24.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/10


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta' Mejju 2014

li teżenta ċerti servizzi fis-settur postali fl-Ungerija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE

(notifikata bid-dokument C(2014) 3372)

(It-test bl-Ungeriż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/299/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 34 tagħha,

Billi:

I.   IL-FATTI

(1)

Fil-21 ta' Novembru 2013, Magyar Posta Zrt. (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Magyar Posta”) bagħtet lill-Kummissjoni, permezz tal-posta elettronika, talba skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). F'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) ta' dik id-Direttiva, il-Kummissjoni infurmat lill-Ungerija dwar dan permezz tal-posta elettronika tat-13 ta' Diċembru 2013. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mill-Ungerija permezz tal-posta elettronika fis-6 ta' Frar 2014, u mingħand l-applikant permezz tal-posta elettronika fit-28 ta' Jannar 2014, fl-20 ta' Frar 2014, fil-11 ta' Marzu 2014, fit-13 ta' Marzu 2014 u fil-25 ta' Marzu 2014. Waslet informazzjoni addizzjonali mingħand l-Ungerija permezz tal-posta elettronika fis-26 ta' Frar 2014, u mingħand l-applikant permezz tal-posta elettronika fid-19 ta' Frar 2014, fl-4 ta' Marzu 2014, fit-18 ta' Marzu 2014, fl-24 ta' Marzu 2014 u fis-27 ta' Marzu 2014 rispettivament.

(2)

It-talba tikkonċerna ċerti servizzi mogħtija minn Magyar Posta fit-territorju tal-Ungerija. Is-servizzi kkonċernati huma deskritti fit-talba kif ġej:

(a)

servizzi relatati ma' pubblikazzjonijiet ta' reklami mhux indirizzati;

(b)

servizzi relatati mad-distribuzzjoni ta' gazzetti u pubblikazzjonijiet perjodiċi bl-abbonament.

II.   IL-QAFAS ĠURIDIKU

(3)

L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, li ssostitwixxiet id-Direttiva 2004/17/KE, jistipula li l-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta' waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva 2014/25/UE, mhumiex soġġetti għal dik id-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq l-attività, din tkun direttament esposta għall-kompetizzjoni fi swieq li l-aċċess għalihom mhuwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni jiġi vvalutat abbażi ta' kriterji oġġettivi, b'kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. L-aċċess jitqies bħala mhux ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE, li għas-settur postali, tirreferi għad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(4)

L-Ungerija implimentat u applikat id-Direttiva 97/67/KE. L-ebda wieħed mis-servizzi kkonċernati mit-talba preżenti ma kien riżervat fil-ħin tat-talba. Minħabba li l-Ungerija laħqet il-livell tal-ftuħ tas-suq previst fil-leġiżlazzjoni elenkata fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE, l-aċċess għas-suq għandu jitqies li ma jridx jiġi limitat, f'konformità mal-Artikolu 34(3) ta' dik id-Direttiva.

(5)

L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni f'suq partikolari huwa evalwat abbażi ta' diversi kriterji, u l-ebda wieħed minnhom ma hu, fih innifsu, deċiżiv. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati mit-talba ta' Magyar Posta, is-sehem mis-suq tal-atturi ewlenin f'suq partikolari jikkostitwixxi kriterju wieħed li għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni. Kriterju ieħor jista' jkun il-grad ta' konċentrazzjoni f'dawn is-swieq. Billi l-kundizzjonijiet ivarjaw għall-attivitajiet differenti li huma milqutin mit-talba, l-eżaminazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva għandha tikkunsidra s-sitwazzjonijiet differenti fi swieq differenti.

(6)

Din id-Deċiżjoni hija bla preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. B'mod partikolari, il-kriterji u l-metodoloġija użati biex jiġi vvalutat l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE, mhumiex neċessarjament identiċi għal dawk użati biex titwettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat jew tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (4).

