|
14.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 45/15 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/326 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tat-18 ta' Ottubru 2022
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2020
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-OLAF iffinalizzat fil-15 ta' Frar 2022, u li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Membri tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit f'Lulju 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, |
|
— |
wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0235/2022), |
|
A. |
billi l-Ombudsman Ewropew wettqet sensiela ta' inkjesti rigward il-konformità tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-"Aġenzija") mal-obbligi tagħha fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tar-responsabbiltajiet imsaħħa tagħha fil-każijiet OI/5/2020/MHZ u OI/4/2021/MHZ, u għamlet sensiela ta' rakkomandazzjonijiet lill-Aġenzija; |
|
1. |
Jinnota r-riżenja tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija u tal-ex kap tal-kabinett tiegħu fit-28 ta' April 2022 wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-OLAF u wara bosta rapporti u investigazzjonijiet ġurnalistiċi li żvelaw problemi b'mod partikolari fil-qasam tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' proċedimenti dixxiplinari kontrihom minkejja r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF f'dan ir-rigward; jilqa' l-ħatra mill-bord maniġerjali ta' direttur eżekuttiv ad interim mill-1 ta' Lulju 2022; jieħu nota tal-avviż ta' pożizzjoni vakanti għal direttur eżekuttiv ġdid tal-Aġenzija ppubblikat fil-21 ta' Ġunju 2022; jistieden lill-bord maniġerjali tal-Aġenzija jaħtar direttur eżekuttiv mill-aktar fis possibbli; jistieden lill-bord maniġerjali, qabel ma jkompli b'din il-proċedura ta' reklutaġġ, jimpenja ruħu favur aktar trasparenza u obbligu ta' rendikont fil-konfront tal-Parlament, u jikkonferma dak l-impenn bil-miktub; jenfasizza li l-persuna li tingħażel bħala d-direttur eżekuttiv il-ġdid għandha timpenja ruħha li tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tal-Aġenzija kif ukoll li jkollha ħiliet amministrattivi u maniġerjali ta' livell għoli; jistieden lill-bord maniġerjali u lill-Kummissjoni jinvolvu ruħhom b'mod attiv mal-Parlament, f'konformità mal-prerogattivi tal-Parlament; ifakkar li l-aċċess pubbliku massimu possibbli għar-rapporti finali tal-OLAF li jikkonċernaw l-Aġenzija, f'format xieraq għall-użu pubbliku, kif ukoll l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, u b'mod partikolari tal-Grupp ta' Ħidma ta' Skrutinju tal-Frontex tiegħu, għandhom jiffurmaw parti mill-impenn tal-bord maniġerjali favur it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont; |
|
2. |
Jilqa' n-nota ta' informazzjoni dwar "Azzjonijiet meħuda mill-maniġment tal-Frontex matul il-perjodu ta' tranżizzjoni" li ntbagħtet lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fis-27 ta' Ġunju 2022 li tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri meħuda mill-maniġment interim tal-Aġenzija, b'antiċipazzjoni tal-ħatra ta' direttur eżekuttiv ġdid; jistieden lill-maniġment interim u lid-direttur eżekuttiv li se jinħatar biex ikomplu jinformaw b'mod proattiv lill-awtorità tal-kwittanza dwar ir-rispons tagħhom għall-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha; |
|
3. |
