Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fis‑16 ta’ Lulju 2026 (1)

Kawża C‑328/25

Consorcio de Compensación de Seguros

vs

Ministerio Fiscal,

MLVM,

LRMG,

LMR,

JMV,

LMMV,

AHM

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/103/KE – Direttiva (UE) 2021/2118 – Assigurazzjoni obbligatorja kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur – Vettura bil-mutur użata biex twettaq reat kontra persuna – Kumpens lill-vittma – Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ – Kunċett ta’ ‘inċident’ – Skema ta’ kumpens”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (2), fid-dawl tal-premessa 9 tad-Direttiva (UE) 2021/2118 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Direttiva 2009/103 (3). B’mod iktar speċifiku, dan il-każ iqajjem, fost affarijiet oħra, il-kwistjoni dwar jekk l-użu deliberat ta’ vettura bil-mutur bħala mezz biex tikkawża korriment personali jew il-mewt ta’ persuna oħra jaqax fil-portata tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103.

2.        Fl-immaġinazzjoni kollettiva tas-soċjetajiet kontemporanji tal-Punent, il-vettura bil-mutur hija meqjusa b’mod wiesa’ bħala simbolu tal-libertà. Kemm jekk tieħu l-forma tal-kapolavuri letterarji ta’ Jack Kerouac (“On the Road”) jew ċinematiċi ta’ Ridley Scott (“Thelma & Louise”), dan is-simbolu kien karatteristika kważi kostanti tal-kultura tal-Punent mit-tieni nofs tas-seklu għoxrin. Madankollu, ħafna qabel dakinhar, fl‑1846, f’diskors mogħti quddiem il-Chambre des pairs (Kamra tal-Imsieħba Pari, Franza), Victor Hugo kien enfasizza li, fil-fehma tiegħu, “mal-libertà tiġi r-responsabbiltà” u li huwa kien “fost dawk li ma jixtiqux li l-libertà titgawda mingħajr ma tinġarr ir-responsabbiltà” (4).

3.        F’ċertu sens, ir-rekwiżit li tiġi assigurata vettura llum jinkorpora dan l-ispirtu ta’ responsabbiltà. Fil-fatt, huwa preċiżament dan l-ispirtu li ggwida lil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea fl-adozzjoni, mill‑1972 ’il hawn, ta’ sensiela ta’ direttivi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja kontra r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur (5), qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni gradwali fl-insegwiment tal-għan li jiġu protetti l-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi bil-mutur (6). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’diversi okkażjonijiet, dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-direttivi sabiex tiddefinixxi, fost l-oħrajn, il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” (7). Madankollu, il-firxa tad-danni koperti mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà hija sors kostanti ta’ mistoqsijiet ġodda, bħal dawk fil-qalba ta’ din il-kawża.

4.        F’dan il-każ, iċ-ċirkustanzi li taw lok għal dubji dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” huma partikolarment serji, peress li jirrigwardaw l-użu ta’ vettura bil-mutur bl-intiża li tiġi kkawżata l-mewt ta’ persuna oħra.

II.    It-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

5.        Nhar it‑12 ta’ Lulju 2020 filgħodu, AHM kien involut fi ġlieda ma’ diversi persuni, inkluż AMV, barra nightclub fi Spanja. Wara l-ġlieda, AHM, li qatt ma kellu liċenzja tas-sewqan, qabbad il-karozza tiegħu li għaliha ma kellux assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili. Huwa saqha deliberatament b’veloċità għolja, mingħajr ma xegħel id-dwal ta’ quddiem, lejn AMV, li kien miexi fuq il-bankina, u laqtu. Wara din l-ewwel kolliżjoni, AHM dawwar il-karozza u saq fuq AMV. AMV miet iktar tard dakinhar b’konsegwenza tad-diversi ġrieħi li kien sofra.

6.        Meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kien hemm żewġ sistemi fi Spanja li setgħu jwasslu għall-kumpens ta’ persuni li sofrew dannu jew korriment ikkawżat minn vetturi bil-mutur, jiġifieri sistema għall-kumpens għad-dannu jew korriment ikkawżat mill-użu ta’ vettura bil‑mutur u sistema ta’ benefiċċji pubbliċi għall-vittmi ta’ reati vjolenti intenzjonati.

7.        Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2022, issupplimentata b’deċiżjoni sussegwenti, l-Uffiċċju tal-Ġurati tal-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali, Barcelona, Spanja) ikkundannat lil AHM għal 16-il sena u 8 xhur ħabs bħala l-awtur ta’ reat ta’ qtil volontarju, u għal 4 xhur ħabs bħala l-awtur kriminalment responsabbli għal reat kontra s-sigurtà tat-traffiku. B’żieda ma’ dan, l-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali, Barcelona) ordnatlu jħallas l-ispejjeż u kumpens. Il-Consorcio de Compensación de Seguros (Konsorzju ta’ Kumpens tal-Assigurazzjoni; iktar ’il quddiem “il-Konsorzju”) ġie wkoll ordnat, bħala parti b’responsabbiltà ċivili diretta u in solidum, iħallas kumpens, mingħajr preġudizzju għad-dritt tiegħu ta’ regress.

8.        Il-Konsorzju ppreżenta appell quddiem l-Awla Ċivili u Kriminali tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja, Cataluña, Spanja), li, b’sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2023, ikkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, għalkemm l-ammont ta’ kumpens pagabbli mill-Konsorzju u n-numru ta’ benefiċjarji tnaqqsu xi ftit; b’mod partikolari, il-Konsorzju kien eżentat milli jħallas kumpens lin-nanniet tal-vittma.

9.        Il-Konsorzju ppreżenta appell quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, li permezz tiegħu huwa jitlob l-annullament tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2023 għar-raġuni, b’mod partikolari, li s-suġġett tal-kawża prinċipali ma jikkonċernax l-“użu ta’ vettura”. Dan l-argument huwa bbażat fuq l-Artikolu 1(6) tar-Real Decreto Legislativo 8/2004, de 29 de octobre, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley sobre responsabilidad civil y seguro en la circulación de vehículos a motor (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 8/2004 tad‑29 ta’ Ottubru 2004 li japprova t-test rivedut tal-Liġi dwar ir-responsabbiltà ċivili u l-assigurazzjoni fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, li jipprevedi li “l-użu ta’ vettura għandu jeskludi l-użu tal-vettura bil-mutur bħala strument biex jitwettqu reati intenzjonali kontra persuni jew proprjetà”.

10.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-liġi Spanjola mad-dritt tal-Unjoni fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kliem tal-premessa 9 tad-Direttiva 2021/2118, li minnha jidher, essenzjalment, li l-Istati Membri għandhom jew jiżguraw li dannu jew korriment ikkawżat intenzjonalment permezz ta’ vettura bil-mutur ikun kopert skont id-Direttiva 2009/103, jew jipprovdu skema alternattiva ta’ kumpens ekwivalenti li tiżgura li tali dannu jew korriment jiġi kkumpensat b’mod li jixbah kemm jista’ jkun l-arranġamenti ta’ kumpens previsti f’din id-direttiva. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li d-Direttiva 2021/2118 ma tapplikax ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-verżjoni inizjali tad-Direttiva 2009/103 kinitx diġà tipprevedi l-prinċipju ta’ kumpens ekwivalenti għal dannu u korriment msemmi fil-premessa 9 tad-Direttiva 2021/2118. Jekk iva, din il-qorti tixtieq tkun ċerta dwar jekk l-iskema tal-Istat Spanjol għall-kumpens għal danni li jirriżultaw minn reati mwettqa intenzjonalment permezz ta’ vettura bil-mutur tistax titqies li tipprovdi arranġamenti ta’ kumpens “kemm jista’ jkun qrib” ta’ dawk stabbiliti fid-Direttiva 2009/103.