III.   VALUTAZZJONI

(7)

Wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-għan ta' din il-valutazzjoni huwa li tistabbilixxi jekk is-servizzi kkonċernati mit-talba humiex esposti għal tali livell ta' kompetizzjoni (fis-swieq li l-aċċess għalihom mhuwiex limitat skont it-tifsira tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE) li se jiżgura li anki fin-nuqqas tad-dixxiplina miġjuba mir-regoli dettaljati tal-akkwist stabbiliti fid-Direttiva 2014/25/UE, l-akkwist għat-twettiq tal-attivitajiet ikkonċernati se jsir b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi ta' kriterji li jippermettu lix-xerrejja jidentifikaw is-soluzzjoni li b'mod ġenerali hija l-aktar waħda vantaġġuża ekonomikament.

(8)

F'dan il-kuntest, għandu jitfakkar li s-swieq ikkonċernati b'mod ġenerali huma kkaratterizzati mill-preżenza ta' bosta fornituri tas-servizzi. Madankollu, skont l-informazzjoni disponibbli, minn dawk il-fornituri, Magyar Posta biss u s-sussidjarja tagħha Posta Kézbesítő Kft (5) (minn issa 'il quddiem imsejħa POKÉZ) huma entitajiet kontraenti, fit-tifsira tad-Direttiva 2014/25/UE. L-akkwist tal-kompetituri ta' Magyar Posta u tas-sussidjarja tagħha, għall-finijiet tat-twettiq tal-attivitajiet milquta minn din id-deċiżjoni, mhuwiex soġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/25/UE. Konsegwentement, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, l-analiżi tas-suq mhijiex se tiffoka fuq il-grad ġenerali ta' kompetizzjoni f'suq partikolari, iżda se tivvaluta jekk l-attivitajiet tal-entitajiet kontraenti humiex esposti għall-pressjoni kompetittiva fi swieq li l-aċċess għalihom mhuwiex ristrett.

(9)

Fil-prassi tagħha (6), il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-swieq għas-servizzi tat-tqassim bil-posta u ta' kwalunkwe taqsimiet minnhom għandhom kamp ta' applikazzjoni nazzjonali. Din is-segmentazzjoni hija bbażata prinċipalment fuq il-fatt li servizzi bħal dawn jingħataw f'livell nazzjonali. Il-pożizzjoni tal-applikant (7) hija konsistenti mal-prassi tal-Kummissjoni. L-Ungerija kienet ukoll tal-fehma (8) li s-suq ġeografiku għall-attivitajiet soġġetti għat-talba huwa wieħed nazzjonali.

(10)

Minħabba li, ma hemm l-ebda indikazzjoni ta' kamp ta' applikazzjoni ġeografiku usa' jew iżgħar, għall-finijiet li jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE humiex issodisfati jew le, u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, is-suq ġeografiku rilevanti jitqies li huwa t-territorju tal-Ungerija.

Is-servizzi relatati mad-distribuzzjoni ta' pubblikazzjonijiet ta' reklami mhux indirizzati, ipprovduti mill-operaturi postali

(11)

Il-Kummissjoni sostniet f'deċiżjonijiet preċedenti li s-suq għal servizzi ta' tqassim ta' posta jista' jinqasam fi swieq tal-posta indirizzata u swieq tal-posta mhux indirizzata (9).

(12)

Il-posta ta' reklamar mhux indirizzata hija kkaratterizzata min-nuqqas ta' indirizz ta' destinazzjoni partikolari li jidentifika lid-destinatarju individwali finali. Hija tip ta' posta ta' reklamar mhux mitluba, li tissodisfa ċerti kriterji bħalma huma: piż, format, kontenut u preżentazzjoni uniformi għad-distribuzzjoni lil grupp ta' riċeventi.

(13)

Is-servizzi ta' Magyar Posta relatati mal-pubblikazzjoni ta' reklamar mhux indirizzat ikopru l-kategoriji segwenti: servizzi ta' pubblikazzjoni ta' reklamar domestiku mhux indirizzat (jiġifieri volantini, fuljetti, eċċ.), dokumentazzjoni elettorali domestika mhux indirizzata u distribuzzjoni ta' stampa ħielsa. Magyar Posta tqis li d-distribuzzjoni ta' stampa ħielsa tappartjeni għal dan is-suq tal-prodotti minħabba l-fatt li d-distribuzzjoni ta' stampa ħielsa hija kkuntrattjata u ddistribwita bl-istess mod bħat-tipi l-oħra ta' reklamar mhux indirizzat.

