SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
4 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )
[Test rettifikat b’digriet tad-19 ta’ Diċembru 2024]
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2021 – Regolarità tal-proċedura – Prinċipju ta’ imparzjalità”
Fil‑Kawża T‑158/23,
Jean-Marc Colombani, residenti f’Auderghem (il-Belġju), irrappreżentat minn N. de Montigny, avukat,
rikorrent,
vs
Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn R. Coesme, R. Spáč u S. Falek, bħala aġenti,
konvenut,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn R. da Silva Passos, President tal-Awla, I. Reine (Relatriċi) u T. Pynnä, Imħallfin,
Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tat‑2 ta’ Mejju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, Jean-Marc Colombani, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla r-rapport ta’ evalwazzjoni stabbilit fir-rigward tiegħu għas-sena 2021 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat”). |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
2 |
Ir-rikorrent huwa uffiċjal fil-grad AD 14 fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Huwa daħal fis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea fl‑1 ta’ Mejju 1990. |
|
3 |
Sa mill‑1 ta’ Jannar 2011 ir-rikorrent okkupa diversi pożizzjonijiet fi ħdan is-SEAE. Bejn it‑22 ta’ Ġunju 2011 u l‑31 ta’ Mejju 2016, huwa eżerċita l-funzjonijiet ta’ assistent tas-Segretarju Ġenerali Eżekuttiv tas-SEAE, u wara dan, mill‑1 ta’ Ġunju 2016 sal‑31 ta’ Diċembru 2016, huwa qeda l-funzjoni ta’ konsulent fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali. Wara l-ħatra ta’ Segretarju Ġenerali ġdid tas-SEAE, mill‑1 ta’ Jannar 2017, huwa ġie assenjat bħala konsulent għal wieħed mit-tliet Deputati Segretarji Ġenerali tas-SEAE. Fl‑1 ta’ Mejju 2020, is-superjur ġerarkiku immedjat tar-rikorrent ġie ssostitwit. |
|
4 |
Fit‑18 ta’ Frar 2021, ir-rikorrent ressaq talba għal assistenza bbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) minħabba fatti allegati ta’ fastidju psikoloġiku fil-konfront tiegħu, li huwa kien jimputa lil erba’ persuni u, b’mod partikolari, lis-superjur ġerarkiku immedjat tiegħu. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2021, l-imsemmija talba ġiet miċħuda sa fejn din kienet tikkonċerna l-aġir ta’ żewġ persuni kkonċernati. Min-naħa l-oħra, is-SEAE ddeċieda li jiftaħ investigazzjoni amministrattiva fir-rigward tas-superjur ġerarkiku immedjat tar-rikorrent u ta’ persuna oħra. |
|
5 |
Il-proċedura ta’ evalwazzjoni għas-sena 2021 infetħet fit‑2 ta’ Frar 2022. Fl-awtoevalwazzjoni tiegħu, ir-rikorrent semma t-talba għal assistenza għal fastidju psikoloġiku fir-rigward tas-superjur ġerarkiku immedjat tiegħu. |
|
6 |
F’posta elettronika indirizzata lill-uffiċċju tas-superjur ġerarkiku tiegħu, ir-rikorrent esprima d-dubji tiegħu dwar l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi fis-sens tal-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-każ fejn l-imsemmi superjur ġerarkiku jkollu jmexxi l-proċedura ta’ evalwazzjoni. |
|
7 |
Id-djalogu dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-sena 2021 seħħ bit-telefon fis‑6 ta’ Mejju 2022 mas-superjur ġerarkiku immedjat tiegħu. |
|
8 |
Fit‑2 ta’ Ġunju 2022, is-superjur ġerarkiku tar-rikorrent, fil-kwalità tiegħu ta’ evalwatur, iffirma r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-imsemmi rikorrent. F’dan ir-rapport ġie deċiż li r-rendiment tar-rikorrent kien sodisfaċenti. Madankollu, fl-entrata dwar ir-rendiment kien hemm l-evalwazzjoni li ġejja: “F’April 2021 Jean-Marc Colombani aċċetta termini ġodda ta’ referenza li jkopru b’mod partikolari l-prijoritajiet li ġejjin: 1/ il-kooperazzjoni ċivili-militari 2/ l-Indo-Paċifiku 3/ il-prospettiva strateġika b’enfasi fuq il-Boxxla Strateġika [...] Jean-Marc ma aġixxiex fir-rigward tat-tielet prijorità, b’dispjaċir tiegħi. Ħidma ta’ prospettiva strateġika fuq il-Boxxla kellha tiċċara b’mod utli n-negozjati mmexxija separatament mal-Istati Membri, fid-dawl tal-permeabbiltà tagħha mad-dibattitu pubbliku u l-produzzjoni taċ-ċentri ta’ riċerka [...]”. |
|
9 |
Fl-istess jum, ir-rikorrent appella mill-evalwazzjoni tiegħu billi talab li l-proċedura ta’ evalwazzjoni li tikkonċernah tiġi sospiża fl-istennija tar-riżultat tal-investigazzjonijiet amministrattivi dwar l-allegati fatti ta’ fastidju miftuħa kontra, b’mod partikolari, is-superjur ġerarkiku immedjat tiegħu. Ir-rikorrent espona d-dubji tiegħu fir-rigward tal-imparzjalità tas-superjur ġerarkiku immedjat tiegħu fil-kwalità tiegħu ta’ evalwatur, minħabba li dan tal-aħħar kien is-suġġett ta’ tali investigazzjoni. |
|
10 |
Fit‑13 ta’ Lulju 2022, is-Segretarju Ġenerali tas-SEAE, bħala evalwatur tal-appell, ikkonferma, wara intervista mar-rikorrent fit‑28 ta’ Ġunju 2022, l-evalwazzjoni stabbilita mis-superjur ġerarkiku immedjat ta’ dan tal-aħħar. |
|
11 |
Fid‑19 ta’ Awwissu 2022, ir-rikorrent ippreżenta lment abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat. |
|
12 |
Fil‑25 ta’ Ottubru 2022, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tas-SEAE ddeċidiet li tagħlaq mingħajr konsegwenzi l-investigazzjoni amministrattiva għall-allegati fatti ta’ fastidju psikoloġiku f’dak li jirrigwarda s-superjur ġerarkiku immedjat tar-rikorrent. |
|
13 |
Fl‑20 ta’ Diċembru 2022, ġiet adottata d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tar-rikorrent. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
14 |
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
15 |
Is-SEAE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id‑dritt
Fuq is‑suġġett tar‑rikors
|
16 |
Permezz tat-tieni talba tiegħu, ir-rikorrent jitlob l-annullament, sa fejn ikun meħtieġ, tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. |
|
17 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ fejn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment ma jkollhiex kontenut awtonomu, talbiet imressqa formalment kontra din id-deċiżjoni għandhom l-effett li jadixxu lill-Qorti Ġenerali bl-att li kontrih ikun tressaq l-ilment. (ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2017, RL vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, T‑21/17, EU:T:2017:907, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
18 |
F’dan il-każ, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma għandhiex kontenut awtonomu, peress li din sempliċement tikkonferma r-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat u tippreċiża l-motivazzjoni tas-SEAE b’risposta għall-kritika tar-rikorrent fir-rigward tiegħu. L-imsemmija deċiżjoni effettivament, minn naħa, tikkonferma, bi qbil mal-evalwatur tal-appell, kemm li l-evalwatur tar-rikorrent kien imparzjali u li ma kienx hemm sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi kif ukoll li l-proċedura ta’ appell kienet valida u, min-naħa l-oħra, tikkonferma l-evalwazzjoni tal-livell ta’ rendiment tar-rikorrent għas-sena 2021. |
|
19 |
Għalhekk, ir-rikors għandu jitqies bħala li huwa dirett kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat, li l-illegalità tiegħu għandha tiġi eżaminata anki billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2022, QM vs Europol, T‑164/21, EU:T:2022:695, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq il‑mertu
|
20 |
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tar-regoli applikabbli għall-proċedura ta’ evalwazzjoni, tal-Artikoli 11a, 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-assenza ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità tal-evalwatur. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq użu ħażin ta’ poter. |
|
21 |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel motiv, preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jirrigwarda l-obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni fil-konfront tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tagħha li huma s-suġġett, b’mod partikolari, ta’ fastidju psikoloġiku. Issa, is-suġġett ta’ dan ir-rikors huwa limitat għal talba għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat. Minn dan isegwi li s-suġġett ta’ dan ir-rikors ma huwiex talba għall-annullament ta’ att relatat mat-talba għal assistenza mressqa mir-rikorrent. Konsegwentement, l-invokazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. |
|
22 |
Dan espost, dan il-motiv huwa kompost minn żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq l-assenza ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità tal-evalwatur tar-rikorrent u, it-tieni waħda, fuq il-ksur tar-regoli applikabbli għall-proċedura ta’ evalwazzjoni. |
|
23 |
Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrent ifakkar li, fil-mument tar-redazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat, mhux biss talli huwa kien ressaq talba għal assistenza fir-rigward ta’ fatti ta’ fastidju allegatament imwettqa mis-superjur ġerarkiku immedjat tiegħu, iżda wkoll talli l-amministrazzjoni kienet iddeċidiet li tiftaħ investigazzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, investigazzjoni li, fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmi rapport, kienet għadha miftuħa. F’tali kuntest, kien improbabbli li s-superjur ġerarkiku immedjat tiegħu, ikkonċernat mill-imsemmija investigazzjoni, jibqa’ newtrali u imparzjali fir-rigward tar-rikorrent. |
|
24 |
Ir-rikorrent isostni li, matul l-intervista ta’ evalwazzjoni mas-superjur ġerarkiku immedjat tiegħu, dan tal-aħħar kien widdbu talli kien beda proċedura kontrih. Għalhekk, is-SEAE kellu jqis li s-superjur ġerarkiku immedjat tiegħu la kien oġġettivament u lanqas ma kien suġġettivament imparzjali fir-rigward tiegħu u kellu jaħtar evalwatur ieħor għall-proċedura ta’ evalwazzjoni għas-sena 2021, hekk kif tippermetti d-Deċiżjoni ADMIN (2022) 3 tas-Segretarju Ġenerali tas-SEAE, tal-24 ta’ Jannar 2022, li tadotta dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tal-Artikolu 44(1) tar-Regolamenti tal-Persunal dwar ir-rapporti ta’ evalwazzjoni għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal temporanju. |
|
25 |
Ir-rikorrent iqis li s-SEAE ma kellux ikompli l-proċedura ta’ evalwazzjoni bil-mod abitwali u seta’ jaħtar evalwatur ieħor jew jissospendi l-proċedura ta’ evalwazzjoni. |
|
26 |
Ir-rikorrent jikkonkludi li s-superjur ġerarkiku immedjat tiegħu kien f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi fis-sens tal-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
27 |
Is-SEAE jsostni li, konformement mal-ġurisprudenza, il-fatt li t-trattament tat-talba għal assistenza mressqa mir-rikorrent u li l-investigazzjoni amministrattiva relatata seħħew matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni ma jfissirx li s-superjur ġerarkiku immedjat tar-rikorrent ma kienx imparzjali jew li dan kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi. Għalhekk, il-fatt li s-superjur ġerarkiku tar-rikorrent jiġi prekluż milli jeżerċità l-funzjonijiet tiegħu ta’ evalwatur jew li l-proċedura ta’ evalwazzjoni tiġi sospiża kien ikun ta’ preġudizzju kemm għall-preżunzjoni ta’ imparzjalità u ta’ innoċenza tal-imsemmi superjur kif ukoll għar-riżultati tal-investigazzjoni miftuħa wara t-talba għal assistenza tar-rikorrent. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza u tar-regoli applikabbli tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-Deċiżjoni ADMIN (2022) 3, is-sospensjoni tal-proċedura ta’ evalwazzjoni la hija prevista u lanqas ma hija xierqa. |
|
28 |
Is-SEAE josserva li, f’kull każ, fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva fir-rigward tas-superjur ġerarkiku immedjat tar-rikorrent kien ġie deċiż li l-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku li huwa kien ifformula ma kinux issostanzjati. |
|
29 |
Minn dan is-SEAE jikkonkludi li l-evalwazzjoni tar-rikorrent, mis-superjur ġerarkiku immedjat tiegħu, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni inkwistjoni, la kienet tikkostitwixxi nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ imparzjalità u lanqas ma kienet tqiegħed lis-superjur ġerarkiku f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, u dan jirriżulta wkoll mill-evalwazzjonijiet li huwa fformulati fir-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat. Fil-fatt, minbarra l-eżistenza ta’ talba għal assistenza li kienet qiegħda tiġi eżaminata u ta’ investigazzjoni amministrattiva li kienet tirrigwarda s-superjur ġerarkiku tar-rikorrent, dan tal-aħħar ma jinvoka ebda element ieħor li jista’ jikkaratterizza nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ imparzjalità u tal-obbligi imposti mill-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-rikorrent jinvoka kemm elementi li ġew miċħuda matul l-investigazzjoni amministrattiva, kif ukoll aġir tas-superjur ġerarkiku tiegħu li fir-rigward tagħhom huwa ma pproduċiex il-prova. |
|
30 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar qabelxejn li l-kunflitt ta’ interessi huwa biss varjant tal-parzjalità illegali, peress li r-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri ċ-ċirkustanzi kollha li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li għandu jiddeċiedi dwar każ għandu raġonevolment jifhem bħala li jistgħu jidhru, f’għajnejn terzi, bħala li x’aktarx jaffettwaw l-indipendenza tiegħu (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2021, Spadafora vs Il-Kummissjoni, T‑130/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:74, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dmir ta’ imparzjalità tal-uffiċjali, li huwa sanċit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprevedi li l-uffiċjal għandu jaqdi l-funzjonijiet fdati lilu b’mod oġġettiv u imparzjali. |
|
32 |
Għandu jiġi osservat ukoll l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti bid-dritt tal-Unjoni, li fosthom hemm id-dritt għal amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Pethke vs EUIPO, T‑808/17, EU:T:2019:832, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
L-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fost l-oħrajn jistipula li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni. |
|
34 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit ta’ imparzjalità, fiż-żewġ komponenti tiegħu li huma, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata ma għandu juri parzjalità jew preġudizzju personali, u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, jiġifieri li din l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il-Kummissjoni, C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, sabiex jintwera li l-organizzazzjoni tal-proċedura amministrattiva ma toffrix garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju, ma huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ imparzjalità. Huwa biżżejjed li jkun jeżisti dubju leġittimu f’dan ir-rigward u li dan id-dubju ma jkunx jista’ jitneħħa (sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il-Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 37, u tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Il-Parlament vs UZ, C‑894/19 P, EU:C:2021:863, punt 54). |
|
35 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti tal-ewwel motiv. |
|
36 |
[Kif irrettifikat bid-digriet tad-19 ta’ Diċembru 2024] F’dan il-każ, ir-rikorrent jinvoka kemm l-imparzjalità suġġettiva kif ukoll dik oġġettiva tas-superjur ġerarkiku immedjat tiegħu fil-kwalità tiegħu ta’ evalwatur. |
|
37 |
F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, tal-imparzjalità oġġettiva tas-superjur ġerarkiku immedjat tiegħu, ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq l-investigazzjoni amministrattiva kontra l-imsemmi superjur ġerarkiku li, fil-mument tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, kienet għadha pendenti. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, hekk kif josserva s-SEAE, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Awtorità tal-Ħatra ta’ istituzzjoni tkun adita, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, hija għandha b’mod partikolari twettaq investigazzjoni amministrattiva, jekk l-uffiċjal li jitlob il-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jipproduċi prova prima facie tar-realtà tal-attakki li huwa jsostni li huwa suġġett għalihom, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li wasslu għall-ilment, b’kollaborazzjoni mal-awtur tiegħu (sentenzi tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 46, u tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il-Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 97). |
