunsill isegwi l-approċċ dixxendenti tas-soltu li tiġi implimentata mira ġenerali ta' tnaqqis arbitrarju, li la hija xprunata minn valutazzjoni oġġettiva tat-tendenzi ta' implimentazzjoni u lanqas tal-kapaċitajiet ta' assorbiment u ma tirriflettix la l-għadd kbir ta' sfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni u lanqas l-impenji li ħadet l-Unjoni; jindika l-kunflitt mal-prijoritajiet ta' politika komuni ewlenin; jikkonkludi li l-pożizzjoni tal-Kunsill għadha 'l bogħod mill-aspettattivi tal-Parlament għal baġit ta' rkupru; jiddeċiedi għalhekk, bħala regola ġenerali, li jerġa' jġib l-approprjazzjonijiet kif kienu fuq il-linji kollha mnaqqsa mill-Kunsill għal-livell tal-AB, kemm għan-nefqa operazzjonali kif ukoll għal dik amministrattiva, u biex jieħu l-AB bħala l-punt tat-tluq biex fuqu jibni l-pożizzjoni tiegħu; jaċċetta, madankollu, li jdaħħal EUR 1 299 miljun kemm f'approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll f'approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2022 għar-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit (BAR) peress li dan jirrifletti l-ftehim politiku dwar ir-Regolament BAR (10); |
|
4. |
Jinsisti li l-prijoritajiet jew il-kompiti ta' politika ġodda jridu jkunu akkumpanjati minn riżorsi ġodda, u li l-ħolqien ta' aġenzija jew l-espansjoni tal-mandat tagħha ma għandhomx ikunu ta' detriment għall-programmi jew l-aġenziji eżistenti; jikkumpensa, għalhekk, it-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għall-programmi ta' finanzjament proposti mill-Kummissjoni biex jissaħħu l-pakketti finanzjarji tal-aġenziji deċentralizzati; jissottolinja l-fatt li huma meħtieġa koordinazzjoni xierqa u sinerġiji bejn l-aġenziji biex tiżdied l-effikaċja ta' xogħolhom, speċjalment fejn ikun hemm konverġenza lejn objettivi ta' politika speċifiċi, bil-għan li jitħalla jsir użu ġust u effiċjenti tal-fondi pubbliċi; |
|
5. |
Jieħu nota, f'dan il-kuntest, tal-inizjattiva reċenti dwar Awtorità Ewropea għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA); jesprimi tħassib serju dwar l-esklużjoni tal-Parlament mill-proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet għall-istabbiliment ta' tali awtorità; jindika, barra minn hekk, l-implikazzjonijiet baġitarji importanti ta' din l-inizjattiva u l-ħtieġa li l-Parlament ikun jista' wkoll jeżerċita bis-sħiħ ir-rwol tiegħu bħala fergħa waħda tal-awtorità baġitarja; jopponi bil-qawwa kwalunkwe arkitettura ta' finanzjament li tirrialloka l-fondi lil hinn minn objettivi u azzjonijiet ewlenin inizjalment ippjanati u maqbula mill-koleġiżlaturi taħt Orizzont Ewropa, il-programm l-UE għas-Saħħa u RescEU; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer bħala objettiv prijoritarju għall-baġit tal-Unjoni, li m'għandux jiġi pperikolat bħala riżultat ta' riallokazzjonijiet favur inizjattivi ta' politika oħra; jissottolinja li ż-żmien ta' din l-inizjattiva ma ppermettiex lill-Parlament iqisha fil-qari tiegħu dwar il-baġit tal-2022; jistenna li din il-kwistjoni tiġi indirizzata matul il-konċiljazzjoni baġitarja dwar il-baġit 2022 u jitlob li jiġu esplorati mezzi oħra ta' finanzjament għal dan il-għan; |
|
6. |
Jisħaq ukoll li l-Kummissjoni ħabbret pakkett favur ir-refuġjati mis-Sirja u lil hinn minnha wara l-pubblikazzjoni tal-AB tagħha; jitlob, f'dak ir-rigward, li jinstab ftehim komprensiv dwar il-pakkett ġenerali fil-konċiljazzjoni baġitarja dwar il-baġit tal-2022, li jkun jinkludi wkoll l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 5/2021; jirrikonoxxi li se jkunu meħtieġa aktar miżuri biex jirrispondu b'mod adegwat għall-avvenimenti reċenti fl-Afganistan, inkluż appoġġ għaċ-ċittadini, inklużi n-nisa u l-bniet, it-tfal, il-gruppi vulnerabbli, kif ukoll gruppi ta' riskju mmirati ħafna, bħal riċerkaturi, għalliema, tobba, u akkademiċi, li m’għandhomx il-possibbiltà li jkomplu ħajjithom u jaħdmu fl-Afganistan; jissottolinja li, minħabba s-sitwazzjoni dejjem tinbidel u n-nuqqas ta' valutazzjoni komprensiva u fit-tul tal-ħtiġijiet, dawn il-kwistjonijiet ma setgħux jitqiesu kompletament fil-qari tal-Parlament u se jerġgħu jiġu vvalutati fid-dawl tal-Ittra Emendatorja Nru 1/2022 tal-Kummissjoni u tal-informazzjoni sussegwenti ppreżentata fi stadju aktar tard; |
|
7. |
Jiddeċiedi li jsaħħaħ il-linji li għandhom rata ta' implimentazzjoni eċċellenti u l-kapaċità operazzjonali li jiġu assorbiti l-approprjazzjonijiet addizzjonali fl-2022; jindika li, għall-fini ta' finanzjament adegwat tal-prijoritajiet urġenti espressi hawn fuq, l-Istrument ta' Flessibbiltà jeħtieġ li jiġi mmobilizzat kompletament, u se jkun meħtieġ ukoll użu parzjali tal-Istrument ta' Marġini Uniku (ammont paċut kontra l-marġini tas-sena kurrenti); jitlob, barra minn hekk, li l-ammont sħiħ tad-diżimpenji tal-2020 isir disponibbli f'konformità mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju fl-2022; |
|
8. |
Jissottolinja l-ħtieġa li jerġa' jinġieb lura l-livell tal-AB għall-kost ta' finanzjament tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (EURI) biex jiġi evitat li jingħata sinjal negattiv lis-swieq finanzjarji, sakemm issir kwalunkwe valutazzjoni mill-ġdid tal-ħtiġijiet previsti mill-Kummissjoni fil-konċiljazzjoni; itenni l-pożizzjoni ċara tiegħu, kif difiża fin-negozjati tal-QFP 2021-2027, li l-kostijiet tal-imgħax u r-ripagamenti tal-NGEU għandhom jingħaddu lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP; |
|
9. |
