27.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 260/6


ISTRUZZJONIJIET PRATTIĊI LILL-PARTIJIET FUQ IL-PROĊEDURA ĠUDIZZJARJA QUDDIEM IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

tal-11 ta’ Lulju 2012

Werrej

I.

DEFINIZZJONIJIET 6

II.

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR IL-PREŻENTATA U N-NOTIFIKA TAL-ATTI PROĊEDURALI 7

A.

It-trażmissjoni elettronika permezz tal-applikazzjoni e-Curia 7

B.

It-trażmissjoni fil-forma ta’ dokument stampat 7

III.

FUQ IL-PROĊEDURA BIL-MIKTUB 7

A.

Ir-rikors 7

1.

Il-preżentata tar-rikors 7

2.

Informazzjoni obbligatorja u r-regoli dwar il-preżentata tar-rikors 8

3.

Ir-regolarizzazzjoni tar-rikors 9

4.

Miżuri provviżorji / Proċedura għal miżuri provviżorji 10

B.

Risposta u atti proċedurali oħra relatati mal-proċedura bil-miktub 10

C.

Fuq it-trażmissjoni ta’ oriġinal fil-forma ta’ dokument stampat wara t-trażmissjoni ta’ faks 10

D.

Fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali 10

E.

Fuq it-talbiet għal għajnuna legali 11

IV.

FUQ IL-PROĊEDURA ORALI 11

A.

Post 11

B.

Preparazzjoni għas-seduta 11

C.

L-iżvolġiment tas-seduta 11

D.

Karatteristiċi partikolari tal-interpretazzjoni simultanja 12

E.

Ftehim bonarju 12

F.

Għeluq tas-seduta 12

V.

DĦUL FIS-SEĦĦ TA’ DAWN L-ISTRUZZJONIJIET 12

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidra l-Artikolu 120 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu;

wara li kkunsidra li, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li r-rappreżentanti tal-partijiet jingħataw istruzzjonijiet prattiċi dwar il-mod kif għandhom jippreżentaw l-atti proċedurali tagħhom u sabiex jiġi ggarantit l-iżvolġiment tajjeb tas-seduta;

wara li kkunsidra li l-osservanza ta’ dawn l-istruzzjonijiet tnaqqas in-numru ta’ talbiet għal regolarizzazzjoni u r-riskji ta’ inammissibbiltà marbuta mal-inosservanza tar-regoli formali;

wara li kkunsidra li l-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija kkaratterizzata mill-fatt li hija suġġetta għal sistema lingwistika xierqa għal Unjoni multilingwi;

wara li kkunsidra li huwa fl-interess tal-partijiet fil-kawżi li jitressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li dan jagħti tweġibiet preċiżi għall-mistoqsijiet li dwarhom ir-rappreżentanti tal-partijiet ta’ spiss ikunu jixtiequ iktar informazzjoni, u jqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom għodda li jiggwidawhom fir-redazzjoni tajba tal-atti proċedurali tagħhom;

wara li kkunsidra li, fl-interess tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-partijiet ikkonċernati għandhom jingħataw istruzzjonijiet prattiċi dwar it-tressiq tat-talbiet għal għajnuna legali kif ukoll dwar l-iżvolġiment tal-proċedura orali;

IDDEĊIEDA LI JADOTTA DAWN L-ISTRUZZJONIJIET PRATTIĊI:

I.   DEFINIZZJONIJIET

1.

Id-definizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regoli tal-Proċedura japplikaw bl-istess mod għal dawn l-istruzzjonijiet.

II.   DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR IL-PREŻENTATA U N-NOTIFIKA TAL-ATTI PROĊEDURALI

2.

Il-preżentata u n-notifika (trażmissjoni) tal-atti proċedurali bejn il-partijiet u t-Tribunal jistgħu jsiru:

—

b’mod esklużvament elettroniku permezz tal-applikazzjoni e-Curia, jew

—

bi trażmissjoni ta’ dokument stampat.

A.   It-trażmissjoni elettronika permezz tal-applikazzjoni e-Curia

3.

It-trażmissjoni elettronika permezz tal-applikazzjoni e-Curia hija kkaratterizzata:

a)

mill-ħolqien ta’ kont personali li jagħti aċċess u li għalih ir-rappreżentanti tal-partijiet jista’ jkollhom aċċess permezz ta’ isem ta’ utent u ta’ password;

b)

mill-assenza ta’ kwalunkwe trażmissjoni tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom mill-partijiet fil-forma ta’ dokumenti stampati; dokument jitqies li huwa l-oriġinal jekk jasal fit-Tribunal b’dan il-mod, mingħajr ma tkun meħtieġa l-firma bil-miktub tar-rappreżentanti u mingħajr ma jkun meħtieġ li jintbagħtu kopji awtentiċi;

c)

min-notifika tal-atti proċedurali tal-partijiet l-oħra kif ukoll tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal u ta’ kull korrispondenza oħra permezz ta’ dan il-mod; in-notifika sseħħ meta jkun hemm aċċess għal dan l-att permezz tal-applikazzjoni jew, jekk ma jkunx hemm tali aċċess, in-notifika titqies li saret meta jgħaddi s-seba’ jum wara dak li fih tintbagħat l-ittra elettronika ta’ avviż;

d)

ir-regoli applikabbli huma ddefiniti fid-deċiżjoni tat-Tribunal, adottata skont l-Artikolu 34(7) tar-Regoli tal-Proċedura, tal-20 ta’ Settembru 2011, dwar il-preżentata u r-riċezzjoni ta’ atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia (ĠU C 289, p. 11) kif ukoll fil-Kundizzjonijiet tal-użu tal-applikazzjoni e-Curia u fil-Gwida għall-użu ta’ e-Curia, li tippreċiża wkoll l-mod kif għandha tintuża l-għajnuna disponibbli (dawn id-dokumenti kollha huma disponibbli fuq is-sit www.curia.europa.eu).

B.   It-trażmissjoni fil-forma ta’ dokument stampat

4.

It-trażmissjoni fil-forma ta’ dokument stampat timplika:

a)

il-ħtieġa li jiġu ppreżentati f’forma ta’ dokumenti stampati l-atti proċedurali kollha u l-annessi tagħhom, debitament iffirmati mir-rikorrent; kull att proċedurali kif ukoll l-annessi tiegħu għandhom jiġu ppreżentati flimkien ma’ seba’ settijiet ta’ kopji awtentikati; għall-finijiet tal-osservanza ta’ terminu, it-trażmissjoni fil-forma ta’ dokument stampat tista’ ssir wara trażmissjoni permezz ta’ faks li tittieħed inkunsiderazzjoni meta l-oriġinal fil-forma ta’ dokument stampat jasal fit-Tribunal fi żmien għaxart ijiem mit-trażmissjoni tal-faks (ara l-punti 36 et seq ta’ dawn l-Istruzzjonijiet);

b)

in-notifika tal-atti proċedurali tal-partijiet l-oħra kif ukoll tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal u ta’ kull korrispondenza bejn ir-Reġistru u l-partijiet permezz tal-mod ta’ notifika magħżul: permezz ta’ ittra postali rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta (f’dan il-każ in-notifika titqies li saret permezz tal-preżentata tal-ittra rreġistrata fil-posta tal-Lussemburgu), permezz ta’ faks jew permezz tal-applikazzjoni e-Curia.