11.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti fit‑13 ta’ Mejju 2025, tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-kopertura kumpensatorja għall-vittmi kollha tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, inklużi dawk li jkunu vittmi b’konsegwenza ta’ aggressjoni intenzjonali fejn bħala strument tkun intużat vettura fil-moviment, previst espliċitament fil-premessa 9 tad-[Direttiva 2021/2118], jifforma parti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea b’effett mill-verżjoni inizjali tad-[Direttiva 2009/103]?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, sistema ta’ kumpensi akkarigu tal-Istat li tkopri l-vittmi ta’ reati intenzjonali mwettqa permezz ta’ vetturi bil-mutur, iżda li tnaqqas l-ammont tal-kumpensi (xi drabi b’iktar min-nofs) u li teskludi lil xi benefiċjarji, tista’ titqies li hija simili għall-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja u, għaldaqstant, tirrendi inutli n-neċessità li tali vittmi jiġu inklużi taħt il-koperturi previsti fid-[Direttiva 2009/103]?”

12.      Osservazzjonijiet bil-miktub tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn waħda mill-partijiet ċivili (LRMG), mill-Ministerio Fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, Spanja), mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet kollha attendew is-seduta li saret fil‑21 ta’ Mejju 2026.

III. Analiżi

A.      Rimarki preliminari

13.      Kif indikajt fil-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-Direttiva 2009/103 għaqqdet ħames direttivi preċedenti, issa mħassra, f’waħda sabiex tikkonsolida u tiċċara l-istat attwali tad-dritt relatat mal-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur. Madankollu, din id-direttiva ma emendatx is-sustanza tad-direttivi preċedenti bir-riżultat li l-ġurisprudenza relatata ma’ dawk id-direttivi preċedenti tista’ tiġi applikata għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Direttiva 2009/103 (8). F’dan il-kuntest, fl‑2017 il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-funzjonament tad-Direttiva 2009/103 li kkonkludiet li kienu meħtieġa għadd ta’ emendi sabiex tittejjeb l-effiċjenza, l-effettività u l-koerenza ta’ din id-direttiva ma’ politiki oħra tal-Unjoni. Id-Direttiva 2021/2118 ġiet adottata għal dan il-għan (9).

14.      F’dan il-każ, hija preċiżament is-sekwenza ta’ dawn id-diversi direttivi li wasslet għad-domandi preliminari, u, b’mod iktar partikolari, ir-rilevanza tal-premessa 9 li ġiet introdotta fid-Direttiva 2021/2118 – li t-termini tagħha se niddeskrivi f’iktar dettall iktar ’il quddiem – li wasslu għad-domandi mibgħuta.

15.      It-tħassib sottostanti huwa dan tal-kumpens għall-vittmi ta’ tali dannu jew korriment, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li d-Direttiva 2009/103 tipprovdi, l-ewwel, fl-Artikolu 3 tagħha, li kull Stat Membru għandu jieħu miżuri xierqa biex jiżgura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vettura normalment ibbażata fit-territorju tiegħu jkun kopert minn assigurazzjoni (10), u, it-tieni, fl-Artikolu 10 tagħha, li, bħala miżura tal-aħħar istanza, għandu jiġi stabbilit korp biex jipprovdi kumpens lill-vittmi f’każijiet fejn il-vettura li kkawżat il-korriment jew id-dannu ma tistax tiġi identifikata jew ma tkunx issodisfat ir-rekwiżit għall-assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jiġifieri, vettura li għaliha ma jkun hemm l-ebda kuntratt ta’ assigurazzjoni fis-seħħ (11).

16.      Madankollu, id-Direttiva 2009/103, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, ma fiha l-ebda dispożizzjoni li tirregola espressament il-kwistjoni ta’ dannu jew korriment ikkawżat intenzjonalment permezz ta’ vetturi bil-mutur.

17.      Fl-istess ħin, id-Direttiva 2021/2118, li tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-direttiva sat‑23 ta’ Diċembru 2023, tiddikjara, fil-premessa 9, li fejn Stat Membru jeskludi korriment personali jew dannu lill-proprjetà, ikkawżat deliberatament mill-użu ta’ vettura, mill-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur, għandu jitħalla jkompli din il-prattika legali b’kundizzjoni waħda. Għaldaqstant, “sabiex ma titnaqqasx il-protezzjoni mogħtija mid-[Direttiva 2009/103], tali prattiki legali jenħtieġ li jkunu permessi biss jekk Stat Membru jiżgura li f’dawn il-każijiet il-partijiet li jkunu sofrew dannu jiġu kkumpensati għal tali dannu [jew korriment] b’mod li jkun kemm jista’ jkun qrib ta’ kif jiġu kkumpensati skont id-[Direttiva 2009/103]”.

18.      Għalhekk, minn qari letterali ta’ din il-premessa jirriżulta li l-leġiżlatur iqis li huwa neċessarju li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ekwivalenza bejn il-kumpens għal dannu jew korriment ikkawżat intenzjonalment, u l-kumpens għal dannu jew korriment ikkawżat mhux intenzjonalment, bl-użu ta’ vettura, peress li dannu jew korriment ikkawżat deliberatament bl-użu ta’ vettura jista’ jiġi eskluż mill-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur biss jekk il-partijiet danneġġjati jiġu kkumpensati b’mod li jkun “kemm jista’ jkun qrib” tal-kumpens li jingħata skont id-Direttiva 2009/103. Il-premessa 9 tagħmilha ċara wkoll li tali mekkaniżmu għandu jiġi żgurat “sabiex ma titnaqqasx il-protezzjoni mogħtija mid-[Direttiva 2009/103]”, li jidher li jimplika li tali protezzjoni kienet diġà teżisti skont din id-Direttiva.

19.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet iqajmu mistoqsijiet dwar żewġ kwistjonijiet.

20.      L-ewwel, il-prinċipju ta’ ekwivalenza deskritt fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet jissemma biss fil-premessa 9 tad-Direttiva 2021/2118, iżda ma jidher fl-ebda wieħed mill-artikoli ta’ din id-direttiva. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, premessa ta’ att tal-Unjoni ma għandhiex forza legali vinkolanti, anke jekk għandha valur interpretattiv importanti, fis-sens li tista’ tispjega l-kontenut ta’ dispożizzjoni tal-att inkwistjoni u tiċċara l-intenzjoni tal-awtur ta’ dan l-att (12). Għalhekk, għalkemm mill-kliem tal-premessa 9 jidher li l-Istati Membri huma mistennija li jiżguraw li l-kumpens għal dannu jew korriment ikkawżat intenzjonalment mill-użu ta’ vettura jkun kemm jista’ jkun qrib il-kumpens għal dannu jew korriment ikkawżat b’mod mhux intenzjonat, din il-premessa, waħedha, ma tistax timponi tali obbligu dirett fuq l-Istati Membri.