(14)

L-applikant jiddefinixxi s-suq tal-prodotti rilevanti bħala s-suq għas-servizzi għal pubblikazzjonijiet ta' reklami mhux indirizzati (jiġifieri, pubblikazzjonijiet stampati ta' reklami mhux indirizzati li jitqassmu fil-kaxxa tal-ittri).

(15)

L-Ungerija ġiet mistiedna (10) tesprimi l-fehmiet tagħha rigward id-definizzjoni proposta tas-suq għal suq ta' reklamar mhux indirizzat, filwaqt li tiġi kkunsidrata, kif xieraq, il-qagħda attwali legali u fattwali fl-Ungerija. L-Ungerija kkonfermat (11) id-definizzjoni tal-applikant tas-suq tal-prodotti rilevanti.

(16)

Abbażi tal-informazzjoni elenkata fil-premessi 11 sa 15, għall-finijiet tal-valutazzjoni tat-talba u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, is-suq tal-prodotti rilevanti huwa definit bħala dak tas-servizzi għad-distribuzzjoni ta' reklami mhux indirizzati pprovduti mill-operaturi postali.

(17)

Skont l-informazzjoni disponibbli (12), is-sehem mis-suq ta' Magyar Posta fis-suq tal-pubblikazzjonijiet ta' reklami mhux indirizzati kien ta' madwar [… %] (13) fl-2011, ta' [… %] fl-2012 u ta' [… %] fl-2013. Is-sehem mis-suq aggregat tal-ewwel żewġ kompetituri kien ta' madwar [… %] fl-2011, ta' [… %] fl-2012 u ta' [… %] fl-2013. Is-suq huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta' erba' atturi ewlenin tas-suq u diversi atturi oħra iżgħar, u Magyar Posta mhijiex il-mexxej tas-suq.

(18)

Barra minn hekk, l-Ungerija stabbilixxiet (14) li minħabba suq ibbażat fuq l-offerti, hemm kompetizzjoni qawwija fil-prezzijiet u l-ostakli għad-dħul huma ftit.

(19)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-fatturi elenkati fil-premessi 12 sa 18 għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta' esponiment għall-kompetizzjoni ta' din l-attività fl-Ungerija. Dan huwa konsistenti mal-opinjoni (15) tal-Ungerija. Konsegwentement, minħabba li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, għandu jiġi stabbilit li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għall-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta' din l-attività fl-Ungerija.

Servizzi postali għad-distribuzzjoni ta' gazzetti indirizzati

(20)

Id-distribuzzjoni ta' gazzetti u perjodiċi tikkostitwixxi servizz li l-għan tiegħu huwa li jiġi żgurat li l-pubblikazzjoni tilħaq lill-konsumatur finali fi żmien debitu. Id-distribuzzjoni ta' gazzetti u perjodiċi indirizzati tirrikjedi netwerk estensiv b'persunal adattat, tagħmir ta' loġistika u flotta tat-trasport.

(21)

Id-distribuzzjoni ta' gazzetti u ta' pubblikazzjonijiet perjodiċi indirizzati, ipprovduta minn Magyar Posta, fiha diversi attivitajiet, kif ġej: […].

(22)

Fid-distribuzzjoni ta' gazzetti u perjodiċi indirizzati, il-gazzetti ta' kuljum għandhom karatteristiċi speċjali meta mqabbla ma' pubblikazzjonijiet oħra (rivisti) indirizzati, billi l-gazzetti ta' kuljum iridu jitqassmu kuljum kmieni filgħodu. Dan jimplika l-ġbir tagħhom mingħand il-pubblikaturi matul il-lejl u t-trasport rapidu fis-sigħat bikrin lejn il-punti ta' twassil.

(23)

Bħalissa, id-distribuzzjoni fuq skala nazzjonali qed issir minn MédiaLOG Logisztikai Zrt. (minn issa 'l quddiem imsejħa MédiaLOG) u minn Magyar Posta. Fil-livell reġjonali u fil-livell ta' kontea hemm għadd ta' distributuri li huma attivi f'reġjuni differenti u li l-kapaċitajiet tagħhom flimkien ikopru l-pajjiż kollu, minbarra l-kontej ta' Budapest u Pest.

(24)

L-Ungerija tiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li d-distribuzzjoni reġjonali u dik nazzjonali ma jissostitwixxux lil xulxin (16). Ir-raġunijiet prinċipali huma: (a) il-fatt li n-netwerks reġjonali jaħdmu bi skadenzi differenti, u għalhekk sabiex jużaw is-servizzi tagħhom, il-gazzetti nazzjonali ta' kuljum ikollhom jintroduċu skadenzi iqsar għall-istampar, (b) il-fatt li ma hemmx netwerk ta' distribuzzjoni reġjonali fil-kontej ta' Budapest u Pest — li jirrappreżentaw aktar minn kwart tal-popolazzjoni tal-Ungerija u (c) il-fatt li hemm ċerti diffikultajiet biex jiġu konklużi ftehimiet individwali ma' diversi distributuri reġjonali bil-ħsieb li jiġi kopert it-territorju nazzjonali kollu. L-applikant ma jaqbilx ma' din il-fehma tal-Ungerija, madankollu ma pprovdiex evidenza sostanzjali biex isostni l-affermazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, il-valutazzjoni segwenti se tieħu inkunsiderazzjoni biss il-kompetizzjoni bejn id-distributuri fuq skala nazzjonali.

(25)

Deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni (17) għamlu distinzjoni bejn id-distribuzzjoni tal-gazzetti bi żmien ta' twassil bikri u d-distribuzzjoni tal-gazzetti bi żmien ta' twassil standard.

(26)

L-Ungerija kkonfermat (18) li din id-distinzjoni hija rilevanti fil-każ tas-suq Ungeriż. Barra minn hekk, jidher li s-sitwazzjoni kompetittiva hija differenti f'kull suq tal-prodotti rilevanti (19), f'termini ta' distribuzzjoni tal-ishma mis-suq, u din hija wkoll indikazzjoni tal-fatt li hemm lok biex jiġu definiti swieq tal-prodotti rilevanti separati.

(27)

Abbażi tal-informazzjoni elenkata fil-premessi (20) sa (26), għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, is-swieq tal-prodotti rilevanti huma definiti kif ġej: is-suq għad-distribuzzjoni tal-gazzetti indirizzati bi żmien ta' twassil bikri u s-suq għad-distribuzzjoni tal-gazzetti u l-pubblikazzjonijiet indirizzati bi żmien ta' twassil standard.

Id-distribuzzjoni ta' gazzetti indirizzati bi żmien ta' twassil bikri

(28)

Magyar Posta daħlet fis-suq għat-twassil bikri tal-gazzetti fl-2012, u fl-2013 hija kisbet sehem sostanzjali mis-suq. B'mod iktar preċiż, skont l-istimi tagħha stess (20), Magyar Posta kellha sehem mis-suq ta' [… %] fl-2012 u ta' [… %] fl-2013. […].

(29)

Il-kompetitur ewlieni ta' Magyar Posta huwa MédiaLOG, li kien minn ta' quddiem nett fis-suq għal dawn l-aħħar ħames snin (21), b'sehem mis-suq ta' [… %] bejn l-2009 u l-2011, ta' [… %] fl-2012 u ta' [… %] fl-2013. MédiaLOG tappartjeni għal grupp li huwa involut ukoll fil-pubblikazzjoni ta' gazzetti u perjodiċi, u qed tqassam prinċipalment il-pubblikazzjonijiet ta' dan il-grupp.

(30)

Sal-2012, MédiaLOG kienet l-uniku distributur nazzjonali, u apparti li kienet tqassam il-gazzetti tal-pubblikaturi li jappartjenu lis-sidien ta' MédiaLOG, kienet tqassam ukoll gazzetti nazzjonali ta' pubblikaturi li ma kellhomx netwerk ta' distribuzzjoni. Peress li Magyar Posta daħlet f'dan is-suq, pubblikatur mingħajr netwerk ta' distribuzzjoni jkollu l-possibbiltà ta' għażla bejn żewġ distributuri nazzjonali. […].