|
39 |
Għaldaqstant, meta s-SEAE ddeċieda li jiftaħ, fil‑15 ta’ Ġunju 2021, l-investigazzjoni amministrattiva fir-rigward tas-superjur ġerarkiku immedjat tar-rikorrent, huwa qies li r-rikorrent kien ipproduċa prova prima facie kontra s-superjur ġerarkiku tiegħu. |
|
40 |
Issa, tali sitwazzjoni hija ta’ natura li toħloq, f’għajnejn terzi, dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju min-naħa tas-superjur ġerarkiku immedjat tar-rikorrent fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala evalwatur tar-rikorrent. |
|
41 |
[Kif irrettifikat bid-digriet tad-19 ta’ Diċembru 2024] F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, is-SEAE ma jistax jinvoka preżunzjoni ta’ imparzjalità favur is-superjur ġerarkiku immedjat tar-rikorrent. Huwa lanqas ma jista’ jinvoka l-ġurisprudenza li tgħid li l-fatt li uffiċjal ressaq ilment minħabba fastidju kontra l-uffiċjal li għandu jevalwa r-rendiment professjonali tiegħu ma jistax, bħala tali, barra kull ċirkustanza oħra, ikun ta’ natura li jikkonfuta l-imparzjalità tal-persuna li kontra tagħha tressaq l-ilment (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, QB vs BĊE, T‑827/16,EU:T:2018:756, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, ZU vs Il-Kummissjoni, T‑671/18 u T‑140/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:715, punt 207). Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, f’dak li jirrigwarda ksur tal-obbligu ta’ imparzjalità oġġettiva, ma huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ imparzjalità. Huwa biżżejjed li jkun jeżisti dubju leġittimu f’dan ir-rigward u li dan id-dubju ma jkunx jista’ jitneħħa. Għaldaqstant, argumenti intiżi li jistabbilixxu l-assenza ta’ imparzjalità suġġettiva min-naħa tas-superjur ġerarkiku immedjat tar-rikorrent ma jistgħux jintlaqgħu. Barra minn hekk, f’dan il-każ, minbarra t-tressiq tal-ilment min-naħa tar-rikorrent, is-SEAE fetaħ ukoll investigazzjoni amministrattiva. |
|
42 |
[Kif irrettifikat bid-digriet tad-19 ta’ Diċembru 2024] Hekk kif jirriżulta mill-punt 4 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ressaq it-talba tiegħu għal assistenza bbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal fit‑18 ta’ Frar 2021. Issa, hekk kif huwa indikat fil-punt 5 iktar ’il fuq, il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-livell tar-rendiment tar-rikorrent għas-sena 2021 infetħet fit‑2 ta’ Frar 2022, jiġifieri kważi sena wara t-tressiq tal-imsemmija talba. Barra minn hekk, l-investigazzjoni amministrattiva nfetħet fil‑15 ta’ Ġunju 2021 għal fatti allegati ta’ fastidju psikoloġiku f’dak li jirrigwarda s-superjur ġerarkiku immedjat tar-rikorrent. Għaldaqstant, is-SEAE kellu perijodu suffiċjenti sabiex jieħu l-miżuri xierqa sabiex jevita kull riskju ta’ nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva fir-rigward tas-superjur ġerarkiku immedjat tar-rikorrent fil-kapaċità tiegħu ta’ evalwatur ta’ dan tal-aħħar. |
|
43 |
Barra minn hekk, fil-mument meta seħħet l-intervista bejn ir-rikorrent u s-superjur ġerarkiku tiegħu bħala evalwatur, jiġifieri fis‑6 ta’ Mejju 2022, li seħħet qabel it-tfassil tar-rapport ta’ evalwazzjoni, kif ukoll fil-mument meta huwa ffirma dan ir-rapport, jiġifieri fit‑2 ta’ Ġunju 2022, ir-riżultat tal-investigazzjoni amministrattiva msemmija fil-punt 42 iktar ’il fuq kien għadu mhux magħruf, peress li din l-investigazzjoni ngħalqet biss fil‑25 ta’ Ottubru 2022 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). Għalkemm huwa minnu li l-imsemmija investigazzjoni amministrattiva ngħalqet mingħajr konsegwenzi, madankollu dan l-eżitu tal-investigazzjoni ma kienx magħruf fil-mument tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni. |
