Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
4 ta’ Novembru 2026 (*)
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista tal-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi – Irtirar tal-awtorizzazzjoni mogħtija lir-rikorrent – Bastimenti ċċertifikati mir-rikorrent pprojbiti milli jidħlu fil-portijiet u fl-imgħalaq fit-territorju tal-Unjoni – Ġuriżdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Rikors għal annullament – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà parzjali – Kompetenza tal-Kunsill – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Proporzjonalità – Libertà ta’ intrapriża – Obbligu ta’ eżami mill-ġdid”
Fil-Kawża T‑535/24,
Russian Maritime Register of Shipping, stabbilita f’Saint Petersburg (ir-Russja), irrappreżentata minn J. Iriarte Ángel, J. Ordóñez‑Cobo, F. Rodríguez González‑Chaves, avukati, u C. Zatschler, SC,
rikorrenti,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Lejeune u L. Berger, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Carpus‑Carcea, R. Álvarez Vinagre u A. de Elera‑San Miguel Hurtado, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),
komposta minn S. Papasavvas, President, K. Kecsmár, L. Madise, U. Öberg u L. Truchot (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tas‑26 ta’ Frar 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Russian Maritime Register of Shipping, qiegħda titlob l-annullament:
– fl-ewwel lok, l-ewwel nett, tal-Artikolu 1(4)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13, rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35), moqri flimkien mal-Anness VI ta’ din id-deċiżjoni, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/395 tad‑9 ta’ Marzu 2022 (ĠU 2022, L 81, p. 8), it-tieni, tal-Artikolu 1aa(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, moqri flimkien mal-Anness X ta’ din id-deċiżjoni, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1909 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 (ĠU 2022, L 259I, p. 122), it-tielet, tal-Artikolu 1ab tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/1909, u, ir-raba’, tal-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/1909 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata”), sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernawha u inkwantu dawn ġew estiżi bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2026 tat‑22 ta’ Lulju 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU L, 2024/2026), bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/175 tas‑27 ta’ Jannar 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU L, 2025/175), bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1320 tat‑30 ta’ Ġunju 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU L, 2025/1320) u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/2648 tat‑22 ta’ Diċembru 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU L, 2025/2648) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”);
– fit-tieni lok, l-ewwel nett, tal-Artikolu 3ea(1a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 246, p. 59, u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1904 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 (ĠU 2022, L 259I, p. 3), it-tieni, tal-Artikolu 5(4)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, moqri flimkien mal-Anness XIII ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/394 tad‑9 ta’ Marzu 2022 (ĠU 2022, L 81, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 119, p. 114), it-tielet, tal-Artikolu 5aa(1)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, moqri flimkien mal-Anness XIX ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament 2022/1904, u, ir-raba’, tal-Artikolu 5aa(4) tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament 2022/1904 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 833/2014 emendat”), sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernawha u inkwantu dawn ġew estiżi bid-deċiżjonijiet ikkontestati u emendati bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1494, tat‑18 ta’ Lulju 2025 li jemenda r-Regolament Nru 833/2014 (ĠU L, 2025/1494).
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑fatti li ġraw wara l‑preżentata tar-rikors
2 Ir-rikorrenti hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li hija 100 % proprjetà tal-Istat Russu, li hija stabbilita f’Saint Petersburg (ir-Russja) u li teżerċita attivitajiet ta’ klassifikazzjoni, ta’ spezzjoni u ta’ ċertifikazzjoni ta’ bastimenti li jtajru kemm bnadar Russi u kif ukoll bnadar mhux Russi.
3 Ir-rikorrenti kienet, b’mod partikolari, inkluża, sa mill‑1998, fil-lista tal-organi rrikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni Ewropea taħt ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ĠU 2009, L 131, p. 11, rettifika fil-ĠU 2010, L 74, p. 1), li jistgħu jiġu awtorizzati, minn Stat Membru, jagħmlu, f’ismu, l-ispezzjoni, il-perizja u ċ-ċertifikazzjoni tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu. Hija kienet ukoll membru tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet ta’ Klassifikazzjoni (IACS), li minnha ġiet eskluża fil‑11 ta’ Marzu 2022.
4 Din il-kawża tagħmel parti mill-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati fid-dawl tal-azzjonijiet li jipperikolaw jew li jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.
5 Fil‑31 ta’ Lulju 2014, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina minkejja l-adozzjoni, f’Marzu 2014, ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ta’ ffriżar tal-assi kontra ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/512 sabiex jintroduċi miżuri restrittivi mmirati fl-oqsma tal-aċċess għas-swieq kapitali, tad-difiża, tal-oġġetti b’użu doppju u tat-teknoloġija sensittiva. Dakinhar stess, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament Nru 833/2014, li fih dispożizzjonijiet iktar iddettaljati sabiex jiġu attwati, kemm fil-livell tal-Unjoni u kemm fil-livell tal-Istati Membri, ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni 2014/512.
6 Fl‑24 ta’ Frar 2022, wara l-invażjoni tal-Ukraina mill-forzi armati Russi, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ppubblika dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li kkundannat l-aġir tal-Federazzjoni Russa u qal li r-rispons tal-Unjoni kien jinkludi miżuri restrittivi settorjali u individwali.
7 Huwa f’dan il-kuntest li l-Kunsill adotta sensiela ta’ miżuri ġodda kontra l-Federazzjoni Russa, b’żieda ma’ dawk li kienu ilhom adottati mill‑2014 b’reazzjoni għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. B’mod partikolari, il-Kunsill implimenta l-miżuri restrittivi li ser jissemmew iktar ’il quddiem, li r-rikorrenti qiegħda tikkontesta l-legalità tagħhom f’dan il-każ.
A. Dispożizzjonijiet ikkontestati mir-rikorrenti
1. Projbizzjoni tal-investimenti
8 Fil‑25 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/327 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU 2022, L 48, p. 1), li permezz tagħha huwa qies, b’mod partikolari, li kien neċessarju, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni u b’rispons għall-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jfittxu li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, li jiġu estiżi r-restrizzjonijiet finanzjarji eżistenti, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-aċċess ta’ ċerti entitajiet Russi għas-swieq kapitali (premessi 10 u 11 tad-Deċiżjoni 2022/327).
9 L-Artikolu 1(4)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/327, jipprovdi dan li ġej:
“Għandu jkun ipprojbit li direttament jew indirettament jinxtraw, jinbiegħu, jiġu pprovduti servizzi ta’ investiment jew assistenza fil-ħruġ ta’ titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus, maħruġa wara t‑12 ta’ April 2022 minn:
(a) persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fir-Russja, li huma kkontrollati pubblikament jew b’aktar minn 50 % sjieda pubblika u li fihom ir-Russja, il-Gvern jew il-Bank Ċentrali tagħha għandhom id-dritt li jipparteċipaw fi profitti jew li magħhom ir-Russja, il-Gvern jew il-Bank Ċentrali tagħha għandhom relazzjonijiet ekonomiċi sostanzjali oħra; kif elenkat fl-Anness VI; [...]”
10 Fid‑9 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2022/395, li l-premessa 6 tagħha tiddikjara kif ġej:
“Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’reazzjoni għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukranja, huwa xieraq li jiddaħħlu aktar miżuri restrittivi fir-rigward tal-esportazzjoni ta' prodotti u teknoloġija tan-navigazzjoni marittima. Huwa xieraq ukoll li tiġi estiża l-lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-projbizzjonijiet relatati mas-servizzi tal-investiment, it-titoli trasferibbli, l-istrumenti tas-suq monetarju, u s-self. […]”
11 Id-Deċiżjoni 2022/395 inkludiet isem ir-rikorrenti fil-lista tal-persuni ġuridiċi, entitajiet u organi msemmija fl-Artikolu 1(4)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, li tinsab fl-Anness VI ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar.
12 L-Artikolu 5(4)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/328 tal‑25 ta’ Frar 2022 (ĠU 2022, L 49, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 114, p. 212), jirriproduċi, essenzjalment, il-kliem użat fl-Artikolu 1(4)(a), iċċitat fil-punt 9 iktar ’il fuq.
13 Fid‑9 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament 2022/394, li l-premessa 4 tiegħu tiddikjara li “[i]d-Deċiżjoni [...] 2022/395 [espandiet], għas-settur marittimu, il-lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal limitazzjonijiet ta’ finanzjament permezz ta’ self, titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus”. Konsegwentement, isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 833/2014.
2. Projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet
14 Fil‑15 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/430 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU 2022, L 87I, p. 56), li permezz tagħha huwa qies li kien neċessarju li jiġu pprojbiti t-tranżazzjonijiet kollha ma’ ċerti kumpanniji tal-Istat (premessa 5 tad-Deċiżjoni 2022/430).
15 Huwa għalhekk li, skont l-Artikolu 1aa(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/430:
“Għandu jkun ipprojbit li wieħed jidħol direttament jew indirettament fi kwalunkwe tranżazzjoni ma’:
(a) persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fir-Russja, li huma kkontrollati pubblikament jew b’aktar minn 50 % sjieda pubblika jew li fihom ir-Russja, il-Gvern tagħha jew il-Bank Ċentrali Russu għandhom id-dritt li jipparteċipaw fi profitti jew li magħhom ir-Russja, il-Gvern jew il-Bank Ċentrali Russu tagħha għandhom relazzjoni ekonomika sostanzjali oħra, kif elenkat fl-Anness X; [...]”
16 Fis‑6 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2022/1909, li l-premessi 9 u 10 tagħha jiddikjaraw kif ġej:
“Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, huwa xieraq li jiġu introdotti miżuri restrittivi ulterjuri.
B’mod partikolari, huwa xieraq li tiġi estiża l-projbizzjoni ta’ involviment fi kwalunkwe tranżazzjoni ma’ ċerti persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi tal-Istat Russu, jew ikkontrollati mill-Istat Russu, billi tiġi inkluża wkoll projbizzjoni fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni li jokkupaw kwalunkwe kariga fil-korpi governattivi ta’ dawk il-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi. Huwa wkoll xieraq li mal-lista ta’ entitajiet tal-Istat Russu, jew ikkontrollati mill-Istat Russu, li huma soġġetti għal dik il-projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet tiżdied ir-Russian Maritime Register of Shipping (ir-Reġistru Marittimu Russu tat-Tbaħħir), entità 100 % tal-Istat li twettaq attivitajiet relatati mal-klassifikazzjoni u l-ispezzjoni, inkluż fil-qasam tas-sigurtà, ta’ bastimenti u inġenji Russi u mhux Russi. Dik iż-żieda tipprojbixxi l-għoti ta’ kwalunkwe tip ta’ benefiċċju ekonomikament siewi lir-[rikorrenti]. […]”
17 Id-Deċiżjoni 2022/1909 inkludiet isem ir-rikorrenti fil-lista tal-persuni ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-organi msemmija fl-Artikolu 1aa tad-Deċiżjoni 2014/512, li tinsab fil-Parti B tal-Anness X ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar.
18 L-Artikolu 5aa(1)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/428 tal‑15 ta’ Marzu 2022 (ĠU 2022, L 87I, p. 13), jirriproduċi, essenzjalment, il-kliem użat fl-Artikolu 1aa(1)(a), iċċitat fil-punt 15 iktar ’il fuq.
19 Fis‑6 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament 2022/1904, li l-premessa 16 tiegħu tiddikjara li “[i]d-Deċiżjoni [...] 2022/1909 [żiedet] mal-lista ta’ entitajiet tal-Istat Russu, jew ikkontrollati mill-Istat Russu li huma soġġetti għall-projbizzjoni fuq tranżazzjonijiet ir-Reġistru Marittimu Russu għat-Tbaħħir [Russian Maritime Register of Shipping], entità li hija 100 % tal-Istat li twettaq attivitajiet relatati mal-klassifikazzjoni u l-ispezzjoni, inkluż fil-qasam tas-sigurtà, ta’ bastimenti u [ta’] biċċiet tal-baħar Russi u mhux Russi” u li “[d]ik iż-żieda tipprojbixxi l-għoti ta’ kwalunkwe tip ta’ benefiċċju ekonomikament siewi lir-[rikorrenti]”. Konsegwentement, isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fil-Parti B tal-Anness XIX tar-Regolament Nru 833/2014.
3. Irtirar tal-awtorizzazzjoni mogħtija lir-rikorrenti
20 Fis‑6 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2022/1909, li l-premessa 10 tagħha tiddikjara dan li ġej:
“[...] [H]uwa wkoll xieraq li jintalab l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri lir-[rikorrenti] skont id-Direttiva 2005/65/KE, 2009/15/KE jew (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu dan l-irtirar f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 391/2009 u d-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huwa wkoll xieraq li jiġi rtirat ir-rikonoxximent [awtorizzazzjoni] mill-Unjoni tar-[rikorrenti].”
21 Il-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2022/1909 daħħal, għalhekk, l-Artikolu 1ab ġdid fid-Deċiżjoni 2014/512, liema artikolu jinqara kif ġej:
“1. L-Istati Membri li awtorizzaw lir-Russian Maritime Register of Shipping iwettaq spezzjonijiet u stħarriġ b’mod sħiħ jew parzjali b’rabta maċ-ċertifikati statutorji u, fejn xieraq, awtorizzawh joħroġ jew iġedded iċ-ċertifikati relatati f’konformità mal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandhom jirtiraw dawk l-awtorizzazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva qabel il‑5 ta’ Jannar 2023.
Matul il-perjodu sakemm tali awtorizzazzjonijiet ma jkunux ġew irtirati, l-Istati Membri ma għandhomx jippermettu, jew jagħtu delega lir-[rikorrenti] biex iwettaq kwalunkwe wieħed mill-kompiti li, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar is-sikurezza marittima, huma riżervati għal organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-Unjoni, inkluż li jwettaq spezzjonijiet u stħarriġ relatati maċ-ċertifikati statutorji kif ukoll li joħroġ, japprova jew iġedded iċ-ċertifikati relatati.
2. Kwalunkwe ċertifikat statutorju maħruġ f’isem Stat Membru mir-Russian Maritime Register of Shipping qabel is‑7 ta’ Ottubru 2022 għandu jiġi rtirat u terminat mill-Istat Membru rilevanti, li jaġixxi bħala Stat tal-bandiera, qabel it‑8 ta’ April 2023.
3. B’deroga mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fl-Artikolu 21(3) tad-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rikonoxximent mill-Unjoni tar-[rikorrenti] skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 u d-Direttiva (UE) 2016/1629 huwa rtirat.
4. L-Istati Membri li ddelegaw kwalunkwe dmir relatat mal-ispezzjoni lir-Russian Maritime Register of Shipping, kif definit fl-Artikolu 20(3) tad-Direttiva (UE) 2016/1629, b’mod partikolari biex iwettqu spezzjonijiet tekniċi biex jivverifikaw jekk l-inġenju jikkonformax mar-rekwiżiti tekniċi msemmija fid-Direttiva (UE) 2016/1629, b’mod partikolari fl-Annessi II u V tagħha, għandhom jirtiraw dawk l-awtorizzazzjonijiet qabel is‑6 ta’ Novembru 2022.
5. L-Istati Membri li ddelegaw kwalunkwe dmir relatat mas-sigurtà lir-Russian Maritime Register of Shipping f’konformità mal-punt 4.3 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, b’mod partikolari b’rabta mal-ħruġ jew it-tiġdid taċ-Ċertifikati Internazzjonali tas-Sigurtà tal-Bastimenti u ma’ kwalunkwe verifika relatata f’konformità mal-punti 19.1.2 u 19.2.2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 725/2004, għandhom jirtiraw dawk l-awtorizzazzjonijiet qabel il‑5 ta’ Jannar 2023.
6. Kwalunkwe Ċertifikata Internazzjonali tas-Sigurtà tal-Bastimenti maħruġ f’isem Stat Membru mir-Russian Maritime Register of Shipping qabel is‑7 ta’ Ottubru 2022 għandu jiġi rtirat u terminat mill-Istat Membru rilevanti, li jaġixxi bħala Gvern Kontraenti, qabel it‑8 ta’ April 2023.”
22 Permezz tar-Regolament 2022/1904, il-Kunsill introduċa, fl-Artikolu 5aa tar-Regolament Nru 833/2014, paragrafu 4 ġdid, li kliemu jirriproduċu dak użat fl-Artikolu 1ab(3), iċċitat fil-punt 21 iktar ’il fuq.
4. Projbizzjoni tad-dħul fil-portijiet u fl-imgħalaq fit-territorju tal-Unjoni
23 Fit‑8 ta’ April 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/578 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU 2022, L 111, p. 70), li l-premessa 6 hija fformulata kif ġej:
“Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’risposta għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa xieraq li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi. [...] Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi pprojbit l-aċċess għall-portijiet fit-territorju tal-Unjoni għal bastimenti rreġistrati taħt il-bandiera tar-Russja. […]”
24 Il-punt 18 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2022/578 daħħal, għalhekk, l-Artikolu 4ha ġdid fid-Deċiżjoni 2014/512, li l-paragrafu 1 tiegħu, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jipprovdi kif ġej:
“Għandu jkun ipprojbit li jingħata aċċess, wara s‑16 ta’ April 2022, għall-portijiet u, wara d‑29 ta’ Lulju 2022, għall-mgħalaq fit-territorju tal-Unjoni, għal kwalunkwe bastiment irreġistrat taħt il-bandiera tar-Russja, u għal tali bastimenti li jaċċessaw il-portijiet u l-mgħalaq, bl-eċċezzjoni tal-aċċess għall-mgħalaq għall-fini ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni.”
25 Il-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2022/1909 tiddikjara li “huwa xieraq li tiġi estiża l-projbizzjoni fuq l-aċċess għall-portijiet u l-imgħalaq fit-territorju tal-Unjoni għal bastimenti ċċertifikati mir-[rikorrenti]”.
26 Il-punt 9(a) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2022/1909 daħħal, għalhekk, il-paragrafu 1a ġdid fl-Artikolu 4ha tad-Deċiżjoni 2014/512, li jinqara kif ġej:
“Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll, wara t‑8 ta’ April 2023, għal kwalunkwe bastiment ċertifikat mir-[rikorrenti].”
27 Barra minn hekk, il-punt 9(c) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2022/1909 emenda l-Artikolu 4ha(4) tad-Deċiżjoni 2014/512 kif ġej:
“Il-paragrafi 1 u 1a ma għandhomx japplikaw fil-każ ta’ bastiment li jeħtieġ assistenza biex ifittex post ta’ rifuġju, biex jieqaf f’port ta’ emerġenza għal raġunijiet ta’ sikurezza marittima, jew biex tiġi salvata l-ħajja fuq il-baħar.”
28 L-Artikolu 3ea(1), (1a) u (4) tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/576 tat‑8 ta’ April 2022 (ĠU 2022, L 111, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2022, L 190, p. 191, u fil-ĠU 2022, L 202, p. 58) u bir-Regolament 2022/1904, jirriproduċi l-kliem użat fl-Artikolu 4ha(1), (1a) u (4) tad-Deċiżjoni 2014/512, iċċitat fil-punti 24, 26 u 27 iktar ’il fuq.
B. Proċedura quddiem il-Kunsill
29 Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Mejju 2023, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jagħtiha aċċess għad-dokumenti kollha li wassluh sabiex jadotta l-miżuri restrittivi li jikkonċernawha.
30 Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill wieġeb lir-rikorrent li l-informazzjoni kollha li fuqha kienet ibbażata l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawha kienet tinsab fid-Deċiżjoni 2014/512 u fir-Regolament Nru 833/2014 u, b’mod partikolari, fl-Artikolu 1(4)(a), fl-Artikolu 1aa, fl-Artikolu 1ab u fl-Artikolu 4ha tal-imsemmija deċiżjoni, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/1909, kif ukoll fl-Artikolu 3ea, fl-Artikolu 5(4)(a) u fl-Artikolu 5aa tar-Regolament Nru 833/2014 emendat u fil-premessa 16 tar-Regolament 2022/1904.
31 Fit‑22 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2024/2026, li estendiet l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512 sal‑31 ta’ Jannar 2025.