(31)

Skont l-informazzjoni disponibbli (22), MédiaLOG tqassam gazzetti parzjalment permezz tal-mezzi tagħha stess u parzjalment permezz ta' sottokuntratturi. […].

(32)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-fatturi elenkati fil-premessi 28 sa 31 għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta' esponiment għall-kompetizzjoni ta' din l-attività fl-Ungerija. Konsegwentement, minħabba li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, għandu jiġi stabbilit li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għall-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta' din l-attività fl-Ungerija.

Id-distribuzzjoni ta' gazzetti u pubblikazzjonijiet indirizzati bi żmien ta' twassil standard

(33)

Skont l-istimi tagħha (23), Magyar Posta kellha ishma mis-suq ta' madwar [… %] bejn l-2009 u l-2011, ta' [… %] fl-2012 u ta' [… %] fl-2013.

(34)

F'dan il-kuntest għandha titfakkar ukoll ġurisprudenza kostanti, li skontha “ishma mis-suq kbar ħafna huma fihom infushom, minbarra f'ċirkostanzi eċċezzjonali, xhieda tal-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti. Din hija s-sitwazzjoni meta jkun hemm sehem mis-suq ta' 50 %” (24).

(35)

L-uniku kompetitur ta' Magyar Posta huwa MédiaLOG, li skont l-istimi tal-applikant (25), kellu sehem mis-suq ta' madwar [… %] bejn l-2009 u l-2011, ta' [… %] fl-2012 u ta' [… %] fl-2013.

(36)

Skont l-informazzjoni disponibbli (26), MédiaLOG tqassam gazzetti u pubblikazzjonijiet perjodiċi parzjalment permezz tal-mezzi tagħha stess u parzjalment permezz ta' sottokuntratturi, […].

(37)

Fir-rigward tad-dħul fis-suq, il-Kummissjoni tinnota li ma kien hemm l-ebda dħul fis-suq ikkonċernat matul l-aħħar ħames snin, u mhijiex mgħarrfa b'xi dħul potenzjali fil-futur qarib.

(38)

L-applikant ma pprovdiex prova konklużiva ta' pressjoni kompetittiva eżistenti fir-rigward tal-attivitajiet tiegħu, li tkun tikkontesta l-pożizzjoni dejjem aktar dominanti tiegħu f'dan is-suq.

(39)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni u fid-dawl tal-fatturi elenkati fil-premessi 33 sa 38, ma jistax jiġi konkluż li l-kategorija tas-servizzi inkwistjoni hija direttament esposta għall-kompetizzjoni fl-Ungerija. Konsegwentement, minħabba li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE mhumiex issodisfati, għandu jiġi stabbilit li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/25/UE jkomplu japplikaw għall-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta' distribuzzjoni ta' gazzetti u pubblikazzjonijiet indirizzati bi żmien ta' twassil standard fl-Ungerija.

IV.   KONKLUŻJONIJIET

(40)

Minħabba l-fatturi eżaminati fil-premessi (3) sa (39), il-kundizzjoni ta' esponiment dirett għall-kompetizzjoni stipulata fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, għandha titqies li hija ssodisfata fl-Ungerija, fir-rigward tas-servizzi li ġejjin:

(a)

Servizzi, relatati mad-distribuzzjoni ta' pubblikazzjonijiet ta' reklami mhux indirizzati, ipprovduti mill-operaturi postali;

(b)

Servizzi postali għad-distribuzzjoni ta' gazzetti indirizzati bi żmien ta' twassil bikri.

(41)

Minħabba li l-kundizzjoni ta' aċċess mhux ristrett għas-suq titqies li ġiet issodisfata, id-Direttiva 2014/25/UE la għandha tapplika meta l-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti maħsuba biex jippermettu l-għoti tas-servizzi elenkati fil-punti (a) u (b) tal-premessa (40) fl-Ungerija, u lanqas meta jiġu organizzati konkorsi tad-disinn għat-twettiq ta' tali attività f'dak il-pajjiż partikolari.