III.   FUQ IL-PROĊEDURA BIL-MIKTUB

A.   Ir-rikors

1.   Il-preżentata tar-rikors

5.

Kull rikors għandu jiġi indirizzat lir-Reġistru tat-Tribunal. Ir-rikors għandu josserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura.

6.

L-informazzjoni li għandha tidher fir-rikors kif ukoll id-dokumenti li għandhom jiġu annessi miegħu huma msemmija fl-Artikolu 35(1), (2), (3) u (5) tar-Regoli tal-Proċedura.

7.

L-Artikolu 35(5) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 39(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirrigwardaw id-dokument li għandu jiġi ppreżentat fir-Reġistru mill-avukat tar-rikorrent u mill-avukat li eventwalment jassisti l-aġent tal-konvenut. Qed jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ rappreżentanza obbligatorja quddiem it-Tribunal huwa impost mill-Artikolu 19 tal-Istatut. Bl-eċċezzjoni tal-Istati Membri u ta’ Stati oħra li huma parti mill-Ftehim ŻEE (in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein) kif ukoll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li huma rrappreżentati mill-aġenti tagħhom, il-partijiet għandhom għaldaqstant ikunu rrappreżentati minn avukat awtorizzat li jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim ŻEE. Barra minn hekk, ir-rappreżentazzjoni obbligatorja minn avukat ma tapplikax għall-proċedura intiża li jinkiseb il-benefiċċju tal-għajnuna legali mingħajr ħlas (ara f’dan ir-rigward il-Kapitolu E tat-Titolu III ta’ dawn l-Istruzzjonijiet).

8.

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm ebda mandat bil-miktub, mogħti mir-rikorrent lill-avukat responsabbli li jirrappreżentah, ma huwa meħtieġ mal-preżentata tar-rikors, kull bidla dwar in-numru u l-identità tal-avukat(i) (eż., is-sostituzzjoni ta’ avukat b’ieħor, il-preżenza ta’ avukat supplementari, l-irtirar tal-mandat mogħti lil wieħed mill-avukati li kienu ppreżentaw ir-rikors) għandha tiġi kkomunikata minnufih lir-Reġistru bil-miktub. Fil-każ li avukat jiġi ssostitwit b’ieħor, huwa meħtieġ mandat bil-miktub tal-avukat il-ġdid.

9.

L-avukat tar-rikorrent għandu jindika b’mod ċar fuq l-ewwel paġna tar-rikors l-indirizz tiegħu, l-isem tal-uffiċċju tiegħu, jekk ikun il-każ, in-numri tat-telefon u tal-faks tiegħu kif ukoll l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu. Bidliet sussegwenti ta’ din l-informazzjoni għandhom jiġu kkomunikati minnufih lit-Tribunal. F’ebda każ ma huwa permess li l-indirizz għan-notifika jkun l-indirizz tar-rikorrent stess.

10.

Ma huwiex meħtieġ li rikors ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia jkollu firma bil-miktub. Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ rikors ippreżentat fil-forma ta’ dokument stampat, il-firma bil-miktub tal-avukat għandha tidher b’mod li tkun tista’ tinqara fl-aħħar tar-rikors. L-assenza ta’ firma ma tistax tiġi rregolarizzata. Ma hija aċċettata ebda riproduzzjoni, bħal timbru, firma skannjata, fotokopja eċċ. Fil-każ ta’ numru ta’ rappreżentanti, il-firma ta’ wieħed minnhom hija biżżejjed. Il-firma b’awtorizzazzjoni ta’ persuna oħra li ma tkunx ir-rappreżentant(i) tar-rikorrent ma hijiex ammessa, u dan lanqas fil-każ fejn dan il-firmatarju jkun kollaboratur tal-uffiċċju li jagħmlu parti minnu r-rappreżentanti.

2.   Informazzjoni obbligatorja u r-regoli dwar il-preżentata tar-rikors

11.

Il-lingwa tal-kawża hija dik li tkun intgħażlet għar-redazzjoni tar-rikors skont l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura, li jirreferi, għal dak li jirrigwarda s-sistema lingwistika, għall-Artikolu 35 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

12.

Fl-interess kemm tal-partijiet stess kif ukoll tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-atti proċedurali għandhom ikunu kemm jista’ jkun konċiżi fid-dawl tan-natura tal-fatti u tal-kumplessità tal-punti mqajma. B’hekk, bħala regola ġenerali, rikors ma għandux ikun ta’ iktar minn 30 paġna (karta A4, tipa 12 fi stil ekwivalenti għal “Times New Roman”, bi spazju ta’ 1.5 bejn il-linji u b’marġni ta’ mill-inqas 2.5cm), skont il-karatteristiċi partikolari tal-kawża. Tista’ tingħata awtorizzazzjoni sabiex dawn il-limiti jinqabżu biss f’każijiet partikolarment kumplessi fid-dritt jew fil-fatt.

13.

It-talbiet tar-rikors għandhom jiġu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fit-tmiem tar-rikors, u għandhom ikunu nnumerati.

14.

Il-paragrafi tat-test għandhom ikunu nnumerati b’mod kontinwu.

15.

Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu sussegwenti mit-Tribunal, fil-każ li n-numru tar-rikorrenti jkun ta’ 10 jew iktar, lista li tinkludi l-ismijiet u l-indirizzi kollha, prodotta permezz ta’ softwer għall-ipproċessar ta’ kliem, għandha tiġi annessa mar-rikors u għandha tintbagħat flimkien mar-rikors lir-Reġistru bil-posta elettronika fl-indirizz tfp.greffe@curia.europa.eu, b’indikazzjoni ċara tal-kawża li għaliha tirreferi l-lista.

16.

Kull rikors għandu jkollu miegħu sunt tal-kawża, intiż li jiffaċilita r-redazzjoni tal-avviż previst fl-Artikolu 37(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jiġi ppreparat mir-Reġistru. Dan is-sunt għandu jiġi prodott b’mod separat mill-annessi msemmija fit-test tar-rikors. Is-sunt, li għandu jkun inkluż f’dokument prodott b’softwer għall-ipproċessar ta’ kliem, ma għandux ikun itwal minn żewġ paġni u għandu jintbagħat ukoll bil-posta elettronika lill-indirizz tfp.greffe@curia.europa.eu, b’indikazzjoni ċara tal-kawża li għaliha jirreferi. Is-sunt ser ikun disponibbli, bħala reġola ġenerali kollu kemm hu, f’paġna speċjali tas-sit www.curia.europa.eu, sabiex jippermetti lil kull persuna kkonċernata twettaq ir-riċerki. Għal dan il-għan, is-sunt tal-kawża għandu josserva ċerti rekwiżiti stilistiċi li huma indikati fil-paġna inkwistjoni tal-imsemmi sit.

17.

Kull talba li, fuq il-bażi tal-Artikolu 44(4) tar-Regoli tal-Proċedura, tkun intiża li jitħallew barra, fil-pubblikazzjonijiet dwar il-kawża, l-isem tar-rikorrent (anonimat), l-ismijiet ta’ persuni oħra, jew ċerta informazzjoni, għandha titressaq b’att separat u għandha tiġi debitament motivata.

18.