|
44 |
F’tali ċirkustanzi, ir-rikorrent huwa ġġustifikat li jsostni li s-SEAE ma organizzax il-proċedura ta’ evalwazzjoni għas-sena 2021 b’mod li joffrilu garanziji suffiċjenti fir-rigward tal-imparzjalità oġġettiva tal-evalwatur. |
|
45 |
Madankollu hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex irregolarità proċedurali tkun tista’ tiġġustifika l-annullament ta’ att, jeħtieġ li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑220/20, EU:T:2021:716, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Fil-kuntest ta’ tali l-eżami, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, in-natura tal-ilmenti u l-portata tal-irregolaritajiet proċedurali mwettqa meta mqabbla mal-garanziji li minnhom ibbenefika l-uffiċjal (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑220/20, EU:T:2021:716, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
F’dan il-każ, l-irregolarità kkonstatata, jiġifieri n-nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva min-naħa tas-superjur ġerarkiku immedjat tar-rikorrent fil-kwalità tiegħu ta’ evalwatur, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq, timplika li s-superjur ġerarkiku immedjat tar-rikorrent ma jissodisfax il-kriterju ta’ imparzjalità sabiex jassumi r-rwol ta’ evalwatur fir-rigward tiegħu. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 40 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni tar-rendiment tar-rikorrent mis-superjur ġerarkiku immedjat tiegħu qabel l-għeluq tal-proċedura relatata mal-fastidju psikoloġiku allegat kontrih kienet ta’ natura li toħloq, f’għajnejn terzi, dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-evalwaturi jgawdu minn setgħa ta’ evalwazzjoni mill-iktar wiesgħa fid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw ix-xogħol tal-persuni li huma għandhom ir-responsabbiltà li jevalwaw u ma huwiex il-kompitu tal-qorti li tistħarreġ il-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni, li tinvolvi ġudizzji ta’ valur kumplessi li, min-natura tagħhom, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ verifika oġġettiva, ħlief fil-każ ta’ żball manifest (ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2020, VE vs ESMA, T‑77/18 u T‑567/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:420, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tat‑13 ta’ Lulju 2022, TL vs Il-Kummissjoni, T‑677/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:456, punt 38). |
|
49 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mill-iktar wiesgħa rrikonoxxuta lill-evalwaturi, ma jistax jiġi eskluż li l-proċedura ta’ evalwazzjoni inkwistjoni setgħet twassal għal riżultat differenti fl-assenza tal-irregolarità kkonstatata, jiġifieri n-nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva min-naħa tas-superjur ġerarkiku immedjat tar-rikorrent fil-kwalità tiegħu ta’ evalwatur, b’mod partikolari li kieku l-kompiti ta’ evalwatur ta’ dan tal-aħħar kellhom jiġu eżerċitati minn persuna oħra. |
|
50 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi milqugħa. |
|
51 |
Konsegwentement, hemm lok li r-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat jiġi annullat, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati kemm it-tieni parti tal-ewwel motiv u t-tieni motiv, invokati mir-rikorrent, kif ukoll l-ammissibbiltà tal-provi prodotti mis-SEAE fil-kuntest tat-tweġiba tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali. |
Fuq l‑ispejjeż
|
52 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
53 |
Peress li s-SEAE tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
da Silva Passos Reine Pynnä Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑4 ta’ Diċembru 2024. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.