Jieħu nota tal-impenn li ttieħed favur it-tħejjija ta' pjan ta' azzjoni dwar l-azzjonijiet ta' rimedju ppreżentati f'dan id-dokument taħt it-tmexxija tal-aġent direttur eżekuttiv; jilqa' r-rikonoxximent mill-aġent direttur eżekuttiv tal-problemi eżistenti tal-Aġenzija, jirrikonoxxi l-impenn tal-aġent direttur eżekuttiv li tiżgura li l-Aġenzija timplimenta bis-sħiħ il-mandat tagħha u topera b'rispett sħiħ tal-istat tad-dritt, u japprezza l-bidla pożittiva fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tat-tibdil tal-kultura organizzattiva tal-Aġenzija, inkluż li jiġi żgurat li n-nies ma jibżgħux jirrapportaw l-għemil ħażin possibbli u li jkun hemm segwitu xieraq ta' dan, li jiġi stabbilit djalogu mal-membri tal-persunal, li titħeġġeġ id-delega tas-setgħat u li jinbnew relazzjonijiet ta' fiduċja ma' istituzzjonijiet oħra u mal-pubbliku; jilqa' wkoll l-impenn tagħha favur it-trasparenza; jistenna li r-rikonoxximenti u l-impenji msemmija hawn fuq jiġu riflessi fi pjan ta' azzjoni li għandu jitressaq lill-Parlament, flimkien ma' aġġornamenti regolari dwar l-implimentazzjoni tiegħu; iqis il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni bħala kundizzjoni importanti fil-proċess ta' kwittanza tal-Aġenzija; |
|
4. |
Jistieden lill-maniġment eżekuttiv tal-Aġenzija jkompli bl-implimentazzjoni tal-mandat tal-Aġenzija; itenni li ċ-ċarezza, it-trasparenza, id-djalogu miftuħ u l-komunikazzjoni kemm internament kif ukoll esternament, id-delega tar-responsabbiltajiet u l-kompiti, kif ukoll ir-rispett ta' standards għoljin ta' etika u l-konformità mad-drittijiet fundamentali huma essenzjali biex tinbidel il-kultura organizzattiva fi ħdan l-Aġenzija, tiġi żgurata governanza tajba u jittejjeb il-funzjonament tagħha lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-mandat tagħha, kif stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1); ifakkar li dan huwa sforz kollettiv li jirrikjedi l-kooperazzjoni sinċiera tal-maniġment eżekuttiv, tal-bord maniġerjali tal-Aġenzija u tal-Kummissjoni; itenni, f'dan il-kuntest, l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprovdi linji gwida ċari għall-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-mandat tal-Aġenzija, b'mod partikolari fir-rigward tal-aspetti ta' kontroll fil-fruntieri; itenni l-appoġġ tal-Parlament fi ħdan dan il-proċess; ifakkar fir-rimarki li saru fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tat-13 ta' Lulju 2022 li l-pass mgħaġġel impost mill-mandat il-ġdid tal-Aġenzija kkawża diffikultajiet li, meta meqjusa fil-preżent, jidhru li kienu sottovalutati u li wasslu għal dewmien b'mod partikolari fir-reklutaġġ; jinnota li l-koeffiċjent ta' korrezzjoni attwali jikkawża diffikultajiet kbar biex jiġi attirat persunal kwalifikat u diversifikat, u jitlob reviżjoni ta' dak il-koeffiċjent ta' korrezzjoni filwaqt li titqies ir-realtà tal-għoli tal-ħajja sabiex jittejjeb il-bilanċ ġeografiku fl-Aġenzija; |
|
5. |
Jenfasizza r-rwol akbar li l-Aġenzija kellha twettaq fil-kuntest tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna; jilqa', f'dan ir-rigward, l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar attivitajiet operattivi mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Moldova (2) u l-assistenza mogħtija lil Chisinau fil-ġestjoni tal-flussi migratorji; |
Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
6. |
Ifakkar fl-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") dwar ir-riport ta' impenn baġitarju provviżorju ta' EUR 18 000 000 għat-tħejjija ta' skjeramenti fuq il-post fl-2021 li għalihom ma kienx hemm impenn legali; jinnota l-miżuri ta' rimedju meħuda mill-Aġenzija, li jiffukaw fuq il-kjarifika tal-qafas regolatorju, fuq it-titjib tal-involviment tas-servizz finanzjarju tal-Aġenzija u fuq it-taħriġ tal-persunal, mingħajr madankollu ma rrilaxxat l-ammont ikkonċernat għall-baġit tal-Unjoni; iqis li l-impenn baġitarju provviżorju kellu jiġi kkanċellat, minflok ma ġie riportat; jistieden lill-Qorti tevalwa d-deċiżjoni tal-Aġenzija li ma tikkanċellax l-impenn; |