Jekk ir-rikors jiġi ppreżentat wara l-preżentata ta’ talba għal għajnuna legali (ara l-Kapitolu E tat-Titolu III ta’ dawn l-Istruzzjonijiet), liema talba għandha l-effett li tissospendi t-terminu għall-preżentata tar-rikors skont l-Artikolu 97(4) tar-Regoli tal-Proċedura, din l-informazzjoni għandha tiġi indikata fil-bidu tar-rikors. Jekk ir-rikors jiġi ppreżentat wara n-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar talba għal għajnuna legali, fir-rikors għandha tiġi indikata wkoll id-data li fiha d-digriet ikun ġie nnotifikat lir-rikorrent.

19.

Ir-rikors ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia għandu jiġi ppreżentat fil-forma ta’ fajls. Sabiex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar ta’ dan ir-rikors mir-Reġistru, huwa rrakkomandat li tiġi segwita l-gwida prattika fformulata fil-Gwida għall-użu ta’ e-Curia [ara l-punt 3(d) ta’ dawn l-Istruzzjonijiet], jiġifieri:

a)

il-fajls għandhom jinkludu l-ismijiet li jidentifikaw l-att (rikors, annessi parti 1, annessi parti 2, ittra ta’ introduzzjoni, etc);

b)

it-test tar-rikors jista’ jitqiegħed direttament f’format PDF (immaġni u test) bl-użu tas-softwer għall-ipproċessar ta’ kliem, mingħajr ma jkun meħieġ li jiġi ddiġitalizzat.

20.

Kull rikors ippreżentat fil-forma ta’ dokument stampat għandu jiġi ppreżentat b’mod li jippermetti l-amministrazzjoni elettronika tad-dokumenti mit-Tribunal, b’mod partikolari, li jiġu ddiġitalizzati d-dokumenti u li jiġu rrikonoxxuti l-karattri. B’hekk, minbarra r-rekwiżiti deskritti fil-punt 12 ta’ dawn l-Istruzzjonijiet, għandhom jiġu osservati r-rekwiżiti segwenti:

a)

it-test għandu jkun jista’ jinqara’ faċilment u jidher biss f’naħa waħda tal-paġna (“recto” u mhux “recto verso”);

b)

id-dokumenti ma għandhomx ikollhom legatura jew metodi oħra sabiex jinġabru (bħal kolla, stejpils, eċċ);

21.

Il-paġni tar-rikors u tal-annessi għandom ikunu, barra minn hekk, innumerati, fin-naħa ta’ fuq fil-lemin, b’mod kontinwu, annessi u paġni diviżuri eventwalment inklużi.

22.

Ir-rikors u l-eventwali annessi kollha tiegħu li jkunu ppreżentati fil-forma ta’ dokumenti stampati għandhom, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bħal fil-każ tal-atti proċedurali l-oħra kollha, jiġu ppreżentati flimkien ma’ ħames kopji fiżiċi għat-Tribunal u b’numru ta’ kopji daqs in-numru ta’ partijiet fil-kawża (għalhekk, normalment, seba’ kopji fiżiċi). Fl-ewwel paġna ta’ kull sett ta’ kopji, l-avukat għandu jikteb l-indikazzjoni, iffirmata jew inizjalata minnu, li tiċċertifika li l-kopji huma konformi mal-oriġinali.

23.

Għal dak li jikkonċerna l-annessi, il-partijiet għandhom iwettqu għażla rigoruża tad-dokumenti rilevanti għall-ħtiġijiet tal-kawża fid-dawl tal-limiti materjali u lingwistiċi li t-Tribunal u l-partijiet ikollhom jiffaċċaw. B’mod partikolari, l-informazzjoni li għaliha t-Tribunal jista’ jkollu aċċess (eż., il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea, iċċitata fl-atti proċedurali) ma għandhiex tiġi prodotta. Ir-rekwiżiti formali segwenti għandhom jiġu osservati:

a)

l-annessi għandhom ikunu nnumerati, għandhom jinkludu referenza għan-nota li magħha huma annessi (għar-rikors, eż., “A.1, A.2” eċc.; għar-risposta “B.1, B.2”; għar-replika “C.1, C.2”; għall-kontroreplika “D.1, D.2”) u għandhom preferibbilment jiġu ppreżentati, meta jkunu iktar minn tlieta, b’paġni diviżuri;

b)

l-annessi għandhom ikunu jistgħu jinqraw faċilment; anness li l-istampar tiegħu ma jkunx ta’ kwalità tajba ma jiġix aċċettat;

c)

l-annessi għandhom ikunu fformulati fil-lingwa tal-kawża jew għandhom ikollhom magħhom traduzzjoni; l-annessi li ma josservawx dawn il-kriterji, bħala regola ġenerali, ma jistgħux jiġu aċċettati [ara l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura, li jirreferi, għal dak li jirrigwarda s-sistema lingwistika, għall-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea]. Skont l-Artikolu 8(5) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, ma huwiex possibbli li ssir eċċezzjoni għal din ir-regola ħlief f’każijiet debitament ġustifikati;

d)

l-annessi għandhom jiġu introdotti permezz ta’ skeda li telenka l-annessi, li għandha tinkludi, għal kull wieħed minnhom, in-numru tiegħu (eż., A.1), deskrizzjoni tan-natura tiegħu (eż., “ittra ta’ [data] tas-Sur X lis-Sinjura Z”), l-indikazzjoni tal-paġna u tal-paragrafu tar-rikors li fih dan l-anness jissemma (eż., “p. 7, § 17”), in-numru ta’ paġni tiegħu, u r-referenza għall-impaġnar kontinwu li fih jibda l-anness; eżempju tan-nota tal-annessi jidher fil-“Mudell ta’ Rikors”, disponibbli fis-sit www.curia.europa.eu;

e)

l-annessi ta’ rikors ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia għandhom jitqiegħdu ġewwa fajl jew ġewwa fajls separati mill-fajl li jkun fih ir-rikors. Fajl jista’ jkun fih, bħala regola ġenerali, l-annessi kollha. Ma huwiex mixtieq li jinħoloq fajl għal kull anness;

f)

l-annessi ta’ rikors ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia, imsemmija fit-test ta’ dan ir-rikors, li minħabba n-natura tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu ppreżentati permezz tal-applikazzjoni e-Curia, jistgħu jiġu trażmessi fiżikament b’mod separat skont l-Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura bil-kundizzjoni li jissemmew fl-iskeda li telenka l-annessi ta’ dan ir-rikors ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia. L-iskeda li telenka l-annessi għandha tidentifika dawk l-annessi li jkunu ser jiġu ppreżentati separatament. Dawn l-annessi għandhom jaslu fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara l-preżentata tar-rikors ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia.

3.   Ir-regolarizzazzjoni tar-rikors

24.