21.      It-tieni, ma huwiex ikkontestat li d-Direttiva 2021/2118 ma kinitx tapplika fiż-żmien tal-avvenimenti traġiċi li seħħew fit‑12 ta’ Lulju 2020. F’dan il-kuntest, u apparti mill-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-premessa 9 ta’ din id-direttiva hijiex rilevanti għall-iskop tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/103 u, jekk hija, x’inhu l-impatt tagħha fuq il-każ fil-kawża prinċipali. Madankollu, fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali pprovduta mill-qorti tar-rinviju u mill-kliem tad-domandi magħmula, huwa ċar li din il-qorti ma hijiex qiegħda tfittex li tivverifika jekk id-Direttiva 2021/2118 hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali, iżda biss jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza msemmi fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet setax diġà jiġi dedott mid-Direttiva 2009/103, li hija applikabbli fil-kuntest tat-tilwima inkwistjoni.

22.      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li ż-żewġ domandi mressqa għandhom jiġu eżaminati.

B.      L-ewwel domanda preliminari

23.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l‑Artikoli 3 u 10 tad-Direttiva 2009/103, moqrija fid-dawl tal-premessa 9 tad-Direttiva 2021/2118, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-dannu jew il-korriment ikkawżat intenzjonalment bl-użu ta’ vettura li għaliha l-obbligu tal-assigurazzjoni ma ġiex issodisfatt għandux jiġi kkumpensat skont l-ewwel direttiva. Fi kliem ieħor, id-domanda li għandha tingħata risposta hija għalhekk jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103 jestendix għal dannu jew korriment ikkawżat intenzjonalment minn persuna li tuża vettura bil-mutur.

1.      Id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 permezz tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”

24.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103 ma huwiex iddefinit b’mod ċar fl-ebda wieħed mill-artikoli ta’ din id-direttiva. Għalhekk kien is-suġġett ta’ linja estensiva ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tiġi mqassra b’mod ġenerali kif ġej: id-Direttiva 2009/103 tistabbilixxi obbligu ta’ assigurazzjoni fir-rigward ta’ vetturi li jintużaw b’mod li huwa konsistenti mal-funzjoni normali tagħhom (13). Dan jinvolvi li jiġi ddeterminat, l-ewwel, jekk l-oġġett li jikkawża d-dannu jew il-korriment inkwistjoni jistax jitqies bħala vettura (14) u, it-tieni, xi jfisser it-terminu “użu ta’ vetturi”. It-tilwima preżenti tikkonċerna din it-tieni kundizzjoni u, b’mod iktar preċiż, l-użu ta’ tali vettura għall-iskop li jitwettaq qtil intenzjonalment.

25.      Għalhekk, sabiex tingħata risposta utli għad-domanda magħmula, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk tali użu jaqax taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Din hija kwistjoni fundamentali, peress li huma biss dawk il-każijiet ta’ użu ta’ vettura assigurata li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-assiguratur, skont kuntratt obbligatorju ta’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ din il-vettura, għad-danni jew il-korrimenti kkawżati minn din tal-aħħar (15).

26.      Analiżi preliminari bħal din tiddetermina minn qabel il-fehim usa’ tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103, peress li l-istess raġunament japplika neċessarjament għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva li jiggarantixxi kumpens għad-dannu u l-korrimenti kkawżati minn vetturi mhux assigurati jew mhux identifikati. F’dan ir-rigward, nosserva, fid-dawl tal-premessa 14 tad-Direttiva 2009/103, li l-Artikolu 10 tagħha huwa maħsub biex jiggarantixxi, permezz tat-twaqqif ta’ korp għal dan il-għan, li l-vittmi ma jitħallewx mingħajr kumpens jekk il-vettura li kkawżat l-inċident ma tkunx assigurata jew mhux identifikata. B’mod parallel, il-premessa 2 tad-Direttiva 2009/103, li tgħin biex jinftiehem il-kuntest tal-Artikolu 3 tagħha, tenfasizza l-importanza tal-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur għad-detenturi ta’ polza u l-vittmi ta’ inċident. Iż-żewġ premessi jużaw l-istess termini biex jiddeskrivu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103, li hija maħsuba biex tkopri r-responsabbiltà għall-vittmi ta’ inċidenti. Konsegwentement, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/103 it-tnejn jirrelataw mal-kopertura tal-istess tip ta’ avvenimenti, jiġifieri inċidenti li kkawżaw korriment lill-vittmi, filwaqt li huma komplementari fir-rigward tal-eżistenza jew il-possibbiltà li jiġu skoperti d-detenturi tal-polza.

27.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, kif stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, ma jistax jitħalla għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru iżda huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja (16). Dan ikopri kwalunkwe użu ta’ vettura bil-mutur li huwa konsistenti mal-funzjoni normali ta’ din il-vettura (17), li fl-aħħar mill-aħħar tfisser kwalunkwe użu bħala mezz ta’ trasport (18). Kif fakkart qabel fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża KBC Verzekeringen (19), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat gradwalment it-test rilevanti li għandu jiġi applikat sabiex jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni speċifika taqax fl-ambitu tal-użu ta’ vettura bħala mezz ta’ trasport.

28.      Fil-qosor, dan it-test jinvolvi evalwazzjoni fattwali tal-użu tal-vettura inkwistjoni billi jitqiesu għadd ta’ kriterji żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29.      Fl-ewwel lok, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett ma għandux ikun limitat għall-użu tat-triq (ivvjaġġar fit-toroq pubbliċi), iżda għandu jkopri kull użu konsistenti mal-funzjoni normali ta’ vettura (20). Fit-tieni lok, il-fatt li vettura tkun miexja jew wieqfa, jew jekk il-magna tagħha tkunx qed taħdem jew le, fiż-żmien meta jseħħ l-avveniment li wassal għad-dannu jew il-korriment inkwistjoni, ma huwiex waħdu konklussiv, peress li l-kwistjoni li tqum hija biss jekk intużatx bħala mezz ta’ trasport jew le (21). Fit-tielet lok, l-użu reali ta’ vettura bħala mezz ta’ trasport għandu jinftiehem b’mod wiesa’. Jinkludi, fost affarijiet oħra, l-użu li jippermetti lill-persuni jidħlu jew joħorġu minn vettura, jew li jippermetti li oġġetti li għandhom jiġu ttrasportati jitgħabbew fuq jew jinħattu minn vettura (22). Jinkludi wkoll “stadji naturali u meħtieġa li jiffurmaw parti integrali mill-użu tagħha bħala mezz ta’ trasport”, bħall-ipparkjar tagħha u l-perijodu ta’ immobilizzazzjoni (23). L-użu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett biss meta vettura tintuża għal skop li huwa b’mod ċar distint mill-funzjoni normali tagħha ta’ trasport (24).