32 Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Settembru 2024, ir-rikorrenti tenniet it-talba msemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq u staqsiet lill-Kunsill jekk il-miżuri adottati kontriha kinux ġew innotifikati individwalment.
33 Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill indika lir-rikorrenti li t-talba għal aċċess imsemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda pjuttost kienet taqa’ fl-iskop tal-aċċess privileġġat li japplika fil-qasam tal-miżuri restrittivi.
34 Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill ikkonferma lir-rikorrenti li huwa kien irrisponda, fis‑17 ta’ Mejju 2023, għall-ittra tagħha tat‑2 ta’ Mejju 2023. Il-Kunsill fakkarha wkoll li l-informazzjoni kollha li fuqha kienet ibbażata l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kontra tagħha kienet tinsab, b’mod partikolari, fid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, sa fejn għandha x’taqsam in-notifika tal-imsemmija miżuri lir-rikorrenti, il-Kunsill ippreċiża li, fid-dawl tan-natura settorjali tal-imsemmija miżuri, kienet ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea notifika ġenerali biss.
35 Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Novembru 2024, ir-rikorrenti ressqet quddiem il-Kunsill l-ewwel talba għal eżami mill-ġdid u talbitu jneħħi l-miżuri restrittivi li jikkonċernawha jew, fejn meħtieġ, jadotta miżuri inqas onerużi.
36 Fis‑27 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2025/175, li estendiet l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512 sal‑31 ta’ Lulju 2025.
37 Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill wieġeb għat-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti msemmija fil-punt 35 iktar ’il fuq u informaha bid-deċiżjoni tiegħu li jżomm fis-seħħ il-miżuri restrittivi kontriha u stedinha tibgħatlu kwalunkwe osservazzjonijiet qabel l‑24 ta’ Mejju 2025.
38 Fit‑23 ta’ Mejju 2025, ir-rikorrenti ressqet quddiem il-Kunsill it-tieni talba għal eżami mill-ġdid u talbet li l-miżuri restrittivi li jikkonċernawha ma jiġux estiżi (iktar ’il quddiem it-“tieni talba għal eżami mill-ġdid”).
39 Fit‑30 ta’ Ġunju 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2025/1320, li estendiet l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512 sal‑31 ta’ Jannar 2026.
40 Fit‑8 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill wieġeb għat-tieni talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti u informaha bid-deċiżjoni tiegħu li jżomm il-miżuri restrittivi kontriha u stedinha tibgħatlu kwalunkwe osservazzjonijiet qabel il‑5 ta’ Diċembru 2025.
41 Fit‑18 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill adotta r-Regolament 2025/1494 li jemenda ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014.
42 Fil‑5 ta’ Diċembru 2025, ir-rikorrenti ressqet quddiem il-Kunsill it-tielet talba għal eżami mill-ġdid u talbitu jneħħi l-miżuri restrittivi li jikkonċernawha.
43 Fit‑22 ta’ Diċembru 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2025/2648, li estendiet l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512 sal‑31 ta’ Lulju 2026.
44 Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Frar 2026, il-Kunsill wieġeb għat-tielet talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti u informaha bid-deċiżjoni tiegħu li jżomm fis-seħħ il-miżuri restrittivi kontriha u stedinha tibgħatlu kwalunkwe osservazzjonijiet qabel it‑13 ta’ Mejju 2026.
II. It-talbiet tal-partijiet
45 Wara adattamenti suċċessivi tar-rikors skont l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti titlob, fl-aħħar verżjoni tat-talbiet tagħha kif ippreċiżati waqt is-seduta, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, kif estiża bid-deċiżjonijiet ikkontestati, inkwantu dawn jikkonċernawha;
– tannulla d-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 833/2014 emendat, kif estiż bid-deċiżjonijiet ikkontestati u emendat bir-Regolament 2025/1494, inkwantu dawn jikkonċernawha;
– tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
46 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni Ewropea, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
III. Id-dritt
47 Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 391/2009, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Barra minn hekk, fit-tieni nota ta’ adattament, ir-rikorrenti tqajjem il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ eżami mill-ġdid li jinkombi fuq il-Kunsill.
48 Wara li tingħata deċiżjoni dwar il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, għandhom jiġu eżaminati l-motivi dwar il-legalità formali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mir-rikorrenti, imsemmija fil-punt 45 iktar ’il fuq, u imbagħad dawk dwar il-fondatezza tagħhom.
A. Fuq il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Ġenerali
49 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tal-Artikolu 4ha(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata. Fil-fehma tal-Kunsill, dawn id-dispożizzjonijiet huma deċiżjonijiet ta’ portata ġenerali li ma jintroduċux miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.
50 Ir-rikorrenti ma tieħu ebda pożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.
51 Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dan ir-rikors ma huwiex dirett kontra l-Artikolu 4ha(1) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ppreċiżat, waqt is-seduta, li hija ma kinitx qiegħda titlob l-annullament tal-Artikolu 4ha(2) tal-imsemmija deċiżjoni.
52 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Ġenerali mqajma mill-Kunsill.
B. Fuq l-ammissibbiltà
53 Mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li dan ir-rikors huwa inammissibbli inkwantu jirreferi għal, minn naħa, id-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 833/2014 emendat u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata.
54 Ir-rikorrenti tikkontesta dan l-argument u ssostni li r-rikors huwa ammissibbli fl-intier tiegħu.
1. Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq l-inammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet li jfittex l-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 833/2014 emendat
55 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li r-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 833/2014 emendat huwa tardiv, billi l-aħħar emenda tal-imsemmi regolament saret iktar minn tliet xhur qabel id-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors. Barra minn hekk, fil-fehma tal-Kunsill, ir-Regolament Nru 833/2014, adottat fuq bażi legali differenti minn dik tad-Deċiżjoni 2014/512, jikkostitwixxi att ġuridiku distint minn din id-deċiżjoni u huwa validu għal żmien indeterminat, hekk li ma huwiex neċessarju li jiġi estiż, anki jekk iż-żamma fis-seħħ tiegħu tippreżupponi li tkun ġiet validament adottata deċiżjoni skont ir-regoli tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK).
56 Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-argumenti u ssostni li l-estensjoni tad-Deċiżjoni 2014/512 bid-deċiżjonijiet ikkontestati timplika wkoll l-estensjoni tar-Regolament Nru 833/2014, inkwantu dan ir-regolament huwa bbażat fuq l-imsemmija deċiżjoni. Essenzjalment, l-Artikolu 215 TFUE jagħti lill-Kunsill biss is-setgħa li jadotta regolamenti abbażi ta’ deċiżjoni adottata validament, skont id-dispożizzjonijiet dwar il-PESK, u li l-perijodu ta’ validità tagħhom għandu jkun allinjat ma’ dak ta’ din id-deċiżjoni. B’hekk, fin-nuqqas ta’ data ta’ skadenza tar-Regolament Nru 833/2014, minn dan jirriżulta, fil-fehma tagħha, li jew l-imsemmi regolament ma baqax validu sa mill-ewwel data ta’ skadenza tad-Deċiżjoni 2014/512, jew inkella li l-imsemmi regolament jiġi adottat mill-ġdid, fl-intier tiegħu, wara d-dħul fis-seħħ ta’ kull regolament emendatorju bbażat fuq il-verżjoni tad-Deċiżjoni 2014/512 allura applikabbli.
57 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri, skont il-każ, jew mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, jew min-notifika lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata li dan tal-aħħar ikun sar jaf bih. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 59 tar-Regoli tal-Proċedura, meta terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ta’ istituzzjoni jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-att f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, it-terminu jibda jseħħ minn tmiem l-erbatax‑il jum wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Skont l-Artikolu 60 tal-istess regoli, dan it-terminu għandu, barra dan, jiżdied b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.
58 Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti qiegħda titlob l-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 833/2014 “kif emendat bir-[Regolamenti 2022/394 u 2022/1904 u kif] estiż bid-[deċiżjonijiet ikkontestati] [...] u kif emendat bir-Regolament 2025/1494”.
59 F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-rikorrenti ma ppreżentatx, fit-termini stipulati, rikors għal annullament kontra r-Regolamenti 2022/394 u 2022/1904 li permezz tagħhom il-Kunsill daħħal, fir-Regolament Nru 833/2014, il-miżuri restrittivi li jikkonċernawha.
60 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega, madankollu, li l-estensjoni tad-Deċiżjoni 2014/512 bid-deċiżjonijiet ikkontestati implikat ukoll l-estensjoni tar-Regolament Nru 833/2014 u bdiet, mill-ġdid, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors sabiex jiġu kkontestati d-dispożizzjonijiet hekk estiżi tal-imsemmi regolament.
61 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 29 TUE, li abbażi tiegħu ġew adottati d-Deċiżjoni 2014/512 u d-deċiżjonijiet ikkontestati, “[i]l-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-atteġġament [pożizzjoni] ta’ l-Unjoni lejn materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika”.
62 Sa fejn għandu x’jaqsam l-Artikolu 215 TFUE, li huwa l-bażi legali tar-Regolament Nru 833/2014 u tar-Regolament 2025/1494, il-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li, “[m]eta deċiżjoni, li tiġi adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea [li fih jinsab l-Artikolu 29 TUE], tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta konġunta tar-rappreżentant għoli ta’ l-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà u tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa [...] [u] [g]ħandu jinforma b’dan lill-Parlament Ewropew”. Barra minn hekk, l-Artikolu 215(2) TFUE jipprevedi li “[m]eta deċiżjoni li tkun adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tipprevedi hekk, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri restrittivi taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 1 kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali”.
63 B’hekk, l-Artikolu 215 TFUE, li jgħaqqad l-għanijiet tat-Trattat UE fil-qasam tal-PESK mal-azzjonijiet tal-Unjoni li jinkludu miżuri ekonomiċi li jaqgħu fl-iskop tat-Trattat FUE, jippermetti l-adozzjoni ta’ regolamenti mill-Kunsill sabiex tiġi implimentata deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE fil-qasam tal-PESK u sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tal-miżuri restrittivi previsti fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2025, Timchenko u Timchenko vs Il‑Kunsill, C‑805/24 P, EU:C:2025:792, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
64 Barra minn hekk, il-validità ta’ regolament adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE teħtieġ l-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni valida skont id-dispożizzjonijiet dwar il-PESK (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 55; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 47). Fi kliem ieħor, l-adozzjoni ta’ regolament abbażi tal-Artikolu 215 TFUE hija suġġetta għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 29 TUE (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Borborudi vs Il‑Kunsill, T‑580/19, EU:T:2021:330, punt 27).
65 Għandu jitfakkar, madankollu, li d-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE u r-regolamenti adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE huma żewġ tipi ta’ atti, l-ewwel wieħed jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fejn jidħlu l-miżuri restrittivi li għandhom jiġu adottati u t-tieni wieħed huwa l-istrument li jattwa l-imsemmija miżuri fil-livell tal-Unjoni (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Borborudi vs Il‑Kunsill, T‑580/19, EU:T:2021:330, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
66 Huwa għalhekk li r-Regolament Nru 833/2014, adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE u li jirreferi għad-Deċiżjoni 2014/512, għandu l-għan li jattwa d-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni fil-livell tal-Unjoni u li jiggarantixxi l-applikazzjoni uniformi tal-miżuri restrittivi fl-Istati Membri kollha.
67 Minkejja l-eżistenza ta’ rabta stretta bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ atti, xorta jibqa’ l-fatt li dawn tal-aħħar huma distinti u indipendenti minn xulxin (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Borborudi vs Il‑Kunsill, T‑580/19, EU:T:2021:330, punt 28).
68 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512 huwa limitat mill-Artikolu 9(1) tagħha u li din id-deċiżjoni tiġi kontinwament immonitorjata, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, u tiġi mġedda jew emendata jekk kemm‑il darba l-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħha ma jkunux intlaħqu. Huwa f’dan ir-rigward li kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati estendew l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512 għal perijodu addizzjonali ta’ sitt xhur, billi d-data ta’ skadenza ta’ din id-deċiżjoni kienet, fid-data li fiha ngħatat din is-sentenza, iffissata għall‑31 ta’ Lulju 2026.
69 Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 833/2014 ma fihx dispożizzjoni simili għal dik imsemmija iktar ’il fuq, billi l-Artikolu 14 tiegħu sempliċement jindika li dan għandu “jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea” u li “għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha”.
70 B’hekk, għall-kuntrarju tad-Deċiżjoni 2014/512, ir-Regolament Nru 833/2014 ma jipprevedi ebda limitazzjoni ratione temporis għall-applikazzjoni tiegħu, hekk li ma huwiex neċessarju li l-Kunsill jadotta att ġuridiku partikolari sabiex jestendi l-applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal‑15 ta’ Frar 2016, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑279/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:78, punt 37).
71 Mill-premess jirriżulta li d-deċiżjonijiet ikkontestati, adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE, ma għandhomx l-effett li jestendu l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 833/2014, adottat taħt l-Artikolu 215 TFUE, li ma fih ebda dispożizzjoni li tillimita l-perijodu ta’ validità tiegħu.
72 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti qiegħda titlob, sussidjarjament, fit-tieni nota ta’ adattament, l-annullament tar-Regolament Nru 833/2014 kif emendat bir-Regolament 2025/1494.
73 Fil-fehma tal-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, billi r-rikors inizjali huwa inammissibbli inkwantu jikkonċerna r-Regolament Nru 833/2014, l-adattament tar-rikors li jikkonċerna r-Regolament 2025/1494, li jemenda l-ewwel regolament, għandu wkoll jiġi ddikjarat inammissibbli.
74 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, inkwantu l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għandhom jiġu evalwati fid-data tal-preżentata tiegħu, rikorrent jista’ jiġi awtorizzat jadatta t-talbiet u l-motivi tiegħu sabiex ikopri atti ġodda adottati fil-mori tal-kawża biss jekk kemm‑il darba t-talba tiegħu għall-annullament tal-att inizjalment ikkontestat kienet hija stess ammissibbli fid-data tal-preżentata tiegħu (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Alchaar vs Il‑Kunsill, T‑203/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:602, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
75 Dan ifisser li t-talba għall-annullament tar-Regolament 2025/1494 għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba l-inammissibbiltà tar-rikors inizjali inkwantu dan jirreferi għad-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 833/2014 emendat.
76 Konsegwentement, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill għandha tintlaqa’ u, għalhekk, it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, bla ħsara tal-konsegwenzi li kwalunkwe annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata jista’ jkollu fuq id-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 833/2014 emendat (ara l-punti 344 et seq. iktar ’il quddiem).
2. Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq l-inammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata
77 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li r-rikorrenti ma hijiex direttament ikkonċernata mill-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata u li, għalhekk, hija ma għandhiex locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fehma tal-Kunsill, il-projbizzjoni tad-dħul fil-portijiet u fl-imgħalaq fit-territorju tal-Unjoni, li tapplika għall-bastimenti ċċertifikati mir-rikorrenti, tipproduċi biss effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-imsemmija bastimenti u mhux ukoll fuq dik tar-rikorrenti. Barra minn hekk, l-inċidenza fuq is-sitwazzjoni materjali tar-rikorrenti biss ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni tal-inċidenza diretta.
78 Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-argumenti u ssostni, prinċipalment, li hija individwalment u direttament ikkonċernata mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata. Sussidjarjament, hija ssostni li, inkwantu isimha huwa ċċitat fl-imsemmi artikolu, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi miżura individwali indirizzata lilha, hekk li hija għandha titqies bħala destinatarja ta’ din il-miżura fis-sens tal-ewwel parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
79 Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, tippreżenta rikors kontra att indirizzat lilha (l-ewwel parti) jew li jkun jikkonċernaha direttament u individwalment (it-tieni parti), kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jkunu jikkonċernawha direttament u li ma jkunu jinvolvu ebda miżuri ta’ implimentazzjoni (it-tielet parti).
80 Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument imressaq sussidjarjament mir-rikorrenti, imfakkar fil-punt 78 iktar ’il fuq, fis-sens li hija d-destinatarja tal-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, taħt l-ewwel parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
81 Fil-fatt, il-kunċett ta’ “destinatarju” ta’ att fis-sens tal-ewwel parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu formalment jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-persuna indikata f’dan l-att bħala d-destinatarja tiegħu. Il-fatt li persuna li ma tkunx id-destinatarja formali ta’ att tista’ tkun ikkonċernata mill-kontenut tiegħu jista’, ċertament, jagħti lil din il-persuna l-locus standi jekk kemm‑il darba hija turi, b’mod partikolari, li, fid-dawl ta’ dan il-kontenut, dan l-att ikun jikkonċernaha direttament, iżda mhux bħala destinatarja tal-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, SACBO vs Il‑Kummissjoni u INEA, C‑281/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:46, punt 34).
82 B’hekk, inkwantu r-rikorrenti ma hijiex indikata bħala d-destinatarja tal-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, hija tista’ tippreżenta rikors għal annullament kontra din id-dispożizzjoni biss fiż-żewġ xenarji l-oħra previsti fit-tieni parti (inċidenza diretta u individwali) u fit-tielet parti (inċidenza diretta minn att regolatorju li ma jkunx jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni) tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u dan filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-kundizzjonijiet ta’ kull wieħed minn dawn ix-xenarji huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑8 ta’ Ottubru 2015, Agrotikos Synetairismos Profitis Ilias vs Il‑Kunsill, T‑731/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:821, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
83 Billi l-inċidenza diretta hija kundizzjoni ta’ ammissibbiltà komuni għaż-żewġ xenarji msemmija fil-punt 82 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk tali kundizzjoni hijiex issodisfatta f’dan il-każ.
84 F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kundizzjoni fis-sens li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti kumulattivament, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tkun direttament tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tkun tħalli ebda setgħa ta’ evalwazzjoni lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, liema implimentazzjoni tkun purament awtomatika u tkun tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tas‑17 ta’ April 2024, Cogebi u Cogebi vs Il‑Kunsill, T‑782/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:249, punt 54).
85 F’dan il-każ, l-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata jipprojbixxi lill-operaturi tal-Unjoni milli jħallu jidħlu fil-portijiet u fl-imgħalaq fit-territorju tal-Unjoni kull bastiment iċċertifikat mir-rikorrenti.
86 Fl-ewwel lok, sa fejn għandu x’jaqsam il-kriterju li jeskludi kull setgħa ta’ evalwazzjoni min-naħa tad-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ tali projbizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din il-projbizzjoni tirriżulta direttament mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata.
87 Fil-fatt, mill-formulazzjoni imperattiva tal-kliem użat fl-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, moqri flimkien mal-paragrafu 1 tiegħu (“[g]ħandu jkun ipprojbit”, “[i]l-projbizzjoni fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll”), jirriżulta li l-operaturi tal-Unjoni ma għandhom ebda setgħa ta’ evalwazzjoni fl-implimentazzjoni ta’ din il-projbizzjoni, li hija waħda purament awtomatika (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2024, Cogebi u Cogebi vs Il‑Kunsill, T‑782/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:249, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
88 Fit-tieni lok, sa fejn għandu x’jaqsam il-kriterju dwar il-produzzjoni ta’ effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dispożizzjoni direttament tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ individwu jekk hija tkun tirrestrinġi d-drittijiet tiegħu jew jekk tkun timponi obbligi fuqu (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2025, Mowi Poland vs Il‑Kummissjoni, T‑354/24, EU:T:2025:913, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
89 F’dan il-każ, il-projbizzjoni tad-dħul fil-portijiet u fl-imgħalaq fit-territorju tal-Unjoni tapplika għall-bastimenti li huma ċċertifikati mir-rikorrenti.
90 Huwa għalhekk fuq is-sitwazzjoni legali tal-bastimenti ċċertifikati mir-rikorrenti li din il-projbizzjoni direttament tipproduċi effetti, inkwantu d-dritt tagħhom ta’ dħul fil-portijiet u fl-imgħalaq fit-territorju tal-Unjoni huwa issa ristrett, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq.
91 Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ tar-rikorrenti, li s-sitwazzjoni legali tagħha ma hijiex direttament affettwata minn tali projbizzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata ma għandux l-effett, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, li jipprojbixxiha milli tiċċertifika l-bastimenti.