Sabiex tingħata l-possibbiltà lill-partijiet li jirranġaw irregolaritajiet formali li jinsabu f’rikors, f’ċerti każijiet tintalab regolarizzazzjoni. Skont l-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċedura u l-Artikolu 8(1) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, dejjem tintalab regolarizzazzjoni mir-Reġistratur meta l-elementi segwenti jkunu nieqsa, nuqqas li jista’ jwassal għaċ-ċaħda tar-rikors minħabba inammissibbiltà:

—

l-indikazzjoni tal-isem u l-indirizz tar-rikorrent [Artikolu 35(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura];

—

l-indikazzjoni tal-kwalità u l-indirizz tal-avukat li jirrappreżenta lir-rikorrent [Artikolu 35(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura];

—

l-identifikazzjoni tal-parti li kontriha jkun qiegħed jiġi ppreżentat ir-rikors [Artikolu 35(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura];

—

il-produzzjoni tal-att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu, tal-ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u tad-deċiżjoni bi tweġiba għall-ilment b’indikazzjoni tad-dati tat-tressiq tal-ilment u tan-notifika tad-deċiżjoni [Artikolu 35(2) tar-Regolamenti tal-Persunal]; fin-nuqqas tal-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti, ir-rikorrent huwa meħtieġ jispjega b’mod ċar għalfejn ma ġewx prodotti (eż., il-fatt li l-amministrazzjoni ma weġbitx għall-ilment fit-termini previsti fir-Regolamenti tal-Persunal);

—

il-produzzjoni tad-dokument li jiċċertifika li l-avukat huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti [Artikolu 35(5) tar-Regolamenti tal-Persunal].

25.

Skont l-Artikolu 8(1) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, regolarizzazzjoni tista’ tintalab ukoll, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, meta rikors ma jkunx konformi ma’ dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi.

26.

Ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi terminu għar-rikorrent għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni, skont l-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċedura.

27.

Fil-każijiet previsti fil-punt 24 iktar ’il fuq, ir-rikors ma jiġix innotifikat lill-konvenut. Meta r-regolarizzazzjoni sseħħ fit-terminu previst, il-proċedura tiżvolġi normalment. Fin-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni, it-Tribunal għandu jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors.

28.

Fil-każijiet previsti fil-punt 25 iktar ’il fuq, ir-Reġistratur għandu jiddeċiedi jekk in-notifika għandhiex tiġi sospiża jew le. Fin-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni jew fil-każ ta’ kontestazzjoni, ir-Reġistratur għandu jitlob lill-President, skont l-Artikolu 8(7) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, sabiex tittieħed deċiżjoni.

4.   Miżuri provviżorji / Proċeduri għal miżuri provviżorji

29.

Kull talba għas-sospenjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat u għal miżuri provviżorji oħra permezz ta’ proċedura għal miżuri provviżorji għandha titressaq b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura.

B.   Risposta u atti proċedurali oħra relatati mal-proċedura bil-miktub

30.

L-ispjegazzjonijiet u l-pariri mogħtija fir-rigward tar-rikorsi fil-Kapitolu A ta’ dan it-titolu huma validi mutatis mutandis għall-atti proċedurali l-oħra indirizzati lit-Tribunal.

31.

L-indikazzjonijiet li għandhom jidhru fir-risposta huma msemmija fl-Artikolu 39(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Is-setgħa(t) li l-istituzzjoni konvenuta tagħti lill-aġent(i) tagħha u/jew eventwalment lil avukat, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, għandhom jiġu ppreżentati flimkien mar-risposta, iżda separatament mill-annessi eventwali.

32.

In-numru ta’ paġni ta’ risposta għandu josserva l-istess limitu bħal dak stabbilit għar-rikors, jiġifieri, bħala regola ġenerali, 30 paġna; l-atti proċedurali l-oħra għandhom ikunu inqas minn 15-il paġna. Ir-rekwiżiti deskritti fil-punt 12 ta’ dawn l-Istruzzjonijiet huma applikabbli.

33.

Sakemm dawn it-testi ma jkunux diġà jinsabu fl-inkartament tal-kawża, l-istituzzjonijiet għandhom jannettu sistematikament mar-risposta l-atti ta’ portata ġenerali ċċitati fl-osservazzjonijiet tagħhom li ma jkunux is-suġġett ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

34.

Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet segwenti għandhom jidhru fuq l-ewwel paġna ta’ kull att proċedurali:

a)

l-isem tal-att (risposta, replika, kontroreplika, talba għal intervent, nota ta’ intervent, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, osservazzjonijiet dwar …, tweġibiet għal mistoqsijiet, eċċ.);

b)

in-numru tal-kawża (F-…/…) sa fejn dan ikun diġà ġie kkomunikat mir-Reġistru.

35.

Ir-regoli msemmija fil-Kapitolu A ta’ dan it-titolu, li jirregolaw il-każijiet fejn ir-regolarizzazzjoni tar-rikors tintalab jew tkun tista’ tintalab, huma applikabbli mutatis mutandis għar-risposta u għall-atti proċedurali l-oħra

C.   Fuq it-trażmissjoni ta’ oriġinal fil-forma ta’ dokument stampat wara t-trażmissjoni ta’ faks

36.

L-oriġinal ta’ kull att proċedurali, u b’mod ġenerali l-korrispondenza kollha indirizzata lit-Tribunal, inklużi t-talbiet għall-proroga ta’ termini, li ma jkunx trażmess lit-Tribunal permezz tal-applikazzjoni e-Curia, għandu jiġi ppreżentat fir-Reġistru fil-forma ta’ dokument stampat.

Sabiex jiġu osservati t-termini proċedurali, kopja ta’ dokument tista’ tintbagħat lir-Reġistru tat-Tribunal permezz ta’ faks (numru tal-faks: +352 4303-4453) qabel il-preżentata tal-oriġinal ta’ dan l-att [possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 34(6) tar-Regoli tal-Proċedura].

F’dan il-każ, fuq l-ewwel paġna tal-oriġinal għandu jiġi indikat “trażmissjoni preċedenti permezz ta’ faks fil-[data]” sabiex id-dokumenti korrispondenti jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment.

37.

Inkonformità mal-Artikolu 34(6) tar-Regoli tal-Proċedura, meta att proċedurali jkun jinkludi annessi, il-kopja mibgħuta lit-Tribunal permezz ta’ faks tista’ tkun tinkludi biss l-att innifsu u l-iskeda li telenka l-annessi.

38.

Għall-finijiet tal-osservanza tat-termini proċedurali, il-preżentata ta’ nota jew ta’ att proċedurali permezz ta’ faks tkun valida biss jekk l-oriġinal iffirmat jasal fir-Reġistru sa mhux iktar tard mit-terminu, previst fl-Artikolu 34(6) tar-Regoli tal-Proċedura, ta’ għaxart ijiem wara din il-preżentata. Għandu jitfakkar li t-terminu għal raġunijiet ta’ distanza ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 100(3) tar-Regoli tal-Proċedura ma japplikax għal dan it-terminu.

39.

L-oriġinal iffirmat ta’ kull att proċedurali għandu jintbagħat minnufih, immedjatament wara t-trażmissjoni permezz ta’ faks, mingħajr ma jsirulu korrezzjonijiet jew emendi. Fil-każ ta’ diverġenza bejn l-oriġinal iffirmat u l-kopja ppreżentata qabel, hija biss id-data tal-preżentata tal-oriġinal iffirmat li tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-termini proċedurali.

D.   Fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali

40.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tribunal għandu jieħu inkunsiderazzjoni biss id-dokumenti li r-rappreżentanti tal-partijiet ikunu setgħu jikkonsultaw u li fuqhom ikunu setgħu jesprimu ruħhom [Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura].