30.      Fid-dawl ta’ dan li ntqal, ninnota li l-ġurisprudenza rilevanti hija kkaratterizzata minn approċċ pragmatiku (25) li ġie segwit bil-għan li l-qrati nazzjonali jiġu pprovduti bi gwida utli għall-implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2009/103. Għalkemm jista’ jidher li huwa approċċ każ b’każ, madankollu huwa ċar li hija evalwazzjoni oġġettiva ċċentrata fuq il-vettura nnifisha, fejn din tal-aħħar hija l-element li jgħaqqad il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”. Għalhekk, sal-lum, dan l-approċċ dejjem kellu punt fokali purament funzjonali li wassal għal interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett. Madankollu, sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kkunsidrat l-element suġġettiv tal-imġiba tas-sewwieq ta’ vettura li wasslet għad-dannu jew il-korrimenti kkawżati minn din il-vettura.

31.      Għalhekk, il-każ preżenti jqajjem il-kwistjoni partikolari ta’ jekk – u jekk iva, kif – il-karatterizzazzjoni legali tal-element suġġettiv tal-imġiba ta’ sewwieq taffettwax il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103. Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, huwa għalhekk neċessarju li jiġi ċċarat jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” jinkludix l-evalwazzjoni ta’ dan l-element suġġettiv, jiġifieri l-istat mentali tas-sewwieq fir-rigward tal-elementi oġġettivi tar-reat kriminali, b’mod iktar speċifiku l-konsegwenzi tal-użu tal-vettura inkwistjoni.

2.      Ir-rilevanza tal-“istat mentali” tas-sewwieq fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”

32.      Fil-kawża preżenti, minbarra l-elementi rilevanti għall-evalwazzjoni oġġettiva tal-użu tal-vettura, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tipprovdi kjarifika dwar jekk l-istat mentali tas-sewwieq tal-vettura li kkawżat id-dannu jew il-korriment inkwistjoni huwiex rilevanti għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni partikolari tammontax għal “użu” ta’ din il-vettura fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103. B’mod iktar speċifiku, u kif diġà msemmi fil-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-domanda li għandha tirrispondi l-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk l-istat mentali ta’ persuna meta tuża vettura bil-mutur bħala mezz biex tikkawża l-istess dannu jew korriment li jagħti lok għad-dritt tal-vittma għal kumpens għandux jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi deċiż jekk id-dannu jew il-korriment inkwistjoni jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103. Sabiex nipprovdi risposta, se napplika l-metodi ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/103 sabiex nespandi fuq l-analiżi li diġà saret mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar it-tifsira tas-soltu tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, filwaqt li nikkunsidra wkoll il-kuntest li fih iseħħ dan il-kunċett u l-għanijiet li minnhom jagħmel parti (26).

a)      Il-kliem tal-ewwel paragrafu tal-Artikoli 3 u tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2009/103

33.      Fir-rigward tal-kliem tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrimarkat li dan huwa fformulat f’termini ġenerali ħafna (27). B’mod iktar speċifiku, interpretazzjoni letterali tat-terminu “użu ta’ vetturi” ma tippermettix li jinġibdu konklużjonijiet, b’xi mod jew ieħor, dwar il-piż li għandu jingħata lill-istat mentali tas-sewwieq meta jiġi ddeterminat jekk azzjoni tikkostitwixxix tali “użu”.

34.      Bl-istess mod, l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva ma jgħid xejn dwar il-kwistjoni ta’ jekk dannu jew korriment ikkawżat minn vettura mhux identifikata, jew vettura li għaliha l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-Artikolu 3 ma ġiex issodisfatt, huwiex suġġett għal kumpens ipprovdut mill-korp li l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu jew jawtorizzaw, jekk dan id-dannu jew il-korriment jirriżulta minn att deliberat tas-sewwieq ta’ vettura bil-mutur.

35.      Għalhekk, minn interpretazzjoni letterali tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2009/103 ma jirriżultax li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni ċara u espliċita li jipprovdi kopertura, permezz ta’ assigurazzjoni obbligatorja ta’ responsabbiltà ċivili jew permezz ta’ finanzjament pubbliku, għal dannu jew korriment imġarrab minn vittma ta’ att deliberat tas-sewwieq ta’ vettura bil-mutur. Madankollu, lanqas ma jirriżulta, mill-istess interpretazzjoni letterali, li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li ma jipprovdix tali kopertura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata importanza partikolari lill-kuntest u lill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2009/103.

b)      Il-kuntest tad-Direttiva 2009/103

36.      Fir-rigward tal-kuntest li minnu jifformaw parti l-ewwel paragrafu tal-Artikoli 3 u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2009/103, għandu jiġi nnotat li l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, f’din id-direttiva, tintuża b’mod konsistenti flimkien mal-kunċett ta’ “inċident”, anki għalkemm dan il-kunċett ma jissemmiex fl-Artikoli 3(1) u 10(1).

37.      F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għal diversi premessi ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, il-premessa 2 li tistabbilixxi l-għan ewlieni tad-direttiva tiddikjara li “[a]ssigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) hi ta’ importanza speċjali għaċ-ċittadini Ewropej, kemm għal dawk li għandhom polza ta’ assigurazzjoni kif ukoll għall-vittmi ta’ inċident”. Il-premessa 18, li tistabbilixxi l-kunsiderazzjonijiet tal-leġiżlatur dwar il-korp imsemmi fl-Artikolu 10 tad-direttiva, tiddikjara li “[f]ir-rigward ta’ inċident ikkawżat minn vettura li ma tkunx assigurata, il-korp li jħallas kumpens lill-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi li ma jkunux assigurati jew identifikati ikun jinsab f’qagħda aħjar mill-vittma li jieħu azzjoni kontra l-parti responsabbli”. Barra minn hekk, il-premessa 20, li tiddeskrivi r-raġunijiet wara l-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-vittmi għal kumpens skont id-Direttiva 2009/103, tiddikjara li “l-vittmi tal-inċidenti bil-vetturi tal-mutur għandhom ikunu ggarantiti trattament komparabbli irrispettivament ta’ fejn fil-Komunità jseħħu l-inċidenti”.

38.      Barra minn hekk, mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2009/103 jirriżulta li “l-kondizzjonijiet li fihom danni personali għandhom jiġu kkunsidrati sinifikanti għandhom jiġu stabbiliti skont il-leġislazzjoni nazzjonali jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istat Membru fejn ikun seħħ l-inċident”. Minbarra dan, l-arranġamenti proċedurali għall-kumpens għal dannu jew korriment ikkawżat minn vettura bil-mutur huma stabbiliti fil-Kapitolu 7, intitolat “Ħlas ta’ talbiet li jirriżultaw minn kull inċident ikkawżat minn vettura koperta minn assigurazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3”(28).

39.      Mid-diversi dispożizzjonijiet u premessi li għadni kif eżaminajt jirriżulta li l-kuntest tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 10(1) ma jistax jinftiehem sew jekk tiġi injorata r-rabta bejn il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” u l-kunċett ta’ “inċident”.