|
7. |
Itenni t-tħassib tiegħu li d-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija, bi ksur tar-Regolament Finanzjarju, uża ajruplan privat fl-4 ta' Marzu 2020, li sewa EUR 8 500 lill-Aġenzija; |
Il-kundizzjonijiet ifformulati għall-kwittanza tal-2019
|
8. |
Jieħu nota tar-rapport tal-Aġenzija dwar l-implimentazzjoni tas-seba' kundizzjonijiet ifformulati għall-kwittanza tal-Aġenzija għall-2019; jiddispjaċih, madankollu, li skont kif ġie rrapportat, ħamsa biss mis-seba' kundizzjonijiet ġew implimentati mill-Aġenzija; jiddispjaċih li diversi kundizzjonijiet għadhom ma ġewx issodisfati għalkollox; |
|
9. |
Jiddispjaċih li waħda mill-kundizzjonijiet li għadhom ma ġewx issodisfati hija r-reklutaġġ ta' 40 osservatur tad-drittijiet fundamentali (FRM), peress li fl-1 ta' Ġunju 2022, 31 FRM kienu fil-kariga, u tlieta oħra kienu se jidħlu fil-kariga fl-1 ta' Settembru 2022; jenfasizza li, skont l-Artikolu 110(6) tar-Regolament (UE) 2019/1896, l-Aġenzija kellha l-obbligu li tirrekluta mill-inqas 40 FRM sal-5 ta' Diċembru 2020; jissottolinja li l-Grupp ta' Ħidma ta' Skrutinju tal-Frontex stabbilixxa li r-reklutaġġ ta' FRMs iddewwem bla bżonn mid-direttur eżekuttiv preċedenti tal-Aġenzija, filwaqt li l-Aġenzija tispjega li d-dewmien kien dovut għal proċeduri ta' reklutaġġ twal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jirrikonoxxi l-progress reċenti li sar mill-Aġenzija fir-reklutaġġ u jilqa' ż-żieda fl-għadd ta' FRMs minn 40 għal 46; jenfasizza li r-Regolament (UE) 2019/1896 jipprovdi l-qafas għal aktar żidiet fl-għadd ta' FRMs hekk kif l-Aġenzija tikber, u l-għadd inizjali ta' 40 FRM huwa l-limitu minimu u mhux il-limitu massimu; itenni l-istediniet tiegħu lill-Aġenzija biex twettaq ir-reklutaġġ u l-ħatriet futuri kollha ta' FRMs fil-livell AD; jirrikonoxxi l-impenn tal-Aġenzija li tirrekluta l-FRMs li fadal mill-aktar fis possibbli; jinnota li l-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali (FRO) qal li kien sodisfatt bil-proċedura; |
|
10. |
Jiddispjaċih li l-Aġenzija ma evalwatx l-attivitajiet tagħha fil-Greċja, minkejja li rapporti mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri, il-Kunsill tal-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti juru li l-Aġenzija kienet qed twettaq operazzjonijiet konġunti ta' sorveljanza fil-fruntieri f'żoni fejn, simultanjament, kien qed isir ksur tad-drittijiet fundamentali; jiddispjaċih li l-awtorità tal-kwittanza indirizzat din il-kwistjoni fl-ewwel rapport ta' kwittanza tagħha għall-2020 dwar l-Aġenzija, iżda li l-Aġenzija ma pprovdiet ebda informazzjoni sostanzjali dwar kif biħsiebha tagħti segwitu għal dan; jenfasizza l-urġenza ta' din il-kwistjoni fid-dawl tal-iżviluppi fil-Greċja; iħeġġeġ lill-Aġenzija twettaq evalwazzjoni bir-reqqa mill-aktar fis possibbli u żżomm lill-awtorità tal-kwittanza aġġornata; |
|
11. |
Jiddispjaċih li l-Aġenzija għadha ma rrevedietx il-proċedura operattiva standard għar-rapporti ta' inċidenti serji; jinnota li din ir-reviżjoni kienet inizjalment ippjanata għat-tieni trimestru tal-2022 iżda li din, skont l-Aġenzija minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, ġiet posposta għat-tielet trimestru tal-2022; |
|
12. |
Jiddispjaċih li kundizzjoni oħra li għadha ma ġietx issodisfata hija l-istedina lill-Aġenzija biex tissospendi l-attivitajiet tagħha relatati mal-appoġġ fl-Ungerija, li mhijiex taġixxi f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2019/1896 u lanqas mal-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-"Qorti tal-Ġustizzja") dwar proċeduri ta' ksur kontra l-Ungerija; jinnota li l-Aġenzija targumenta li, minflok ma tissospendi l-attivitajiet relatati mal-appoġġ, tieħu miżuri addizzjonali ta' salvagwardja biex tingħata assigurazzjonijiet mill-awtoritajiet Ungeriżi li d-drittijiet fundamentali ġew irrispettati, u li timmonitorja dan mill-qrib, li jikkonferma l-argument espress mill-Kummissjoni fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tat-13 ta' Lulju 2022 li preżenza tal-Aġenzija fl-Ungerija tippermetti lill-Aġenzija timmonitorja u tikkontrolla ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali fil-konfront ta' persuni li jfittxu l-ażil mill-awtoritajiet Ungeriżi fil-fruntiera; jissottolinja li din il-preżenza għandha tkun limitata għal attivitajiet ta' monitoraġġ u jenfasizza li l-Aġenzija jeħtiġilha żżomm lura milli tipparteċipa fi kwalunkwe operazzjoni rregolata minn dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienu tqiesu inkompatibbli mal-liġi tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja sa meta tali dispożizzjonijiet kollha jkunu konformi mal-acquis communautaire; jinnota li l-FRO tal-Aġenzija jisħaq li l-appoġġ kontinwu tal-Aġenzija fl-Ungerija jista' jimplikaha fil-ksur tal-prinċipju ta' non-refoulement, u jirrakkomanda li l-Aġenzija tissospendi l-attivitajiet tagħha relatati mal-appoġġ fl-Ungerija u li tistabbilixxi salvagwardji addizzjonali jekk l-Aġenzija, madankollu, tkompli timmonitorja dawn l-operazzjonijiet, speċjalment fil-kuntest tas-sitwazzjoni ġenerali tal-istat tad-dritt fl-Ungerija; itenni, f'dan il-kuntest, l-istedina tiegħu lill-Aġenzija biex tissospendi l-attivitajiet l-oħra kollha fl-Ungerija; jinnota, madankollu, il-progress li sar mill-Aġenzija permezz tal-adozzjoni tal-Proċeduri Operattivi Standard dettaljati għall-Artikolu 46, fil-forma ta' Deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv f'Jannar 2022; jenfasizza l-importanza li dawk il-proċeduri jiġu implimentati skont l-ogħla standards ta' rispett tad-drittijiet fundamentali; |
|
13. |
Jikkonkludi li l-Aġenzija implimentat il-biċċa l-kbira tal-kundizzjonijiet ifformulati mill-awtorità tal-kwittanza b'mod sodisfaċenti, iżda li l-implimentazzjoni sħiħa ta' dawk il-kundizzjonijiet kollha għadha ma nkisbitx u li kundizzjonijiet importanti għad iridu jiġu ssodisfati; jistieden lill-Aġenzija taġixxi minnufih u tikkonforma mal-kundizzjonijiet pendenti; jisħaq li l-issodisfar ta' dawk il-kundizzjonijiet huwa aspett kruċjali meqjus mill-awtorità tal-kwittanza sabiex tagħti l-kwittanza għas-sena finanzjarja 2020; |
|
14. |
Itenni, għal darb'oħra, li ż-żieda drammatika fil-kompetenzi u l-baġit tal-Aġenzija f'dawn l-aħħar snin trid tkun akkumpanjata minn żieda korrispondenti fl-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza; jisħaq li l-għoti ta' kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija jiddependi fuq tali obbligu ta' rendikont u trasparenza, u speċjalment fuq l-impenn tal-Aġenzija li tirrispetta l-liġi tal-Unjoni; |
Ir-rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)
|
15. |
Jinnota li l-OLAF u l-bord maniġerjali tal-Aġenzija qiegħdu għad-dispożizzjoni verżjoni anonimizzata tar-rapport finali tal-OLAF dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija; jinnota li din il-verżjoni anonimizzata tqiegħdet għad-dispożizzjoni biss tal-Membri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern; ifakkar li l-aċċess għal dak ir-rapport ġie kkunsidrat neċessarju mill-awtorità tal-kwittanza sabiex tieħu deċiżjoni infurmata bis-sħiħ dwar il-kwittanza għall-2020; jiddispjaċih dwar id-dewmien konsiderevoli biex jingħata aċċess għal dak ir-rapport billi dan fixkel il-prerogattiva ta' skrutinju tal-Parlament; jirrimarka, madankollu, li s-sejbiet tar-rapport tal-OLAF huma kwistjoni ta' interess pubbliku; jinnota li issa ġie ċċarat li l-OLAF huwa l-proprjetarju tar-rapport u li l-azzjonijiet pendenti kollha b'segwitu għas-sejbiet tar-rapport ingħalqu; |
|
16. |
Josserva li t-tħassib serju li tqajjem abbażi tal-preżentazzjoni parzjali tas-sejbiet mir-rapport finali fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tat-28 ta' Frar 2022 huwa kkonfermat fir-rapport finali; huwa mħasseb ferm dwar is-sejbiet tal-investigazzjoni u dwar il-portata tal-imġiba ħażina serja u ta' irregolaritajiet oħra identifikati mill-OLAF, kif ukoll dwar il-livell li fih twettqu; jesprimi, f'dan il-kuntest, ix-xokk kbir tiegħu għall-imġiba u l-azzjonijiet tal-persuni kkonċernati deskritti fis-sejbiet u għan-nuqqas ta' obbligu ta' rendikont; jinnota, mid-dikjarazzjonijiet tal-President tal-bord maniġerjali tal-Aġenzija fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tat-13 ta' Lulju 2022, li ttieħdu azzjonijiet biex jingħata segwitu għall-konklużjonijiet tal-OLAF fir-rapport finali; iqis, f'dan ir-rigward, li għandhom jittieħdu azzjonijiet serji ta' rimedju u li s-soluzzjoni tal-problemi skoperti mill-OLAF se tieħu ż-żmien u se tirrikjedi impenn qawwi speċjalment mid-direttur eżekuttiv il-ġdid mistenni; itenni l-istedina tiegħu lill-Aġenzija biex tippreżenta pjan direzzjonali dettaljat dwar kif biħsiebha tirrispondi għat-tħassib pendenti, flimkien ma' skeda ta' żmien ċara u dettaljata għal dawn l-azzjonijiet; ifakkar li, matul il-laqgħa tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tat-13 ta' Lulju 2022, l-OLAF reġa' kkonferma li r-rapport finali ma fih ebda implikazzjoni finanzjarja jew indikazzjoni ta' ksur tal-ġestjoni finanzjarja tajba; ifakkar li l-investigazzjoni ffukat fuq l-allegazzjonijiet ta' mġiba ħażina u ta' nonkonformità mal-proċeduri mill-maniġment superjuri; jenfasizza, madankollu, li l-konklużjonijiet ippreżentati fir-rapport finali tal-OLAF dwar l-investigazzjoni mwettqa fir-rigward tal-attivitajiet tal-Aġenzija, taħt it-tmexxija tal-ex direttur eżekuttiv, huma estremament serji u rilevanti għall-proċedura ta' kwittanza għas-sena 2020; ifakkar li, fl-2022, mistennija jiġu ppreżentati żewġ rapporti finali addizzjonali tal-OLAF fir-rigward tal-Aġenzija; jitlob li, ladarba jiġu ffinalizzati dawk ir-rapporti finali, il-Membri tal-Parlament ikollhom aċċess immedjat u li jkollu aċċess ukoll il-persunal eżekuttiv kollu tal-Aġenzija li jeħtieġ li jkollu aċċess għal dawk ir-rapporti biex tiġi żgurata implimentazzjoni korretta tal-baġit tal-Aġenzija fil-futur; |
Bidla fl-Aġenzija
|
17. |
Jirrikonoxxi u jilqa' l-bidla pożittiva fl-istil ta' maniġment introdott mill-aġent direttur eżekuttiv li impenjat ruħha li tbiddel il-kultura organizzattiva tal-Aġenzija, filwaqt li tippromwovi approċċ ibbażat fuq tim bi tmexxija konsultattiva u inklużiva, fejn in-nies ma jibżgħux jitkellmu dwar għemil ħażin possibbli, bl-appoġġ sħiħ tal-bord maniġerjali u l-FRO; jilqa, b'mod partikolari, l-impenn tal-aġent direttur eżekuttiv favur it-trasparenza u jistenna li jittieħdu passi deċiżivi sabiex dawk l-impenji jiġu ssodisfati; jilqa' r-rwol pożittiv tal-President il-ġdid tal-bord maniġerjali u l-kontribut importanti tal-FRO, li tejjeb u intensifika l-kollaborazzjoni u l-komunikazzjoni fl-Aġenzija; jinnota wkoll il-kummenti tal-President tal-bord maniġerjali tal-Aġenzija u tad-Deputat Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni li r-rapport juri n-nuqqasijiet tal-individwi kkonċernati, u li ma hemm ebda kwistjoni strutturali; itenni li l-investigazzjoni tal-OLAF kienet limitata għall-imġiba ħażina u għan-nonkonformità mal-proċeduri minn ċerti individwi u jisħaq li hija meħtieġa analiżi iktar fil-fond biex l-awtorità tal-kwittanza tivvaluta n-natura eżatta tan-nuqqasijiet identifikati sabiex ikun żgurat li ma hemm ebda problema strutturali;
|
|
18. |
Jirrikonoxxi li l-problemi kollha li l-Aġenzija qed tħabbat wiċċha magħhom huma kwistjonijiet ta' legat u li t-tmexxija attwali u futura tal-Aġenzija jeħtiġilha ssib mod kif tittratta dawk il-kwistjonijiet sabiex tgħin lill-Aġenzija timxi 'l quddiem; jenfasizza li jekk it-tmexxija attwali tal-Aġenzija tirrikonoxxi din-sitwazzjoni u jkollha l-għan li ssolvi l-problemi, l-Aġenzija tingħata l-appoġġ sħiħ tal-awtorità tal-kwittanza; jisħaq li l-objettiv kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-bord maniġerjali tal-Aġenzija għandu jkun li jindirizzaw l-isfidi kollha, sabiex jista' jkun hemm bidu ġdid, u li jevitaw li l-Aġenzija tkompli tonqos milli tirrispetta d-drittijiet fundamentali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-bord maniġerjali tal-Aġenzija jwettqu analiżi bir-reqqa ta' dawn il-kwistjonijiet kollha u jirrapportaw dwarhom lill-awtorità tal-kwittanza; jissottolinja li ċ-ċikli tal-kwittanza futuri se jikkunsidraw serjament l-aspetti kollha msemmija hawn fuq; |
|
19. |
Jitlob b'insistenza li l-maniġment eżekuttiv tal-Aġenzija, inklużi l-aġent direttur eżekuttiv, il-viċi diretturi eżekuttivi u l-FRO, jingħataw aċċess għal, u biex jaqraw, il-kontenut tar-rapport finali tal-OLAF fid-dawl tal-importanza kruċjali tiegħu biex tiġi żgurata implimentazzjoni korretta tal-baġit tal-Aġenzija u tar-regolament fil-futur; jistieden lill-bord maniġerjali u lill-maniġment eżekuttiv tal-Aġenzija jivvalutaw mill-ġdid bir-reqqa l-kontenut tar-rapport finali tal-OLAF u jindirizzaw il-kwistjonijiet li jqajjem; jistieden b'mod partikolari lill-maniġment eżekuttiv tal-Aġenzija jeżamina mill-ġdid il-konklużjonijiet dwar inċidenti eżaminati mill-bord maniġerjali fir-rigward tal-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali, fid-dawl tar-rapporti tal-media ta' ħabi ta' informazzjoni mill-bord maniġerjali, u dwar il-kondiviżjoni ta' informazzjoni fi ħdan l-Aġenzija u bejn l-Aġenzija u l-Parlament; iħeġġeġ lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni jirrikonoxxu u jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni strutturali relatata kemm mal-operazzjonijiet diretti tal-Aġenzija kif ukoll mas-sorveljanza, u jiżguraw li sitwazzjonijiet bħal dawn qatt ma jerġgħu jseħħu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija jinformaw lill-awtorità tal-kwittanza dwar kif dawn il-kwistjonijiet se jiġu indirizzati; |
Ir-Rapport Speċjali 08/2021 tal-Qorti tal-Awdituri
|
20. |
Jinnota li l-Aġenzija rrapportat l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 5 tar-Rapport Speċjali 08/2021 tal-Qorti tal-Awdituri (skadenza fi tmiem l-2021), iżda qed tipposponi l-iskadenza għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 1, rigward it-titjib tal-qafas għall-iskambju ta' informazzjoni u l-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea, b'aktar minn sena minn nofs l-2022 għat-tielet u r-raba' semestri tal-2023; jinnota wkoll l-implimentazzjoni li għaddejja/parzjali tar-Rakkomandazzjonijiet 2, 3 u 4 u jħeġġeġ lill-Aġenzija tirrispetta l-iskadenza għall-implimentazzjoni tagħhom sa tmiem l-2022; |
It-trasparenza
|
21. |
Ifakkar fid-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fl-investigazzjoni fuq inizjattiva proprja tagħha dwar l-obbligi tad-drittijiet fundamentali; jinnota l-konklużjoni tal-Ombudsman li l-Aġenzija għandha tiżgura approċċ aktar proattiv għat-trasparenza, anki billi tippubblika dokumenti li huma meħtieġa biex jinftiehmu r-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-atturi involuti fl-operazzjonijiet tagħha; jinnota li l-Aġenzija ma tistax taqsam informazzjoni ta' natura tattika li tista' tiġi abbużata għall-fini tat-traffikar tal-bnedmin jew ta' attivitajiet illegali oħra; jistieden lill-Aġenzija timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman; jissuġġerixxi li l-Aġenzija tiżviluppa u timplimenta kodiċi ta' kondotta ġdid li jiżgura trasparenza sħiħa u ġestjoni tajba u li l-Aġenzija żżomm lill-awtorità tal-kwittanza infurmata dwar il-progress li jkun sar f'dak ir-rigward; |
|
22. |
Jinnota l-adozzjoni ta' regoli speċjali li jiggarantixxu l-indipendenza tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali kif ukoll it-tfassil ta' strateġija u pjan ta' azzjoni għad-drittijiet fundamentali; |
|
23. |
Jinnota r-responsabbiltajiet kondiviżi li l-Aġenzija u l-Istati Membri għandhom fit-twettiq tal-obbligi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Aġenzija u lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw strutturi ta' kooperazzjoni, kondiviżjoni ta' informazzjoni u skambju tal-aħjar prattiki; |
|
24. |
Jieħu nota tal-eżitu tal-laqgħa straordinarja tal-bord maniġerjali tal-Aġenzija li saret fis-27 ta' Lulju 2022; jilqa' l-azzjonijiet pożittivi meħuda mill-bord maniġerjali sabiex itejjeb il-funzjonament tal-istruttura amministrattiva interna tal-Aġenzija u l-Istrateġija ta' Komunikazzjoni Esterna aġġornata tal-Frontex; jaqsam mal-bord maniġerjali t-tħassib dwar il-livell dejjem jiżdied ta' vjolenza fil-fruntieri esterni; jistenna li l-Aġenzija timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali kif spjegati fir-rapport annwali tiegħu tal-2021; |
Il-protezzjoni tad-data
|
25. |
Jinnota bi tħassib kbir ir-rapporti tal-media ta' Lulju 2022 li jindikaw li l-Aġenzija kienet qed tara kif tespandi l-ġbir ta' data intrużiva mill-migranti fl-ambitu tal-programm PeDRA; huwa mħasseb ukoll dwar rapporti li l-uffiċjal għall-protezzjoni tad-data wissa ripetutament li din l-espansjoni ta' data ma tistax tinkiseb mingħajr ma tinkiser il-liġi tal-Unjoni u rrakkomanda li jiġi kkonsultat il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS); jesprimi tħassib ukoll dwar rapporti li jikkonkludu li l-Aġenzija inizjalment injorat dan il-parir u baqgħet għaddejja b'dik l-espansjoni ta' data; jilqa', abbażi ta' informazzjoni pprovduta mill-Aġenzija, il-fatt li malli rċeviet l-opinjonijiet tal-EDPS dwar ir-regoli dwar l-ipproċessar tad-data, l-Aġenzija bdiet tabbozza mill-ġdid id-deċiżjonijiet tal-bord maniġerjali mal-uffiċjali għall-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija sabiex tiżgura konformità sħiħa mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, filwaqt li ddikjarat li r-regoli l-ġodda se jsegwu b'mod diliġenti l-osservazzjonijiet tal-EDPS; jitlob lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-istatus attwali ta' din il-kwistjoni u żżomm lill-awtorità tal-kwittanza informata dwar il-passi futuri fl-iżvilupp ta' dan il-programm; |
Il-każijiet ta' fastidju
|
26. |
Ifakkar li l-Aġenzija rrappurtat li ġiet innotifikata dwar 17-il każ ta' allegat fastidju sesswali fl-2020; jinnota mis-segwitu tal-Aġenzija għall-ewwel rapport ta' kwittanza tal-2020 li tnejn minn dawk is-17-il każ infetħu bħala proċeduri informali skont il-manwal ta' proċeduri tal-Aġenzija għal konsulenti kunfidenzjali; jiddeplora l-fatt li l-15-il każ l-ieħor ingħalqu mingħajr ma ngħata segwitu ulterjuri; jenfasizza li għandha ssir enfasi partikolari fuq l-identifikazzjoni, ir-rappurtar u l-ġlieda kontra l-fastidju sesswali, speċjalment fid-dawl ta' rapporti minn informaturi ta' każijiet allegati bħal dawn; jilqa' d-dikjarazzjonijiet tal-aġent direttur eżekuttiv fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit li l-Aġenzija tibqa' viġilanti f'dan il-qasam u li ttieħdu miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat li l-każijiet kollha jiġu ttrattati kif xieraq; jilqa' l-impenn espress tal-aġent direttur eżekuttiv li tibqa' viġilanti u tieħu miżuri addizzjonali f'dan il-qasam; jesprimi xokk u tħassib kbir dwar il-każ ta' suwiċidju ta' membru tal-persunal, relatat ma' allegati prattiki ta' fastidju sesswali, imsemmija fid-diskussjonijiet bejn uffiċjali tal-Aġenzija u l-Membri li kienu qed jipparteċipaw fil-missjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fil-Polonja f'Lulju 2022, u jilqa' l-fatt li dan il-każ reġa' nfetaħ mit-tmexxija eżekuttiva l-ġdida; jistieden lid-direttur eżekuttiv twettaq investigazzjoni sħiħa u dettaljata dwar dan il-każ partikolarment serju u inkwetanti, iżżomm lill-awtorità tal-kwittanza infurmata dwar ir-riżultati ta' din l-investigazzjoni u tikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet ta' investigazzjoni kriminali fil-proċess; jistieden lid-direttur eżekuttiv twettaq investigazzjoni bir-reqqa dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri eżistenti kontra l-fastidju sesswali, tikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet rilevanti kollha u tirrapporta lura lill-awtorità tal-kwittanza dwar is-sejbiet u tippreżenta pjan ta' azzjoni dettaljat b'miżuri li jiżguraw tolleranza żero fir-rigward tal-fastidju sesswali kemm fl-attivitajiet amministrattivi kif ukoll f'dawk operattivi tagħha; jitlob lill-Aġenzija tikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet rilevanti kollha fil-proċess u żżomm lill-awtorità tal-kwittanza informata dwar ir-riżultati; |
|
27. |
Ifaħħar lill-persunal tal-Aġenzija, li għadda minn perjodu diffiċli ħafna u ffaċċja sfidi li dwarhom l-aġent direttur eżekuttiv għamlet dikjarazzjonijiet fil-laqgħa tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tat-30 ta' Mejju 2022; jirrimarka, b'mod partikolari, dwar it-trattament tal-ex FRO li xogħlu ġie mfixkel matul is-snin mill-ex direttur eżekuttiv tal-Aġenzija, kif irrappurtat mill-media; jistieden lill-maniġment eżekuttiv tal-Aġenzija u lill-bord maniġerjali jkomplu jagħmlu lill-Aġenzija post sikur għax-xogħol li jinkoraġġixxi lin-nies jitkellmu; huwa inkuraġġit mid-dikjarazzjonijiet li ħafna membri tal-persunal irrapportaw lis-superjuri tagħhom l-irregolaritajiet li kienu xhieda tagħhom u jistieden lill-Aġenzija tiżgura li s-senjalazzjonijiet kollha li jikkonċernaw imġiba professjonali ħażina jittieħdu bis-serjetà u jingħata segwitu xieraq; jinsisti fuq il-ħtieġa li jsir taħriġ obbligatorju dwar il-fastidju soċjali għall-maniġment u għall-persunal kollu; |
|
28. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Mejju 2022 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).