41.

Madankollu, parti tista’ titlob li ċerti siltiet mill-inkartament li jkunu ta’ natura sigrieta jew kunfidenzjali:

—

ma jkunux aċċessibbli għal parti f’kawża magħquda [Artikolu 46(3) tar-Regoli tal-Proċedura];

—

jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lil intervenjenti [Artikolu 110(2) tar-Regoli tal-Proċedura).

42.

Kull talba għal trattament kunfidenzjali skont l-Artikolu 46(3) jew skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli tal-Proċedura għandha titressaq permezz ta’ att separat.

43.

Tali talba għandha tkun preċiża u t-trattament kunfidenzjali għandu jkun limitat għal dak li jkun strettament neċessarju. Din f’ebda każ ma tista’ tkopri l-atti proċedurali kollha u huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li tista’ tkopri anness kollu.

44.

Talba għal trattament kunfidenzjali għandha tindika b’mod preċiż l-elementi jew is-siltiet ikkonċernati u għandha tinkludi motivazzjoni fil-qosor tan-natura sigrieta jew kunfidenzjali ta’ kull wieħed jew waħda minn dawn l-elementi jew siltiet.

45.

Mat-talba għal trattament kunfidenzjali għandha tkun annessa verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota jew tal-att proċedurali inkwistjoni li fiha jkunu tħallew barra l-elementi jew is-siltiet li għalihom tirreferi t-talba. Jekk it-talba tkun tikkonċerna biss anness ta’ att proċedurali, dan l-att għandu jiġi anness kollu kemm hu mat-talba għal kunfidenzjalità. Fil-każ ta’ preżentata permezz tal-applikazzjoni e-Curia, l-anness li jkun is-suġġett ta’ talba għal kunfidenzjalità għandu jintbagħat f’fajl separat.

E.   Fuq it-talbiet għal għajnuna legali

46.

Skont l-Artikoli 95 et seq tar-Regoli tal-Proċedura, għajnuna legali tista’ tingħata sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja. Bla ħsara għall-Artikolu 19 tal-Istatut, u inkonformità mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 96(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ma huwiex meħtieġ li tali talba titressaq permezz ta’ avukat.

47.

L-użu tal-formola annessa ma’ dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi huwa obbligatorju sabiex titressaq talba għal għajnuna legali. Talba għal għajnuna legali mressqa b’mezz ieħor u mhux bil-formola ma tittiħidx inkunsiderazzjoni; din twassal għal risposta mir-Reġistratur fejn titfakkar in-natura obbligatorja tal-użu tal-formola, li r-Reġistratur jehmeż f’anness mar-risposta tiegħu. Il-formola hija aċċessibbli fis-sit www.curia.europa.eu.

48.

Il-formola, flimkien mad-dokumenti ta’ sostenn, għandha tkun debitament mimlija u ffirmata minn min jagħmel it-talba jew mill-avukat tiegħu. Madankollu, fil-każ li t-talba titressaq permezz tal-applikazzjoni e-Curia mill-avukat ta’ min jagħmel it-talba, il-firma tal-avukat ma hijiex meħtieġa.

49.

Huwa biss l-avukat li jirrappreżenta lill-parti li titlob l-għajnuna legali li jista’ jressaq it-talba għal għajnuna legali permezz tal-applikazzjoni e-Curia.

IV.   FUQ IL-PROĊEDURA ORALI

A.   Post

50.

Il-konvokazzjoni għas-seduta pubblika għandha tindika dejjem id-data, is-siegħa, il-post u l-awla fejn tkun ser tinżamm. Jekk il-preżenza ta’ interpreti għas-seduta kollha jew għal ċerti ħtiġijiet titqies li hija indispensabbli minn parti għal raġunijiet partikolari (eż., jekk it-Tribunal ikun ordna d-dehra personali ta’ parti li ma tkunx tista’ tesprimi ruħha fil-lingwa tal-kawża), talba motivata f’dan is-sens għandha ssir lit-Tribunal hekk kif tiġi riċevuta l-konvokazzjoni għas-seduta sabiex ikunu jistgħu jiġu organizzati malajr kemm jista’ jkun bidla eventwali fl-awla jew il-preżenza ta’ interpreti.

51.

Fuq is-sit www.curia.europa.eu wieħed jista’ jsib mappa tal-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-parkeġġi aċċessibbli.

52.

L-aċċess għall-bini huwa ssorveljat minħabba sigurtà. Il-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom huma mistiedna jippreżentaw il-kartà ta’ identità tagħhom, il-passaport tagħhom, karta professjonali jew kull dokument ieħor li jkun jinkludi ritratt. Huwa għaldaqstant irrakkomandat li wieħed jasal suffiċjentement qabel il-ħin.

B.   Preparazzjoni għas-seduta

53.

Ir-rappreżentanti tal-partijiet jiġu kkonvokati għas-seduta mir-Reġistru numru ta’ ġimgħat qabel ma tkun ser tinżamm. Talbiet għad-differiment ta’ data ta’ seduta jintlaqgħu biss f’ċirkustanzi verament eċċezzjonali. Tali talbiet għandhom jiġu debitament motivati fir-rigward tar-rappreżentanti kollha tal-parti, għandhom jintbagħtu flimkien ma’ dokumenti ta’ sostenn adegwati u għandhom jintbagħtu lit-Tribunal malajr kemm jista’ jkun.

54.

Fi żmien adegwat qabel is-seduta, il-partijiet jirċievu rapport preparatorju għas-seduta li jkun redatt mill-Imħallef Relatur. F’dan ir-rapport normalment jiġu indikati s-suġġett tal-kawża, it-talbiet tal-partijiet, l-aspetti li fuqhom il-partijiet huma mistiedna jikkonċentraw is-sottomissjonijiet orali tagħhom, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkun meħtieġ li jiġu analizzati fid-dettall, eċċ., kif ukoll indikazzjonijiet dwar it-tul tas-sottomissjonijiet orali introduttivi tar-rappreżentanti tal-partijiet; it-Tribunal jista’ jindika wkoll l-intenzjoni tiegħu li jeżamina l-possibbiltajiet ta’ ftehim bonarju għat-tilwima matul is-seduta.

55.

Jekk ir-rappreżentant ta’ parti jkollu l-intenzjoni li ma jattendix għas-seduta, dan huwa mitlub li jinforma lit-Tribunal malajr kemm jista’ jkun. F’dan il-każ, is-seduta tinżamm fl-assenza tiegħu. Dan jgħodd ukoll meta t-Tribunal jikkonstata l-assenza ta’ parti matul is-seduta mingħajr ma jkun ġie debitament informat minn qabel dwar dan.

56.

Jekk ir-rappreżentant ta’ parti jkollu l-intenzjoni li jiġi rrappreżentat minn persuna awtorizzata oħra li ma kinitx inizjalment imqabbda mill-klijent tiegħu, huwa għandu jinforma b’dan lit-Tribunal malajr kemm jista’ jkun u għandu jiżgura li qabel is-seduta jiġi ppreżentat mandat bil-miktub għal din il-persuna ffirmat mill-klijent kif ukoll, jekk ikun il-każ, ċertifikat ta’ iskrizzjoni tal-avukat jew tal-konsulent li jkun qiegħed jissostitwixxih.