40.      It-travaux préparatoires li wasslu għall-adozzjoni tad-Direttiva 2021/2118 jikkonfermaw ulterjorment li d-Direttiva 2009/103 hija mmirata lejn il-vittmi ta’ inċidenti. F’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni tipprovdi, inter alia, indikazzjoni utli billi tiddikjara li d-Direttiva 2009/103 “tfittex li tilħaq livell għoli ta’ konverġenza f’termini ta’ protezzjoni tal-vittmi potenzjali ta’ inċidenti ta’ vetturi bil-mutur” u li “l-ewwel Direttiva tal-UE dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur ġiet adottata fl‑1972, bl-għan doppju li tipproteġi l-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku” (29).

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha ripetutament enfasizzat li “l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi” mexxa l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-assigurazzjoni obbligatorja (30).

42.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 36 sa 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-konklużjoni li bilfors wieħed jasal għaliha hija li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” u, konsegwentement, il-portata tar-responsabbiltà għal dannu u korriment koperti kemm mill-Artikolu 3 kif ukoll mill-Artikoli 10 tad-Direttiva 2009/103 huma relatati ma’ inċidenti. Għalhekk, id-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva tistrieħ fuq il-kombinazzjoni kumulattiva tal-kunċetti ta’ “użu ta’ vetturi” u ta’ “inċident”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum il-kwistjoni dwar jekk dannu jew korriment ikkawżat deliberatament minn sewwieq ta’ vettura bil-mutur jistax jitqies bħala tali “inċident”.

43.      Id-Direttiva 2009/103 ma fiha l-ebda definizzjoni tat-terminu “inċident” (31) li ġie rrikonoxxut bħala kunċett diffiċli biex jiġi ddefinit (32). Madankollu, inċident ġeneralment jirreferi għal avveniment avvers, mhux intenzjonat u mhux previst (33). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li t-tifsira ordinarja li għandha tingħata lil dan il-kunċett hija dik ta’ avveniment mhux previst, dannuż u involontarju (34), jew ta “avveniment mhux previst u li jseħħ f’daqqa waħda li jwassal għal ħsara jew perikoli, bħal korrimenti jew mewt” (35).

44.      F’dak li għandu x’jaqsam mal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-premessa 9 tad-Direttiva 2021/2118 tindika li hemm approċċi nazzjonali differenti għall-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett, u li fir-rigward tat-traffiku fit-toroq u r-responsabbiltà ċivili, xi Stati Membri għażlu li jeskludu atti deliberati mid-definizzjoni ta’ inċident (36). Din l-osservazzjoni hija, barra minn hekk, konsistenti mal-approċċ ta’ armonizzazzjoni li fuqu hija bbażata d-Direttiva 2009/103, li tistabbilixxi obbligu inkundizzjonat li jiżgura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi tkun koperta minn assigurazzjoni, kif ukoll l-eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu, filwaqt li tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni meta jimplimentaw iktar rekwiżiti ta’ din id-direttiva mmirati biex jiżguraw l-effettività ta’ din il-kopertura tar-responsabbiltà ċivili (37).

45.      Għalhekk, jidher li l-interpretazzjoni tat-terminu “inċident” – kemm fis-sens ordinarju tiegħu kif ukoll kif mifhum fil-letteratura legali – ma tappoġġax il-fehma li sitwazzjoni fejn dannu jew korriment ikun ġie kkawżat deliberatament mis-sewwieq ta’ vettura bil-mutur lil terza persuna tikkostitwixxi tali inċident.

46.      Dan ikun ifisser li din is-sitwazzjoni ma taqax taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103. Dan l-approċċ ma huwiex mingħajr diffikultajiet, peress li jista’ jiġi kkontestat jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103 – u konsegwentement il-firxa tal-protezzjoni li tagħti lil persuni midruba minn vetturi bil-mutur – jistgħux jiġu ristretti biss fid-dawl ta’ interpretazzjoni kuntestwali ta’ din id-direttiva li intrinsikament torbot l-użu ta’ vettura ma’ inċident. Fi kliem ieħor, u jekk nassumu li l-leġiżlatur qed jaqdi r-rwol tiegħu ta’ “attur razzjonali” (38), jista’ jkun hemm mistoqsijiet dwar sa liema punt huwa possibbli li tiġi interpretata l-intenzjoni tal-leġiżlatur fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” bħala li huwa limitat għal dannu jew korriment ikkawżat b’mod mhux intenzjonat jew traskurat, mingħajr ma għamilha espliċita.

47.      Ċertament, dawn l-osservazzjonijiet fil-fatt joħolqu konfużjoni fl-interpretazzjoni tal-għażliet ta’ politika tal-leġiżlatur segwiti minn din il-leġiżlazzjoni. Minn naħa waħda, il-premessa 9 tad-Direttiva 2021/2118 tiddikjara espliċitament li f’ċerti sitwazzjonijiet l-użu ta’ vetturi bħala mezz sabiex deliberatament jiġi kkawżat dannu jew korriment personali għandu jkun kopert minn kumpens skont id-Direttiva 2009/103. Min-naħa l-oħra, din id-dikjarazzjoni tidher li hija kuntrarja għall-kliem u l-kuntest tad-Direttiva 2009/103 li, għar-raġunijiet esposti fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-danni jew il-korrimenti kkawżati minn inċident biss huma koperti minn kumpens skont din id-direttiva. Madankollu, din il-kritika għandha titqies fid-dawl tal-fatt li l-premessi ta’ strument tal-Unjoni ma għandhom l-ebda forza legali vinkolanti indipendenti (39).

48.      Dawn id-diffikultajiet rigward l-interpretazzjonijiet letterali u kuntestwali tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” jfissru li hemm bżonn partikolari li dan il-kunċett jiġi eżaminat fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2009/103 (40).

3.      L-għanijiet tad-Direttiva 2009/103

49.      Għandha ssir distinzjoni bejn l-għanijiet tad-Direttiva 2009/103 u l-iskop tal-iskemi legali nazzjonali li jirregolaw l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur. Id-direttiva ssegwi l-għanijiet speċifiċi tagħha stess (41), li jinkludu, b’mod partikolari, il-promozzjoni tal-libertà tal-moviment u s-servizzi. Tali tħassib ma huwiex neċessarjament, jew fil-fatt bl-ebda mod ma huwa, ċentrali għat-tħassib tal-liġijiet nazzjonali, li l-iskop ewlieni tagħhom jista’, pereżempju, ikun li jiddeterminaw id-drittijiet u d-dmirijiet ta’ assiguratur responsabbli li jħallas kumpens għad-dannu jew għall-korriment inkwistjoni (42). Il-protezzjoni tal-vittmi hija, madankollu, rilevanti kemm għall-miżuri tal-Unjoni kif ukoll għal dawk nazzjonali.

50.      Fl-ewwel lok, nosserva li d-Direttiva 2009/103 hija bbażata fuq l-Artikolu 95(1)KE (issa l-Artikolu 114(1) TFUE), li jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jadottaw miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Din id-direttiva ma tirreferix għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali b’dimensjoni transkonfinali jew, b’mod partikolari, għall-Artikolu 82(2) TFUE, mhux bħal, pereżempju, id-Direttiva 2012/29/UE, li tfittex li żżid il-livell ta’ protezzjoni tal-vittmi, b’mod partikolari fil-qafas tal-proċedimenti kriminali (43).

51.      L-għan tal-Artikolu 114 TFUE huwa li tiġi żgurata l-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 TFUE, li huwa intiż li jistabbilixxi l-funzjonament tas-suq intern, bħala żona mingħajr fruntieri interni fejn huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-kapital. F’dan ir-rigward, att leġiżlattiv adottat abbażi tal-Artikolu 114 TFUE għandu, l-ewwel, jinkludi miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri u, it-tieni, ikollu bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ dan is-suq intern (44). B’kuntrast ma’ dan, il-vittmi tal-kriminalità jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Trattat FUE, li jistabbilixxi l-kompetenza tal-Unjoni Ewropea li tilleġiżla fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja abbażi tar-rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri. Għalhekk hemm distinzjoni ċara bejn l-għanijiet segwiti mit-Trattat FUE fir-rigward tal-miżuri li jippromwovu s-suq intern u dawk li għandhom l-għan li jipprevjenu u jiġġieldu l-kriminalità. Dawn id-differenzi ma għandhomx jiġu injorati.

52.      Fit-tieni lok, nixtieq nirrimarka li d-Direttiva 2009/103 ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni legali li tissuġġerixxi li kienet maħsuba biex tipproteġi l-vittmi ta’ reati intenzjonali mwettqa waqt l-użu ta’ vettura bil-mutur. Biex inkun iktar preċiż, l-ebda wieħed mill-artikoli f’dan l-att leġiżlattiv ma jiddikjara li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jikkumpensa lil dawn il-vittmi b’mod “kemm jista’ jkun qrib” tal-kumpens pagabbli lill-vittmi ta’ inċidenti skont l-Artikoli 3 u 10 ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, jidher li d-Direttiva 2009/103 hija msejsa fuq il-loġika tas-suq intern iktar milli fuq il-loġika ta’ kwistjonijiet kriminali, li jaqgħu f’qafas differenti, qasam li fih il‑leġiżlatur ddeċieda li jistrieħ fuq strumenti oħra.

53.      Fid-dawl tal-premess, nikkunsidra li, minkejja l-ambigwitajiet attribwibbli kemm għall-kliem tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati kif ukoll għall-kuntest tagħhom fid-Direttiva 2009/103, kif ukoll għall-metodi li joħolqu konfużjoni adottati mil-leġiżlatur sabiex jiddefinixxi u jispjega l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, l-interpretazzjoni l-iktar konsistenti, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 82 u 114 tat-Trattat FUE rispettivament, hija li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” ma jistax jinkludi dannu jew korriment ikkawżat deliberatament permezz ta’ vettura bil-mutur. F’dan ir-rigward, nemmen li, irrispettivament mill-kontenut tagħha, il-premessa 9 tad-Direttiva 2021/2118 ma tistax taqleb din l-evalwazzjoni, peress li l-kontenut ta’ din il-premessa ma huwiex espliċitament inkorporat fl-artikoli li jifformaw il-korp prinċipali ta’ din id-direttiva. Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv biss u mhux il-premessi (45) tiegħu huma l-mezzi li bihom il-leġiżlatur tal-Unjoni jeżerċita l-kompetenza tiegħu li jilleġiżla u, b’mod iktar speċifiku, li jarmonizza r-regoli dwar, inter alia, il-kumpens lill-vittmi li sofrew dannu jew korriment minn vettura bil-mutur. Peress li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” huwa intrinsikament marbut mal-kunċett ta’ “inċident”, kif intwera iktar ’il fuq, il-kumpens għal dannu jew korriment ikkawżat lill-vittmi ma jkunx kopert mid-Direttiva 2009/103, jekk l-istat mentali tal-awtur tar-reat ikun jirrifletti intenzjoni deliberata li jikkawża dannu jew korriment lill-vittma, u din hija kwistjoni li tibqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri.

4.      Applikazzjoni għal dan il-każ

54.      Hija r-responsabbiltà unika tal-qorti tar-rinviju li twettaq evalwazzjoni ġenerali tal-fatti u tal-kwistjonijiet legali rilevanti kollha sabiex issolvi t-tilwima fil-kawża prinċipali. Madankollu, ma hemm xejn li jipprevjeni lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju billi tipprovdilha l-gwida dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun meħtieġa sabiex dik il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi hija stess dwar din it-tilwima. F’dan ir-rigward, il-metodoloġija deskritta fil-punti 23 sa 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet għandha tiġi applikata sabiex jiġi ddeterminat jekk ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali jistgħux jiġu kklassifikati bħala kwistjoni li taqa’ fl-ambitu tal-“użu ta’ vetturi”. Kif semmejt fil-punti 27 sa 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din l-evalwazzjoni għandha tiddetermina jekk il-vettura kkonċernata kinitx qed tintuża b’mod konsistenti mal-funzjoni normali tagħha meta kkawżat id-dannu jew il-korriment inkwistjoni. Mill-punti 32 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta wkoll li l-istabbiliment tal-istat mentali tas-sewwieq rigward id-dannu jew il-korriment ikkawżat huwa rilevanti għall-iskop li jiġi ddeterminat jekk att li wassal għal dan id-dannu jew korriment jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103, peress li d-dannu jew il-korriment ikkawżati minn inċident (stat mentali mhux intenzjonali rigward il-konsegwenzi) biss huwa kopert mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

55.      Meta wieħed jikkunsidra l-metodoloġija kif miġbura fil-qosor fil-punt preċedenti, huwa veru li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jistgħu jagħtu lok għal konfużjoni. Għalhekk, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mis-seduta jidher li l-vettura inkwistjoni – bis-sewwieq u passiġġier abbord – intużat sabiex tivvjaġġa fi triq pubblika sabiex tasal fix-xena tal-avveniment traġiku li rriżulta fil-mewt ta’ persuna u mbagħad taħrab minnha. Madankollu, huwa daqstant ieħor ċar li l-att, li wassal għad-dannu jew il-korriment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien jikkonsisti fl-użu deliberat ta’ din il-vettura speċifikament għall-iskop li tikkawża dan id-dannu jew korriment (46). Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li sentenza tal-qorti stabbilixxiet li AHM kien saq deliberatament il-vettura mhux assigurata tiegħu, b’veloċità għolja u mingħajr id-dawl ta’ quddiem mixgħul, sabiex jolqot b’mod vjolenti lil AMV darbtejn. Il-qorti tar-rinviju tispjega li AHM kellu l-intenzjoni li jtemm il-ħajja ta’ AMV jew li kien hemm possibbiltà kbira li jagħmel dan bħala riżultat tal-azzjonijiet tiegħu.

56.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għall-verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, l-użu li sar mill-vettura f’dan il-każ ma jistax jitqies li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 u, konsegwentement, tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2009/103. Għalhekk, kwalunkwe kumpens għal dan id-dannu u korriment ma jistax jinkiseb mill-kopertura prevista fiha, jekk ikun stabbilit b’mod ċar li l-istat mentali tas-sewwieq kien tali li wettaq att deliberat biex jikkawża d-dannu inkwistjoni, jiġifieri l-mewt ta’ persuna (47).

57.      Kwalunkwe approċċ ieħor, fil-fehma tiegħi, jagħti lil premessa forza vinkolanti li tkun f’kontradizzjoni ċara mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rwol tal-premessi fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (48).

58.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda preliminari kif ġej: l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2009/103, moqrija fid-dawl tal-premessa 9 tad-Direttiva 2021/2118, għandhom jiġu interpretati bħala li ma jimponux fuq Stat Membru obbligu li jikkumpensa dannu jew korriment kkawżat bl-użu ta’ vettura bil-mutur, b’mod li jkun kemm jista’ jkun qrib kif jiġu kkumpensati skont id-Direttiva 2009/103, jekk jiġi stabbilit li l-istat mentali tas-sewwieq jirrifletti intenzjoni deliberata li jikkawża d-dannu inkwistjoni, bħall-mewt ta’ persuna. Madankollu, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jagħmlu dan.

C.      It-tieni domanda preliminari

59.      Bit-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-kundizzjonijiet li taħthom skema ta’ kumpens għal dannu jew korriment imwettaq intenzjonalment bl-użu ta’ vettura bil-mutur tistax titqies bħala li tikkumpensa lill-partijiet iddanneġġati b’mod li jkun kemm jista’ jkun qrib ta’ kif ikunu kkumpensati skont id-Direttiva 2009/103.

60.      Għar-raġunijiet esposti fit-taqsima preċedenti, nikkunsidra li ma hemmx bżonn li tingħata risposta għal din id-domanda. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja titbiegħed minn din il-fehma u ssib, essenzjalment, li d-Direttiva 2009/103 – fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali – impliċitament tipprovdi li dannu jew korriment kkawżat deliberatament minn sewwieq ta’ vettura li għaliha l-obbligu tal-assigurazzjoni ma jkunx ġie ssodisfatt għandu jiġi kkumpensat skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, jew b’mod li jkun kemm jista’ jkun qrib ta’ dan tal-aħħar, se nindirizza din il-kwistjoni fil-qosor għal raġunijiet ta’ kompletezza.

61.      Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li l-obbligu li tiġi pprovduta kopertura tal-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili għal dannu jew korriment kkawżat lil terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-firxa tal-kumpens li għandu jingħatalhom abbażi tar-responsabbiltà ċivili ġenerali. Filwaqt li tal-ewwel hu ddefinit u ggarantit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tal-aħħar hija, essenzjalment, irregolata mid-dritt nazzjonali (49). Konsegwentement, kif inhu bħalissa d-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddeterminaw, b’mod partikolari, liema dannu jew korriment kkawżat minn vetturi bil-mutur għandhom jiġu kkumpensati, il-firxa tad-dritt għal kumpens u l-persuni li għandhom ikunu intitolati għal kumpens. Madankollu, din il-libertà hija ristretta minn din id-direttiva, safejn tagħmel il-kopertura ta’ ċerti tipi ta’ dannu jew korriment obbligatorja, billi tispeċifika ammonti minimi ta’ kopertura ddeterminati minn din id-direttiva. Id-“danni personali”, kif stabbiliti fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, huma fost it-tipi ta’ dannu jew korriment li għalihom il-kopertura hija obbligatorja (50).

62.      F’dan il-kuntest u fid-dawl tal-prerogattivi sinjifikattivi li jibqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam, kumpens kemm jista’ jkun qrib ta’ dak previst mid-Direttiva 2009/103 għandu, b’mod partikolari, jikkonforma mal-ammonti minimi stabbiliti minn din id-direttiva u jkopri t-tipi ta’ dannu jew korriment speċifikati fiha, inklużi dannu mhux materjali. Barra minn hekk, fir-rigward tal-persuni li għandhom dritt għal kumpens għal tali danni mhux materjali skont id-Direttiva 2009/103, l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li l-kumpens pagabbli, skont id-dritt nazzjonali tagħhom dwar ir-responsabbiltà ċivili, għal danni mhux materjali mġarrba mill-qraba tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku jkun kopert minn assigurazzjoni obbligatorja ta’ mill-inqas l-ammonti minimi stabbiliti fid-Direttiva 2009/103 (51). L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fil-każ ta’ vettura mhux assigurata, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni kemm tal-Artikolu 3 kif ukoll tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jwassal neċessarjament għall-istess riżultat għall-vittma kkonċernata.

63.      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dawn il-fatturi kollha.

64.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, u jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa neċessarju, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi t-tieni domanda preliminari kif ġej: skema ta’ kumpens għal dannu jew korriment mwettaq intenzjonalment permezz ta’ vettura bil-mutur tista’ titqies bħala li tikkumpensa lill-partijiet li sofrew id-dannu b’mod li jkun kemm jista’ jkun qrib ta’ kif jiġu kkumpensati skont id-Direttiva 2009/103 jekk tikkonforma mal-ammonti minimi stabbiliti minn din id-direttiva u tkopri t-tipi ta’ danni speċifikati fiha, inkluż danni mhux materjali mġarrba mill-qraba tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku.

IV.    Konklużjoni

65.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, moqrija fid-dawl tal-premessa 9 tad-Direttiva (UE) 2021/2118 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Direttiva 2009/103,

għandhom jiġu interpretati bħala li ma jimponux fuq Stat Membru obbligu li jikkumpensa dannu jew korriment kkawżat minn vettura bil-mutur, b’mod li jkun kemm jista’ jkun qrib kif jiġu kkumpensati skont id-Direttiva 2009/103, jekk jiġi stabbilit li l-istat mentali tas-sewwieq jirrifletti intenzjoni deliberata li jikkawża d-dannu inkwistjoni, bħall-mewt ta’ persuna. Madankollu, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jagħmlu dan.

(2)      Skema ta’ kumpens għal dannu jew korriment mwettaq intenzjonalment permezz ta’ vettura bil-mutur tista’ titqies bħala li tikkumpensa lill-partijiet li sofrew id-dannu b’mod li jkun kemm jista’ jkun qrib ta’ kif jiġu kkumpensati skont id-Direttiva 2009/103 jekk tikkonforma mal-ammonti minimi stabbiliti minn din id-direttiva u tkopri t-tipi ta’ danni speċifikati fiha, inkluż danni mhux materjali mġarrba mill-qraba tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2009 L 263, p. 11.


3      ĠU 2021 L 430, p. 1.


4      Hugo, V., Actes et paroles, p. 554.


5      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Biondi fil-kawża Stichting Koskea (C‑490/24, EU:C:2025:735, punt 2 u, b’mod partikolari, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 3).


6      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Biondi fil-kawża Stichting Koskea (C‑490/24, EU:C:2025:735, punt 2 u, b’mod partikolari, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 5).


8      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España (C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Ara, f’dan is-sens, il-premessa 2 tad-Direttiva 2021/2118.


10      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana (C‑80/17, EU:C:2018:661, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Matmut (C‑236/23, EU:C:2024:761, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2024, Kočner v Europol (C‑755/21 P, EU:C:2024:202, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 56).


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punti 37 sa 40); din il-kundizzjoni ma hijiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li huwa stabbilit li l-karozza li kkawżat l-inċident traġiku li huwa l-punt ċentrali tal-kawża għandha titqies bħala vettura fis-sens ta’ din id-direttiva.


15      Ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑29 ta’ Ottubru 2021, Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny (C‑688/20, EU:C:2021:897, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Línea Directa Aseguradora (C‑100/18, EU:C:2019:517, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 38).


19      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Medina fil-kawża KBC Verzekeringen (C‑323/25, EU:C:2026:572, punti 32 sa 52).


20      Sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Línea Directa Aseguradora (C‑100/18, EU:C:2019:517, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 39),


22      Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company (C‑648/17, EU:C:2018:917, punt 36).


23      Sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Línea Directa Aseguradora (C‑100/18, EU:C:2019:517, punt 41).


24      Pereżempju, trakter agrikolu li, fil-ħin tal-inċident inkwistjoni, kien jintuża biss biex jiġġenera l-qawwa motriċi meħtieġa għas-sewqan tal-pompa ta’ sprejer tal-erbiċida, ma tqiesx mezz ta’ trasport bħala tali (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 41).


25      Dan l-approċċ kien suġġett għal kritika; dwar dan il-punt, ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Van Ameyde España (C‑923/19, EU:C:2021:125).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2026, Stichting Koskea (C‑490/24, EU:C:2026:89, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Juliana (C‑80/17, EU:C:2018:661, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      It-terminu “inċident” jidher fl-Artikoli 1, 2, 5, 6, 8, 10, 12, 13, 15 u 17 sa 25 tad-Direttiva 2009/103.


29      Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva Nru 2009/103/KE tas‑16 ta’ Settembru 2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (COM(2018) 336 final), tal‑24 ta’ Mejju 2018.


30      Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Matmut (C‑236/23, EU:C:2024:761, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Fuq dan il-punt, ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:106, punt 32).


32      Ara, f’dan ir-rigward, Bakouche, D., “L’accident: responsabilité civile et assurances”, Responsabilité civile et assurances, Lulju-Awwissu 2014, p. 5.


33      Ara Cornu, G., Vocabulaire juridique, PUF, Pariġi, 2024.


34      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Niki Luftfahrt (C‑532/18, EU:C:2019:1127, punt 35).


35      Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magni diesel) (C‑693/18, EU:C:2020:1040, punt 108).


36      Pereżempju, ġie enfasizzat fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku Franċiż li “etimoloġikament (accidens: xi ħaġa li tiġri b’kumbinazzjoni), it-terminu ‘inċident’ jirreferi għal avveniment li jseħħ b’mod mhux mistenni – b’sorpriża, biex ngħidu hekk – avveniment li jseħħ f’daqqa u li ma jkunx intenzjonat. Għalhekk, inċident jikkorrispondi, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, għal avveniment f’daqqa li jirriżulta f’dannu mhux intenzjonat. Dan ifisser li jekk id-dannu ġie kkawżat deliberatament, ma jibqax, strettament, inċident. Minn din il-perspettiva, il-ġurisprudenza teskludi mill-klassifikazzjoni ta’ avveniment bħala “inċident” is-sitwazzjoni fejn is-sewwieq jew il-kustodju tal-vettura involuta, jew saħansitra terza persuna, ikun ħati ta’ mġiba ħażina intenzjonata jew, għall-inqas, volontarja” (Leduc, F., “Le cœur et la raison en droit des accidents de la circulation”, Responsabilité civile et assurances, Marzu 2009).


37      Pereżempju, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/103 jipprevedi li l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 għandha tkun obbligatorja għall-inqas fir-rigward ta’ ċerti ammonti minimi ddefiniti f’dan l-artikolu, li huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe garanzija ogħla li l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement irrimarkat li l-firxa tal-kumpens li għandu jingħata abbażi tar-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata hija, essenzjalment, irregolata mid-dritt nazzjonali (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Carvalho Ferreira Santos, C‑484/09, EU:C:2011:158, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata. Minbarra dan, fir-rigward tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/103 u l-korpi responsabbli għall-kumpens stabbiliti minn dan l-artikolu, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex iqisu l-kumpens minn dawk il-korpi bħala sussidjarju jew mhux sussidjarju.


38      Lenaerts, K. u Gutiérrez-Fons, J.A., “To say what the law of the EU is: Methods of interpretation and the European Court of Justice”, Columbia Journal of European Law, Vol. 20, Nru 2, 2014, p. 20.


39      Ara l-punti 19 sa 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li “fejn id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni tkun ambigwa, mhux ċara jew mhux kompluta, il-metodi kollha ta’ interpretazzjoni użati mill-Qorti tal-Ġustizzja joperaw b’mod li jsaħħu lil xulxin” [traduzzjoni libera] (Lenaerts, K. u Gutiérrez-Fons, J.A., nota ta’ qiegħ il-paġna 38, op. cit., p. 61).


41      Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Hocquet-Berg, S., “La notion d’accident de la circulation”, Responsabilité civile et assurances, Lulju‑Awwissu 2014, p. 34.


43      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU 2012 L 315, p. 57). Dwar dan is-suġġett, nosserva li d-Direttiva 2009/103 tistabbilixxi rekwiżiti ddettaljati dwar l-ammonti minimi koperti minn assigurazzjoni obbligatorja, li ma huwiex il-każ fir-rigward tad-Direttiva 2012/29. F’dan ir-rigward, id-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta’ April 2004 li għandha x’taqsam ma’ kupens għal vittmi ta' delitti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 6) hija kkonċernata bil-kumpens għall-korrimenti mġarrba mill-vittmi tal-kriminalità u l-iskemi nazzjonali ta’ kumpens li għandhom jiġu implimentati f’dan ir-rigward, iżda essenzjalment hija dwar l-iżgurar tal-moviment liberu tal-persuni fiżiċi u l-protezzjoni tagħhom f’każ ta’ dannu mġarrab fi Stat Membru ieħor.


44      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2015:853, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2024, Kočner vs Europol (C‑755/21 P, EU:C:2024:202, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata) imsemmija iktar ’il fuq f’dawn il-konklużjonijiet. Dwar dan is-suġġett, l-Avukat Ġenerali Szpunar enfasizza, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi Magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punt 132), li fl-“ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-premessi huma fin-natura tagħhom deskrittivi u mhux preskrittivi”. Ara, ukoll, den Heijer, M., van Os van den Abeelen, T. u Maslyka, A., “On the use and misuse of recitals in European Union law”, Amsterdam Law School Legal Studies Research Paper No. 2019‑31, Amsterdam Center for International Law, Amsterdam, 2019.


46      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li AHM ġie kkundannat, bħala l-awtur ta’ reat ta’ qtil volontarju, għal 16‑il sena u 8 xhur ħabs u, bħala l-awtur kriminalment responsabbli għal reat kontra s-sigurtà tat-traffiku, għal 4 xhur ħabs.


47      Ara, f’dan ir-rigward, l-eżempju deliberatament esaġerat mogħti mill-Avukat Ġenerali Bobek fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny z siedzibą (C‑383/19, EU:C:2020:1003).


48      Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      Sentenza tat‑12 ta’ Frar 2026, Stichting Koskea (C‑490/24, EU:C:2026:89, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, HUK-COBURG-Allgemeine Versicherung (C‑577/21, EU:C:2022:992, punti 37 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, HUK-COBURG-Allgemeine Versicherung (C‑577/21, EU:C:2022:992, punti 40 sa 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).