92 Huwa minnu li l-attivitajiet tar-rikorrenti jistgħu, kif hija ssostni, jiġu affettwati b’mod negattiv mit-tnaqqis fin-numru ta’ bastimenti li jistgħu jirrikorru għas-servizzi tagħha ta’ ċertifikazzjoni fi ħdan l-Unjoni. Tali effetti jikkostitwixxu, madankollu, konsegwenza ekonomika indiretta tal-projbizzjoni kontenzjuża, li tirriżulta minn bidla fl-aġir tal-klijenti tagħha, u mhux minn restrizzjoni tad-drittijiet tar-rikorrenti jew mill-impożizzjoni ta’ obbligu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Acqua & Sole vs Il‑Kummissjoni, T‑39/23, mhux ippubblikat, EU:T:2024:710, punt 83). Barra minn hekk, il-fatt li din il-projbizzjoni tqiegħed lir-rikorrenti f’pożizzjoni kummerċjali żvantaġġuża ma jfissirx li s-sitwazzjoni legali ta’ din tal-aħħar hija affettwata u, għalhekk, direttament ikkonċernata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Acqua & Sole vs Il‑Kummissjoni, T‑39/23, mhux ippubblikat, EU:T:2024:710, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).
93 Mill-premess jirriżulta li l-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata ma jipproduċix effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.
94 L-argumenti li ġejjin imressqa mir-rikorrenti ma jistgħux iwaqqgħu dubju fuq tali konklużjoni.
95 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni, fid-dawl tas-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz-Antey vs Il‑Kunsill (T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545), u tal‑15 ta’ Mejju 2024, Russian Direct Investment Fund vs Il‑Kunsill (T‑235/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:311), li s-sempliċi fatt li ġiet “indikata b’isimha” fl-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata jippermetti li tinġibed il-konklużjoni, f’dan il-każ, li s-sitwazzjoni legali tagħha hija direttament affettwata.
96 Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali qieset, fis-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz‑Antey vs Il‑Kunsill (T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545), u tal‑15 ta’ Mejju 2024, Russian Direct Investment Fund vs Il‑Kunsill (T‑235/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:311), li “d-dispożizzjonijiet [inkwistjoni] [...] [kienu] direttament jipproduċu effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, li [kienet ġiet] indikata b’isimha fl-Anness IV tad-Deċiżjoni 2014/512” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz‑Antey vs Il‑Kunsill, T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545, punt 64) u li “l-miżuri inkwistjoni [kienu] japplikaw direttament fir-rigward [tar-rikorrent], bħala konsegwenza immedjata tal-fatt li huwa [kien] espliċitament imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2024, Russian Direct Investment Fund vs Il‑Kunsill, T‑235/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:311, punt 33).
97 Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-kawża ineżami hija differenti minn dawk iċċitati fil-punt 96 iktar ’il fuq.
98 Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ kawżi, kienu inkwistjoni projbizzjonijiet imposti fuq l-operaturi tal-Unjoni milli jagħmlu ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji ma’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew organi li kienu jissodisfaw il-kriterji previsti fl-atti kontenzjużi u li isimhom kien inkluż fl-anness tal-imsemmija atti.
99 Huwa għalhekk li l-Qorti Ġenerali qieset li l-fatt li l-operaturi tal-Unjoni jiġu pprojbiti milli jagħmlu tali tranżazzjonijiet ma’ entitajiet stabbiliti barra mill-Unjoni kien jammonta għal projbizzjoni, għal dawn l-entitajiet, milli jagħmlu t-tranżazzjonijiet inkwistjoni ma’ operaturi tal-Unjoni (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 68, u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz‑Antey vs Il‑Kunsill, T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545, punt 65). Għalhekk, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, il-projbizzjonijiet inkwistjoni ma kinux japplikaw biss għall-operaturi tal-Unjoni, iżda kienu japplikaw ukoll għall-persuni msemmija fl-anness tal-atti kontenzjużi.
100 Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata tapplika, minn naħa, għall-operaturi tal-Unjoni, li ma għadhomx awtorizzati jħallu jidħlu fil-portijiet u fl-imgħalaq fit-territorju tal-Unjoni bastimenti ċċertifikati mir-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, għall-imsemmija bastimenti, li ilhom ma jitħallew jidħlu mid‑9 ta’ April 2023. Huwa minnu li r-rikorrenti hija koperta minn din id-dispożizzjoni, iżda biss b’mod indirett, bħala kriterju li jidentifika l-bastimenti li huma kkonċernati minn tali projbizzjoni.
101 Għaldaqstant, il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti, iċċitata fil-punt 95 iktar ’il fuq, ma tippermettix li tinġibed il-konklużjoni li s-sitwazzjoni legali tagħha hija direttament ikkonċernata. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza fis-sens li rikorrent jista’ jkun direttament ikkonċernat għas-sempliċi raġuni li jkun ġie “indikat b’ismu” f’dispożizzjoni li tistabbilixxi miżura restrittiva tirriskja li toħloq konfużjoni bejn il-kundizzjonijiet tal-inċidenza diretta u tal-inċidenza individwali, minkejja li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi (ara d-digriet tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Vossko vs Il‑Kummissjoni, T‑1059/23, mhux ippubblikat, EU:T:2024:689, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
102 L-ewwel argument tar-rikorrenti għandu, għalhekk, jiġi miċħud.
103 It-tieni, ir-rikorrenti ssostni, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tas‑17 ta’ April 2024, Cogebi u Cogebi vs Il‑Kunsill (T‑782/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:249), li l-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata jipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni materjali tagħha, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l-ewwel kriterju tal-inċidenza diretta msemmi fil-punt 84 iktar ’il fuq.
104 Madankollu, għandu jitfakkar li, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi fatt li att ikun jista’ jinfluwenza s-sitwazzjoni materjali ta’ rikorrent ma huwiex biżżejjed sabiex ikun jista’ jitqies li jikkonċernah direttament (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Lípidos Santiga vs Il‑Kummissjoni, C‑402/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:872, punt 20) u li huwa żball li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti ekonomiċi ta’ att, pjuttost milli l-effetti legali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punti 108 u 109), liema ġurisprudenza ġiet imfakkra wkoll fil-punt 63 tas-sentenza tas‑17 ta’ April 2024, Cogebi u Cogebi vs Il‑Kunsill (T‑782/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:249).
105 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-inċidenza diretta tar-rikorrenti fis-sentenza tas‑17 ta’ April 2024, Cogebi u Cogebi vs Il‑Kunsill (IT-782/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:249) ma kinitx ibbażata biss fuq bidla fis-sitwazzjoni materjali tagħhom, inkwantu d-dispożizzjoni kontenzjuża ma kellhiex “biss impatt fuq is-sitwazzjoni materjali tar-rikorrenti iżda [kienet] tammonta wkoll għal projbizzjoni ta’ natura ġuridika li taffettwa b’mod dirett waħda mill-attivitajiet li r-rikorrenti kienu jeżerċitaw fid-data tal-adozzjoni tad-dispożizzjoni [kontenzjuża]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (sentenza tas‑17 ta’ April 2024, Cogebi u Cogebi vs Il‑Kunsill, T‑782/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:249, punti 59 u 64).
106 Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk, billi s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti ma hijiex direttament affettwata mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata (ara l-punti 83 sa 93 iktar ’il fuq).
107 It-tieni argument tar-rikorrenti għandu, għalhekk, jiġi miċħud.
108 Billi l-kundizzjoni tal-inċidenza diretta ma hijiex issodisfatta, għandha tinġibed il-konklużjoni li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi sa fejn għandha x’taqsam it-talba għall-annullament tal-Artikolu 4ha(1a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, u dan mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet l-oħra previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. It-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill għandha, għalhekk, tintlaqa’.
109 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha mfissra fil-punti 49 sa 108 iktar ’il fuq jirriżulta li dan ir-rikors huwa ammissibbli biss inkwantu jfittex l-annullament, l-ewwel nett, tal-Artikolu 1(4)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, moqri flimkien mal-Anness VI ta’ din id-deċiżjoni, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/395 (iktar ’il quddiem il-“projbizzjoni tal-investimenti”), it-tieni, tal-Artikolu 1aa(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, moqri flimkien mal-Anness X ta’ din id-deċiżjoni, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/1909 (iktar ’il quddiem il-“projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet”) u, it-tielet, tal-Artikolu 1ab tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/1909 (iktar ’il quddiem l-“irtirar tal-awtorizzazzjoni”), inkwantu dawn il-miżuri kollha, kif estiżi bid-deċiżjonijiet ikkontestati, jikkonċernaw lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem il-“miżuri restrittivi kkontestati”).
110 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan ir-rikors, billi l-ewwel issir analiżi tat-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
C. Fuq il-mertu
1. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
111 Ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni pprovduta mill-Kunsill sabiex jadotta u jżomm il-miżuri restrittivi kkontestati ma tissodisfax l-obbligu li jinkombi fuqu bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.
112 Essenzjalment, fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kunsill ipprovda biss motivazzjoni ġenerali u sterjotipata, li ma tippreċiżax ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kkontestati, li hija tenfasizza n-natura individwali tagħhom. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jallega l-Kunsill, qari flimkien tal-premessi 1 sa 6 tad-Deċiżjoni 2022/395 u tal-Artikolu 1(4)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata (projbizzjoni tal-investimenti), tal-premessi 1 sa 10 tad-Deċiżjoni 2022/1909 u tal-Artikolu 1aa(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata (projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet), kif ukoll tal-Artikolu 1ab tal-istess deċiżjoni (irtirar tal-awtorizzazzjoni) ma jippermettix lir-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet għall-adozzjoni u għaż-żamma tal-miżuri restrittivi kkontestati kontriha.
113 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.
114 Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, “[l]-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati”. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, “l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”.
115 Għandu jitfakkar li l-obbligu li jiġi mmotivat att li jikkawża preġudizzju, li huwa korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet ta’ difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata biżżejjed informazzjoni sabiex tkun taf jekk l-att ikunx fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li l-validità tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jistħarrġu l-legalità ta’ dan l-att (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).
116 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni li jeħtieġu l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta għandha tkun waħda xierqa għan-natura tal-att ikkontestat u għall-kuntest li fih dan tal-aħħar ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jingħataw spjegazzjoni. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, inkwantu n-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Att li jikkawża preġudizzju jkun biżżejjed motivat jekk ikun ġie adottat f’kuntest magħruf mill-parti kkonċernata hekk li din tal-aħħar tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda kontra tagħha (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2026, VEB.RF vs Il‑Kunsill, C‑572/24 P, mhux ippubblikata, EU:C:2026:74, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punti 103 u 104).
117 Barra minn hekk, fejn jidħlu miżuri restrittivi, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jimplika, fiċ-ċirkustanzi kollha, li din il-motivazzjoni tidentifika r-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti, għaliex l-awtoritajiet kompetenti jqisu li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal miżuri restrittivi. Il-qrati tal-Unjoni għandhom, għalhekk, jivverifikaw, b’mod partikolari, jekk il-motivi invokati jkunux speċifiċi u konkreti biżżejjed (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2026, VEB.RF vs Il‑Kunsill, C‑572/24 P, mhux ippubblikata, EU:C:2026:74, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
118 Għandu jitfakkar ukoll li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE huwa formalità sostanzjali li għandha tingħażel mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, billi din tal-aħħar taqa’ fl-iskop tal-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni hija l-espressjoni formali tar-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn ir-raġunijiet ikunu vvizzjati bi żbalji, dawn tal-aħħar jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li, minkejja li tkun tfisser raġunijiet żbaljati, tista’ tkun biżżejjed xorta waħda (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
119 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat it-tielet motiv.
120 Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-miżuri restrittivi kkontestati jagħmlu parti mill-kuntest, magħruf mir-rikorrenti, ta’ tensjoni internazzjonali li ppreċediet l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512. B’mod partikolari, mill-premessi 1 sa 8 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-għan iddikjarat ta’ dawn il-miżuri huwa li jiżdied il-prezz ta’ għemil il-Federazzjoni Russa li jfittex li jdgħajjef l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li tinstab soluzzjoni paċifika għall-kriżi. Id-Deċiżjoni 2014/512 issemmi, għalhekk, is-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tagħha u l-għanijiet ġenerali li hija maħsuba sabiex tilħaq (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz‑Antey vs Il‑Kunsill, T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).
121 Fit-tieni lok, sa fejn għandhom x’jaqsmu r-raġunijiet speċifiċi u konkreti għall-adozzjoni u għaż-żamma tal-miżuri restrittivi kkontestati kontra r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun xieraq li teżamina kull waħda minn dawn il-miżuri waħda wara oħra, kif ukoll l-estensjoni tagħhom bid-deċiżjonijiet ikkontestati.
a) Fuq il-projbizzjoni tal-investimenti
122 Kif ġie indikat fil-punt 8 iktar ’il fuq, mill-premessi 10 u 11 tad-Deċiżjoni 2022/327 jirriżulta li l-Kunsill qies li jkun neċessarju, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni u b’rispons għall-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jfittxu li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, li jiġu estiżi r-restrizzjonijiet finanzjarji eżistenti, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-aċċess ta’ ċerti entitajiet Russi għas-swieq kapitali.
123 Huwa għalhekk li l-Artikolu 1(4)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/327, jipprojbixxi, fil-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, it-tranżazzjonijiet, diretti jew indiretti, ta’ xiri, ta’ bejgħ, ta’ provvista ta’ servizzi ta’ investiment jew ta’ għajnuna għall-ħruġ ta’ titoli trasferibbli u ta’ strumenti tas-suq monetarju, maħruġa wara t‑12 ta’ April 2022, jew kull tranżazzjoni oħra li tikkonċerna dawn tal-aħħar, minn persuna ġuridika, entità jew organu stabbilit fir-Russja, elenkat fl-Anness VI tad-Deċiżjoni 2014/512, ikkontrollati mill-Istat jew li iktar minn 50 % tal-ishma tagħhom ikunu proprjetà tal-Istat u li fihom ir-Russja, il-Gvern tagħha jew il-Bank ċentrali tagħha jkollhom id-dritt li jipparteċipaw fi profitti jew li magħhom ir-Russja, il-Gvern tagħha jew il-Bank ċentrali tagħha jkollhom relazzjonijiet ekonomiċi sinjifikattivi oħra.
124 F’dan il-każ, id-Deċiżjoni 2022/635 inkludiet isem ir-rikorrenti fil-lista tal-Anness VI tad-Deċiżjoni 2014/512 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq).
125 Huwa stabbilit li l-Anness VI tad-Deċiżjoni 2014/512 ma fih ebda motivazzjoni speċifika li tikkonċerna kull waħda mill-entitajiet imsemmija fih.
126 Madankollu, mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2022/395 jirriżulta li l-Kunsill qies li jkun neċessarju, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni u b’rispons għall-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina, li tiġi estiża l-lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u organi suġġetti għall-projbizzjonijiet marbuta mas-servizzi ta’ investiment, mat-titoli trasferibbli, mal-istrumenti tas-suq monetarju u mas-self. Huwa wkoll f’dan is-sens li l-premessa 4 tar-Regolament 2022/394, li tagħmel parti mill-kuntest li fih ġiet estiża l-projbizzjoni tal-investimenti għar-rikorrenti, tiddikjara li “d-Deċiżjoni [...] 2022/395 tespandi, għas-settur marittimu, il-lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal limitazzjonijiet ta’ finanzjament permezz ta’ self, titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus”.
127 Għalkemm il-premessi ma għandhomx, minnhom infushom, valur normattiv, mill-ġurisprudenza jirriżulta, madankollu, li dawn tal-aħħar jistgħu jgħinu lir-rikorrent jifhem il-motivazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati kontrih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2024, VEB.RF vs Il‑Kunsill, T‑288/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:372, punt 75), billi l-iskop tal-premessi huwa li jfissru r-raġunijiet għaliex miżura tiġi adottata (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2026, VEB.RF vs Il‑Kunsill, C‑572/24 P, mhux ippubblikata, EU:C:2026:74, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-fatt li jintużaw l-istess kunsiderazzjonijiet sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi li jikkonċernaw diversi persuni ma jeskludix li l-imsemmija kunsiderazzjonijiet ikunu jikkostitwixxu motivazzjoni speċifika biżżejjed għal kull waħda mill-persuni kkonċernati (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2024, VEB.RF vs Il‑Kunsill, T‑288/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:372, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).
128 Barra minn hekk, ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti għaliex il-Kunsill iqis li isem persuna għandu jiġi inkluż fil-lista ta’ dawk li huma suġġetti għal miżuri restrittivi jistgħu jiġu dedotti mid-dispożizzjonijiet ġenerali tal-atti li jadottaw dawn il-miżuri. B’hekk, il-Kunsill jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu meta dawn ir-raġunijiet ikunu jinsabu fil-premessi tal-att li permezz tiegħu huwa jadotta l-miżuri restrittivi inkwistjoni, li għandhom jinqraw flimkien mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2026, VEB.RF vs Il‑Kunsill, C‑572/24 P, mhux ippubblikata, EU:C:2026:74, punti 73 u 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).
129 Minn dan jirriżulta li, mingħajr ma jingħata kas tal-fatt li l-motivazzjoni inkwistjoni ma tirreferix b’mod espliċitu għar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2024, VEB.RF vs Il‑Kunsill, T‑288/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:372, punt 74), ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti għaliex il-Kunsill qies, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li hija kellha tiġi suġġetta għall-projbizzjoni tal-investimenti, jikkorrispondu, f’dan il-każ, għall-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(4)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, moqri fid-dawl tal-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2022/395 u tal-premessa 4 tar-Regolament 2022/394, kriterji li lanqas ir-rikorrenti ma tikkontesta li hija tissodisfa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il‑Kunsill, C‑732/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:727, punt 81).
130 Ir-rikorrenti ġiet inkluża, għalhekk, fil-lista fl-Anness VI tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata għas-sempliċi raġuni li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi u konkreti previsti fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(4)(a) tal-imsemmija deċiżjoni, li jippermettulha tifhem li tali inklużjoni saret fil-kuntest ta’ estensjoni tal-projbizzjoni tal-investimenti fis-settur marittimu, li fih ir-rikorrenti, għall-kuntrarju ta’ dak li hija tallega, teżerċita l-attivitajiet tagħha.
131 Fil-fatt, ir-rikorrenti tiddeskrivi ruħha, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll fl-istatuti tagħha, bħala “soċjetà ta’ klassifikazzjoni navali tal-ogħla livell irrikonoxxuta globalment, magħrufa għall-kompetenzi tagħha fejn jidħlu t-traffiku marittimu ċivili fl-Artiku, il-bastimenti tas-silġ, il-kissiera tas-silġ l-iktar moderni u t-tagħmir reżistenti għas-silġ għall-isfruttament ta’ artijiet fil-baħar fejn jinsabu ż-żejt u l-gass”, li l-għanijiet tagħha huma, fost oħrajn, li tiggarantixxi s-sigurtà tan-navigazzjoni tal-bastimenti.
132 Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti setgħet tifhem ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, li wasslu lill-Kunsill sabiex japplika għaliha l-projbizzjoni tal-investimenti.
b) Fuq il-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet
133 Kif ġie indikat fil-punt 14 iktar ’il fuq, wara l-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina, il-Kunsill qies li jkun neċessarju li jiġu introdotti miżuri restrittivi ġodda u, kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2022/430, li jiġu pprojbiti t-tranżazzjonijiet kollha ma’ ċerti kumpanniji tal-Istat.
134 Huwa għalhekk li l-Artikolu 1aa(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/430, jipprojbixxi l-parteċipazzjoni, diretta jew indiretta, fi kwalunkwe tranżazzjoni ma’ persuna ġuridika, entità jew organu stabbilit fir-Russja, ikkontrollati mill-Istat jew li iktar minn 50 % tal-ishma tagħhom ikunu proprjetà tal-Istat jew li fihom ir-Russja, il-Gvern tagħha jew il-Bank ċentrali Russu jkollhom id-dritt jipparteċipaw fi profitti jew li magħhom ir-Russja, il-Gvern tagħha jew il-Bank ċentrali Russu jkollhom relazzjonijiet ekonomiċi sinjifikattivi oħra, li jinsabu fil-lista tal-Anness X ta’ din id-deċiżjoni.
135 Barra minn hekk, mill-premessi 8 u 9 tad-Deċiżjoni 2022/1909, li permezz tagħha isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista tal-Anness X tad-Deċiżjoni 2014/512 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), li, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill qies li jkun neċessarju li jiġu introdotti miżuri restrittivi ġodda b’reazzjoni għall-azzjonijiet illegali tal-Federazzjoni Russa, sabiex “tiżdied il-pressjoni fuq [din tal-aħħar] li ttemm il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha”.
136 F’dan il-kuntest, il-Kunsill qies li kellha tiġi estiża l-projbizzjoni ta’ parteċipazzjoni fi kwalunkwe tranżazzjoni ma’ ċerti persuni ġuridiċi, ma’ ċerti entitajiet jew ma’ ċerti organi li huma proprjetà tal-Istat Russu jew ikkontrollati minnu u, kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2022/1909, “li mal-lista ta’ entitajiet tal-Istat Russu, jew ikkontrollati mill-Istat Russu, li huma soġġetti għal dik il-projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet tiżdied ir-[rikorrenti]”, filwaqt li ppreċiża li din tal-aħħar kienet “100 % tal-Istat [u] li twettaq attivitajiet relatati mal-klassifikazzjoni u l-ispezzjoni, inkluż fil-qasam tas-sigurtà, ta’ bastimenti u inġenji Russi u mhux Russi”. Skont din l-istess premessa, tali żieda tipprojbixxi lir-rikorrenti milli tingħata “kwalunkwe tip ta’ benefiċċju ekonomikament siewi”.
137 Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex possibbli li jiġu ddeterminati r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li wasslu lill-Kunsill sabiex jinkludi isimha fil-lista li tinsab fl-Anness X tad-Deċiżjoni 2014/512.
138 Madankollu, għandu jitqies, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 127 u 128 iktar ’il fuq, li r-raġunijiet speċifiċi u konkreti għaliex il-Kunsill qies li r-rikorrenti kellha tkun suġġetta għall-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet jikkorrispondu, f’dan il-każ, għall-kriterji previsti fl-Artikolu 1aa(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata.
139 B’mod partikolari, qari flimkien tal-Artikolu 1aa(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata u tal-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2022/1909 jagħmilha ċara li huwa fil-kwalità tagħha ta’ entità li hija 100 % proprjetà tal-Istat Russu li isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista tal-entitajiet li tapplika għalihom il-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet, li tinsab fl-Anness X tad-Deċiżjoni 2014/512.
140 Billi r-rikorrenti hija waħda mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1aa(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, ma tista’ tintalab ebda motivazzjoni addizzjonali sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni, għaliha, tal-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Gazprom Neft vs Il‑Kunsill, T‑735/14 u T‑799/14, EU:T:2018:548, punt 123).
141 Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti setgħet tifhem ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, li wasslu lill-Kunsill sabiex jadotta l-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet fir-rigward tagħha.
c) Fuq l-irtirar tal-awtorizzazzjoni
142 Kif ġie indikat fil-punti 20 u 21 iktar ’il fuq, l-Artikolu 1ab tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata jipprevedi l-irtirar tal-approvazzjoni mogħtija lir-rikorrenti taħt ir-Regolament Nru 391/2009 u d-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (ĠU 2016, L 252, p. 118, rettifika fil-ĠU 2019, L 181, p. 123).
143 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan l-artikolu ddaħħal fid-Deċiżjoni 2014/512 bid-Deċiżjoni 2022/1909, li l-premessa 10 tagħha ġiet riprodotta fil-punt 20 iktar ’il fuq.
144 Fil-fehma tar-rikorrenti, il-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2022/1909 ma tagħmililhiex possibbli tifhem ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li wasslu lill-Kunsill sabiex jirtira l-awtorizzazzjoni tagħha. B’mod partikolari, tali rtirar ma huwiex motivat mill-istatus tagħha ta’ entità li hija 100 % proprjetà tal-Istat Russu, billi dan l-istatus jiġġustifika biss, skont din il-premessa, il-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet.
145 Madankollu, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li mill-formulazzjoni tal-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2022/1909 jirriżulta li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti huwa ġġustifikat bl-istatus tagħha ta’ entità li hija 100 % proprjetà tal-Istat Russu u bil-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet li tirriżulta minnu.
146 Fil-fatt, l-ewwel sentenza tal-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2022/1909 tgħid li “huwa xieraq li tiġi estiża l-projbizzjoni ta’ involviment fi kwalunkwe tranżazzjoni ma’ ċerti persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi tal-Istat Russu, jew ikkontrollati mill-Istat Russu”. It-tieni sentenza ta’ din l-istess premessa tkompli tibni fuq dan billi tippreċiża li “[h]uwa wkoll xieraq li mal-lista ta’ entitajiet tal-Istat Russu, jew ikkontrollati mill-Istat Russu, li huma soġġetti għal dik il-projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet tiżdied ir-[rikorrenti], entità 100 % tal-Istat li twettaq attivitajiet relatati mal-klassifikazzjoni u l-ispezzjoni, inkluż fil-qasam tas-sigurtà, ta’ bastimenti u inġenji Russi u mhux Russi”. It-tielet sentenza torbot ukoll mal-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet, inkwantu tenfasizza li “[d]ik iż-żieda[, jiġifieri ż-żieda fil-lista tal-entitajiet, proprjetà tal-Istat Russu jew ikkontrollati minnu, suġġetti għall-projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet] tipprojbixxi l-għoti ta’ kwalunkwe tip ta’ benefiċċju ekonomikament siewi lir-[rikorrenti]”. Ir-raba’ sentenza hija marbuta wkoll mas-sentenzi ta’ qabel, inkwantu tipprovdi li, “[f]’dan ir-rigward, huwa wkoll xieraq li jintalab l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri lir-[rikorrenti]” u, sabiex isir dan, il-ħames sentenza tal-imsemmija premessa 10 tippreċiża li huwa wkoll xieraq “li jiġi rtirat ir-rikonoxximent mill-Unjoni tar-[rikorrenti]”.
147 Minn dan jirriżulta li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni huwa direttament marbut mal-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet li hija suġġetta għaliha r-rikorrenti, minħabba l-istatus tagħha ta’ entità li hija 100 % proprjetà tal-Istat Russu.
148 Barra minn hekk, mill-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2022/1909 jirriżulta li l-attivitajiet eżerċitati mir-rikorrenti huma “relatati mal-klassifikazzjoni u l-ispezzjoni, inkluż fil-qasam tas-sigurtà, ta’ bastimenti u inġenji Russi u mhux Russi”.
149 Issa, kif tenfasizza r-rikorrenti nnifisha, l-awtorizzazzjoni mogħtija lil din tal-aħħar abbażi tar-Regolament Nru 391/2009 kienet tikkostitwixxi l-bażi legali li tippermetti lill-Istati Membri jiddelegaw lilha, taħt id-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (ĠU 2009, L 131, p. 47), l-ispezzjoni u l-perizja tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.
150 Il-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet kienet timplika għalhekk, sew għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u sew għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, li ma jibqgħux jużaw is-servizzi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ klassifikazzjoni li toffri r-rikorrenti.
151 It-tieni, tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest intern tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata u, b’mod partikolari, mill-pożizzjoni li jokkupa l-Artikolu 1aab f’din id-deċiżjoni. Fil-fatt, dan l-artikolu ddaħħal, fl-imsemmija deċiżjoni, direttament wara l-Artikolu 1aa li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet u, b’hekk, ikkonferma r-rabta li teżisti bejn l-irtirar tal-awtorizzazzjoni u din il-projbizzjoni. Tali rabta hija iktar u iktar ċara fir-Regolament Nru 833/2014 emendat, inkwantu l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ddaħħal fl-istess Artikolu 5aa ta’ dan ir-regolament li jikkonċerna l-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet, bħala l-paragrafu 4 ġdid tal-imsemmi artikolu.
152 B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-motivazzjoni pprovduta mill-Kunsill tidentifika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, li wasslu lil din l-istituzzjoni tirtira l-awtorizzazzjoni tagħha.
153 Mill-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-punti 122 sa 152 iktar ’il fuq jirriżulta li r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li wasslu lill-Kunsill sabiex jadotta l-miżuri restrittivi kkontestati kontra r-rikorrenti huma mfissra b’mod ċar biżżejjed sabiex tkun tista’ tifhimhom.
d) Fuq l-estensjoni tal-miżuri restrittivi kkontestati
154 Għandu jiġi enfasizzat li l-estensjoni tal-miżuri restrittivi kkontestati bid-deċiżjonijiet ikkontestati hija ġġustifikata fid-dawl tal-premessi 2 u 3 tal-imsemmija deċiżjonijiet, li jirreferu għas-sitwazzjoni kontinwa fl-Ukraina minħabba l-azzjonijiet illegali li qiegħda tikkommetti l-Federazzjoni Russa u, konsegwentement, għan-neċessità li jinżammu l-miżuri imposti mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz‑Antey vs Il‑Kunsill, T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545, punt 97, u tat‑12 ta’ Ġunju 2024, VEB.RF vs Il‑Kunsill, T‑288/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:372, punt 80).
155 Fid-dawl tal-premess, ir-rikorrenti setgħet tifhem, meta wieħed iqis il-kuntest ġenerali li wassal għall-adozzjoni kif ukoll għall-estensjoni tal-miżuri restrittivi kkontestati, ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti għall-imsemmija miżuri u għaż-żamma tagħhom fil-konfront tagħha.
156 L-argumenti li ġejjin tar-rikorrenti ma jistgħux iwaqqgħu dubju fuq tali konklużjoni.
157 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li din il-kawża hija differenti mill-kawżi li wasslu għas-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz‑Antey vs Il‑Kunsill (T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545), tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill (T‑125/22, EU:T:2022:483), u tal‑15 ta’ Jannar 2025, MegaFon vs Il‑Kunsill (T‑193/23, appellata, EU:T:2025:7), li jirreferi għalihom il-Kunsill fir-risposta, inkwantu l-motivazzjoni tal-atti inkwistjoni f’dawn il-kawżi kienet iktar iddettaljata minn dik li din l-istituzzjoni pprovdiet f’dan il-każ.
158 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 116 iktar ’il fuq, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, hekk li ma tista’ tinġibed, f’dan il-każ, ebda konklużjoni mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar in-natura suffiċjenti jew insuffiċjenti tad-diversi motivazzjonijiet adottati mill-Kunsill fil-kuntest speċifiku ta’ kawżi oħra.
159 It-tieni, sa fejn għandu x’jaqsam l-argument tar-rikorrenti li hija ma kinitx suġġetta għal miżuri restrittivi personali preċedentement adottati abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16) u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma kienx obbligat, qabel ma jadotta miżuri restrittivi settorjali, jieħu miżuri restrittivi personali kontra r-rikorrenti.
160 It-tielet, ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri restrittivi kkontestati b’ebda mod ma jsemmu l-preokkupazzjonijiet marbuta mar-riskju ta’ tniġġis ambjentali li huma joħolqu.
161 Madankollu, tali argument ma jistax jintlaqa’ inkwantu l-ġurisprudenza, kif imfakkra fil-punt 116 iktar ’il fuq, ma teħtieġx li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha. Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat fil-punt 118 iktar ’il fuq, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att huwa formalità essenzjali li għandha tingħażel mil-legalità sostantiva tal-miżuri restrittivi kkontestati, li tkopri l-kwistjoni jekk tali miżuri humiex konformi jew le mal-għanijiet tal-PESK u jekk dawn humiex xierqa sabiex jiġu evitati r-riskji allegati mir-rikorrenti fejn jidħol l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs Il‑Kunsill, T‑307/22, EU:T:2025:331, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).
162 Ir-raba’, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma spjegax kif ir-riferiment, fil-premessi 6 sa 8 tad-Deċiżjoni 2022/1909, għal “‘referenda’ illegali” kien jiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kkontestati kontra tagħha.
163 F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali riferiment ma huwiex ir-raġuni għall-adozzjoni, kontra r-rikorrenti, tal-miżuri restrittivi kkontestati, iżda jagħmel parti mill-kuntest li fih ittieħdet mill-Kunsill id-Deċiżjoni 2022/1909. B’mod partikolari, dan ir-riferiment juri l-kundizzjonijiet li fihom il-Federazzjoni Russa ħarrxet l-aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina u li wasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri ġodda maħsuba sabiex itemmu din il-gwerra ta’ aggressjoni.
164 Dan ifisser li l-motivazzjoni tal-miżuri restrittivi kkontestati għandha, sa fejn għandha x’taqsam ir-rikorrenti, titqies li hija biżżejjed, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 115 u 116 iktar ’il fuq, sabiex hija tkun tista’ tifhem il-ġustifikazzjoni tagħhom u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ta’ legalità tagħha.
165 Minn dak kollu premess jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.
2. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 391/2009
166 Ir-rikorrenti ssostni li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni previst fl-Artikolu 1ab(3) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata sar bi ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 391/2009. Insostenn tal-argument tagħha, hija ssostni, l-ewwel nett, li l-imsemmi regolament ma jipprevedix il-possibbiltà ta’ deroga mill-proċedura għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni prevista f’dan l-artikolu tal-aħħar, it-tieni, li l-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tagħmel l-imsemmi rtirar u, it-tielet, li tali rtirar ma setax isir qabel ma l-organu awtorizzat ikun ingħatalu l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu – liema possibbiltà ma ngħatalux f’dan il-każ.
167 Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti żżid tgħid li l-Kunsill huwa obbligat, meta jeżerċita l-kompetenza tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-PESK, li jikkonforma ruħu mad-dritt internazzjonali skont l-Artikolu 21 TUE. Issa, fil-fehma tagħha, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ma setax isir mingħajr ma jinkisru d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija, konkluża f’Londra (ir-Renju Unit) fil‑5 ta’ April 1966, tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL), iffirmata f’Londra fit‑2 ta’ Novembru 1973, u tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), konkluża f’Londra fl‑1 ta’ Novembru 1974.
168 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.
169 Essenzjalment, permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti twaqqa’ dubju fuq il-kompetenza tal-Kunsill sabiex jirtira l-awtorizzazzjoni mogħtija lil soċjetà ta’ klassifikazzjoni abbażi tar-Regolament Nru 391/2009.
170 Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għanijiet tat-Trattat UE dwar il-PESK jissemmew b’mod partikolari fl-Artikolu 3(5) tiegħu u fl-Artikolu 21(2)(b) u (c) TUE, jiġifieri s-sostenn tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll iż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Kande Mupompa vs Il‑Kunsill, T‑170/18, EU:T:2020:60, punt 177 (mhux ippubblikata)).
171 L-Unjoni tfittex li tilħaq tali għanijiet b’mezzi xierqa, fis-sens tal-Artikolu 3(6) TUE, u dan skont il-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati.
172 Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE, il-PESK hija “suġġetta għal regoli u proċeduri speċifiċi” u hija “definita u implimentata mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill li jaġixxu b’mod unanimu, ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor”. B’hekk, f’dan il-qasam, il-miżuri restrittivi jiġu adottati b’deċiżjoni tal-Kunsill meħuda b’unanimità abbażi tal-Artikolu 29 TUE u l-implimentazzjoni tagħhom issir, fil-kuntest tat-Trattat FUE, permezz ta’ regolament adottat, skont l-Artikolu 215 TFUE, mill-Kunsill li jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata, għal proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, Fridman et vs Il‑Kunsill, T‑635/22, EU:T:2024:620, punti 47 u 48).
173 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 29 TUE, li ddaħħal fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE li jikkonċerna “[d]ispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-[PESK]”, jagħti lill-Kunsill is-setgħa li “jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-atteġġament ta’ l-Unjoni lejn materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika”. Skont l-Artikolu 23 TUE, l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali, taħt l-istess kapitolu, għandha tkun iggwidata mill-prinċipji, għandha tfittex li tilħaq l-għanijiet u għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet ġenerali msemmija fil-Kapitolu 1, inkluż, skont l-Artikolu 21(1) TUE, id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, l-osservanza tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 24(1) TUE jippreċiża li “[i]l-kompetenza ta’ l-Unjoni f’materji ta’ politika estera u ta’ sigurtà komuni għandha tkopri l-oqsma kollha tal-politika estera u l-kwistjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà ta’ l-Unjoni […]” (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs Il‑Kunsill, T‑307/22, EU:T:2025:331, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
174 Skont il-ġurisprudenza, minn qari flimkien ta’, minn naħa, l-Artikoli 21, 23, 24(1), 25 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(1) TUE u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 29 TUE, jirriżulta li jikkostitwixxu “pożizzjonijiet ta’ l-Unjoni”, fis-sens ta’ dan l-artikolu tal-aħħar, id-deċiżjonijiet li, l-ewwel nett, jaqgħu fil-kuntest tal-PESK, kif iddefinita fl-Artikolu 24(1) TUE, it-tieni, jikkonċernaw “materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika” u, it-tielet, ma għandhomx in-natura ta’ “azzjoni operattiva” fis-sens tal-Artikolu 28 TUE, jiġifieri azzjoni li tinvolvi operazzjonijiet ċivili jew militari, immexxija minn Stat Membru wieħed jew iktar barra mill-Unjoni (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs Il‑Kunsill, T‑307/22, EU:T:2025:331, punt 47).
175 Il-kunċett ta’ “pożizzjoni ta’ l-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 29 TUE jista’, għalhekk, jiġi interpretat b’mod wiesa’, hekk li, kemm‑il darba l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 174 iktar ’il fuq ikunu ssodisfatti, jistgħu, b’mod partikolari, jiġu adottati, abbażi tal-imsemmi artikolu, mhux biss atti ta’ natura programmatika jew sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni, iżda wkoll deċiżjonijiet li jipprevedu miżuri li jistgħu jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwi. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-kliem użat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs Il‑Kunsill, T‑307/22, EU:T:2025:331, punt 48).
176 Fid-dawl tal-portata wiesgħa tal-għanijiet u tal-iskopijiet tal-PESK, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(5) TUE u fl-Artikolu 21 TUE, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet speċifiċi marbuta ma’ din tal-aħħar, b’mod partikolari l-Artikoli 23 u 24 TUE, il-Kunsill igawdi minn marġni wiesa’ sabiex jiddefinixxi l-għan tal-miżuri restrittivi li l-Unjoni tadotta fil-qasam tal-PESK (sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 88, u tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 52).
177 Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-bażi legali ta’ att jippermetti li tiġi vverifikata l-kompetenza tal-awtur ta’ dan l-att u li jiġi ddeterminat jekk il-proċedura għall-adozzjoni ta’ dan l-istess att tkunx ivvizzjata b’irregolarità. B’mod partikolari, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament, fosthom l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il‑Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑18 ta’ Diċembru 2024, Mironovich Shor vs Il‑Kunsill, T‑489/23, EU:T:2024:912, punt 51).
178 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill kienx kompetenti, taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-PESK, sabiex jirtira l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti maħruġa abbażi tar-Regolament Nru 391/2009.
179 F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni 2014/512, kif ukoll id-Deċiżjoni 2022/1909 li temendaha u d-deċiżjonijiet ikkontestati li jestenduha, ġew adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE.
180 Fl-ewwel lok, mid-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/1909 u estiża bid-deċiżjonijiet ikkontestati, jirriżulta li din tal-aħħar hija maħsuba sabiex tagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi sabiex itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina.
181 B’hekk, l-ewwel nett, mill-premessi 1 sa 8 tad-Deċiżjoni 2014/512 jirriżulta li l-għan tagħha huwa li żżid il-prezz ta’ għemil il-Federazzjoni Russa li jfittex li jdgħajjef l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li tinstab soluzzjoni paċifika għall-kriżi (ara l-punt 120 iktar ’il fuq).
182 It-tieni, il-premessi 3 sa 8 tad-Deċiżjoni 2022 isemmu l-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina u jikkonkludu li l-“Membri tal-Kunsill Ewropew ddikjaraw li ser isaħħu l-miżuri restrittivi tal-Unjoni kontra l-azzjonijiet illegali tar-Russja u jkomplu jżidu l-pressjoni [fuqha] biex ittemm il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha”. Il-premessa 9 tal-imsemmija deċiżjoni tippreċiża li, “[f]id-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, huwa xieraq li jiġu introdotti miżuri restrittivi ulterjuri”, fosthom l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, skont il-premessa 10 ta’ din l-istess deċiżjoni.
183 Fl-aħħar nett, id-deċiżjonijiet ikkontestati jenfasizzaw, fil-premessi 2 u 3 tagħhom, il-persistenza tal-azzjonijiet illegali kommessi mill-Federazzjoni Russa u, konsegwentement, in-neċessità li jinżammu l-miżuri restrittivi imposti mill-Unjoni (ara l-punt 154 iktar ’il fuq).
184 Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti 180 sa 183 iktar ’il fuq ifittxu, għalhekk, li jżommu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u, b’dan il-mod, ifittxu li jilħqu għanijiet tal-PESK previsti fl-Artikolu 21(2)(b) u (c) TUE u ċċitati fil-punt 170 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2024, Russian Direct Investment Fund vs Il‑Kunsill, T‑235/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:311, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
185 Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat li, meta wieħed iqis it-titolu tagħha, id-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/1909 u estiża bid-deċiżjonijiet ikkontestati, tikkonċerna “kwistjoni partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika”, inkwantu ġiet adottata fid-dawl tas-“sitwazzjoni” fi Stat terz, jiġifieri l-Ukraina, b’reazzjoni għall-azzjonijiet ta’ destabbilizzazzjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa.
186 Fit-tielet lok, id-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/1909 u estiża bid-deċiżjonijiet ikkontestati, ma għandhiex in-natura ta’ azzjoni operattiva, fis-sens tal-Artikolu 28 TUE, billi ma tinvolvix operazzjoni, ċivili jew militari, immexxija minn Stat Membru wieħed jew iktar barra mill-Unjoni.
187 Mill-premess jirriżulta li d-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/1909, tissodisfa t-tliet kriterji stabbiliti fil-punt 174 iktar ’il fuq, hekk li din setgħet tiġi legalment adottata abbażi tal-Artikolu 29 TUE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 47). L-istess japplika fejn jidħlu d-deċiżjonijiet ikkontestati, li sempliċement estendew l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512 filwaqt li jfittxu li jilħqu l-istess għanijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 123).
188 Għaldaqstant, bl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 187 iktar ’il fuq, il-Kunsill eżerċita l-kompetenza mogħtija lill-Unjoni mit-Trattati taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-PESK.
189 Ir-rikorrenti ssostni, madankollu, li l-Kunsill ma osservax it-tqassim tal-kompetenzi interni tal-Unjoni inkwantu l-Artikolu 1ab(3) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata jidderoga mill-proċedura prevista fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 391/2009 u inkwantu, b’dan il-mod, jidħol fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.
190 Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 391/2009:
“L-irtirar tar-rikonoxximent għandu jkun deċiż mill-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba minn Stat Membru, skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3) u wara li l-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha”.
191 L-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 391/2009 jipprovdi li, “[f]ejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha”. Billi l-imsemmija deċiżjoni tħassret u ġiet issostitwita bir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13), ir-riferiment għall-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 391/2009 għandu issa jinftiehem fis-sens, skont l-Artikolu 13(1)(c) tar-Regolament Nru 182/2011, li jirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar li jikkonċerna l-proċedura ta’ eżami.
192 Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni għandha kompetenza ta’ eżekuzzjoni sabiex tirtira l-awtorizzazzjoni mogħtija lil organu taħt ir-Regolament Nru 391/2009.
193 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-Trattati stabbilixxew sistema għat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-varji istituzzjonijiet tal-Unjoni, li tassenja lil kull waħda minnhom ir-rwol tagħha fl-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni u fil-qadi tal-funzjonijiet fdati lil din tal-aħħar. B’hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha mit-Trattati, u dan skont il-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-għanijiet previsti fihom. Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali – karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni – li jimplika li kull istituzzjoni għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza ta’ dawk tal-oħrajn (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑660/13, EU:C:2016:616, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
194 Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipji ta’ attribuzzjoni u ta’ bilanċ istituzzjonali japplikaw ukoll fil-qasam tal-PESK (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, KS et vs Il‑Kunsill et, C‑29/22 P u C‑44/22 P, EU:C:2024:725, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).
195 Fejn jidħol it-tqassim tal-kompetenzi interni tal-Unjoni li jinvolvu l-qasam tal-PESK, il-Qorti Ġenerali qieset li l-possibbiltà li l-Unjoni tintervjeni abbażi ta’ kategoriji oħra ta’ kompetenzi rregolati mit-Trattat FUE, b’mod partikolari l-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni għall-kontroll tas-suq intern taħt l-Artikolu 4(2) TFUE, ma tistax twaqqa’ dubju fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kunsill taħt l-Artikolu 29 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 59, u tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs Il‑Kunsill, T‑307/22, EU:T:2025:331, punt 58).
196 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 TUE, l-implimentazzjoni tal-politiki msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 TFUE ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-portata rispettiva tas-setgħat tal-istituzzjonijiet previsti fit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni taħt il-PESK (sentenzi tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 60, u tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs Il‑Kunsill, T‑307/22, EU:T:2025:331, punt 59). Bl-istess mod, huma l-qrati tal-Unjoni li għandhom jiżguraw, taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 TUE, li l-implimentazzjoni tal-PESK ma taffettwax l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-portata rispettiva tas-setgħat tal-istituzzjonijiet previsti fit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni previsti fl-Artikoli 3 sa 6 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).
197 Dan ifisser li l-kompetenzi tal-Unjoni taħt, minn naħa, il-PESK u, min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE li jaqgħu taħt it-tielet parti ta’ dan tal-aħħar, dwar il-politiki u l-azzjonijiet interni tal-Unjoni, ma jeskludux lil xulxin, iżda jikkompletaw lil xulxin, billi kull waħda minn dawn il-kompetenzi għandha l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tfittex li tilħaq għanijiet differenti (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs Il‑Kunsill, T‑307/22, EU:T:2025:331, punt 60).
198 F’dan il-każ, ir-Regolament Nru 391/2009 ġie adottat abbażi ta’ dak li kien l-Artikolu 80(2) tat-Trattat KE (li issa sar l-Artikolu 100(2) TFUE), li jaqa’ fl-iskop tal-politika komuni tat-trasport u li jinsab fit-Titolu V intitolat “It-trasport” tat-Tielet Parti tat-Trattat KE li tikkonċerna “[i]l-politiki tal-Komunità”.
199 Dan il-qasam huwa wieħed minn dawk imsemmija fl-Artikolu 4(2)(g) tat-Trattat FUE li għalih tapplika l-klawżola li l-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK u l-kompetenzi tagħha f’oqsma oħra ma jaffettwawx lil xulxin, prevista fl-Artikolu 40 TUE u li jirreferi għaliha l-punt 196 iktar ’il fuq.
200 Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 391/2009, dan ir-regolament jipprevedi, b’mod partikolari, il-miżuri li għandhom jiġu osservati mill-organi awtorizzati li jagħmlu l-ispezzjoni, il-perizja u ċ-ċertifikazzjoni tal-bastimenti sabiex jiġu żgurati l-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar. B’mod partikolari, l-għan li jfittex li jilħaq dan ir-regolament huwa, kif jirriżulta mill-premessi 3, 5, 6 u 23 tiegħu, li jiġu ffissati l-kriterji minimi għall-awtorizzazzjoni tal-imsemmija organi, sabiex jiġu ggarantiti l-osservanza tas-sigurtà marittima u l-protezzjoni tal-ambjent.
201 Barra minn hekk, il-premessa 11 tar-Regolament Nru 391/2009 tiddikjara li, “[f]’konformità mal-approċċ użat madwar [l-Unjoni], id-deċiżjoni li jiġi rtirat ir-rikonoxximent ta’ organizzazzjoni li tonqos milli tissodisfa l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament jekk il-miżuri ta’ hawn fuq ikunu ineffettivi jew inkella l-organizzazzjoni tippreżenta theddida mhux aċċettabbli għas-sikurezza jew l-ambjent, trid tittieħed fil-livell tal-[Unjoni], u għalhekk mill-Kummissjoni, abbażi ta’ proċedura ta’ kumitat”.
202 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 391/2009 jindika r-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-irtirar tal-awtorizzazzjoni mogħtija lil organu, fosthom, essenzjalment, in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament fejn jidħlu s-sigurtà marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis jew dawk dwar il-multi jew il-penalitajiet li jistgħu jiġu imposti fuq organu awtorizzat.
203 Minn dan jirriżulta li l-għan li jfittex li jilħaq l-irtirar tal-awtorizzazzjoni taħt ir-Regolament Nru 391/2009 huwa li tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi previsti f’dan ir-regolament sabiex tiġi evitata kull theddida għas-sigurtà marittima jew għall-ambjent.
204 Issa, kif ġie enfasizzat fil-punti 142 sa 152 iktar ’il fuq, l-għan li jfittex li jilħaq l-irtirar tal-awtorizzazzjoni mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 1ab(3) tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/1909, ma għandux x’jaqsam mal-għanijiet tar-Regolament Nru 391/2009. Fil-fatt, tali rtirar huwa ġġustifikat bil-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet u jagħmel parti, b’mod iktar ġenerali, mill-għanijiet li tfittex li tilħaq il-PESK, imfakkra fil-punt 184 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-azzjonijiet u tal-politika tal-Federazzjoni Russa li jfittxu li jiddestabbilizzaw u jipperikolaw is-sovranità u l-integrità tal-Ukraina.
205 Għalhekk, għandu jitqies li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni li jsir abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK u, f’dan il-każ, tad-Deċiżjoni 2022/1909, li l-għan tiegħu huwa li tiżdied il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa, ma jfittixx li jilħaq, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, l-istess għanijiet bħall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni taħt ir-Regolament Nru 391/2009, li l-għan tiegħu huwa li jiggarantixxi s-sigurtà marittima u l-protezzjoni tal-ambjent.
206 Dan ifisser li l-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tintervjeni abbażi tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 391/2009 sabiex tirtira l-awtorizzazzjoni mogħtija lil organu ma tistax twaqqa’ dubju fuq il-kompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta l-Artikolu 1ab(3) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, u dan kif titlob il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 195 iktar ’il fuq.
207 Għalhekk, il-Kunsill kien kompetenti, f’dan il-każ, sabiex jirtira l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti, mingħajr ma tali rtirar jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 391/2009.
208 L-argument tar-rikorrenti, imfakkar fil-punt 167 iktar ’il fuq, li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha mill-Kunsill jikser id-dritt internazzjonali, ma jistax iwaqqa’ dubju fuq din il-konklużjoni. Fil-fatt, tali argument ma tressaqx fir-rikors insostenn tal-ewwel motiv u għandu, għalhekk, jiġi miċħud bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura.
209 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.
3. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
210 It-tieni motiv huwa magħmul minn erba’ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq in-natura manifestament mhux xierqa tal-miżuri restrittivi kkontestati, it-tieni waħda, fuq l-allegazzjoni li l-imsemmija miżuri jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom, it-tielet waħda, fuq indħil sproporzjonat fl-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fejn tidħol il-protezzjoni tal-ambjent u, ir-raba’ waħda, fuq ksur sproporzjonat tal-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta.
a) Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni motiv
211 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ ċarezza tat-tieni motiv u dan bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76(d) u (e) tar-Regoli tal-Proċedura. L-argumenti żviluppati mir-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv jirreferu mingħajr distinzjoni għall-miżuri restrittivi kkontestati kollha u, għalhekk, ma jippermettux li jsir eżami tal-proporzjonalità tagħhom, inkwantu dan l-eżami jimplika li kull miżura tiġi evalwata b’mod separat fid-dawl tal-għanijiet speċifiċi tagħha.
212 Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-argumenti.
213 Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, japplika għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, u bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jkollu s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor tal-imsemmija motivi. Skont ġurisprudenza stabbilita, din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed hekk li l-konvenut ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi r-rikors, jekk ikun hemm bżonn, mingħajr ebda informazzjoni addizzjonali. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Sabiex isir dan, huwa meħtieġ, b’mod partikolari, li r-rikorrent jippreżenta argumenti insostenn tal-motiv imqajjem hekk li l-konvenut ikun jista’ jifhmu u l-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jirrispondu għalih (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2022, PKK vs Il‑Kunsill, T‑316/14 RENV u T‑148/19, EU:T:2022:727, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).
214 Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rikors għandu jiġi interpretat bil-ħsieb li jingħata effett utli, u dan billi ssir evalwazzjoni globali tiegħu (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2023, Satabank vs BĊE, T‑72/20, EU:T:2023:149, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
215 F’dan il-każ, l-argumenti miġjuba mir-rikorrenti insostenn tat-tieni motiv, li jinqasam f’erba’ partijiet, jirriżultaw b’mod ċar u preċiż biżżejjed minn qari tar-rikors. Is-sempliċi fatt li dan tal-aħħar jirreferi, f’dan il-motiv, għall-miżuri restrittivi kkontestati kollha ma jistax iwaqqa’ dubju fuq tali konstatazzjoni. Barra minn hekk, kemm il-Kunsill u kemm il-Kummissjoni setgħu, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, jirrispondu għall-argumenti tar-rikorrenti.
216 Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill għandha tiġi miċħuda.
b) Fuq il-fondatezza tat-tieni motiv
1) Kunsiderazzjonijiet preliminari
217 Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa riprodott fl-Artikolu 5(4) TUE, jeħtieġ li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu tali li jagħmluha possibbli li jintlaħqu l-għanijiet leġittimi li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jkunux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jilħquhom (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il‑Kunsill, C‑380/09 P, EU:C:2012:137, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
218 B’hekk, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tingħażel l-inqas waħda oneruża u l-inkonvenjenti maħluqa ma għandhomx ikunu sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, DenizBank vs Il‑Kunsill, T‑798/14, EU:T:2018:546, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑26 ta’ Marzu 2025, A2B Connect et vs Il‑Kunsill, T‑307/22, EU:T:2025:331, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).
219 Barra minn hekk, sa fejn għandu x’jaqsam l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma li jinvolvu, min-naħa ta’ dan tal-aħħar, għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa jintalab jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, fid-dawl tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tkun biħsiebha tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2024, Russian Direct Investment Fund vs Il‑Kunsill, T‑235/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:311, punt 93).
220 Barra minn hekk, il-legalità tal-miżuri restrittivi ma teħtieġx li jiġu kkonstatati l-effetti immedjati tagħhom, iżda teħtieġ biss li dawn ma jkunux manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tkun biħsiebha tilħaq (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il‑Kunsill, C‑732/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:727, punt 97). Għalhekk, il-Kunsill ma huwiex obbligat iġib il-prova li l-miżuri restrittivi jipproduċu l-effett mixtieq, iżda biss li dawn jista’ jkollhom tali effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VTB Bank vs Il‑Kunsill, C‑729/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:499, punt 66).
221 Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar ukoll li l-miżuri restrittivi għandhom, minnhom infushom, effetti negattivi, b’mod partikolari għall-entitajiet milquta minnhom (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, PKK vs Il‑Kunsill, C‑72/23 P, EU:C:2025:182, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata).
2) Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-natura manifestament mhux xierqa tal-miżuri restrittivi kkontestati
222 Ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri restrittivi kkontestati ma jippermettux li jintlaħaq l-għan li ssir pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi sabiex itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina. B’mod partikolari, l-Istat Russu ma jirċievi ebda profitt b’rabta mal-attivitajiet tar-rikorrenti, billi din tal-aħħar sempliċement tissodisfa l-obbligi fiskali tagħha lejn dan l-Istat.
223 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.
224 Preliminarjament, fejn jidħol l-argument tar-rikorrenti mressaq fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li hija ġiet eskluża mill-IACS u li din l-esklużjoni hija marbuta mal-pressjoni politika magħmula mill-Unjoni u mal-adozzjoni tal-projbizzjoni tal-investimenti, għandu jiġi ppreċiżat li tali esklużjoni tikkostitwixxi deċiżjoni adottata minn entità indipendenti tal-Kunsill, li tgawdi minn setgħat awtonomi mogħtija mill-istatut tagħha, u li l-legalità tagħha setgħet tiġi kkontestata mir-rikorrenti skont id-dispożizzjonijiet ta’ tali statut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il‑Kunsill, C‑380/09 P, EU:C:2012:137, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-legalità ta’ tali deċiżjoni, li l-annullament tagħha lanqas ma huwa mitlub mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ma tistax tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali.
225 Issa li saret din il-kjarifika, għandu jitfakkar li l-premessi 1 sa 8 tad-Deċiżjoni 2014/512 ifakkru l-kuntest ta’ tensjoni ġeopolitika li fid-dawl tagħha l-Kunsill qies li kien neċessarju li jadotta miżuri restrittivi settorjali kontra l-Federazzjoni Russa (ara l-punt 120 iktar ’il fuq). Skont il-premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014, l-għan iddikjarat ta’ dawn il-miżuri kien li jiżdied il-prezz ta’ għemil il-Federazzjoni Russa li jfittex li jipperikola l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li tinstab soluzzjoni paċifika għall-kriżi (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 123).
226 Barra minn hekk, mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2022/395 jirriżulta li, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni u b’risposta għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukraina, il-Kunsill qies li jkun neċessarju li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi. Bl-istess mod, il-premessi 3 sa 8 tad-Deċiżjoni 2022/1909 isemmu l-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina u jikkonkludu li l-“Membri tal-Kunsill Ewropew ddikjaraw li ser isaħħu l-miżuri restrittivi tal-Unjoni kontra l-azzjonijiet illegali tar-Russja u jkomplu jżidu l-pressjoni [fuqha] biex ittemm il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha”. Huwa wkoll f’dan is-sens li l-premessa 3 tar-Regolament 2022/1904, li timplimenta l-emendi adottati bid-Deċiżjoni 2022/1909, tenfasizza li dawn il-miżuri l-ġodda ġew adottati b’“rispons għat-tkomplija tal-aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna”.
227 Huwa għalhekk fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni fl-Ukraina marret għall-agħar li l-Kunsill ried iżid il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa, billi jadotta miżuri restrittivi addizzjonali, li l-għan tagħhom kien li ssir pressjoni addizzjonali fuq l-awtoritajiet Russi sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2024, Russian Direct Investment Fund vs Il‑Kunsill, T‑235/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:311, punt 53) u li l-miżuri restrittivi kkontestati jagħmlu parti minnhom.
228 Issa, tali miżuri ma jistgħux jitqiesu li huma manifestament mhux xierqa sabiex tiżdied il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa fid-dawl, minn naħa, tal-importanza tal-għanijiet li jfittex li jilħaq il-Kunsill, li jagħmlu parti mill-għan usa’ taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali msemmi fl-Artikolu 21 TUE (ara l-punti 180 sa 184 iktar ’il fuq), u, min-naħa l-oħra, taż-żieda gradwali fil-ħruxija tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill b’reazzjoni għall-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jiddestabbilizzaw l-Ukraina (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VTB Bank vs Il‑Kunsill, C‑729/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:499, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ Frar 2026, VEB.RF vs Il‑Kunsill, C‑572/24 P, mhux ippubblikata, EU:C:2026:74, punt 160 u l-ġurisprudenza ċċitata).
229 B’mod partikolari, il-Kunsill seta’, fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tiegħu, iqis li l-approċċ li ssir il-mira entità li tkun 100 % proprjetà tal-Istat Russu u li tkun teżerċita attivitajiet fil-qasam tas-settur marittimu relatati, b’mod partikolari, mal-klassifikazzjoni u mal-ispezzjoni ta’ bastimenti, seta’ jgħin sabiex issir pressjoni fuq dan l-Istat, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 220 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma huwiex obbligat jipproduċi l-prova li l-miżuri restrittivi għandhom tali effett, iżda biss li dawn jista’ jkollhom tali effett.
230 F’dan il-każ, mill-istatuti tar-rikorrenti jirriżulta li hija teżerċita l-attivitajiet tagħha taħt is-superviżjoni tal-Ministru Russu għat-Trasport (punt 1 tal-imsemmija statuti), li jeżerċita l-funzjonijiet u s-setgħat tal-fundatur u l-proprjetarju tagħha (l-Istat Russu) f’ismu (punt 4 tal-imsemmija statuti). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti hija obbligata, b’mod partikolari, taqdi l-funzjonijiet statali approvati mill-Ministru Russu għat-Trasport (punti 14.1 u 35.8 tal-imsemmija statuti), fejn dan tal-aħħar jaħtar id-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti, li huwa responsabbli għall-ġestjoni, taħt il-kontroll tal-imsemmi ministru, tal-attivitajiet tagħha (punti 35.7, 55 u 56 tal-imsemmija statuti) u li jiddetermina r-regoli u l-proċedura għall-użu u għad-distribuzzjoni tad-dħul u tal-profitti netti ġġenerati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-attività tagħha (punt 57.21 tal-imsemmija statuti).
231 Barra minn hekk, kif ikkonfermat ir-rikorrenti waqt is-seduta, jeżistu 4 207 bastiment li jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni tagħha, fosthom 3 772 li jtajru bandiera Russa, hekk li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha, flimkien mal-projbizzjoni tad-dħul fil-portijiet u fl-imgħalaq tal-Unjoni, jista’ jaffettwa s-settur marittimu Russu. Bl-istess mod, il-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet kif ukoll l-irtirar tal-awtorizzazzjoni jċaħħdu lir-rikorrenti mill-possibbiltà li tkompli bl-attivitajiet tagħha fit-territorju tal-Unjoni u jistgħu, għalhekk, inaqqsu n-numru ta’ bastimenti li jużaw iċ-ċertifikazzjoni tagħha, hekk li tonqos l-influwenza tal-Istat Russu fis-settur marittimu.
232 Dan ifisser li l-miżuri restrittivi kkontestati ma humiex manifestament mhux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li ssir pressjoni addizzjonali fuq l-awtoritajiet Russi.
233 L-argumenti li ġejjin tar-rikorrenti ma jistgħux iwaqqgħu dubju fuq tali konklużjoni.
234 Fl-ewwel lok, għalkemm ir-rikorrenti ma tikkontestax li hija 100 % proprjetà tal-Istat Russu, hija tenfasizza, madankollu, li hija ġiet ikkostitwita taħt il-forma ta’ entità mingħajr skop ta’ lukru, li l-għanijiet tagħha huma li jiġu żgurati s-sigurtà tan-navigazzjoni marittima u l-protezzjoni tal-ambjent.
235 Madankollu, huwa biżżejjed li jitfakkar li r-rikorrenti kienet ġiet suġġetta għall-miżuri restrittivi kkontestati minħabba li hija kienet 100 % proprjetà tal-Istat Russu, hekk li l-argument ibbażat fuq l-istruttura legali tagħha u fuq l-għanijiet li hija tfittex li tilħaq huwa irrelevanti.
236 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li hija għandha patrimonju tagħha u indipendenti li ġej mir-rikavat ta’ attivitajiet bi qligħ u li l-profitti li hija tagħmel jintużaw biss sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-istatuti tagħha, mingħajr ma l-Istat Russu jista’ jirċievi tali profitti. Għalhekk, hija ma tħallas ebda dividend lill-Istat Russu u sempliċement tissodisfa l-obbligi fiskali tagħha lejn dan l-Istat.
237 Huwa minnu, kif tenfasizza r-rikorrenti, li mill-punt 30 tal-Artikolu V tal-istatuti tagħha jirriżulta li l-Istat Russu ma għandux id-dritt li jirċievi profitti mill-attivitajiet tagħha.
238 Madankollu, għandu jitfakkar li l-għan li tiżdied il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa sabiex din ittemm l-azzjonijiet u l-politiki tagħha li jiddestabbilizzaw l-Ukraina jista’ jintlaħaq permezz ta’ diversi miżuri restrittivi, indirizzati lil persuni u lil entitajiet li jissodisfaw kundizzjonijiet differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Vnesheconombank vs Il‑Kunsill, T‑737/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:543, punt 163).
239 Issa, mill-formulazzjoni tal-miżuri restrittivi kkontestati, kif imfakkra fil-punti 9, 15 u 21 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-ħlas ta’ profitti lill-Istat Russu mir-rikorrenti ma huwiex kundizzjoni li għandha bilfors tiġi ssodisfatta sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri kontra tagħha. Fil-fatt, tali kundizzjoni, minn naħa, ma hijiex prevista fl-Artikolu 1ab tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata u, min-naħa l-oħra, ma hijiex kumulattiva mal-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 1(4)(a) u fl-Artikolu 1aa(1)(a) tal-imsemmija deċiżjoni.
240 Għaldaqstant, il-fatt li r-rikorrenti ma tħallasx profitti lill-Istat Russu ma huwiex tali li jwaqqa’ dubju fuq in-natura xierqa tal-miżuri restrittivi kkontestati.
241 Barra minn hekk, sa fejn għandu x’jaqsam l-argument tar-rikorrenti li s-sempliċi ħlas tat-taxxi tagħha lill-Istat Russu ma jistax, fid-dawl tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Chyzh et vs Il‑Kunsill (T‑276/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:748), iservi ta’ bażi għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kkontestati, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali argument huwa ineffettiv inkwantu, f’din is-sentenza, kien inkwistjoni kriterju ta’ inklużjoni speċifiku bbażat fuq il-profitt u l-appoġġ miksub mir-reġim ta’ Lukashenko (Artikolu 4(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal‑15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU 2012, L 285, p. 1)). Issa, fil-każ ineżami, ir-rikorrenti ġiet suġġetta għall-miżuri restrittivi kkontestati mhux għaliex kienet tipprovdi appoġġ lill-Istat Russu.
242 Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ma tipprovdi ebda sostenn finanzjarju sinjifikattiv lill-Istat Russu li jista’ jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-gwerra kontra l-Ukraina.
243 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill ma huwiex li jiġu ssanzjonati ċerti entitajiet minħabba r-rabtiet tagħhom mas-sitwazzjoni fl-Ukraina, iżda li jiġu imposti sanzjonijiet ekonomiċi fuq il-Federazzjoni Russa, bil-ħsieb li ssir pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet tagħhom li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li tinstab soluzzjoni paċifika għall-kriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz‑Antey vs Il‑Kunsill, T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545, punt 126). Barra minn hekk, il-Kunsill ma huwiex obbligat jadotta miżuri maħsuba biss sabiex iżidu l-ispejjeż direttament relatati mal-azzjonijiet speċifiċi tal-Federazzjoni Russa fl-Ukraina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VTB Bank vs Il‑Kunsill, C‑729/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:499, punt 64).
244 B’hekk, il-fatt li r-rikorrenti ma kkontribwixxietx sabiex issostni finanzjarjament l-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina huwa irrilevanti, billi hija ma ġietx suġġetta għall-miżuri restrittivi kkontestati għal din ir-raġuni, iżda minħabba l-fatt li hija kienet 100 % proprjetà tal-Istat Russu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Sberbank of Russia vs Il‑Kunsill, T‑732/14, EU:T:2018:541, punt 149), fatt li lanqas ir-rikorrenti ma tikkontesta.
245 Għaldaqstant, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-insuffiċjenza tal-miżuri li introduċa qabel il-Kunsill (ara l-punti 225 sa 227 iktar ’il fuq), ma kienx manifestament mhux xieraq, min-naħa ta’ din l-istituzzjoni, li tadotta l-miżuri restrittivi kkontestati sabiex tagħmel pressjoni addizzjonali fuq il-Federazzjoni Russa, u dan indipendentement minn kull involviment tar-rikorrenti fl-azzjonijiet ta’ dan l-Istat sabiex jiddestabbilizza s-sitwazzjoni fl-Ukraina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Vnesheconombank vs Il‑Kunsill, T‑737/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:543, punt 97).
246 Fid-dawl tal-premess, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.
3) Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-miżuri restrittivi kkontestati jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom
247 Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-projbizzjoni tad-dħul fil-portijiet u fl-imgħalaq fit-territorju tal-Unjoni hija sproporzjonata inkwantu din mhux biss tikkonċerna il-bastimenti li jtajru l-bandiera Russa, iżda tikkonċerna wkoll il-bastimenti kollha li ġew iċċertifikati minnha. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri restrittivi kkontestati ma jagħmlu ebda distinzjoni bejn id-diversi servizzi pprovduti minnha, bħalma huma s-servizzi pprovduti f’każ ta’ emerġenza. Issa, fil-fehma tagħha, il-Kunsill seta’ jadotta miżuri restrittivi inqas onerużi billi jintroduċi, b’mod partikolari, derogi li jikkonċernaw is-servizzi mhux kummerċjali essenzjali li huma neċessarji għalbiex jiġu ggarantiti s-sigurtà marittima u l-protezzjoni tal-ambjent, kif ukoll is-sigurtà abbord tal-bastimenti.
248 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti u jqis li l-implimentazzjoni ta’ miżuri inqas onerużi ma kinitx tippermetti li jintlaħaq b’mod daqstant ieħor effettiv l-għan li ssir pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa.
249 Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-argument tar-rikorrenti li jwaqqa’ dubju fuq in-natura proporzjonata tal-projbizzjoni tad-dħul fil-portijiet u fl-imgħalaq fit-territorju tal-Unjoni li tapplika għall-bastimenti ċċertifikati minnha (ara l-punt 247 iktar ’il fuq) huwa inammissibbli fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punti 79 sa 108 iktar ’il fuq.
250 Essenzjalment, permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kellu l-possibbiltà li jadotta miżuri restrittivi inqas onerużi, bħal dawk li ser jissemmew iktar ’il quddiem.
251 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill seta’ jeżenta lis-sussidjarji tagħha li jinsabu fl-Unjoni mill-effetti tal-miżuri restrittivi kkontestati u, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet.
252 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet, li l-prinċipju tagħha huwa stabbilit fl-Artikolu 1aa(1) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, ma tikkonċernax biss il-persuni ġuridiċi, entitajiet u organi stabbiliti fir-Russja, ikkontrollati mill-Istat jew li l-Istat Russu jkollu iktar minn 50% tal-ishma tagħhom, elenkati fil-lista tal-Anness X tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, li fiha ġiet inkluża r-rikorrenti (Artikolu 1aa(1)(a) tal-imsemmija deċiżjoni). Hija tikkonċerna wkoll, minn naħa, il-persuni ġuridiċi, entitajiet u organi stabbiliti barra mill-Unjoni, li iktar minn 50 % tad-drittijiet ta’ proprjetà tagħhom ikunu, direttament jew indirettament, ta’ entità elenkata fl-imsemmija lista (Artikolu 1aa(1)(b) tal-istess deċiżjoni), kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-persuni ġuridiċi, entitajiet jew organi li jaġixxu f’isem jew skont id-dispożizzjonijiet ta’ entità msemmija fl-Artikolu 1aa(1)(a) jew (b) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata (Artikolu 1aa(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni). Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta dan fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.
253 Minn dan jirriżulta li l-għan li jfittex li jilħaq l-Artikolu 1aa(1)(b) u (c) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata huwa li jiġi evitat li dak li jkun isib kif jaħrab il-projbizzjoni prevista fil-paragrafu 1(a) tagħha u li jiġi żgurat, għalhekk, l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2026, Opera Laboratori Fiorentini, C‑313/24, EU:C:2026:91, punti 33 u 36).
254 Issa, jekk l-entitajiet, bħalma huma s-sussidjarji tar-rikorrenti, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet, din tal-aħħar tkun tista’ taħrabha permezz tas-sussidjarji tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, DenizBank vs Il‑Kunsill, T‑798/14, EU:T:2018:546, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata), minkejja li waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin imfissra mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2022/1909 kienet, kif jirriżulta mill-premessa 5 tagħha, li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet adottati kontra l-entitajiet Russi u li jiġi evitat li dak li jkun isib kif jaħrab l-imsemmija sanzjonijiet. L-istess konstatazzjoni tista’ ssir ukoll fir-rigward tal-projbizzjoni tal-investimenti u tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni.
255 Dan ifisser li l-implementazzjoni tal-miżura li pproponiet ir-rikorrenti fil-punt 251 iktar ’il fuq ma kinitx tippermetti li jintlaħaq b’mod daqstant ieħor effettiv l-għan li tfittex li tilħaq il-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet.
256 Fit-tieni lok, kien possibbli, fil-fehma tar-rikorrenti, li jiġu introdotti derogi mill-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet sabiex hija tkun tista’ tipprovdi servizzi marbuta mal-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ akkreditazzjoni lill-produtturi tal-Unjoni ta’ materjali, ta’ tagħmir u ta’ komponenti relatati man-navigazzjoni jew lill-operaturi tal-Unjoni li jeżerċitaw attivitajiet ta’ tiswija ta’ bastimenti. Ir-rikorrenti żżid tgħid li l-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet tipprekludi, minn naħa, li l-produtturi tal-imsemmija materjali, tagħmir u komponenti jiksbu ċ-ċertifikazzjoni tagħhom mingħand ir-rikorrenti, jew li din tal-aħħar iġeddidhielhom, u, min-naħa l-oħra, li t-tarzni u l-mollijiet tat-tiswija fit-territorju tal-Unjoni jiksbu ċ-ċertifikazzjoni tagħhom mingħand ir-rikorrenti, jew li din tal-aħħar iġeddidhielhom, għall-manutenzjoni u t-tiswija tal-bastimenti li hija tkun iċċertifikat.
257 B’dan il-mod, ir-rikorrenti tirreferi essenzjalment għall-effetti li jirriżultaw mill-miżuri restrittivi kkontestati fuq il-bastimenti ċċertifikati minnha stess, billi ssostni li l-imsemmija miżuri jżommu milli tingħata kwalunkwe assistenza lil dawn il-bastimenti f’każ ta’ emerġenza jew ta’ ħsara, peress li d-derogi previsti fl-Artikolu 4ha(4) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata huma ineffikaċi.
258 Li kellu jitqies li r-rikorrenti tista’ tinvoka tali argument, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma werietx li sistema bbażata fuq trattament differenti tas-servizzi pprovduti minnha hija fattibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il‑Kunsill, T‑246/08 u T‑332/08, EU:T:2009:266, punt 109).
259 Barra minn hekk, sa fejn għandu x’jaqsam l-argument tar-rikorrenti li l-bastimenti ċċertifikati minnha stess ma jistgħux jissewwew, fil-każ ta’ ħsara jew ta’ urġenza, mingħajr l-intervent tagħha, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4ha(4) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, il-projbizzjoni tad-dħul fil-portijiet u fl-imgħalaq fit-territorju tal-Unjoni ma tapplikax fil-każ ta’ bastiment fi bżonn ta’ assistenza li jkun qiegħed jfittex post ta’ rifuġju, ta’ waqfa ta’ emerġenza għal raġunijiet ta’ sigurtà marittima jew ta’ operazzjoni ta’ salvataġġ fuq il-baħar.
260 Issa, ma ġiex stabbilit li l-bastimenti msemmija fil-punt 259 iktar ’il fuq ma jistgħux jingħataw l-għajnuna neċessarja f’dan is-sens minn operaturi oħra tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2024, Cogebi u Cogebi vs Il‑Kunsill, T‑782/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:249, punt 148). Waqt is-seduta, ir-rikorrenti rreferiet wkoll għal ħmistax‑il inċident li involvew, fl-ilmijiet territorjali tal-Unjoni, bastimenti ċċertifikati minnha stess, mingħajr, madankollu, ma setgħet tikkonfuta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-imsemmija bastimenti setgħu, f’dawn is-sitwazzjonijiet, effettivament jibbenefikaw minn assistenza.
261 Il-fatturi li ġejjin ma jistgħux iwaqqgħu dubju fuq tali konstatazzjoni.
262 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li kull tiswija kbira ta’ bastiment għandha tkun issorveljata minn rappreżentant tas-soċjetà ta’ klassifikazzjoni kkonċernata jew li t-tarzna għandha tkun approvata minn qabel mill-imsemmija soċjetà. F’dan is-sens, ir-rikorrenti tinvoka l-Linji Gwida dwar il-Perizja skont is-Sistema Armonizzata ta’ Perizja u Ħruġ ta’ Ċertifikati, adottati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fis‑6 ta’ Diċembru 2023 (Riżoluzzjoni A.1186(33)) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-IMO dwar il-Perizja”).
263 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm punti speċifiċi fit-test tar-rikors jistgħu jiġi kkorroborati u kkompletat b’riferimenti għal siltiet speċifiċi minn dokumenti annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa in-nuqqas tal-informazzjoni essenzjali li għandu jkun hemm fir-rikors. B’mod partikolari, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li wieħed jista’ jqis bħala l-bażi tar-rikors, billi l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑461/16, EU:T:2018:316, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata). Rekwiżiti simili japplikaw meta jitressaq argument insostenn ta’ motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2022, United Parcel Service vs Il‑Kummissjoni, T‑834/17, EU:T:2022:84, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
264 F’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement tirreferi, insostenn tal-argument tagħha, għall-punt 4.7.2 tal-Linji Gwida tal-IMO dwar il-Perizja u mbagħad tagħmel riferiment ġenerali għall-imsemmija linji gwida mehmuża fl-Anness A.14 tar-rikors, mingħajr ma tikkorrobora l-argument tagħha u mingħajr ma ssemmi l-estratti rilevanti ta’ dan l-anness.
265 Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 263 iktar ’il fuq, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tfittex u tidentifika, fl-anness inkwistjoni, l-argumenti insostenn tal-każ tar-rikorrenti fejn din tal-aħħar ma tiddeterminax bi preċiżjoni s-siltiet rilevanti ta’ dan l-anness li jissostanzjaw il-każ tagħha. Dan japplika a fortiori għar-riferimenti mhux ikkorroborati għad-diversi strumenti ġuridiċi ċċitati mir-rikorrenti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 13 tar-rikors, li lanqas ma huma annessi miegħu.
266 Barra minn hekk, sa fejn għandu x’jaqsam ir-riferiment, li sar bħala eżempju, għall-punt 4.7.2 tal-Linji Gwida tal-IMO dwar il-Perizja, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix il-prinċipju ta’ perizja obbligatorja li fiha għandu jipparteċipa r-rappreżentant tas-soċjetà ta’ klassifikazzjoni kkonċernata, iżda biss li “l-kaptan jew il-proprjetarju tal-bastiment għandu jirrapporta mill-aktar fis possibbli lill-[a]mministrazzjoni, lill-perit maħtur jew lill-organu rrikonoxxut responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikat rilevanti, [...] li mbagħad għandhom jiftħu investigazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunx neċessarju li ssir perizja skont ir-rekwiżiti li japplikaw għaċ-ċertifikat inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-punt 5.14 tal-imsemmija linji gwida jipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà li ssir perizja mill-bogħod, b’mod partikolari fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-partijiet li ma jħallux li ssir perizja fuq il-post, bħalma hija l-gwerra.
267 It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li huma biss il-materjali, it-tagħmir u l-komponenti ċċertifikati minnha li jistgħu jiġu installati waqt il-manutenzjoni jew it-tiswija ta’ bastiment kopert mis-servizzi tagħha u fil-preżenza ta’ wieħed mir-rappreżentanti tagħha. F’dan is-sens, ir-rikorrenti tirreferi, b’mod ġenerali, għar-regoli tagħha dwar is-sorveljanza teknika fil-kostruzzjoni tal-bastimenti u fil-manifattura ta’ materjali u ta’ prodotti għall-bastimenti, inklużi fl-Anness A.19 tar-rikors.
268 Issa, minbarra li r-regoli msemmija fil-punt 267 iktar ’il fuq jikkostitwixxu dokument intern tar-rikorrenti, mill-punt 14 ta’ dawn ir-regoli jirriżulta li din tal-aħħar tista’ tawtorizza lil soċjetà ta’ klassifikazzjoni oħra tagħmel is-sorveljanza teknika f’isimha. B’mod partikolari, il-punt 2.15 tal-imsemmija regoli jippreċiża li r-rikorrenti tista’, b’mod partikolari, tawtorizza lil soċjetà ta’ klassifikazzjoni oħra tagħmel is-sorveljanza teknika, parzjali jew totali, tal-kostruzzjoni ta’ bastiment ikklassifikat mir-rikorrenti u tal-manifattura tal-materjali u tal-prodotti maħsuba għall-imsemmija bastimenti. Barra minn hekk, il-punt 2.7 ta’ dawn l-istess regoli jipprevedi l-possibbiltà ta’ deroga mill-kriterji tar-rikorrenti, u dan fejn l-applikazzjoni tal-imsemmija kriterji, metodi u oqsma ta’ sorveljanza ma tkunx fattibbli jew raġonevoli.
269 Kif isostni l-Kunsill, ma huwiex eskluż, għalhekk, li, fl-eventwalità li bastiment iċċertifikat mir-rikorrenti jkollu jissewwa ġewwa l-Unjoni, soċjetà ta’ klassifikazzjoni oħra tista’ tintervjeni sabiex tassisti lil tali bastiment, u dan indipendentement minn trasferiment ta’ klassi (transfer of class) li jsir skont il-proċedura prevista fl-IACS li għaliha tirreferi r-rikorrenti fit-tieni nota ta’ adattament tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma spjegatx sa fejn tali proċedura hija rilevanti f’dan il-każ, u dan meta wieħed iqis li hija ma għadhiex membru ta’ din l-organizzazzjoni (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).
270 Għalhekk, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-tieni miżura, imfakkra fil-punt 256 iktar ’il fuq, ma jistgħux jintlaqgħu.
271 Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill seta’ sempliċement jissospendi l-awtorizzazzjoni li hija kienet tibbenefika minnha taħt ir-Regolament Nru 391/2009 minflok ma jirtiraha.
272 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-miżuri restrittivi kkontestati jfittxu li jżidu l-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa sabiex din ittemm il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina.
273 Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li jallega l-Kunsill, ma jidhirx li l-implementazzjoni ta’ miżura ta’ sospensjoni ma hijiex xierqa sabiex jintlaħaq tali għan. B’mod partikolari, is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni tista’ żżomm, bħall-irtirar, lir-rikorrenti milli taqdi l-funzjonijiet ta’ spezzjoni, ta’ perizja u ta’ ċertifikazzjoni tal-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, liema funzjonijiet jistgħu jinqdew biss mill-organi awtorizzati taħt ir-Regolament Nru 391/2009 (ara l-punti 149 u 200 iktar ’il fuq).
274 It-tieni, għandu jiġi enfasizzat li l-miżuri restrittivi huma kawtelatorji u, minnhom infushom, provviżorji, li l-validità tagħhom tiddependi dejjem minn jekk iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu wasslu għall-adozzjoni tagħhom ikomplux japplikaw u minn jekk is-sussistenza tagħhom tkunx neċessarja għalbiex jintlaħaq l-għan tagħhom (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
275 F’dan il-każ, mill-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni 2014/512 jirriżulta li l-Kunsill huwa obbligat jeżamina mill-ġdid il-miżuri restrittivi adottati abbażi ta’ din id-deċiżjoni, billi din tal-aħħar hija suġġetta għal monitoraġġ kontinwu minn din l-istituzzjoni.
276 Issa, kif issostni r-rikorrenti, fil-każ ta’ eżami mill-ġdid li jwassal għat-tneħħija tal-miżuri restrittivi kkontestati, l-awtorizzazzjoni prevista fir-Regolament Nru 391/2009 ma tistax terġa’ tingħata awtomatikament.
277 Fil-fatt, talba għal awtorizzazzjoni għandha, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 391/2009, issir lill-Kummissjoni minn Stat Membru u għandha tkun akkumpanjata minn informazzjoni kompleta dwar, b’mod partikolari, il-konformità tal-organu mal-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I tal-imsemmi regolament. Imbagħad hija l-Kummissjoni li għandha, skont l-Artikolu 3(2) tal-istess regolament, tevalwa l-organu kkonċernat flimkien mal-Istat Membru li jressaq it-talba u toħroġ, jekk ikun il-każ, l-awtorizzazzjoni skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3) tal-imsemmi regolament.
278 Dan ifisser li r-rikorrenti la għandha dritt tinizja l-proċedura għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni u lanqas dritt għall-għoti tagħha, hekk li, jekk kemm‑il darba jitneħħew il-miżuri restrittivi kkontestati, hija jkollha tkun is-suġġett ta’ proċedura ġdida ta’ awtorizzazzjoni taħt ir-Regolament Nru 391/2009, li l-eżitu tagħha huwa wieħed inċert.
279 Min-naħa l-oħra, miżura li tissospendi l-awtorizzazzjoni ma twassalx sabiex ir-rikorrenti tkun suġġetta, ab initio u b’inizjattiva ta’ Stat Membru, għall-proċedura ta’ ħruġ ta’ awtorizzazzjoni ġdida. B’mod partikolari, filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li t-tneħħija ta’ tali miżura tista’ teħtieġ li jsiru evalwazzjonijiet sabiex jiġi żgurat, fi tmiem is-sospensjoni, li r-rikorrenti tosserva l-kriterji previsti fir-Regolament Nru 391/2009, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom reġistru tal-evalwazzjonijiet u tad-dokumentazzjoni trażmessa preċedentement mir-rikorrenti, li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan l-għan.
280 Huwa minnu, kif sostnew il-Kunsill u l-Kummissjoni waqt is-seduta, li r-Regolament Nru 391/2009 jipprevedi biss il-possibbiltà li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni mogħtija lil organu abbażi tad-dispożizzjonijiet tiegħu u jeskludi kull miżura ta’ sospensjoni. B’hekk, fil-fehma ta’ dawn il-partijiet, it-tneħħija ta’ tali sospensjoni, li l-proċedura tagħha ma hijiex prevista fir-Regolament Nru 391/2009, tista’ tinvolvi riskji fejn tidħol is-sigurtà marittima, b’mod partikolari jekk ir-rikorrenti ma jkollhiex iktar il-garanziji neċessarji sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament.
281 Madankollu, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Kunsill, billi rtira l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti, eżerċita l-kompetenza tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-PESK, hekk li tali rtirar ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 391/2009 u ma jfittixx li jilħaq l-għanijiet tal-imsemmi regolament, jiġifieri li jiġu ggarantiti s-sigurtà marittima u l-protezzjoni tal-ambjent. (ara l-punti 178 sa 207 iktar ’il fuq).
282 B’hekk, skont il-prinċipji li jirregolaw it-tqassim tal-kompetenzi interistituzzjonali tal-Unjoni, imfakkra fil-punti 195 sa 197 iktar ’il fuq, hija l-Kummissjoni li għandha, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha taħt ir-Regolament Nru 391/2009, tiżgura li r-rikorrenti tosserva l-kriterji previsti f’dan ir-regolament fil-qasam tas-sigurtà marittima jekk kemm‑il darba jitneħħew il-miżuri restrittivi kkontestati. L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprevedi li, meta l-Kummissjoni tqis, b’mod partikolari, li l-prestazzjoni ta’ organu awtorizzat fil-qasam tas-sigurtà u tal-prevenzjoni tat-tniġġis tkun marret għall-agħar b’mod sinjifikattiv, din l-istituzzjoni tistieden lil dan l-organu jieħu, f’termini stabbiliti, il-miżuri preventivi u korrettivi neċessarji sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-kriterji minimi u tal-obbligi previsti fir-Regolament Nru 391/2009 u sabiex tiġi eliminata kull theddida li jista’ jkun hemm għas-sigurtà u għall-ambjent.
283 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riskji għas-sigurtà marittima marbuta ma’ miżura ta’ sospensjoni – li lanqas ma ntwerew mill-Kunsill u mill-Kummissjoni – ma jistgħux jiġu invokati sabiex iżommu lill-Kunsill milli jadotta, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu, miżura ta’ sospensjoni li taqa’ fl-iskop tal-għanijiet tal-PESK.
284 Minn dan jirriżulta li l-Kunsill kellu l-possibbiltà, f’dan il-każ, li jadotta miżura inqas oneruża, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 218 iktar ’il fuq, mill-irtirar tal-awtorizzazzjoni mogħtija abbażi tar-Regolament Nru 391/2009, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-miżuri l-oħra invokati mir-rikorrenti b’rabta ma’ dan l-irtirar jew li tingħata deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni prevista fid-Direttiva 2016/1629 li fir-rigward tagħha r-rikorrenti ma ressqet ebda argument.
285 Fid-dawl tal-premess, għandha parzjalment tintlaqa’ t-tieni parti tat-tieni motiv inkwantu tikkonċerna l-irtirar tal-awtorizzazzjoni li kienet tibbenefika minnha r-rikorrenti taħt ir-Regolament Nru 391/2009 u għandha tiġi miċħuda din il-parti għall-kumplament sa fejn għandhom x’jaqsmu l-projbizzjoni tal-investimenti u l-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet. Konsegwentement, l-analiżi tat-tielet u tar-raba’ parti tat-tieni motiv, kif ukoll tar-raba’ u tal-ħames motiv, ser tikkonċerna biss dawn iż-żewġ miżuri tal-aħħar (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”).
4) Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq indħil sproporzjonat fl-obbligi ta’ protezzjoni ambjentali
286 Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kunsill, meta adotta l-miżuri kontenzjużi, ma evalwax l-effett ta’ dawn il-miżuri fuq l-ambjent u s-sigurtà marittima li jirriżulta mill-projbizzjoni tagħha li tipprovdi s-servizzi neċessarji sabiex tiġi ppreżervata s-sigurtà marittima. Issa, fil-fehma tagħha, l-Unjoni u l-Istati Membri jiksru, b’dan il-mod, ir-regoli tal-Unjoni kif ukoll l-obbligi internazzjonali fejn tidħol il-protezzjoni tal-ambjent li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 194(2) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl‑10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montego Bay”), mill-Artikolu 37 tal-Karta, mill-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li l-konvenzjonijiet multilaterali li fihom l-Istati Membri u l-Istati terzi huma partijiet jipprevalu fuq id-dritt sekondarju tal-Unjoni, kif ukoll mill-prinċipju ta’ prevenzjoni li fuqu hija bbażata l-politika ambjentali tal-Unjoni.
287 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.
288 Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement issostni, b’mod ġenerali u astratt, li l-miżuri kontenzjużi ma jippermettux li jiġu rrimedjati d-danni “potenzjali” u “possibbli” għall-ambjent, mingħajr ma tissostanzja tali allegazzjoni. Bl-istess mod, din tal-aħħar sempliċement semmiet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, inċidenti marittimi li involvew sa mill‑2022 bastimenti ċċertifikati minnha stess, mingħajr, madankollu, ma pproduċiet ebda prova konkreta li tista’ turi l-eżistenza ta’ tali inċidenti. Hija lanqas ma tipproduċi provi li juru r-rabta bejn il-miżuri kontenzjużi u r-riskji għat-tniġġis marittimu msemmija fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.
289 Fit-tieni lok, sa fejn għandu x’jaqsam l-argument tar-rikorrenti li l-miżuri kontenzjużi ma josservawx l-obbligi li għandhom l-Unjoni u l-Istati Membri fejn tidħol il-protezzjoni tal-ambjent, dan ma jistax jintlaqa’ għar-raġunijiet li ġejjin.
290 L-ewwel nett, fejn jidħol l-allegat ksur tal-Artikolu 194(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, huwa biżżejjed li jitfakkar li n-natura u l-istruttura ta’ din il-konvenzjoni ma jħallux lill-qrati tal-Unjoni jevalwaw il-validità ta’ att tal-Unjoni fid-dawl tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 65).
291 It-tieni, fir-rigward tar-riferiment għall-“prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li l-konvenzjonijiet multilaterali li fihom l-Istati Membri u l-Istati terzi huma partijiet għandhom jipprevalu fuq ir-regolamenti [tal-Unjoni]”, għandu jiġi rrilevat li dan ma jikkorrispondi għal ebda prinċipju stabbilit fid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti sempliċement tirreferi, bħala eżempji, għal sorsi li huma irrilevanti f’dan il-każ, inkwantu dawn jikkonċernaw ir-regoli li japplikaw fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat li huma previsti fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87) u fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40).
292 It-tielet, ir-rikorrenti tirreferi għall-“prinċipju ta’ prevenzjoni [li fuqu] hija bbażata l-politika ambjentali tal-Unjoni”. Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-miżuri kontenzjużi ma ġewx adottati abbażi tal-politika ambjentali tal-Unjoni. Barra minn hekk, tali riferiment astratt, li ma huwa bbażat fuq ebda bażi legali preċiża, ma jippermettix li jiġu identifikati d-dispożizzjonijiet li għalihom dan jirreferi u lanqas il-portata u s-sens tad-dispożizzjonijiet jew tal-prinċipji li allegatament inkisru.
293 Barra minn hekk, li kellu jitqies li r-rikorrenti riedet tirreferi għall-prinċipju ta’ prekawzjoni, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jobbliga lill-awtoritajiet ikkonċernati jieħdu, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-leġiżlazzjoni rilevanti, miżuri xierqa sabiex jipprevjenu ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, għas-sigurtà u għall-ambjent, u dan billi jagħtu preċedenza lir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn l-interessi fuq l-interessi ekonomiċi (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, FMC vs Il‑Kummissjoni, T‑719/17, EU:T:2021:143, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, kif ġie enfasizzat fil-punt 288 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ riskji għas-sigurtà marittima jew għall-ambjent li jistgħu jirriżultaw mill-miżuri kontenzjużi, hekk li l-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat talli ma ħax inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prekawzjoni fl-adozzjoni tal-imsemmija miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2015, Petropars Iran et vs Il‑Kunsill, T‑433/13, EU:T:2015:255, punti 102 u 103).
294 Ir-raba’, sa fejn għandu x’jaqsam ir-riferiment għall-Artikolu 37 tal-Karta, minbarra li ma huwa bbażat fuq ebda argument speċifiku, hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi provi li juru, b’mod speċifiku, li d-dispożizzjonijiet li hija qiegħda tikkontesta jwasslu għal effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-ambjent li jistgħu jwasslu għal ksur ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 1082). Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk, kif intqal fil-punt 288 iktar ’il fuq.
295 Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni, fl-istadju tar-replika, li l-miżuri kontenzjużi jirriżultaw, fil-każ tal-bastimenti ċċertifikati minnha stess, fi ksur tal-libertà tan-navigazzjoni u tad-dritt ta’ passaġġ innoċenti ggarantiti mill-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay. Minbarra li tali argument tressaq biss fl-istadju tar-replika, dan ma jistax jintlaqa’ għar-raġuni mfakkra fil-punt 290 iktar ’il fuq.
296 Mill-premess jirriżulta li t-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.
5) Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur sproporzjonat tal-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti
297 Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-miżuri kontenzjużi jiksru b’mod sproporzjonat il-libertà ta’ intrapriża tagħha protetta mill-Artikolu 16 tal-Karta, inkwantu ma ssir ebda distinzjoni bejn id-diversi servizzi pprovduti minnha, li huma indispensabbli sabiex jiġu ggarantiti s-sigurtà marittima u l-protezzjoni tal-ambjent.
298 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dan l-argument.
299 Skont l-Artikolu 16 tal-Karta, “[i]l-libertà ta’ l-intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta”.
300 Il-libertà ta’ intrapriża ma hijiex, madankollu, prerogattiva assoluta u tista’, għalhekk, tkun suġġetta għal limitazzjonijiet fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2024, Russian Direct Investment Fund vs Il‑Kunsill, T‑235/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:311, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata), li minnu jirriżulta li kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din tal-aħħar għandha tkun prevista fil-liġi, għandha tosserva l-kontenut essenzjali tagħhom u għandha, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u effettivament tissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2026, VEB.RF vs Il‑Kunsill, C‑572/24 P, mhux ippubblikata, EU:C:2026:74, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).
301 Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-miżuri kontenzjużi huma previsti fil-liġi, billi dawn ġew introdotti b’atti li għandhom, b’mod partikolari, portata ġenerali u bażi legali ċara fid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 29 TUE (ara l-punt 179 iktar ’il fuq), u dan lanqas ma huwa kkontestat mir-rikorrenti.
302 Fit-tieni lok, kif ġie enfasizzat fil-punti 180 sa 184 u 225 sa 228 iktar ’il fuq, il-miżuri kontenzjużi jissodisfaw għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni, li jista’ jiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punti 202 u 226 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-miżuri restrittivi għandhom, minnhom infushom, effetti li jaffettwaw, b’mod partikolari, l-eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet professjonali, hekk li jikkawżaw dannu lil partijiet li ma jkunu b’ebda mod responsabbli għas-sitwazzjoni li tkun wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmija miżuri. Dan huwa a fortiori l-effett tal-miżuri restrittivi fuq l-entitajiet li jkunu l-mira tagħhom (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2024, Russian Direct Investment Fund vs Il‑Kunsill, T‑235/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:311, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).
303 Fit-tielet lok, sa fejn għandha x’taqsam in-natura xierqa u neċessarja tal-miżuri kontenzjużi, għandu jsir riferiment għall-analiżi li saret fil-punti 225 sa 246 u 250 sa 270 iktar ’il fuq.
304 Fir-raba’ lok, għandu jiġi enfasizzat li l-miżuri kontenzjużi huma temporanji u riversibbli, hekk li, f’dan il-każ, ma jistgħux jippreġudikaw il-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża. Fil-fatt, mill-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendat bid-deċiżjonijiet ikkontestati, jirriżulta li l-miżuri kontenzjużi ġew estiżi għal perijodi suċċessivi ta’ sitt xhur (ara l-punti 31, 36, 39 u 43 iktar ’il fuq) u li huma s-suġġett ta’ monitoraġġ kontinwu mill-Kunsill. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni tiġġedded jew tiġi emendata, fejn meħtieġ, jekk dan tal-aħħar iqis li l-għanijiet tagħha ma jkunux intlaħqu. Għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, is-sempliċi fatt li l-miżuri kontenzjużi ġew estiżi diversi drabi mindu ġew adottati ma jistax iwaqqa’ dubju fuq in-natura temporanja u riversibbli tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2025, Shuvalov vs Il‑Kunsill, C‑271/24 P, EU:C:2025:180, punt 80, u tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 185 u l-ġurisprudenza ċċitata), u dan fid-dawl tal-obbligu tal-Kunsill li jagħmel eżami mill-ġdid perijodikament.
305 Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li r-rikorrenti tibqa’ libera li teżerċita l-attivitajiet tagħha ma’ Stati mhux membri tal-Unjoni u ma’ operaturi li ma jkunux jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, billi l-effetti tal-miżuri kontenzjużi huma limitati għall-imsemmi territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2024, Cogebi u Cogebi vs Il‑Kunsill, T‑782/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:249, punt 141). Barra minn hekk, ir-rikorrenti tgħid, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li, fid‑29 ta’ Awwissu 2024, hija kellha l-awtorizzazzjoni ta’ 51 Stat tal-bandiera u kkonfermat, waqt is-seduta, li iktar minn 60 Stat kienu għadhom jużaw is-servizzi tagħha bħala soċjetà ta’ klassifikazzjoni.
306 Dan ifisser li l-miżuri kontenzjużi ma jiksrux b’mod sproporzjonat il-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti, hekk li r-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.
307 Fid-dawl tal-premess, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tintlaqa’ parzjalment, inkwantu din tikkonċerna l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, u dan il-motiv għandu jiġi miċħud għall-kumplament.
4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva
308 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha, kif ukoll id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantiti, rispettivament, mill-Artikoli 41 u 47 tal-Karta. Hija ssostni, f’dan is-sens, li l-miżuri kontenzjużi ma ġewx innotifikati lilha, la qabel l-adozzjoni tagħhom u lanqas f’terminu raġonevoli wara l-adozzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Kunsill ma tahiex l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel l-adozzjoni tal-miżuri kontenzjużi u ma kkomunikalhiex ir-raġunijiet għall-imsemmija miżuri, hekk li kiser d-dritt għal smigħ tagħha, kif ukoll id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
309 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.
310 Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva huma drittijiet fundamentali, li jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fid-dawl tagħhom il-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw stħarriġ – bħala prinċipju komplut – tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2024, Russian Direct Investment Fund vs Il‑Kunsill, T‑235/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:311, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).
311 Fejn jidħol ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, dan jinkludi, matul proċedura li tippreċedi l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, id-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-proċess b’osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità, li huwa stabbilit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Sberbank of Russia vs Il‑Kunsill, T‑732/14, EU:T:2018:541, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod effettiv, il-fehma tagħha matul proċedura amministrattiva u qabel ma tittieħed kontra tagħha deċiżjoni li tkun tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).
312 Dwar id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta, dan tal-aħħar jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet għad-deċiżjoni meħuda kontra tagħha jew billi taqra d-deċiżjoni nfisha, jew inkella billi titlob li jiġu kkomunikati lilha dawn ir-raġunijiet, bla ħsara tas-setgħa tal-qorti b’ġuriżdizzjoni li tordna li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti inkwistjoni, jekk ikunx ta’ min wieħed iġib kawża quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2024, Russian Direct Investment Fund vs Il‑Kunsill, T‑235/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:311, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tagħmilha possibbli għal din il-persuna li tfisser effettivament il-perspettiva tagħha dwar tar-raġunijiet miġjuba kontriha (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).
313 L-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprevedi, madankollu, limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti fiha, u dan kemm‑il darba l-limitazzjoni kkonċernata tkun tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u kemm‑il darba tkun, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, neċessarja u tissodisfa effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet tad-difiża jistgħu jkunu suġġetti għal limitazzjonijiet jew derogi u dan, b’mod partikolari, fejn jidħlu l-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-PESK (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).
314 Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, b’mod partikolari tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
315 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qrati tal-Unjoni jagħmlu distinzjoni bejn, minn naħa, id-deċiżjoni inizjali li jiġu adottati miżuri restrittivi kontra persuna jew entità partikolari u, min-naħa l-oħra, iż-żamma tal-imsemmija miżuri kontra din il-persuna jew entità (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2026, Euro Asia Cargo vs Il‑Kunsill, T‑232/24, mhux ippubblikata, EU:T:2026:2, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).
316 B’hekk, għalkemm il-Kunsill ma huwiex obbligat jisma’ lill-persuna jew lill-entità kkonċernata qabel ma jinkludi isimha għall-ewwel darba, sabiex il-miżuri restrittivi mmirati għaliha jeħduha għal għarrieda, din l-istituzzjoni hija, bħala prinċipju, obbligata tismagħha qabel ma tiddeċiedi li żżomm isimha fil-listi inkwistjoni. Madankollu, id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ atti li jżommu miżuri restrittivi kontra persuni li kienu diġà l-mira ta’ dawn il-miżuri japplika fejn il-Kunsill ikun ħa inkunsiderazzjoni provi ġodda dwar dawn il-persuni, u mhux fejn dawn il-miżuri jinżammu abbażi tal-istess raġunijiet bħal dawk li jkunu ġġustifikaw l-adozzjoni tal-att inizjali li jimponi l-miżuri restrittivi inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, meta l-miżuri restrittivi kontenzjużi jinżammu jew jiġu estiżi abbażi tal-istess raġunijiet bħal dawk li jkunu ġġustifikaw l-adozzjoni tagħhom, mingħajr ma jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni provi ġodda fir-rigward tal-persuna kkonċernata, il-Kunsill ma huwiex obbligat, sabiex jirrispetta d-dritt għal smigħ tiegħu, jikkomunikalu mill-ġdid il-provi miġjuba kontrih (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).
317 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tar-raba’ motiv.
318 Fl-ewwel lok, sa fejn għandu x’jaqsam l-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill ma nnotifikahiex bil-miżuri kontenzjużi, għandu jitfakkar li n-nuqqas li l-imsemmija miżuri jiġu nnotifikati individwalment, għalkemm jista’ jkollu effett fuq id-data li fiha jkun beda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors, ma jiġġustifikax, waħdu, l-annullament ta’ dawn il-miżuri (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).
319 Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ġġib ebda argument li juri li l-fatt li l-imsemmija miżuri ma ġewx innotifikati individwalment ikkawża ksur tad-drittijiet tagħha li jiġġustifika l-annullament tagħhom sa fejn dawn jikkonċernawha.
320 Fit-tieni lok, sa fejn għandu x’jaqsam l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, tad-dritt tagħha għal smigħ, għandu jitfakkar li din tal-aħħar qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li permezz tagħhom il-Kunsill estenda l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512 u, għaldaqstant, żamm il-miżuri kontenzjużi kontriha.
321 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 315 u 316 iktar ’il fuq jirriżulta li d-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ atti li jżommu jew jestendu miżuri restrittivi kontra persuni li jkunu diġà l-mira tagħhom jippreżupponi li l-Kunsill ikun ġab provi ġodda kontrihom, jiġifieri provi li ma kinux fid-deċiżjoni inizjali li tkun adottat dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz‑Antey vs Il‑Kunsill, T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).
322 F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kunsill ma ġab ebda prova ġdida kontra r-rikorrenti fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, il-kriterji li fuqhom kienet ibbażata l-adozzjoni tal-miżuri kkontestati ma ġewx emendati sa mill-introduzzjoni tagħhom bid-Deċiżjonijiet 2022/395 (fejn tidħol il-projbizzjoni tal-investimenti) u 2022/1909 (fejn tidħol il-projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet). B’mod partikolari, kif ġie enfasizzat fil-punti 121 sa 141 iktar ’il fuq, huwa minħabba l-kwalità tagħha ta’ entità li hija 100 % proprjetà tal-Istat Russu li r-rikorrenti kienet il-mira tal-imsemmija miżuri.
323 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma kienx obbligat jisma’ lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, hekk li ma jista’ jiġi kkonstatat ebda ksur tad-dritt tagħha għal smigħ.
324 Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, iwassal għall-annullament tal-att inkwistjoni biss jekk, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva li tkun ippreċediet l-adozzjoni ta’ dan l-att setgħet twassal għal riżultat differenti – u hija l-persuna li tinvoka tali ksur li għandha tipprova dan (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, ir-rikorrenti, li ma tikkontestax l-istatus tagħha ta’ entità li hija 100 % proprjetà tal-Istat Russu, ma ġġib ebda argument li juri li l-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti li kieku kienet instemgħet qabel iż-żamma tal-miżuri kontenzjużi jew li kieku r-raġunijiet marbuta mal-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri kienu ġew ikkomunikati lilha minn qabel.
325 Fit-tielet lok, fejn jidħol il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva invokat mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-eżami tat-tielet motiv, ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li jiġġustifikaw iż-żamma tal-miżuri kontenzjużi kienu ċari biżżejjed sabiex din tal-aħħar tifhimhom, hekk li setgħet tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk kienx ta’ min li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 312 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, ir-rikorrenti setgħet issir taf, minn qari tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, kif imfakkra mill-Kunsill fl-ittri tiegħu tas‑17 ta’ Mejju 2023 (ara l-punt 30 iktar ’il fuq) u tat‑18 ta’ Ottubru 2024 (ara l-punt 34 iktar ’il fuq), ir-raġuni għall-adozzjoni u għaż-żamma tal-miżuri kontenzjużi, jiġifieri, essenzjalment, il-fatt li hija kienet 100 % proprjetà tal-Istat Russu.
326 Barra minn hekk, dwar l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ risposta tal-Kunsill għall-ittra tagħha tat‑13 ta’ Settembru 2024, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan tal-aħħar wieġeb għal din l-ittra fit‑18 ta’ Ottubru 2024 (ara l-punt 34 iktar ’il fuq), hekk li dan l-argument huwa infondat fil-fatt.
327 Fl-aħħar nett, sa fejn għandu x’jaqsam ir-riferiment tar-rikorrenti għall-ġurisprudenza fis-sens li l-Kunsill huwa obbligat jipprovdi sensiela ta’ indizji konkreti, preċiżi u konkordanti biżżejjed hekk li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura restrittiva u r-reġim inkwistjoni jew is-sitwazzjonijiet ikkombattuti (sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2023, Pumpyanskaya vs Il‑Kunsill, T‑272/22, mhux ippubblikata, appellata, EU:T:2023:491, punt 30, u tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 124), għandu jitfakkar li din il-ġurisprudenza tikkonċerna miżuri restrittivi individwali li ġew adottati mill-Kunsill abbażi ta’ kriterji ta’ inklużjoni speċifiċi mmirati għal, b’mod partikolari, in-negozjanti ewlenin li jeżerċitaw attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu. B’hekk, f’dawn il-kawżi, ir-raġunijiet miġjuba kontra l-persuni inkwistjoni setgħu jiġu ssostanzjati biss abbażi tal-provi u tal-informazzjoni konkreta dwar l-attivitajiet tal-imsemmija persuni (sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2024, Russian Direct Investment Fund vs Il‑Kunsill, T‑235/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:311, punt 50).
328 Min-naħa l-oħra, il-miżuri kontenzjużi, ta’ natura settorjali, ma humiex ibbażati fuq evalwazzjoni speċifika tal-Kunsill dwar l-għoti, mir-rikorrenti, ta’ appoġġ materjali jew finanzjarju lill-awtoritajiet Russi fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukraina, hekk li l-Kunsill ma kienx obbligat jistabbilixxi, permezz ta’ sensiela ta’ indizji konkreti, preċiżi u konkordanti biżżejjed, li r-rikorrenti kienet marbuta mas-sitwazzjoni kkombattuta fl-Ukraina (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2024, Russian Direct Investment Fund vs Il‑Kunsill, T‑235/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:311, punti 51 u 52). Fil-fatt, ir-rikorrenti taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri kontenzjużi biss fil-kwalità tagħha ta’ entità li hija 100 % proprjetà tal-Istat Russu. Għalhekk, il-Kunsill ma kellux l-obbligu li jikkomunikalha provi speċifiċi li fuqhom huwa qagħad sabiex jadotta l-imsemmija miżuri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2024, Russian Direct Investment Fund vs Il‑Kunsill, T‑235/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:311, punt 75).
329 Mill-premess jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.
5. Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ eżami mill-ġdid tal-Kunsill
330 Permezz tal-ħames motiv tagħha, imqajjem fl-istadju tat-tieni nota ta’ adattament, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill talli ma ħax inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħha u talli ma weġibx kif jixraq għall-argumenti mressqa fit-tieni talba għal eżami mill-ġdid. B’mod partikolari, il-Kunsill, fir-risposta tiegħu tat‑8 ta’ Lulju 2025, sempliċement irrefera għas-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, hekk li eskluda kull eżami mill-ġdid fil-fond tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti.
331 Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dan l-argument.
332 Skont il-ġurisprudenza, meta l-persuna kkonċernata tifformula osservazzjonijiet dwar l-espożizzjoni tal-motivi, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni jkollha l-obbligu li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u ta’ kwalunkwe prova liberatorja mehmuża magħhom (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).
333 F’dan ir-rigward, għalkemm ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippermettu lill-persuna kkonċernata minn att li jikkawżalha preġudizzju tesprimi effettivament l-opinjoni tagħha, dan ma jistax, madankollu, jobbligahom jaqblu mal-opinjoni tagħha. B’hekk, is-sempliċi fatt li l-Kunsill la kkonkluda li l-estensjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni kienet infondata u lanqas biss ħass li jkun utli li jivverifika l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti, ma jistax jimplika li tali osservazzjonijiet ma ttiħdux inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2023, Mordashov vs Il‑Kunsill, T‑248/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:573, punti 65 u 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).
334 Barra minn hekk, il-Kunsill ma huwiex obbligat iwieġeb għall-osservazzjonijiet ippreżentati mill-persuna jew mill-entità kkonċernata qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi previsti (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill, C‑225/17 P, EU:C:2019:82, punt 92).
335 F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li l-Kunsill għarraf lir-rikorrenti, sa mit‑28 ta’ Jannar 2025, bid-deċiżjoni tiegħu li jżomm fis-seħħ il-miżuri kontenzjużi kontriha billi stedinha tippreżentalu kwalunkwe osservazzjonijiet qabel l‑24 ta’ Mejju 2025 (ara l-punt 37 iktar ’il fuq).
336 Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha f’ittra tat‑23 ta’ Mejju 2025 (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), li l-Kunsill wieġeb għaliha permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Lulju 2025 (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).
337 F’din l-ittra tat‑8 ta’ Lulju 2025 (ara l-punt 40 iktar ’il fuq), il-Kunsill qal, l-ewwel nett, li, inkwantu l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrenti kienu diġà ġew imfissra fir-rikors, huwa kien iddeċieda wkoll li jirreferi għas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali u kien, għalhekk, wieġeb għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti. B’mod partikolari, il-Kunsill enfasizza li ħa inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha trażmessa mir-rikorrenti kif ukoll il-provi li huwa kellu għad-dispożizzjoni tiegħu, inkluż il-provi dwar ir-rikorrenti li jirriżultaw mill-kontenzjuż pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. It-tieni, il-Kunsill fakkar li ma kienx obbligat jieħu pożizzjoni fuq kull osservazzjoni magħmula mir-rikorrenti u qies li huwa kien, fi kwalunkwe każ, wieġeb għall-argumenti prinċipali tagħha dwar, b’mod partikolari, l-effetti negattivi tal-miżuri kontenzjużi fuq is-sigurtà marittima u l-ambjent, l-eżistenza ta’ miżuri oħra inqas onerużi u l-ksur tar-Regolament Nru 391/2009. Fl-aħħar nett, il-Kunsill ikkonkluda, wara eżami tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, li dawn tal-aħħar ma kinux iwaqqgħu dubju fuq l-evalwazzjoni tiegħu tal-fondatezza tal-applikazzjoni tal-miżuri kontenzjużi fil-konfront tagħha. Huwa għalhekk informaha bid-deċiżjoni tiegħu li jżomm l-imsemmija miżuri fil-konfront tagħha u bil-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet ġodda qabel il‑5 ta’ Diċembru 2025.
338 Minn dan jirriżulta li, f’din l-ittra, il-Kunsill wieġeb b’mod suffiċjenti fid-dritt, fis-sens tal-ġurisprudenza mfissra fil-punti 332 sa 334 iktar ’il fuq, għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti.
339 L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ risposta sostanzjali għall-osservazzjonijiet tagħha ma jistax iwaqqa’ dubju fuq din il-konklużjoni inkwantu, minn naħa, il-Kunsill ma kienx obbligat li jwieġeb b’mod iddettaljat (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2025, Melnichenko vs Il‑Kunsill, T‑1114/23, mhux ippubblikata, EU:T:2025:1111, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata) u punt punt għall-osservazzjonijiet u għad-dokumenti trażmessi mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 95) u inkwantu, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ risposta għall-osservazzjonijiet kollha u għad-dokumenti kollha hekk trażmessi ma jurix li ma ħadhomx inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2023, Khan vs Il‑Kunsill, T‑333/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:758, punt 152).
340 Barra minn hekk, il-fatt li l-Kunsill iddeċieda li jżomm il-miżuri kontenzjużi fil-konfront tar-rikorrenti, minkejja l-osservazzjonijiet ippreżentati minn din tal-aħħar, ma jistax jammonta għal ksur tal-obbligu ta’ eżami mill-ġdid li jinkombi fuqu, inkwantu din l-istituzzjoni ma kinitx obbligata taqbel mal-perspettiva tar-rikorrenti, u dan skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 333 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kunsill ma biddilx l-evalwazzjoni tiegħu minkejja l-kritika magħmula mir-rikorrenti, b’mod partikolari sa fejn għandha x’taqsam in-natura allegatament sproporzjonata tal-miżuri kontenzjużi, jaqa’ fl-iskop tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-imsemmija miżuri u ma jurix li l-Kunsill naqas milli jagħmel eżami aġġornat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2023, Khan vs Il‑Kunsill, T‑333/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:758, punt 151).
341 Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, fit-tieni talba għal eżami mill-ġdid, sempliċement ittenni l-argumenti diġà mfissra, b’mod partikolari, fir-rikors u fir-replika. Għalhekk, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat talli rrefera għas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha stess ippreżentati f’din il-proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 104), billi tali riferiment ma jeskludix l-eżami mill-ġdid, mill-Kunsill, tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2023, Rashnikov vs Il‑Kunsill, T‑305/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:530, punt 157).
342 Konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.
343 Mill-premess jirriżulta li r-rikors għandu, minn naħa, jintlaqa’ sa fejn ifittex l-annullament tal-Artikolu 1ab(3) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, kif estiża bid-deċiżjonijiet ikkontestati, inkwantu jipprevedi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni mogħtija lir-rikorrenti abbażi tar-Regolament Nru 391/2009 u, min-naħa l-oħra, għandu jiġi miċħud għall-kumplament.
IV. Fuq l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza
344 Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-qrati tal-Unjoni jistgħu, jekk kemm‑il darba jqisu li dan ikun neċessarju, jindikaw liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu bħala definittivi. Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li tali possibbiltà tista’ tintuża, anki ex officio, mill-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ April 2008, Il‑Parlament u Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni, C‑14/06 u C‑295/06, EU:C:2008:176, punt 85, u tad‑29 ta’ Settembru 2021, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, EU:T:2021:639, punt 396).
345 F’dan il-każ, għandu jitfakkar li t-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti, li jfittex l-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 833/2014 emendat, ġie miċħud bħala inammissibbli (ara l-punti 57 sa 76 iktar ’il fuq).
346 Xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tar-rabta mill-qrib bejn deċiżjoni PESK u r-regolament maħsub sabiex jattwaha, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 67 iktar ’il fuq, iż-żamma fis-seħħ tal-Artikolu 5aa(4) tar-Regolament Nru 833/2014 emendat, minkejja li d-dispożizzjoni korrispondenti prevista fl-Artikolu 1ab(3) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata ġiet annullata, tista’ tikkawża preġudizzju serju għaċ-ċertezza legali, billi dawn iż-żewġ atti jimponu fuq ir-rikorrenti miżuri identiċi (ara l-punt 22 iktar ’il fuq) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2013, TCMFG vs Il‑Kunsill, T‑404/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:194, punt 43, u tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Borborudi vs Il‑Kunsill, T‑580/19, EU:T:2021:330, punt 94).
347 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ser issir applikazzjoni ġusta tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE billi jinżammu l-effetti tal-Artikolu 1ab(3) tad-Deċiżjoni 2014/512 emendata, kif estiża bid-deċiżjonijiet ikkontestati, għal perijodu ta’ mhux iktar minn xahrejn u għaxart ijiem mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.
V. Fuq l-ispejjeż
348 Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha fejn toħroġ rebbieħa taħt xi kapijiet u toħroġ telliefa taħt oħrajn.
349 F’dan il-każ, it-talbiet tar-rikorrenti għall-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, imsemmija fil-punt 45 iktar ’il fuq, huma miċħuda parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondati, ħlief it-talba tagħha għall-annullament tal-Artikolu 1ab (3) tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/1909 u estiża bid-deċiżjonijiet ikkontestati. Għandu jiġi deċiż, għalhekk, l-Parlament u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
350 Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jkunu intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 1ab(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1909 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 u estiża bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2026 tat‑22 ta’ Lulju 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/175 tas‑27 ta’ Jannar 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1320 tat‑30 ta’ Ġunju 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/2648 tat‑22 ta’ Diċembru 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512, huwa annullat inkwantu jipprevedi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Unjoni Ewropea lil Russian Maritime Register of Shipping taħt ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri.
2) L-effetti tal-Artikolu 1ab(3) tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/1909 u estiża bid-Deċiżjonijiet 2024/2026, 2025/175, 2025/1320 u 2025/2648, għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perijodu ta’ mhux iktar minn xahrejn u għaxart ijiem mid-data tal-għoti tas-sentenza.
3) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
4) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Russian Maritime Register of Shipping għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
5) Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.
|
Papasavvas |
Kecsmár |
Madise |
|
Öberg |
Truchot |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑4 ta’ Novembru 2026.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.