C.   L-iżvolġiment tas-seduta

57.

Ir-rappreżentanti tal-partijiet għandhom jagħmlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom libsin it-toga. It-Tribunal dejjem ikollu xi togi fil-każ ta’ bżonn; wieħed għandu jikkuntattja lill-Marixxal inkarigat għas-seduta f’dan ir-rigward.

58.

Ftit minuti qabel tibda s-seduta, ir-rappreżentanti tal-partijiet jittieħdu mill-Marixxal inkarigat għas-seduta fil-kamra li tinsab fuq wara tal-awla fejn jintlaqgħu mill-Imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti sabiex jiġi organizzat l-iżvolġiment tas-seduta.

59.

Wieħed għandu jqum bil-wieqfa meta l-Membri tat-Tribunal jidħlu fl-awla. Is-seduta mbagħad tibda bis-sejħa tal-kawża mir-Reġistratur.

60.

Peress li l-Imħallfin ikollhom diġà konoxxenza tal-osservazzjonijiet bil-miktub, ir-rappreżentanti tal-partijiet huma mitluba sabiex fis-sottomissjonijiet orali tagħhom ma jirrepetux il-kontenut tal-atti proċedurali skambjati iżda huma mitluba jikkonċentraw fuq il-punti mqajma fir-rapport preparatorju għas-seduta u jwieġbu għall-mistoqsijiet tal-Imħallfin. Dan jgħodd ukoll, jekk ikun il-każ, għall-partijiet stess fl-eventwalità li t-Tribunal jistedinhom jitkellmu huma stess. Sa fejn l-iskop tas-seduta huwa li jiġu ċċarati ĺ-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji sabiex tiġi deċiża l-kawża, is-seduta għandha tiżvolġi fil-forma ta’ djalogu bejn l-Imħallfin u l-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom.

61.

Fi kwalunkwe każ, ir-rappreżentanti tal-partijiet għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw sottomissjoni orali introduttiva, li fir-rigward tagħha r-rapport preparatorju għas-seduta jagħti indikazzjonijiet dwar it-tul ta’ żmien tagħha (normalment 20 minuta). Dan iż-żmien ma jinkludix iż-żmien użat sabiex jitwieġbu l-mistoqsijiet magħmula mill-Imħallfin jew sabiex issir replika għas-sottomissjonijiet orali tal-parti avversarja.

62.

Peress li l-awli huma mgħammra b’sistema awtomatika ta’ mikrofoni, kull persuna li titkellem hija mitluba tagħfas il-buttuna tal-mikrofonu qabel ma tibda titkellem. Għandu jiġi evitat li tingħafas il-buttuna waqt li Mħallef jew persuna oħra jkunu qegħdin jitkellmu, sabiex ma jintfilhomx il-mikrofonu. Ir-rappreżentanti tal-partijiet huma mitluba wkoll, meta jiċċitaw sentenza ta’ qorti, jindikaw in-numru tal-kawża ċċitata, l-isem tal-partijiet u d-data tas-sentenza jew tad-digriet.

63.

Qiegħed jiġi mfakkar li l-produzzjoni ta’ dokumenti quddiem it-Tribunal għandha ssir fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub. Huwa biss f’ċirkustanzi verament eċċezzjonali li t-Tribunal jista’ jaċċetta dokumenti prodotti fis-seduta. L-istess regola tapplika għal kull offerta ta’ prova magħmula fis-seduta. Jekk ikun il-każ, tajjeb li wieħed iġib miegħu numru biżżejjed ta’ kopji.

D.   Karatteristiċi partikolari tal-interpretazzjoni simultanja

64.

Fil-kawżi li jeħtieġu interpretazzjoni simultanja, ir-rappreżentanti tal-partijiet qegħdin jiġu mfakkra li huwa ġeneralment ippreferut li huma jitkellmu liberament fuq il-bażi ta’ noti minflok jaqraw test. Bl-istess mod, serje ta’ sentenzi qosra huma ppreferuti minn argument twil u kkumplikat.

65.

Madankollu, jekk is-sottomissjoni orali tiġi ppreparata bil-miktub, huwa rrakkomandat li, fir-redazzjoni tat-test, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan għandu jiġi ppreżentat oralment u għandu għalhekk ikun jixbah kemm jista’ jkun preżentazzjoni orali.

66.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni, ir-rappreżentanti tal-partijiet huma mistiedna jipprovdu minn qabel it-test eventwali jew forma miktuba tas-sottomissjonijiet orali tagħhom, tan-noti tagħhom jew kull kitba oħra, lid-dipartiment ta’ interpretazzjoni, sabiex l-interpreti jkunu jistgħu jinkluduhom fl-istudju minn qabel tagħhom tal-inkartament (Diviżjoni tal-interpretazzjoni, numru tal-faks + 352 4303-3697, posta elettronika: interpret@curia.europa.eu). Dan it-test naturalment ma jingħatax lill-partijiet l-oħra u lanqas lill-Imħallfin li jiffurmaw parti mill-kulleġġ ġudikanti.

E.   Ftehim bonarju

67.

Fuq talba tar-rappreżentanti tal-partijiet jew fuq inizjattiva tiegħu stess, it-Tribunal jista’ jiddikjara s-sospensjoni tas-seduta għal perijodu qasir meta r-rappreżentanti tal-partijiet jkunu jixtiequ jiddiskutu proposta ta’ ftehim bonarju mal-klijenti tagħhom jew mar-rappreżentant tal-parti avversarja, jekk ikun il-każ, fil-preżenza ta’ wieħed jew iktar mill-Imħallfin. Jekk tkun mixtieqa diskussjoni in camera, tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni sala partikolari. Għal kull talba f’dan ir-rigward, wieħed għandu jikkuntattja lir-Reġistratur jew lill-Marixxal inkarigat għas-seduta.

F.   Għeluq tas-seduta

68.

Il-president tal-kulleġġ ġudikanti għandu jiddikjara t-tmiem tas-seduta. Il-partijiet sussegwentement jirċievu proċess verbali qasir tagħha. Bl-istess mod, huma jiġu informati bil-miktub dwar il-pass li jmiss fil-proċedura, b’mod partikolari dwar id-data tal-għoti tas-sentenza.

V.   DĦUL FIS-SEĦĦ TA’ DAWN L-ISTRUZZJONIJIET

69.

Dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

70.

Dawn l-Istruzzjonijiet iħassru u jissostitwixxu l-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet tal-25 ta’ Jannar 2008 (ĠU L 69, p. 13).

71.

Barra minn hekk, sabiex jgħin lill-partijiet f’dak li għandhom jagħmlu, ir-Reġistru tat-Tribunal għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom diversi “Check lists” u “Mudelli” fuq is-sit www.curia.europa.eu.

Magħmula fil-Lussemburgu, il-11 ta’ Lulju 2012.

