31988D0397



Official Journal L 189 , 20/07/1988 P. 0025 - 0026
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 27 P. 0003
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 27 P. 0003


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-12 ta’ Lulju 1988

li tikkoordina regoli stipulati minn Stati Membri fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 ta’ Direttiva tal-Kunsill 85/511/KEE

(88/397/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 85/511/KEE tat-18 ta’ Novembru 1985 li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

Billi, skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 85/511/KEE, meta azjendi ta’ l-annimali jikkonsistu f’żewġ unitajiet jew iktar ta’ produzzjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru jistgħu ma jikkonformawx mal-ħtiġijiet tad-Direttiva għall-qatla u distruzzjoni ta’ l-annimali kollha fl-azjenda peress illi f’dawk l-unitajiet ta’ produzzjoni li huma ta’ saħħa tajba ma għandhomx bżonn ikunu suġġetti għal dawk il-ħtiġijiet kemm-il darba l-veterinarju uffiċjali jikkonferma li l-unitajiet b’saħħithom huma kompletament separati għal dak li għandu x’jaqsam ma’ sistemazzjoni, żamma u għalf;

Billi l-istess possibbiltà teżiżti dwar azjendi li jipproduċu ħalib sakemm il-ħalib f’kull unità jsir kompletament separat;

Billi fl-għotja ta’ rinunzji l-Istati Membri għandhom jassiguraw li ma jkunx hemm iktar riskju li jixtered il-virus tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer bejn unitajiet separati ta’ produzzjoni f’azjenda milli li tinxtered bejn azjendi separati;

Billi, skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 85/511/KEE, l-Istati Membri li bi ħsiebhom iħallu r-rinunzja fil-kwistjoni avżaw lill-Kummissjoni bir-regoli dettaljati involuti;

Billi skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 85/511/KEE ir-regoli ta’ l-Istati Membri għandhom jiġu emendati biex jassiguraw koordinazzjoni f’dan il-kamp f’kull parti tal-Komunità; billi din il-koordinazzjoni għandha tispeċifika sett minimu ta’ regoli li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri kollha;

Billi l-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti Veterinarju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

Meta l-Istati Membri jduru għall-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 85/511/KEE huma għandhom jassiguraw li r-regoli li huma japplikaw skond il-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu jinkludu għall-inqas dan li ġej:

- id-deroga disponibbli fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 85/511/KEE għandha tingħata biss wara verifika individwali ta’ l-azjenda in kwistjoni mwettaq minn veterinarju uffiċjali fiż-żmien ta’ l-investigazzjoni uffiċjali biex tiġi kkonfermata jew eskluża l-preżenza tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer

- din il-verifika għandha tieħu in konsiderazzjoni l-kondizzjonijiet u s-sitwazzjonijiet relatati mat-tixrid possibbli tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer.

L-Artikolu 2

1. Fl-għotja tad-deroga msemmija fl-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li ma hemmx iktar riskju li jinxtered il-virus tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer bejn unitajiet separati ta’ produzzjoni f’azjenda u milli jinxtered bejn azjendi separati.

2. Unitajiet ta’ produzzjoni amministrati b’mod intensiv li fihom annimali b’saħħithom għandhom jjikkonformaw mal-ħtiġijiet li ġejjin:

- huma għandhom ikunu separati fil-kostruzzjoni minn dawk li fihom annimali infettati b’ebda komunikazzjoni jew spazju ta’ arja komuni bejnithom,

- huma għandhom ikollhom imħażen separati għal tagħmir, għalf, ħmieġ, nixxiegħa u, meta xieraq, ħalib,

- huma għandhom ikollhom faċilitajiet individwali ta’ diżinfettar fi dħul u ħruġ,

- huma għandhom ikollhom l-impjegati tagħhom,

- barra minn hekk, ma għandu jkun hemm ebda skambju ta’ makkinarju tar-razzett jew tagħmir ieħor bejn unitajiet infettati u b’saħħithom lanqas ma għandu jkun hemm skambju ta’ annimali, prodotti ta’ l-annimali, għalf ta’ l-annimali, għodda, oġġetti jew sustanzi oħra bħal suf jew skart jew materja mormija li jistgħu jgħaddu l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer minn unitajiet infettati għal unitajiet b’saħħithom.

L-Artikolu 3

Il-kondizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 2 għandhom ikunu f’posthom, għas-sodisfazzjon tal-veterinarju uffiċjali, qabel id-data li fiha annimal wieħed jew iktar infettati kif imfisser fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 85/511/KEE kienu fl-azjenda, waqt li jittieħed in konsiderazzjoni l-perijodu ta’ inkubazzjoni tal-marda.

L-Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-12 ta’ Lulju 1998.

Għall-Kummissjoni

Frans Andriessen

Viċi-President

[1] ĠU L 315, tas-26.11.1985, p. 11.

--------------------------------------------------