(42)

Din id-Deċiżjoni hija msejsa fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali li tkopri minn Novembru 2013 sa Marzu 2014, kif jidher mill-informazzjoni mogħtija minn Magyar Posta u mill-Awtoritajiet Ungeriżi. Din tista' tiġi riveduta, f'każ li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE ma jibqgħux jiġu ssodisfati, b'segwitu għal bidla sinifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali.

(43)

Madankollu, il-kundizzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni, stipulata fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, għandha titqies li ma ġietx issodisfata fir-rigward tas-servizzi postali għad-distribuzzjoni ta' gazzetti u pubblikazzjonijiet indirizzati bi żmien ta' twassil standard, fit-territorju tal-Ungerija.

(44)

Billi xi servizzi soġġetti għal din it-talba jibqgħu jkunu soġġetti għad-Direttiva 2014/25/UE, ta' min wieħed ifakkar li l-kuntratti ta' appalt li jkopru diversi attivitajiet għandhom jiġu ttrattati f'konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/25/UE. Dan ifisser li, meta entità kontraenti tkun involuta f'akkwist “imħallat”, jiġifieri akkwist użat biex jingħata sostenn għall-prestazzjoni kemm tal-attivitajiet eżentati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE kif ukoll tal-attivitajiet li mhumiex eżentati, għandhom jitqiesu l-attivitajiet li għalihom huwa intenzjonat prinċipalment il-kuntratt. F'każ ta' akkwist imħallat bħal dan, meta l-iskop ikun prinċipalment is-sostenn ta' attivitajiet li ma kinux eżentati, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/25/UE. Jekk ikun oġġettivament impossibbli li jiġi determinat għal liema attività kien maħsub primarjament il-kuntratt, dan għandu jingħata f'konformità mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2014/25/UE.

(45)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għall-kuntratti mogħtija minn entitajiet kuntraenti u li huma maħsuba biex jippermettu l-għoti tas-servizzi segwenti fl-Ungerija:

(a)

Servizzi postali relatati ma' pubblikazzjonijiet ta' reklami mhux indirizzati;

(b)

Servizzi postali għad-distribuzzjoni ta' gazzetti indirizzati bi żmien ta' twassil bikri.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Michel BARNIER

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(2)  Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(5)  POKÉZ twettaq biss ir-reklamar mhux indirizzat u d-distribuzzjoni ta' gazzetti u perjodiċi bl-abbonament, għal Magyar Posta. Il-fatturat minn dawn iż-żewġ attivitajiet ivarja bejn […] u […] tal-bejgħ ta' Magyar Posta, bejn l-2009 u l-2013. Is-sehem mis-suq ta' Magyar Posta, previst f'din id-deċiżjoni jinkludi l-bejgħ magħmul minn POKEZ.

(6)  Każ Nru COMP/M.6503 –La Poste/Swiss Post/JV.

(7)  Talba, p. 9.

(8)  Il-posta elettronika tal-Awtorità Ungeriża inkarigata mill-Kompetizzjoni Ref. AE/204-2/2014 tas-26 ta' Frar 2014.

(9)  Il-Każ COMP/M.5152- Posten AB/Post DanmarkA/S.

(10)  L-ittra tal-Kummissjoni Ares(2014)287916 tas-6 ta' Frar 2014 lir-Rappreżentanza Permanenti tal-Ungerija.

(11)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 8.

(12)  Il-posta elettronika ta' Magyar Posta tad-19 ta' Frar 2014.

(13)  […] informazzjoni kunfidenzjali.

(14)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 8.

(15)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 8.

(16)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 8.

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/564/KE tas-6 ta' Awwissu 2007 li teżenta xi servizzi fis-settur postali fil-Finlandja, ħlief għall-Gżejjer Åland, mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u postali (ĠU L 215, 18.8.2007, p. 21).

(18)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 8.

(19)  Il-posta elettronika ta' Magyar Posta tat-18 ta' Marzu 2014.

(20)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 19.

(21)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 19.

(22)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 8.

(23)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 19.

(24)  Ara l-punt 328 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) tat-28 ta' Frar 2002. Atlantic Container Line AB u Oħrajn vs. il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Il-Kawża T-395/94. Ir-rapporti tal-Qorti Ewropea 2002 Paġna II-00875.

(25)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 19.

(26)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 8.