Ir-Reġistratur

W. HAKENBERG

Il-President

S. VAN RAEPENBUSCH


ANNESS

GWIDA GĦAL MIN JAGĦMEL TALBA GĦAL GĦAJNUNA LEGALI U FORMOLA OBBLIGATORJA

Image 1

TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

TALBA GĦAL GĦAJNUNA LEGALI

GWIDA GĦAL MIN JAGĦMEL IT-TALBA U FORMOLA OBBLIGATORJA

I.   GWIDA GĦAL MIN JAGĦMEL IT-TALBA GĦAL GĦAJNUNA LEGALI (1)

A.   Il-kuntest ġuridiku

1.   Il-kompetenza tat-Tribunal

Ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati quddiem it-Tribunal

Qed tinġibed l-attenzjoni ta’ min jagħmel it-talba għal għajnuna legali għad-dispożizzjonijiet:

—

tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, kif ukoll tal-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, dwar il-kompetenza tat-Tribunal;

—

tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippreċiżaw ċerti kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati quddiem it-Tribunal.

2.   Il-kuntest ġuridiku fil-qasam tal-għajnuna legali

Id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna legali jinsabu fir-Regoli tal-Proċedura.

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod partikolari dan li ġej:

a.

Kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna legali

—

Kull persuna fiżika li, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, ma tistax, totalment jew parzjalment, tkopri l-ispejjeż marbuta mal-assistenza u mar-rappreżentanza fil-qorti quddiem it-Tribunal għandha d-dritt li tibbenefika mill-għajnuna legali [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(2) tar-Regoli tal-Proċedura].

—

Is-sitwazzjoni ekonomika għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oġġettivi bħad-dħul, il-kapital u s-sitwazzjoni familjari [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(2) tar-Regoli tal-Proċedura].

—

Flimkien mat-talba għal għajnuna legali għandu jkun hemm l-informazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn kollha li permezz tagħhom tkun tista’ tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika ta’ min jagħmel it-talba, bħal ċertifikat mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jagħti prova ta’ din is-sitwazzjoni ekonomika [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 96(2) tar-Regoli tal-Proċedura].

—

L-għajnuna legali tista’ tintalab qabel jew wara l-preżentata ta’ rikors. Ma huwiex meħtieġ li t-talba ssir permezz ta’ avukat [Artikolu 96(1) tar-Regoli tal-Proċedura].

—

Jekk it-talba titressaq qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors, min jagħmel it-talba għandu jesponi, fil-qosor, is-suġġett tar-rikors li jkollu l-intenzjoni jippreżenta, il-fatti tal-kawża u l-argumenti insostenn tar-rikors. Mat-talba għandu jkun hemm dokumenti ta’ sostenn f’dan ir-rigward [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 96(2) tar-Regoli tal-Proċedura].

—

L-għajnuna legali għandha tiġi miċħuda jekk l-azzjoni li għaliha tintalab tidher manifestament inammissibbli jew manifestament infondata [Artikolu 95(3) tar-Regoli tal-Proċedura].

—

Jekk il-kundizzjonijiet li wasslu sabiex tingħata l-għajnuna legali jinbidlu matul il-kawża, il-President jista’ jirrevoka dan il-benefiċċju, kemm ex officio kif ukoll fuq talba, wara li tinstema’ l-parti kkonċernata [Artikolu 97(5) tar-Regoli tal-Proċedura].

—

It-Tribunal jista’ jipprevedi, skont l-Artikolu 120 tar-Regoli tal-Proċedura, li l-użu ta’ formola huwa obbligatorju sabiex titressaq talba għal għajnuna legali [Artikolu 96(3) tar-Regoli tal-Proċedura]. It-Tribunal għamel użu minn din il-possibbiltà fl-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet.

b.

Il-proċedura

—

Jekk il-parti kkonċernata ma tkunx ipproponiet avukat hija stess jew jekk ma jkunx hemm lok li tiġi kkonfermata l-għażla tagħha, ir-Reġistratur għandu jibgħat kopja tad-digriet li jawtorizza l-għajnuna legali u kopja tat-talba lill-awtorità kompetenti tal-Istat ikkonċernat imsemmija fl-Anness II tar-Regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-avukat inkarigat li jirrappreżenta lil min ikun għamel it-talba għandu jiġi nnominat fid-dawl tal-proposti trażmessi minn din l-awtorità [it-tieni subparagrafu ta’ Artikolu 97(3) tar-Regoli tal-Proċedura].

—

It-tressiq ta’ talba għal għajnuna legali jissospendi t-terminu previst għall-preżentata tar-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar din it-talba jew, meta f’dan id-digriet ma jkunx innominat avukat sabiex jirrappreżenta lill-parti kkonċernata, sad-data tan-notifika tad-digriet li jinnomina avukat sabiex jirrappreżenta lil min ikun għamel it-talba [Artikolu 97(4) tar-Regoli tal-Proċedura].

c.

Għajnuna legali parzjali

Id-digriet li jawtorizza l-għajnuna legali jista’ jistabbilixxi somma li tingħata lill-avukat inkarigat sabiex jirrappreżenta lill-parti kkonċernata, jew jista’ jistabbilixxi limitu massimu li, bħala prinċipju, ma jkunx jista’ jinqabeż mill-ispejjeż u mill-onorarju tal-avukat. Id-digriet jista’ jipprevedi kontribuzzjoni mill-parti kkonċernata għall-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 95(1) tar-Regoli tal-Proċedura, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika tagħha [it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 97(3) tar-Regoli tal-Proċedura].

d.

Responsabbiltà għall-ispejjeż

—

Meta, bis-saħħa tad-deċiżjoni li taqta’ l-kawża, il-parti li bbenefikat mill-għajnuna legali tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha, il-President għandu jistabbilixxi l-ispejjeż u l-onorarji tal-avukat li għandhom jitħallsu mill-kaxxier tat-Tribunal permezz ta’ digriet motivat li ma jistax jiġi kkontestat [Artikolu 98(2) tar-Regoli tal-Proċedura].

—

Meta, fid-deċiżjoni li taqta’ l-kawża, it-Tribunal jikkundanna parti oħra tbati l-ispejjeż tal-parti li bbenefikat mill-għajnuna legali, din il-parti l-oħra tkun marbuta tħallas lura lill-kaxxier tat-Tribunal dawk l-ammonti li tħallsu bħala għajnuna [Artikolu 98(3) tar-Regoli tal-Proċedura].

—

Meta l-parti li tibbenefika mill-għajnuna legali titlef, it-Tribunal jista’, jekk dan ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż fid-deċiżjoni li taqta’ l-kawża, jordna li waħda jew iktar mill-partijiet l-oħra jbatu l-ispejjeż tagħhom jew li l-ispejjeż kollha jew parti minnhom jitħallsu mill-kaxxier tat-Tribunal bħala għajnuna legali [Artikolu 98(4) tar-Regoli tal-Proċedura].

B.   Modalitajiet tat-tressiq tat-talba għal għajnuna legali

Skont il-punt 47 tal-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, l-użu ta’ din il-formola huwa obbligatorju sabiex titressaq talba għal għajnuna legali. Talba għal għajnuna legali mressqa b’mezz ieħor u mhux bil-formola ma tittiħidx inkunsiderazzjoni.

Kif indikat fil-punt 49 tal-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, it-talba għal għajnuna legali tista’ titressaq permezz tal-applikazzjoni e-Curia biss mill-avukat li jkun qiegħed jirrappreżenta lill-parti li titlob l-għajnuna legali.