Jissottolinja l-importanza li jiġu appoġġjati l-azzjoni klimatika u l-protezzjoni ambjentali billi jiġu pprovduti riżorsi addizzjonali għall-programmi u l-istrumenti rilevanti tal-Unjoni fl-2022; jenfasizza, għal darb'oħra, li fl-ispirtu tal-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima, għandhom jissaħħu l-isforzi fl-oqsma ta' politika kollha bil-ħsieb li tintlaħaq il-mira tal-infiq globali għall-klima matul il-QFP 2021-2027 kollu ta' mill-inqas 30 % tal-ammont totali tal-baġit tal-Unjoni u n-nefqa tal-IEURI; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa ta' ħidma kontinwa biex 7,5 % tal-infiq annwali fl-ambitu tal-QFP jiġu pprovduti għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2024, u 10 % mill-2026; jenfasizza li jeħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi metodoloġija effettiva, b'mod partikolari biex jiġi segwit it-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità, qabel il-preżentazzjoni tal-abbozz ta' baġit għall-2023 sabiex tiżgura li l-mira stabbilita fil-Ftehim Interistituzzjonali għall-2024 tkun tista' tintlaħaq b'mod effettiv; jinsisti li l-Parlament ikun involut bis-sħiħ fl-iżvilupp ta' metodoloġiji aktar robusti, trasparenti u komprensivi għall-implimentazzjoni u t-trekkjar ta' tali nefqa, u jibqa' impenjat għall-konsultazzjonijiet annwali u kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-Kunsill, kif stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali; ifakkar li, għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku, huwa essenzjali li l-finanzjament jingħata biss għal attivitajiet li jkunu konformi mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u jkunu konsistenti mal-Ftehim ta' Pariġi; jisħaq li l-gwida ppubblikata għall-Faċilità Ewropea għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandha titqies bħala l-istandard għall-infiq l-ieħor kollu tal-istess natura, u b'mod partikolari trid isservi bħala bażi għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni; ifakkar li l-implimentazzjoni tal-prinċipju fir-rigward tal-bijodiversità trid tmur lil hinn mir-rispett sħiħ tal-acquis rilevanti tal-Unjoni; |
|
10. |
Jenfasizza li n-nisa ġew affettwati b'mod sproporzjonat mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19; jissottolinja l-importanza tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-programmi rilevanti kollha fil-baġit 2022 u tal-implimentazzjoni ta' ibbaġitjar sensittiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru biex jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel jibbenefikaw b'mod ugwali mill-infiq pubbliku; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni taċċellera l-introduzzjoni ta' metodoloġija effikaċi, trasparenti u komprensiva, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament, biex tkejjel in-nefqa rilevanti fir-rigward tal-ġeneru, kif stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali, sabiex tkun tista' turi riżultati tanġibbli għall-baġit 2022 u fid-dawl tal-estensjoni tal-metodoloġija għall-programmi kollha tal-QFP u jistieden, f'dan il-kuntest, b'mod partikolari għall-ġbir u l-analiżi sistematiċi u komprensivi tad-data fil-kuntest tal-programmi u l-politiki kollha tal-Unjoni sabiex jitkejjel l-impatt rispettiv tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-dimensjonijiet kollha u fl-istadji kollha tat-tħejjija, il-moniotoraġġ, l-implimenazzjoni u l-evalwazzjoni tal-baġit; jappella, barra minn hekk, għall-implimentazzjoni rapida tal-istrateġija tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2020-2025 u l-ħtieġa ta' objettivi vinkolanti speċifiċi u azzjonijiet addizzjonali, b'mod partikolari taħriġ u inizjattivi biex titrawwem l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġu miġġielda l-preġudizzji tal-ġeneri; |
|
11. |
Jinnota li bosta dokumenti u komunikazzjonijiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-aġenziji tal-Unjoni huma disponibbli bil-lingwa Ingliża biss; jinnota wkoll li l-laqgħat ta' ħidma jsiru mingħajr il-possibbiltà ta' interpretazzjoni; jitlob ir-rispett tal-prinċipji, tad-drittijiet u tal-obbligi stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni u fir-Regolament Nru 1/1958 (11), kif ukoll fil-linji gwida u fid-deċiżjonijiet interni, bħall-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba; jistieden għaldaqstant lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-aġenziji tal-Unjoni jfornu r-riżorsi umani neċessarji biex jiggarantixxu r-rispett tal-multilingwiżmu, billi jżidu l-persunal inkarigat mit-traduzzjoni u mill-interpretazzjoni; |
|
12. |
Jistabbilixxi, għalhekk, il-livell ġenerali ta' approprjazzjonijiet għall-baġit 2022 (it-taqsimiet kollha) għal EUR 171 802 114 290 f'approprjazzjonijiet ta' impenn, li jirrappreżentaw żieda ta' EUR 4 008 766 380 meta mqabbla mal-AB; jiddeċiedi, barra minn hekk, li jagħmel disponibbli ammont ta' EUR 486 000 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn apparti d-diżimpenji skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju; jistabbilixxi l-livell ġenerali ta' approprjazzjonijiet għall-baġit 2022 (it-taqsimiet kollha) għal EUR 172 467 593 189 f'approprjazzjonijiet ta' pagament; |
Intestatura 1 – Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali
|
13. |
Iqis li programm ta' riċerka u innovazzjoni ta' suċċess huwa essenzjali għall-prosperità futura tal-Unjoni; jisħaq li Orizzont Ewropa, li għandu valur miżjud Ewropew għoli ħafna, se jagħti kontribut importanti ħafna għall-Patt Ekoloġiku u għall-isforzi lejn ekonomija newtrali għall-klima, għal tranżizzjoni diġitali ta' suċċess u għall-irkupru tal-ekonomija tal-Unjoni mill-pandemija; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jissaħħaħ l-investiment tal-Unjoni fir-riċerka dwar is-saħħa, inkluż il-finanzjament għar-riċerka dwar il-kanċer; jenfasizza r-rata ta' implimentazzjoni eċċellenti ta' dan il-programm, li tirrifletti l-kapaċità tiegħu li jassorbi approprjazzjonijiet addizzjonali fil-baġit tas-sena d-dieħla; iżid, għalhekk, l-allokazzjoni ta' Orizzont Ewropa fuq il-livell tal-AB bi EUR 305 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn; |
|
14. |
Jappoġġja l-proposta fl-AB biex isiru disponibbli EUR 77,3 miljun f'diżimpenji għat-tliet raggruppamenti msemmija fid-Dikjarazzjoni politika konġunta rilevanti mehmuża mar-regolament dwar Orizzont Ewropa (12); jinnota, madankollu, li l-bqija tad-diżimpenji tar-riċerka għall-2020 jammontaw għal EUR 408,7 miljun; itenni l-konvinzjoni qawwija tiegħu li dan l-ammont għoli mhux mistenni tad-diżimpenji tar-riċerka, li ma kienx previst mill-Kummissjoni matul in-negozjati tal-QFP, għandu jkun disponibbli fl-intier tiegħu fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa, f'konformità sħiħa mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju; jemmen bis-sħiħ li, fid-dawl tal-kriżi tas-saħħa kontinwa, nofs il-bqija tal-ammont għandu jmur għar-Raggruppament “Saħħa”; |
|
15. |
Jisħaq li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) tiżvolġi rwol assolutament kruċjali fil-bini ta' networks trans-Ewropej tat-trasport, tal-enerġija u diġitali ta' kwalità għolja, sostenibbli, affordabbli u interkonnessi u għalhekk tinsab fil-qalba tal-isforzi biex tissaħħaħ l-ekonomija tal-Unjoni u biex it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jirnexxu; ifakkar li l-FNE tagħti kontribuzzjoni sinifikanti ħafna għall-mira ġenerali ta' mill-inqas 30 % tan-nefqa klimatika mill-QFP u min-Next Generation EU (NGEU); jinnota li l-FNE għandha rwol essenzjali fit-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u fil-promozzjoni tal-interkonnettività fit-territorju kollu tal-Unjoni; jipproponi, għalhekk, li jiżdied il-finanzjament għat-tliet oqsma tal-FNE b'ammont totali ta' EUR 207,3 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mil-livelli tal-AB; |
|
16. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqas id-distakk diġitali u jissaħħu r-reżiljenza u s-sovranità diġitali tal-Unjoni. jemmen li l-Programm Ewropa Diġitali huwa għodda essenzjali biex jiżdiedu r-rati tad-diġitalizzazzjoni fl-Unjoni, u b'hekk iwassal għal kisbiet sinifikanti fil-produttività, u biex jgħin fit-tisħiħ tal-investimenti fiċ-ċibersigurtà u fl-intelliġenza artifiċjali; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu appoġġjati n-negozji, speċjalment l-SMEs u n-negozji ġodda diġitali u innovattivi; iqis, barra minn hekk, li huma meħtieġa approprjazzjonijiet addizzjonali biex jiġu promossi l-inklużjoni diġitali u l-litteriżmu u l-ħiliet diġitali madwar l-Ewropa, b'enfasi partikolari fuq il-litteriżmu diġitali tan-nisa; jipproponi, għalhekk, li l-ammont allokat għall-programm jiżdied bi ftit aktar minn EUR 71 miljun; |
|
17. |
Jappoġġja żidiet fid-diversi oqsma tar-Raggruppament “Suq Uniku” b'ammont totali ta' ftit aktar minn EUR 37 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mil-livell tal-AB; jissottolinja l-importanza ta' Programm tas-Suq Uniku ffinanzjat b'mod adegwat biex tingħata spinta lill-kompetittività, tiġi promossa l-intraprenditorija, u jiġu appoġġjati b'mod effettiv in-negozji żgħar, inklużi n-negozji ġodda, bl-isfida doppja sinifikanti tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; jiġbed attenzjoni partikolari, għalhekk, għall-ħtieġa li tiżdied b'mod sinifikanti l-linja baġitarja ddedikata għat-titjib tal-kompetittività tal-intrapriżi u tal-aċċess tagħhom għas-swieq, meta wieħed iqis, b'mod partikolari, il-konsegwenzi severi u fit-tul tal-kriżi fuq l-SMEs; |
|
18. |
Jenfasizza t-talba li ilu jagħmel għal linja baġitarja u allokazzjoni dedikati għat-turiżmu, b'mod partikolari meta wieħed iqis it-tnaqqis serju li s-settur, li jinkludi ħafna SMEs, esperjenza bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19; jirrikonoxxi li diversi programmi tal-Unjoni jikkontribwixxu għall-kompetittività u s-sostenibbiltà fit-tul tas-settur, iżda jemmen bis-sħiħ li programm dwar it-turiżmu tal-Unjoni jiżgura azzjoni aktar koordinata, viżibbli u trasparenti li tappoġġja b'mod effettiv l-irkupru tas-settur u twittilu t-triq lejn futur sostenibbli; |
|
19. |
Iqis l-InvestEU bħala l-pedament tal-istrateġija ta' rkupru u jissottolinja l-ħtieġa li jsir disponibbli biżżejjed finanzjament fil-baġit tal-2022 sabiex il-programm ikun jista' jwettaq mingħajr dewmien l-objettivi tiegħu u l-bini mill-ġdid tal-kompetittività Ewropea fit-tul; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU u l-Portal tal-InvestEU fit-tisħiħ tal-ambjent tal-investiment u tan-negozju madwar l-Unjoni; jirrifjuta, għalhekk, it-tnaqqis kollu għal dan il-programm propost mill-Kunsill u jiddeċiedi, bħala rekwiżit minimu, li l-linji baġitarji rilevanti kollha jinġiebu lura għal-livell tal-AB; |
|
20. |
Jiddeċiedi li joħloq riżerva bil-kundizzjoni li jkun hemm aktar titjib fil-governanza tal-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà li jopera taħt il-Fondazzjoni tal-Istandards Internazzjonali ta' Rapportar Finanzjarju f'konformità mat-talbiet li jinsabu fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 (13); jiddeċiedi li joħloq riżerva għall-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) fid-dawl tan-nuqqasijiet serji identifikati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 13/2021 fir-rigward tan-nuqqas ta' azzjoni suffiċjenti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-finanzjament tat-terroriżmu sakemm ir-rakkomandazzjonijiet tal-QEA jiġu rispettati bis-sħiħ; |
|
21. |
Isaħħaħ l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA), f'konformità mal-ħtiġijiet identifikati ta' dik l-aġenzija, biex jiżgura li tkun tista' tissodisfa b'mod adegwat ir-rwol tagħha fl-appoġġ għat-tranżizzjoni lejn id-dekarbonizzazzjoni tal-mezzi tat-trasport, anke għal segmenti fejn l-elettrifikazzjoni diretta hija kumplessa, u biex jiżgura kundizzjonijiet ekwi ġenerali ma' mezzi oħra, filwaqt li jiżgura, fost l-oħrajn, it-tlestija tal-konnessjonijiet ferrovjarji neqsin, b'mod partikolari dawk transfruntiera; jenfasizza li huwa meħtieġ għadd akbar ta' persunal biex l-Aġenzija tkun tista' tlaħħaq mad-domanda għolja għall-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet tal-vetturi (VA), iċ-ċertifikati tas-sikurezza uniċi (SSC) u l-approvazzjonijiet ta' apparat maġenb il-binarji tal-ERTMS (TA) u l-implimentazzjoni tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju; |
|
22. |
Iżid, għalhekk, il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn għas-Subintestatura 1 b'EUR 668 593 067 'il fuq mill-AB (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu tal-marġni disponibbli u bil-mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali; barra minn hekk, fl-intestatura jagħmel disponibbli ammont globali ta' EUR 486 000 000 f'termini ta' approprjazzjonijiet ta' impenn li jikkorrispondu mad-diżimpenji li saru skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju; |
Subintestatura 2a – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali
|
23. |
Jiddeċiedi li joħloq linja baġitarja separata fl-ambitu tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), biex jipprovdi allokazzjoni addizzjonali speċjali biex titrawwem l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal bil-għan li tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar fost it-tfal u jintlaħqu l-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, filwaqt li jiġu mitigati l-effetti negattivi tal-pandemija fuq it-tfal; isaħħaħ, għal dan il-fini, is-Subintestatura 2a b'EUR 700 000 000 'il fuq mill-AB f'termini ta' approprjazzjonijiet ta' impenn (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu tal-marġni disponibbli u bil-mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali; |
|
24. |
Ifakkar li l-appoġġ tal-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU) lill-FSE+ u lill-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) għandu jikkontribwixxi, speċjalment, għall-ħolqien ta' impjiegi u li dawn ikunu ta' kwalità, partikolarment għall-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, u għall-miżuri maħsuba għall-inklużjoni soċjali u għall-qerda tal-faqar, speċjalment fost it-tfal; |
Subintestatura 2b – Reżiljenza u valuri
|
25. |
Jenfasizza, fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, il-ħtieġa li tinbena Unjoni Ewropea tas-Saħħa b'saħħitha u li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa; jiddeċiedi, għalhekk, li jżid ir-riżorsi tal-programm l-UE għas-Saħħa bi EUR 80 miljun; |
|
26. |
Jissottolinja li għandhom jiġu allokati riżorsi addizzjonali għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR), b'mod partikolari biex jiġi żgurat aċċess f'waqtu u liberu, kif ukoll il-kwalità tas-servizzi. |
|
27. |
Jenfasizza li ż-żgħażagħ jibqgħu prijorità ewlenija għall-baġit tal-Unjoni; isaħħaħ, għalhekk, il-finanzjament biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber għall-programm Erasmus+ b'ammont totali ta' ftit aktar minn EUR 137 miljun, peress li żieda ta' 5 % tirrappreżenta 40 000 skambju ta' mobbiltà addizzjonali u tirrappreżenta pass importanti biex tagħmel tajjeb għall-opportunitajiet nieqsa ta' dawn l-aħħar snin; ifakkar li Erasmus+ huwa programm emblematiku fundamentali u wieħed mill-programmi tal-Unjoni li l-aktar għamel suċċess, b'investiment strateġiku fil-futur tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha; ifakkar li l-insuffiċjenza tal-finanzjamenti ddedikati għall-programm Erasmus+ tkun tikkomprometti l-ħolqien kontinwu ta' opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ u għaż-żieda tal-impjegabbiltà tagħhom; iżid, barra minn hekk, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà b'EUR 5 miljun peress li l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 ma għandhiex taffettwa ħażin l-appoġġ għaż-żgħażagħ; |
|
28. |
Jisħaq fuq il-fatt li fil-każ ta' sitwazzjonijiet ta' emerġenza, fosthom dawk marbuta mal-impatt dejjem aktar gravi tat-tibdil fil-klima, għandhom jiġu mobilizzati biżżejjed riżorsi fil-baġit tal-Unjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rilevanza li jiżdied il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (RescEU) b'EUR 10 miljun, b'mod partikolari fir-rigward tad-diżastri naturali fl-Ewropa, biex titqawwa l-protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u tissaħħaħ it-tħejjija f'każ ta' diżastri futuri minħabba t-tibdil fil-klima; jisħaq għalhekk fuq il-bżonn ta' investiment fil-mitigazzjoni tal-klima u fl-adattament għaliha għar-reġjuni partikolarment vulnerabbli u li dawn jerġgħu jinbnew b'mod aktar sostenibbli; |
|
29. |
Jipproponi, barra minn hekk, tisħiħ fil-qasam “Kultura” tal-Programm Ewropa Kreattiva b'EUR 10 miljun biex jiġu appoġġjati s-setturi kulturali u kreattivi tal-Ewropa u l-industrija kreattiva, partikolarment milquta mill-kriżi tal-COVID-19, fl-irkupru; jissottolinja l-fatt li l-ebda finanzjament minn waħda mill-fergħat ta' Ewropa Kreattiva ma għandu jintuża għall-finanzjament ta' proġetti fil-qafas tal-inizjattiva Bauhaus Ewropea Ġdida; |
|
30. |
Jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri biex jissaħħu ċ-ċittadinanza u d-demokrazija Ewropej, l-ugwaljanza, inkluża dik bejn il-ġeneri, u l-istat tad-dritt fl-Unjoni, kif ukoll biex jiġu appoġġjati l-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, u jinsisti li huma meħtieġa approprjazzjonijiet addizzjonali biex jiġu appoġġjati dawn l-objettivi; iżid il-Programm dwar il-Ġustizzja biex jagħmel tajjeb għat-tnaqqis propost biex tiġi ffinanzjata ż-żieda fil-kompiti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta' Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) skont il-proposta għal e-CODEX; |
|
31. |
Jiddeċiedi li jżid il-baġit għall-“Azzjonijiet multimedjali”, joħloq riżerva sabiex iħeġġeġ lill-Kummissjoni toffri aktar stabbiltà u prevedibbiltà għan-networks tar-radju li jkopru l-affarijiet tal-UE b'finanzjament li jkopri mill-inqas sentejn u jiċċara d-diversi objettivi ffinanzjati permezz ta' din il-linja baġitarja; iżid, ukoll, l-approprjazzjonijiet relatati mad-djalogu soċjali sabiex jiżdied id-djalogu soċjali u jkunu appoġġjati, b'mod partikolari, is-sħab soċjali nazzjonali fir-risposta għall-kriżi tal-COVID-19 u għall-konsegwenzi tagħha fit-tul; |
|
32. |
Iqis li hemm bżonn jiżdiedu l-approprjazzjonijiet għal-linja baġitarja għall-komunità Ċiprijotta Torka bl-iskop li jingħata kontribut deċiżiv għall-kontinwazzjoni u għall-intensifikazzjoni tal-missjoni tal-Kumitat għall-Persuni Nieqsa f'Ċipru, u appoġġ għall-Kumitat Tekniku bikomunitarju għall-Wirt Kulturali, biex b'hekk jiġu promossi l-fiduċja u r-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet; |
|
33. |
Isaħħaħ il-qasam tal-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali tal-FSE+ b'enfasi fuq il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; |
|
34. |
Ifakkar fir-rwol importanti li jiżvolġu l-aġenziji deċentralizzati attivi fl-ambitu ta' din is-Subintestatura; jiddeċiedi li jżid il-finanzjament għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), għall-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) u għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) f'konformità mal-ħtiġijiet identifikati ta' dawk l-aġenziji; iżid, barra minn hekk, il-livelli ta' persunal għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), għall-FRA u għall-Eurojust; jenfasizza wkoll l-importanza ta' valutazzjoni ulterjuri u, possibbilment, żieda ulterjuri tal-finanzjamenti bi qbil mal-bżonnijiet tal-aġenziji tal-Unjoni li jittrattaw l-impatti tal-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 fil-futur, b'mod partikolari taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) fid-dawl tar-regolament fundatur li emendat; |
|
35. |
Jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra l-frodi u l-irregolaritajiet; itenni, f'dan il-kuntest, ir-rwol fundamentali li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jiżvolġi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż fl-użu tal-fondi tan-Next Generation EU, kif ukoll fil-garanzija tar-rispett tal-istat tad-dritt; jiddeċiedi, għalhekk, li japplika rinforzi mmirati għall-UPPE u jżid il-livelli ta' persunal biex jippermetti lill-korp jaqdi dmirijietu f'konformità mar-rekwiżiti biex iwettaq il-mandat tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tad-diffikultajiet li għadda minnhom l-UPPE huwa li jirrekluta l-persunal neċessarju biex iwettaq il-mandat tiegħu fl-2021, turi l-flessibbiltà neċessarja biex tiżgura li l-approprjazzjonijiet maqbula mill-awtorità baġitarja jistgħu jiġu implimentati fil-futur b'mod sħiħ; jiġbed l-attenzjoni għall-akkumulu notevoli ta' każijiet u għall-fatt li, wara biss ftit ġimgħat ta' operazzjonijiet, l-UPPE rreġistra aktar minn 1 000 rapport ta' frodi li jolqtu l-interessi tal-Unjoni, u dan jissottolinja l-urġenza tat-talba; |
|
36. |
Isaħħaħ is-Subintestatura 2b b'mod ġenerali b'EUR 296 065 210 'l fuq mill-AB f'termini ta' approprjazzjonijiet ta' impenn (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu tal-marġni disponibbli u bil-mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali; |
Intestatura 3 – Riżorsi naturali u ambjent
|
37. |
Josserva li l-pandemija tal-COVID-19 serviet biex jiġi enfasizzat ir-rwol strateġiku li għandha l-agrikoltura fl-evitar ta' kriżi tal-ikel billi tipprovdi ikel sikur u ta' kwalità għolja bi prezzijiet aċċessibbli fl-Ewropa kollha; jinsisti li miżuri addizzjonali ta' appoġġ taħt xi linji baġitarji għal setturi agrikoli magħżula, partikolarment l-appoġġ għall-iskema tal-iskejjel, il-bdiewa żgħażagħ u l-apikultura, jeħtieġ li jiġu ffinanzjati fl-2022 biex jittaffa l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19; |
|
38. |
Jisħaq fuq il-bżonn urġenti ta' azzjoni f'dak li huwa tibdil fil-klima, kif issottolinjat mill-aktar rapport reċenti tal-IPPC, ippubblikat fid-9 ta' Awwissu 2021; ifakkar fl-importanza tal-programm LIFE fl-appoġġ u fis-sostenn tal-azzjoni dwar il-klima u tal-protezzjoni ambjentali fl-Unjoni; isaħħaħ l-appoġġ baġitarju, fid-dawl tal-kapaċità ta' assorbiment notevoli tal-programm, favur il-programm LIFE b'EUR 171 miljun (25 % 'l fuq mill-AB) fid-diversi fergħat tal-programm; |
|
39. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdied b'mod sinifikanti l-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent biex tipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji u tal-persunal ħalli jkunu jistgħu jiġu implimentati kompletament il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-politiki relatati tiegħu, u biex jintlaħaq l-għan tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; jissottolinja li t-tisħiħ tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ma għandux jiġi ffinanzjat mill-programm LIFE, li ma kienx maħsub mill-koleġislaturi għal tali skop; |
|
40. |
Jitlob bil-qawwa li jissaħħaħ l-appoġġ għar-reġjuni ultraperiferiċi, inkluż il-POSEI (programm ta' soluzzjonijiet speċifiċi relatati mal-periferiċità u l-insularità); |
|
41. |
Jitlob, għalhekk, tisħiħ tal-allokazzjonijiet fl-ambitu tal-Intestatura 3 b'EUR 212 750 473 f'termini ta' approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mil-livelli tal-AB (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu ta' parti mill-marġni disponibbli; |
|
42. |
Ifakkar li, kif inhi l-prassi tas-soltu, Ittra Emendatorja xorta tagħti stampa sħiħa tad-disponibbiltajiet għall-FAEG u li l-approċċ għall-emendi fl-Intestatura 3 jista' jiġi aġġustat kif xieraq matul il-konċiljazzjoni; |
Intestatura 4 – Migrazzjoni u Ġestjoni tal-Fruntieri
|
43. |
Jissottolinja l-importanza li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, b'mod partikolari fid-dawl tal-iżviluppi reċenti fl-Afganistan; jannulla, barra minn hekk, it-tnaqqis għall-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi (BMVI) ipprogrammat mill-Kummissjoni biex jiffinanzja kompiti ġodda għall-Europol taħt il-mandat imsaħħaħ tiegħu, peress li l-approprjazzjonijiet neċessarji għall-Europol għandhom jittieħdu esklużivament minn marġnijiet mhux allokati taħt il-limiti massimi rilevanti tal-intestatura tal-QFP u/jew bil-mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali rilevanti tal-QFP; jagħmel tajjeb ukoll, f'dan il-kuntest, għar-riallokazzjoni tal-BMVI għall-eu-LISA; |
|
44. |
Ifakkar fl-importanza li l-baġit tal-Unjoni jingħata nomenklatura dettaljata biżżejjed li tippermetti lill-awtorità baġitarja twettaq ir-rwol deċiżjonali tagħha b'mod effikaċi u lill-Parlament, b'mod partikolari, jiżvolġi r-rwoli ta' sorveljanza u ta' skrutinju demokratiċi tiegħu; jiddispjaċih, għalhekk, li l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni ma jibbenefikax minn nomenklatura aktar dettaljata li tirrifletti l-objettivi speċifiċ tal-Fond; |
|
45. |
Jissottolinja l-ħtieġa li jiżdiedu l-livelli ta' finanzjament u ta' persunal għall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) f'konformità mal-kompiti li jirriżultaw mill-ftehim politiku dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ażil; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' żieda ulterjuri tal-persunal għall-eu-LISA bi qbil mal-ħtiġijiet identifikati tal-aġenzija, biex l-aġenzija tingħata l-assistenza bil-għan li timplimenta għadd ta' proġetti ferm kritiċi tal-Unjoni fir-rigward tas-sigurtà interna u tal-ġestjoni tal-fruntieri fl-2022, pereżempju l-EES, l-ETIAS, l-Interoperabbiltà, il-verżjoni riveduta tar-Regolament VIS u r-riformulazzjoni ta' EURODAC; |
|
46. |
Jannulla t-tnaqqis tal-Kunsill għall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) peress li l-aġenzija jeħtiġilha tkun mgħammra b'mod adegwat u l-persunal tagħha promoss biex tkun tista' taġixxi fl-oqsma kollha ta' kompetenza li jaqgħu taħt il-mandat il-ġdid tagħha; jiddeċiedi, madankollu, li jqiegħed EUR 90 000 000 fir-riżerva soġġetti għar-reklutaġġ tal-20 osservatur tad-drittijiet fundamentali li jifdal fil-grad AD, għar-reklutaġġ tat-tliet viċi diretturi eżekuttivi u għall-adozzjoni ta' proċedura għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2019/1896 (14); |
|
47. |
Isaħħaħ, għalhekk, l-Intestatura 4 b'EUR 106 231 750 f'termini ta' approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mil-livelli tal-AB (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu tal-marġni disponibbli u bil-mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali; |
Intestatura 5 – Sigurtà u difiża
|
48. |
Jisħaq fuq l-importanza ta' definizzjoni progressiva tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-Unjoni, fir-rispett tal-istatus ta' newtralità ta' ċerti Stati Membri; jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea fi kwistjonijiet ta' difiża peress li din mhux biss tagħmel lill-Ewropa u liċ-ċittadini tagħha aktar sikuri, iżda tissarraf ukoll fi tnaqqis tal-kostijiet; josserva li l-iskop tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tad-difiża huwa li jinħolqu sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-infiq fl-Istati Membri; jappella għal aktar finanzjamenti għall-Fond Ewropew għad-Difiża u għall-mobbiltà militari sabiex titrawwem kompletament bażi industrijali tad-difiża innovattiva u kompetittiva li se tikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tant meħtieġa tal-Unjoni; |
|
49. |
Ifakkar fir-rwol importanti li jiżvolġu l-aġenziji deċentralizzati li joperaw fil-qasam tas-sigurtà u tal-infurzar tal-liġi, b'mod partikolari fir-rigward tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) u tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), u jipproponi żidiet u/jew bidliet fil-persunal immirati biex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom kif xieraq; jenfasizza li, fl-assenza tal-adozzjoni tal-bażi ġuridika riveduta tal-Europol sa tmiem l-2021, ir-riżerva miżmuma fil-baġit tal-aġenzija tista' twassal għal dewmien fir-reklutaġġ ta' persunal neċessarju biex tiġi żgurata t-tħejjija għal implimentazzjoni effiċjenti tal-bażi ġuridika u tal-mandat riveduti tal-Europol u biex tissaħħaħ ir-risposta tal-Europol kontra t-terroriżmu u ċ-ċiberkriminalità, l-innovazzjoni, is-sostenn għall-investigazzjonijiet fuq skala kbira, il-kooperazzjoni mal-UPPE u l-attivitajiet kontra l-ħasil tal-flus; |
|
50. |
Isaħħaħ l-Intestatura 5 b'mod ġenerali b'EUR 82 621 461 'il fuq mill-AB, li għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu ta' parti mill-marġni disponibbli; |
Intestatura 6 – Il-Viċinat u d-Dinja
|
51. |
Jenfasizza li fi żmien meta l-isfidi u l-kwistjonijiet esterni ta' politika internazzjonali qed isiru aktar importanti fil-politika internazzjonali, l-Unjoni jeħtiġilha tiżgura li d-dimensjoni esterna tal-baġit tagħha tiġi ffinanzjata u titħejja b'mod xieraq biex twieġeb mingħajr dewmien għall-isfidi attwali, emerġenti, kif ukoll futuri u fit-terminu twil; jinsisti fuq l-appoġġ ta' prijoritajiet miftiehma fl-ambitu tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI-Ewropa Globali) u tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III); |
|
52. |
Jissottolinja l-bżonn li jiżdiedu l-finanzjamenti għall-UNRWA bħala rikonoxximent tar-rwol essenzjali tiegħu billi jagħti kontribut lill-istabbiltà reġjonali u bħal fornitur uniku ta' servizzi essenzjali għal miljuni ta' rifuġjati Palestinjani; jenfasizza li ż-żieda proposta hija ddestinata li tiżgura finanzjamenti prevedibbli lill-UNRWA; jisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni tat-tfal għat-tolleranza, għall-paċi u għar-rispett reċiproku; jistieden lill-Kummissjoni tkompli timpenja ruħha mal-Awtorità Palestinjana u mal-UNRWA biex tippromwovi edukazzjoni ta' kwalità għat-tfal Palestinjani u tkompli tiżgura r-rispett sħiħ tal-istandards tal-UNESCO; |
|
53. |
Jisħaq fuq il-bżonn li jiżdiedu l-finanzjamenti ddestinati lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u lill-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar biex jiġu sostnuti r-riformi komprensivi u l-irkurpu mill-kriżi tal-COVID-19 u mill-konsegwenzi soċjali, ambjentali u ekonomiċi fit-tul tagħha u jiżdiedu l-finanzjamenti favur is-soċjetà ċivili u l-atturi mhux statali fil-pajjiżi fil-fażi tal-adeżjoni; jindika, f'dak il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu żgurati finanzjamenti adegwati għal oqsma kruċjali bħall-appoġġ għad-demokrazija, is-soċjetà ċivili u l-istat tad-dritt; jitlob, b'mod partikolari, li jitkompla l-appoġġ favur l-attivisti għad-drittijiet tal-bniedem u għad-demokrazija u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja u fil-pajjiż ġirien; |
|
54. |
Jesprimi tħassib profond dwar is-sitwazzjoni li għadha għaddejja fl-Afganistan; jemmen li l-baġit għall-għajnuna umanitarja għall-Afganistan u għall-pajjiżi ġirien għandu jiżdied b'mod sinifikanti biex jappoġġja u jipproteġi lill-Afgani vulnerabbli, b'mod partikolari n-nisa, it-tfal u l-gruppi ta' riskju li jkunu soġġetti ferm għal attakki, u lill-familji tagħhom; jinsisti barra minn hekk fuq il-fatt li l-finanzjamenti kollha favur l-organizzazzjonijiet indipendenti ta' żvilupp u ta' għajnuna umanitarja fl-Afganistan ikunu allokati direttament lil tali organizzazzjonijiet mingħajr ma jintuża l-gvern Taliban bħala intermediarju; fid-dawl tal-ħtiġijiet li jirriżultaw mis-sitwazzjoni li għaddejja fl-Afganistan u fi bnadi oħra tad-dinja li mistennija jiġu ffinanzjati mir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza, fil-livell kemm intern kif ukoll estern, li jaf iwasslu għal nuqqasijiet finanzjarji, jiddeċiedi li jsaħħaħ il-finanzjament tal-għajnuna umanitarja b'20 %; |
|
55. |
Jiddeplora d-disparità fil-kopertura tal-vaċċini fid-dinja; jisħaq għaldaqstant fuq il-bżonn li jitħalla l-aċċess għall-vaċċini kontra l-COVID-19 fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari permezz tal-inizjattiva COVAX, kif ukoll li jiġi appoġġjat it-titjib tas-sistemi tas-saħħa tagħhom; jiddeċiedi, għalhekk, li jalloka għal dan l-għan l-ammont ta' EUR 1 biljun fl-ambitu tar-riżerva tal-isfidi u l-prijoritajiet emerġenti tal-NDICI-Ewropa Globali fl-2022, li minn dan l-ammont jitnaqqsu l-fondi tal-NDICI riportati mis-sena 2021, kif ukoll EUR 100 miljun oħra fl-ambitu tal-linja “Nies — Sfidi globali” flimkien mal-impenji kollha li daħlet għalihom il-Kummissjoni; jitlob li l-Istati Membri jżommu b'urġenza l-wegħdiet li diġà għamlu fir-rigward tal-inizjattiva COVAX u jistedinhom jimpenjaw EUR 2 biljun addizzjonali, li jagħtu lill-COVAX jew fil-forma ta' dożi tal-vaċċin, fl-ewwel semestru tal-2022; ifakkar li l-linja “Nies — Sfidi globali” timmira wkoll li tiffinanzja sfidi immedjati, fit-terminu medju u twil; |
|
56. |
Jenfasizza l-isforzi ta' appoġġ globali tal-Unjoni għar-rifuġjati u jfakkar fir-rwol importanti li jiżvolġu t-Turkija u l-pajjiżi ospitanti l-oħrajn, anki fil-Mediterran tan-Nofsinhar, biex jilqgħu lir-rifuġjati, b'mod partikolari mis-Sirja; jerġa' jafferma li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom ikomplu jipprovdu għajnuna effikaċi u mmonitorjata lir-rifuġjati Sirjani fil-pajjiżi ospitanti; jenfasizza li l-finanzjamenti futuri għall-ħtiġijiet tar-rifuġjati Sirjani ma tqisux fil-QFP jew fin-negozjati tal-NDICI-Ewropa Globali u għalhekk ma għandhomx jitħallsu mill-istrumenti programmati, inkluż ir-riżerva NDICI-Ewropa Globali, peress li l-pakkett favur ir-rifuġjati mis-Sirja, mill-Iraq u minn pajjiżi oħra mhuwiex qed iwieġeb għal kriżi ġdida jew għal ħtiġijiet mhux previsti; jitlob li kwalunkwe suċċessur tal-Faċilità tal-UE għar-Rifuġjati fit-Turkija (FRT) għandu jiġi ffinanzjat minn approprjazzjonijiet ġodda u minn kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri u għandu jkun akkumpanjat mir-reviżjoni korrispondenti tar-Regolament tal-QFP biex jiżdied il-limitu massimu tal-Intestatura 6 sabiex jirrifletti il-ħtiġijiet finanzjarji reali għall-azzjonijiet esterni tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-Gvern Tork ma jkunx involut direttament fil-ġestjoni u l-allokazzjoni tal-fondi taħt is-suċċessur tal-FRT, u li dawn il-fondi primarjament jingħataw direttament lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti u jkunu ġestiti minn organizzazzjonijiet li jiggarantixxu l-akkontabilità u t-trasparenza; |
|
57. |
Jissottolinja r-rwol fundamentali tal-assistenza makrofinanzjarja (AMF) tal-UE lill-Moldova, lill-Albanija, lill-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Georgia, lill-Ġordan, lill-Kosovo, lill-Montenegro, lill-Maċedonia ta' Fuq, lit-Tuneżija u lill-Ukrajna biex jiġu promossi l-investimenti u jiġi sostnut l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19; |
|
58. |
Jenfasizza li l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fil-livell globali kif ukoll l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli, bħat-tfal, għadhom ta' interess ewlieni għall-azzjoni esterna tal-Unjoni; jiddeċiedi, għalhekk, li jżid il-finanzjament ta' dawn il-linji; |
|
59. |
Jiddeċiedi li jżid l-appoġġ għall-komunikazzjoni strateġika, speċjalment għall-miżuri mmirati lejn il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni globali permezz tat-traċċar u tal-esponiment sistematiċi tad-diżinformazzjoni mxerrda minn atturi tal-istat jew minn atturi oħrajn; |
|
60. |
Iżid, għalhekk, il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn għall-Intestatura 6 b'EUR 563 429 451 'il fuq mill-AB (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu tal-marġni disponibbli u bil-mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali; |
Intestatura 7 – Amministrazzjoni Pubblika Ewropea
|
61. |
Iqis li t-tnaqqis tal-Kunsill mhuwiex ġustifikat u ma jippermettix lill-Kummissjoni twettaq il-kompiti tagħha; ireġġa' lura, għalhekk, l-AB għan-nefqa amministrattiva tal-Kummissjoni, inkluż fuq l-uffiċċji tagħha; |
|
62. |
Jisħaq li, minħabba l-proposti leġiżlattivi l-ġodda, u l-inizjattivi strateġiċi li joriġinaw mill-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, bħall-pakkett “lesti għall-mira ta' 55 %”, l-Istrateġija għall-Bijodiversità, l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà u ż-żieda fl-infiq tal-Unjoni minħabba l-NGEU u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, xi servizzi, b'mod partikolari d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Ambjent u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), se jeħtieġu tisħiħ tal-persunal; jitlob lill-Kummissjoni biex, bħala sensar onest, tivvaluta mill-ġdid u fil-pront dawn il-ħtiġijiet u tipproponi t-tisħiħ xieraq fl-Ittra Emendatorja tagħha matul il-Konċiljazzjoni, mingħajr ma ddgħajjef il-livell effettiv ta' riżorsi umani fis-servizzi jew l-aġenziji l-oħrajn tagħha; jenfasizza li l-livell attwali tal-baġit u tal-persunal ixekkel il-kapaċità tal-OLAF li jwettaq ħidmietu fl-Istati Membri kollha; jenfasizza wkoll iż-żieda fl-ammont ta' xogħol tal-OLAF b'referenza għall-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni u l-kollegament mal-UPPE; |
Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji (PP-AP)
|
63. |
Ifakkar fl-importanza tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji (PP-AP) bħala għodod għall-formulazzjoni tal-prijoritajiet politiċi u għall-introduzzjoni ta' inizjattivi ġodda li jkollhom il-potenzjal li jinbidlu f'attivitajiet u programmi permanenti tal-Unjoni; wara li wettaq analiżi bir-reqqa tal-proposti kollha mressqa u qies bis-sħiħ il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ġuridiċi u l-implimentabbiltà tagħhom, jadotta pakkett ibbilanċjat ta' PP-AP li jirrifletti l-prijoritajiet politiċi tal-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta malajr il-PP-AP u tipprovdi feedback dwar il-prestazzjoni u r-riżultati tagħhom fuq il-post; |
Pagamenti
|
64. |
Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi pprovdut livell suffiċjenti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit tal-2022 u jiddeċiedi, għalhekk, li jreġġa' lura t-tnaqqis tal-Kunsill u li jsaħħaħ l-approprjazzjonijiet ta' pagament fuq dawk il-linji li huma emendati f'approprjazzjonijiet ta' impenn; |
Taqsimiet oħra
Taqsima I – Il-Parlament Ewropew
|
65. |
Iżomm l-istess livell ġenerali tal-baġit tiegħu għall-2022, f'konformità mal-estimi tiegħu tad-dħul u tal-infiq adottati mill-Plenarja fid-29 ta' April 2021, għal EUR 2 112 904 198; jinkorpora aġġustamenti tekniċi newtrali għall-baġit biex tiġi riflessa informazzjoni aġġornata li ma kinitx disponibbli fil-bidu ta' din is-sena; |
|
66. |
F'konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tad-29 ta' April 2021 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tiegħu għas-sena finanzjarja 2022:
|
Taqsimiet oħra (Taqsimiet IV-X)
|
67. |
Jinnota li, sostanzjalment, l-AB jirrifletti l-estimi tal-istituzzjonijiet varji li jaqgħu taħt it-taqsimiet l-oħra tal-baġit u għalhekk jaqbel, b'xi eċċezzjonijiet, mar-rekwiżiti finanzjarji tagħhom; iqis li t-tnaqqis sistematiku propost mill-Kunsill għalhekk ikollu effett deleterju fuq il-funzjonament tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, u konsegwentement fuq il-kontribut vitali li dawn jagħtu għall-funzjonament tal-Unjoni; jipproponi, f'dan ir-rigward, li l-livelli tal-AB jerġgħu jiġu kif kienu kważi fil-każijiet kollha, inkluż fir-rigward tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tal-Kumitat tar-Reġjuni, inkluża t-tabella tal-persunal tiegħu, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti kollha li ġew fdati lilhom, inklużi l-funzjonijiet ġodda; f'konformità mal-“gentleman's agreement”, ma jimmodifikax il-qari tal-Kunsill li jikkonċerna l-Kunsill u l-Kunsill Ewropew; |
|
68. |
Iqis li, f'xi każijiet u filwaqt li jqis l-estimi tal-istituzzjonijiet, jeħtieġ li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet jew il-persunal 'il fuq mill-AB biex ikunu jistgħu jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet u l-objettivi ta' politika ġodda; jipproponi għalhekk:
|
o
o o
|
69. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-emendi għall-abbozz tal-baġit ġenerali, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali. |
(1) ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.
(2) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(3) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(5) Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027, Anness 2: Dikjarazzjonijiet (Testi adottati, P9_TA(2020)0357).
(6) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(8) Testi adottati, P9_TA(2021)0106.
(9) Testi adottati, P9_TA(2021)0158.
(10) Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1).
(11) Ir-Regolament Nru 1 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU P 17, 6.10.1958, p. 385).
(12) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
(13) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-evalwazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) u dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS), tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) u tal-Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku (PIOB) (ĠU C 86, 6.3.2018, p. 24).
(14) Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).