Fil-każ li tintbagħat fil-forma ta’ dokument stampat, it-trażmissjoni tal-oriġinal tista’ ssir wara t-trażmissjoni permezz ta’ faks. F’dan il-każ, id-data tat-trażmissjoni tal-faks tittieħed inkunsiderazzjoni għas-sospensjoni tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, bil-kundizzjoni li l-oriġinal jasal għand it-Tribunal fi żmien għaxart ijiem mit-trażmissjoni tal-faks.

L-oriġinal tat-talba għal għajnuna legali għandu jiġi ffirmat minn min jagħmel it-talba stess jew mill-avukat tiegħu. Fin-nuqqas ta’ dan, it-talba ma tittiħidx inkunsiderazzjoni u d-dokument jerġa’ jintbagħat lura. Madankollu, fil-każ li t-talba titressaq permezz tal-applikazzjoni e-Curia mill-avukat ta’ min jagħmel it-talba, il-firma tal-avukat ma tkunx meħtieġa.

Jekk it-talba għal għajnuna legali titressaq mill-avukat ta’ min jagħmel it-talba qabel il-preżentata tar-rikors, din it-talba għandu jkollha magħha d-dokumenti li jiċċertifikaw li l-avukat huwa awtorizzat li jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim ŻEE.

C.   Konsegwenza tat-tressiq regolari ta’ talba għal għajnuna legali qabel il-preżentata tar-rikors

Il-talba għal għajnuna legali mressqa b’mod regolari qabel il-preżentata tar-rikors tissospendi t-terminu previst għall-preżentata ta’ dan ir-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar it-talba jew tad-digriet li jinnomina avukat sabiex jirrappreżenta lil min ikun għamel it-talba. Għaldaqstant, it-terminu għall-preżentata tar-rikors ma jiddekorrix matul il-perijodu tal-eżami tat-talba għal għajnuna legali mit-Tribunal. Ikun prudenti jekk din it-talba titressaq kmieni sabiex jiġi evitat li t-terminu li jkun fadal għall-preżentata tar-rikors ma jkunx qasir wisq.

D.   Kontenut tat-talba għal għajnuna legali u dokumenti ta’ sostenn

1.   Sitwazzjoni ekonomika ta’ min jagħmel it-talba

It-talba għandu jkollha magħha l-informazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn kollha li jippermettu li tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika ta’ min jagħmel it-talba, bħal ċertifikat ta’ awtorità nazzjonali kompetenti li jagħti prova ta’ din is-sitwazzjoni ekonomika.

Dawn id-dokumenti jistgħu jkunu, pereżempju:

—

ċertifikati minn uffiċċju ta’ għajnuna soċjali jew tal-assigrazzjoni kontra l-qgħad;

—

dikjarazzjonijiet tad-dħul jew avviż ta’ taxxa;

—

dikjarazzjonijiet tal-paga;

—

estratti ta’ rendikonti bankarji.

Dikjarazzjonijiet ġuramentati mimlija u ffirmati minn min jagħmel it-talba stess ma humiex prova suffiċjenti tal-inkapaċità totali jew parzjali li wieħed ikopri l-ispejjeż tal-kawża.

L-informazzjoni mogħtija fil-formola dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ min jagħmel it-talba u d-dokumenti ta’ sostenn ippreżentati insostenn ta’ din l-informazzjoni għandhom l-għan li jagħtu stampa kompleta tas-sitwazzjoni ekonomika tiegħu.

Qed tinġibed l-attenzjoni ta’ min jagħmel it-talba għall-fatt li huwa ma għandux jagħti biss lit-Tribunal informazzjoni dwar ir-riżorsi tiegħu, iżda għandu jagħtih ukoll informazzjoni li tippermettilu jevalwa l-kapital li huwa għandu.

Talba li ma tiġġustifikax b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-inkapaċità ta’ min jagħmel it-talba li jkopri l-ispejjeż tal-kawża tiġi miċħuda.

Min jagħmel it-talba huwa obbligat jinforma lit-Tribunal minnufih b’kull bidla fis-sitwazzjoni ekonomika tiegħu li tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 97(5) tar-Regoli tal-Proċedura, li jgħid li jekk il-kundizzjonijiet li wasslu għall-għoti tal-għajnuna legali jinbidlu fil-mori tal-kawża, il-President jista’ jwaqqaf l-għajnuna, kemm ex officio, kif ukoll fuq talba, wara li tinstema’ l-parti kkonċernata.

2.   Suġġett tar-rikors ippjanat, fatti tal-kawża u l-argumenti insostenn tar-rikors

Jekk it-talba għal għajnuna legali titressaq qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors, min jagħmel it-talba għandu jispjega fil-qosor is-suġġett tar-rikors tiegħu, il-fatti tal-kawża u l-argumenti li huwa jkun ser iressaq insostenn tar-rikors tiegħu. Fil-formola hija prevista taqsima għal dan il-għan.

Għandha tiġi annessa kopja ta’ kull dokument ta’ sostenn rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà u tal-fondatezza tar-rikors li jkun ser jiġi ppreżentat. Dan jista’ jkun, pereżempju:

—

jekk ikun il-każ, l-att li min jagħmel it-talba jkollu l-intenzjoni jitlob l-annullament tiegħu;

—

jekk ikun il-każ, l-ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u d-deċiżjoni li tagħti risposta għall-ilment b’indikazzjoni tad-dati tat-tressiq tal-ilment u tan-notifika tad-deċiżjoni;

—

jekk ikun il-każ, it-talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u d-deċiżjoni li tagħti risposta għall-imsemmija talba b’indikazzjoni tad-dati tat-tressiq tat-talba u tan-notifika tad-deċiżjoni;

—

il-korrispondenza li tkun saret mal-eventwali konvenut.

3.   Dettalji oħra utli

L-ebda oriġinal ma jingħata lura. Huwa b’hekk irrakkomandat li min jagħmel it-talba jipprovdi kopji tad-dokumenti ta’ sostenn.

Talba ma tistax tiġi kkompletata permezz tal-preżentata ta’ addenda ulterjuri. Addenda bħal dawn jiġu rritornati jekk jiġu ppreżentati mingħajr ma jkunu ntalbu mit-Tribunal. Huwa b’hekk essenzjali li tingħata l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-formola u li tiġi annessa kopja ta’ kull dokument li huwa prova ta’ din l-informazzjoni. F’każijiet eċċezzjonali, dokumenti li huma prova tal-inkapaċità totali jew parzjali li wieħed ikopri l-ispejjeż tal-kawża jistgħu madankollu jiġu aċċettati iktar tard, permezz ta’ ġustifikazzjoni tad-dewmien fil-preżentata tagħhom.

Jekk l-ispazju disponibbli f’taqsima tal-formola ma jkunx suffiċjenti, l-imsemmija taqsima tista’ tiġi kkompletata fuq karta separata annessa mat-talba.

II.   FORMOLA TAT-TALBA GĦAL GĦAJNUNA LEGALI

Image 2

Test ta 'immaġni

Image 3

Test ta 'immaġni

Image 4

Test ta 'immaġni

Image 5

Test ta 'immaġni

Image 6

Test ta 'immaġni

Image 7

Test ta 'immaġni

Image 8

Test ta 'immaġni

Image 9

Test ta 'immaġni

(1)  Din il-gwida tifforma parti integrali mill-formola ta’ talba għal għajnuna legali. L-informazzjoni f’din il-gwida toħroġ mir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal u mill-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet.