Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑2 ta’ Lulju 2026 (1)
Kawża C-300/25 [Duftošek] (i)
SQ
vs
YR
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) 2016/1103 – Ġuriżdizzjoni, liġi applikabbli, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji relatati ma’ reġimi matrimonjali – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(2)(g) – Artikolu 3(1)(a) – Kunċett ta’ ‘reġim matrimonjali’ – Konjuġi li jkunu għażlu r-reġim ta’ separazzjoni tal-beni – Proprjetà immobbli akkwistata b’komproprjetà indiviża minn dawn il-konjuġi biss matul iż-żwieġ tagħhom – Proċeduri għal-likwidazzjoni u għat-tqassim ta’ din il-komproprjetà mressqa wara proċeduri għal divorzju”
I. Introduzzjoni
1. Konjuġi residenti fir-Repubblika Ċeka, li kienu għażlu r-reġim kuntrattwali ta’ separazzjoni tal-beni, akkwistaw b’komproprjetà indiviża numru ta’ proprjetajiet immobbli fi Franza. Wara li ddivorzjaw, wieħed minnhom adixxa qorti Ċeka sabiex, abbażi ta’ regoli tad-dritt komuni Ċek, tiġi llikwidata u maqsuma din il-komproprjetà.
2. In-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju, għandha tiddeċiedi dwar il-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qorti adita. Hija għandha dubju jekk ir-rabta tat-tilwima maż-żwieġ hijiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk hija taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1103 (2), li ddefinixxa l-kunċett ta’ “reġim matrimonjali”, jew tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (3), peress li l-konjuġi għażlu reġim matrimonjali li ma jirregolax ir-relazzjonijiet patrimonjali tagħhom u li l-eżistenza ta’ komproprjetà indiviża ma tiddependix miż-żamma tar-rabta matrimonjali tagħhom.
3. Din it-talba għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” qiegħda ssir f’kuntest bla preċedent, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’materji ċivili u kummerċjali, li tippreċedi r-Regolament 2016/1103 u li tapplika fil-qasam tar-reġimi matrimonjali, u fid-dawl tal-għażliet tal-leġiżlatur tal-Unjoni.
4. Billi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament il-kwistjonijiet dwar “in-natura tad-drittijiet in rem marbuta ma’ proprjetà” (4) u, fejn jidħlu drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, huma biss il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli li għandhom ġuriżdizzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia u billi l-komproprjetà inkwistjoni hija rregolata minn tali drittijiet, il-problema toħroġ fid-dieher mill-ewwel. Hawnhekk, huwa ċar li hawn żewġ forzi opposti, jiġifieri dik tal-liġi tar-reġim matrimonjali u dik tal-liġi li tirregola d-drittijiet in rem.
5. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat l-opportunità li tiddefinixxi preċiżament dak li jaqa’ fl-iskop tar-relazzjonijiet patrimonjali bejn il-konjuġi b’rabta maż-żwieġ jew max-xoljiment tiegħu f’xenarju frekwenti ħafna, jiġifieri l-akkwist ta’ proprjetà immobbli minn konjuġi flimkien li jkunu għażlu s-separazzjoni tal-beni. L-eżerċizzju huwa kumpless inkwantu din id-definizzjoni għandha tiġi kkoordinata ma’ dik li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli li tirregola l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia u tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 (5). Barra minn hekk, jenħtieġ kawtela minħabba l-impatt tad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103 fuq tipi oħra ta’ komproprjetà li jistgħu jeżistu bejn il-konjuġi jew l-ex konjuġi, skont, jekk ikun il-każ, il-mument li fih isseħħ il-likwidazzjoni tal-komproprjetà (waqt iż-żwieġ jew wara x-xoljiment tiegħu) u kif ukoll fuq id-drittijiet ta’ terzi.
6. Billi l-kontorni tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-definizzjoni tiegħu fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1103 u tal-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2)(g) tiegħu, ser nispjega r-raġunijiet għaliex jiena tal-fehma li:
– dan il-kunċett ikopri r-relazzjonijiet patrimonjali tal-konjuġi organizzati fil-kuntest ta’ komproprjetà indiviża li ma hijiex irregolata mir-reġim matrimonjali li huma jkunu għażlu kuntrattwalment, u
– it-tilwima dwar il-likwidazzjoni u t-tqassim ta’ proprjetà immobbli suġġetta għal komproprjetà indiviża ma tikkonċernax in-natura tad-drittijiet in rem fuq din il-proprjetà, fis-sens ta’ dan ir-regolament.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament Brussell Ia
7. L-Artikolu 1 tar-Regolament Brussell Ia, li jaqa’ taħt il-Kapitolu I tiegħu, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, jipprovdi:
“1. Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. [...]
2. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:
(a) l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni fiżiċi, id-drittijiet fuq proprjetà derivanti minn relazzjonijiet matrimonjali jew minn relazzjonijiet meqjusa mil-liġi applikabbli bħala li għandhom effetti komparabbli għal dawk taż-żwieġ;
[...]”
8. Taħt it-titolu “Ġurisdizzjoni”, il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament fih diversi taqsimiet, b’mod partikolari t-Taqsima 6, intitolata “Ġurisdizzjoni esklużiva”. L-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24, li jinsab f’din it-taqsima, huwa fformulat kif ġej:
“Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:
“(1) fi proċedimenti li l-objettiv tagħhom ikunu drittijiet in rem fi proprjetà immobbli jew kirjiet ta’ proprjetà immobbli, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà.”
2. Ir-Regolament 2016/1103
9. Il-premessi 15, 18, u 52 tar-Regolament 2016/1103 jiddikjaraw:
“(15) Sabiex tingħata ċertezza legali lill-koppji miżżewġa rigward il-proprjetà tagħhom u sabiex tingħatalhom ċerta prevedibbiltà, jeħtieġ r-regoli kollha applikabbli għar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali jkunu koperti fi strument wieħed.
[...]
(18) Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jinkludi l-aspetti kollha tal-liġi ċivili tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, kemm il-ġestjoni ta' kuljum tal-proprjetà matrimonjali kif ukoll il-likwidazzjoni tar-reġim, li tirriżulta b’mod partikolari mis-separazzjoni tal-koppja jew mill-mewt ta’ konjuġi. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘reġim tal-proprjetà matrimonjali’ għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u għandu jinkludi mhux biss ir-regoli li minnhom il-konjuġi ma jkunux jistgħu jidderogaw iżda wkoll kwalunkwe regola fakultattiva li l-konjuġi jistgħu jaqblu dwarha skont il-liġi applikabbli, kif ukoll kwalunkwe regola awtomatika tal-liġi applikabbli. Dan jinkludi mhux biss l-arranġamenti relatati mal-proprjetà li huma speċifikament u esklużivament previsti minn ċerti sistemi legali nazzjonali fil-każ ta’ żwieġ iżda wkoll kwalunkwe relazzjoni ta’ proprjetà, bejn il-konjuġi u fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet terzi, li tirriżulta direttament mir-relazzjoni matrimonjali, jew ix-xoljiment tagħha.
[...]
(52) Il-liġi determinata bħala l-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali għandha tirregola r-reġim tal-proprjetà matrimonjali mill-klassifikazzjoni tal-proprjetà ta' konjuġi jew tat-tnejn li huma f'kategoriji differenti matul iż-żwieġ u wara x-xoljiment tiegħu, sal-likwidazzjoni tal-proprjetà. Hija għandha tinkludi l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq relazzjoni legali bejn konjuġi u partijiet terzi. Madankollu, il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tista’ tiġi invokata minn konjuġi kontra parti terza biex tirregola tali effetti biss meta r-relazzjonijiet legali bejn il-konjuġi u l-parti terza jkunu bdew f’mument fejn il-parti terza kienet taf jew kellha tkun taf b’dik il-liġi.”
10. L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:
“1. Dan ir-Regolament għandu japplika għar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali.
Huwa m’għandux japplika għal materji fiskali, doganali jew amministrattivi.
2. Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:
[...]
(c) l-obbligi ta’ manteniment,
(d) is-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ konjuġi deċedut,
[...]
(f) l-intitolament għal trasferiment jew aġġustament bejn konjuġi, fil-każ ta’ divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, ta’ drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar jew ta’ diżabbiltà akkumulati matul iż-żwieġ u li ma ġġenerawx dħul ta’ pensjoni matul iż-żwieġ,
(g) in-natura tad-drittijiet in rem marbuta ma’ proprjetà, u
(h) kwalunkwe reġistrar f’reġistru ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti tar-reġistrar jew tan-nuqqas ta’ reġistrar ta’ tali drittijiet f’reġistru.”
11. Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
(a) ‘reġim tal-proprjetà matrimonjali’ tfisser sett ta’ regoli li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet dwar il-proprjetà bejn il-konjuġi u fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet terzi, b’riżultat taż-żwieġ jew tax-xoljiment tiegħu;
(b) ‘ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali’ tfisser kull ftehim bejn il-konjuġi jew persuni li se jiżżewġu li permezz tiegħu jorganizzaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom;
[...]”
12. L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni f’każijiet oħrajn”, jipprovdi, fil-punt (b) tiegħu:
“Fejn ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha l-ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4 u 5 jew f’każijiet minbarra dawk previsti f’dawk l-Artikoli, il-ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar materja relatata mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tal-konjuġi għandha tkun dik tal-qrati tal-Istat Membru:
[...]
(b) li fit-territorju tiegħu l-konjuġi kienu residenti abitwali l-aħħar, sa fejn konjuġi minnhom ikun għadu jirrisjedi hemmhekk fil-mument li fih tiġi inkarigata l-qorti [...]”
13. L-Artikolu 21 tar-Regolament 2016/1103, intitolat “L-unità tal-liġi applikabbli”, jipprovdi:
“Il-liġi applikabbli għal reġim ta' proprjetà matrimonjali skont l-Artikolu 22 jew l-Artikolu 26 għandha tapplika għall-assi kollha li jaqgħu taħt dak ir-reġim, irrispettivament minn fejn jinsabu l-assi.”
14. L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli”, jipprovdi:
“Il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali skont dan ir-Regolament għandha tirregola, inter alia:
(a) il-klassifikazzjoni tal-proprjetà ta’ kwalunkwe mill-konjuġi jew tat-tnejn li huma f’kategoriji differenti matul u wara ż-żwieġ,
(b) it-trasferiment tal-proprjetà minn kategorija għall-oħra,
(c) ir-responsabbiltà ta’ konjuġi għall-passiv u d-djun tal-konjuġi l-ieħor,
(d) is-setgħat, id-drittijiet u l-obbligi ta’ kwalunkwe mill-konjuġi jew tat-tnejn li huma fir-rigward tal-proprjetà,
(e) ix-xoljiment tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali u d-diviżjoni, id-distribuzzjoni jew il-likwidazzjoni tal-proprjetà,
(f) l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq relazzjoni legali bejn kwalunkwe mill-konjuġi u terzi persuni, u
(g) il-validità materjali ta' ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali.”
B. Id-dritt Ċek
15. Iż-zákon č. 89/2012 Sb., občanský zákoník (il-Liġi Nru 89/2012 dwar il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), tipprevedi, fl-Artikolu 708 tagħha, li l-beni li jappartjenu lill-konjuġi, li jkollhom valur patrimonjali u li ma jkunux esklużi mir-relazzjonijiet ġuridiċi, jikkostitwixxu l-komunjoni tal-beni tal-konjuġi. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, din il-komunjoni hija rregolata jew minn reġim statutarju, jew minn reġim kuntrattwali, jew inkella minn reġim stabbilit b’deċiżjoni ġudizzjarja.
16. Skont l-Artikolu 709(1) tal-Kodiċi Ċivili, taħt ir-reġim statutarju, il-komunjoni tħaddan il-beni akkwistati minn wieħed mill-konjuġi jew mit-tnejn flimkien matul il-perijodu taż-żwieġ, ħlief il-beni espliċitament esklużi minn din id-dispożizzjoni.
17. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 716(1) ta’ dan il-kodiċi tipprevedi li l-konjuġi jistgħu jagħżlu reġim matrimonjali differenti mir-reġim statutarju.
18. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 717(1) tal-imsemmi kodiċi, is-separazzjoni tal-beni huwa wieħed mir-reġimi matrimonjali kuntrattwali.
19. Skont l-Artikolu 729 tal-istess kodiċi, taħt ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni, kull wieħed mill-konjuġi jista’ jiddisponi liberament mill-beni tiegħu mingħajr il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor.
20. L-Artikolu 1115(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li l-persuni li jkollhom konġuntament titolu ta’ proprjetà fuq oġġett huma kkunsidrati bħala komproprjetarji.
21. L-Artikolu 1140 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li ħadd ma jista’ jiġi mġiegħel jibqa’ komproprjetarju u li kull wieħed mill-komproprjetarji jista’, f’kull mument, jitlob li l-ishma li huwa jkollu f’oġġett komuni jiġu sseparati – jekk kemm‑il darba is-suġġett tal-komproprjetà jkun jista’ jinqasam – jew inkella li tiġi xolta din il-komproprjetà.
22. Skont l-Artikolu 1143 tal-imsemmi kodiċi, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-komproprjetarji dwar ix-xoljiment tal-komproprjetà, il-qorti għandha, għal talba ta’ wieħed minnhom, tiddeċiedi dwar dan. Meta l-qorti tiddeċiedi dwar ix-xoljiment tal-komproprjetà, hija għandha tiddeċiedi wkoll dwar il-proċeduri ta’ tqassim bejn il-komproprjetarji.
III. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
23. Ir-rikorrent, SQ, u l-konvenuta, YR, iżżewġu fl‑1 ta’ Mejju 2015 u ddeċidew li jirregolaw ir-relazzjonijiet patrimonjali tagħhom bir-reġim matrimonjali kuntrattwali ta’ separazzjoni tal-beni (6) u bil-liġi Ċeka.
24. Tul iż-żwieġ tagħhom, huma akkwistaw b’komproprjetà indiviża proprjetà immobbli (7) li tinsab f’Pariġi (Franza) u, fil-fehma ta’ SQ, kull wieħed minnhom kien proprjetarju ta’ nofs indiviż (8). Fl‑2020, iż-żwieġ tagħhom ġie xolt. L-aħħar residenza abitwali tal-konjuġi kienet fir-Repubblika Ċeka. It-tilwima bejn l-ex konjuġi għandha bħala suġġett il-likwidazzjoni u t-tqassim tal-komproprjetà indiviża tal-proprjetà immobbli (9).
25. Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Ottubru 2022, l-Obvodní soud pro Prahu 5 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 5, ir-Repubblika Ċeka), li ddeċidiet fl-ewwel istanza, żammet li l-proċedura għal-likwidazzjoni u għat-tqassim ta’ din il-komproprjetà indiviża taqa’ fl-iskop ta’ relazzjoni ta’ dritt komuni u, konsegwentement, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Brussell Ia. Skont il-punt 1 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, huma l-qrati tal-Istat Membru fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli, f’dan il-każ il-qrati Franċiżi, li għandhom ġuriżdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tali proċedura.
26. Din id-deċiżjoni nqalbet mill-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), adita fl-istadju ta’ appell mir-rikorrent, SQ. Hija qieset li t-tilwima taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103 minħabba li l-kunċett ta’ “reġim matrimonjali”, li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, ikopri kull regola fakultattiva li l-konjuġi jistgħu jaqblu fuqha skont il-liġi applikabbli. Għalhekk, ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni huwa wkoll reġim matrimonjali fis-sens ta’ dan ir-regolament, inkwantu jikkonċerna d-drittijiet patrimonjali li jirriżultaw miż-żwieġ. Konsegwentement, fil-fehma tagħha, il-qrati Ċeki għandhom ġuriżdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din il-kawża abbażi tal-Artikolu 6(b) tal-imsemmi regolament.
27. Il-konvenuta, YR, ippreżentat appell ta’ kassazzjoni minn din id-deċiżjoni quddiem in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema).
28. Din il-qorti tal-aħħar tenfasizza li t-tilwima dwar il-likwidazzjoni u t-tqassim tal-komproprjetà indiviża li teżisti bejn l-ex konjuġi fuq il-proprjetà immobbli li tappartjeni lilhom hija rregolata mid-dritt komuni previst fid-dritt privat nazzjonali (10) mingħajr ebda rabta maż-żwieġ jew mad-dritt li jirregola r-relazzjonijiet patrimonjali bejn il-konjuġi u li huwa ġeneralment aċċettat li tali proċedura taqa’ fl-iskop ta’ materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Brussell Ia. Fejn tidħol il-komproprjetà indiviża ta’ proprjetà immobbli, il-ġuriżdizzjoni internazzjonali esklużiva hija tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-proprjetà, u dan kif jitlob il-punt 1 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament.
29. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar ir-rilevanza tal-eżistenza taż-żwieġ għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tat-tilwima, kif ukoll dwar il-fatt li l-komproprjetà indiviża teżisti biss bejn l-(ex) konjuġi u li din tirriżulta mill-għażla tagħhom ta’ reġim kuntrattwali ta’ separazzjoni tal-beni.
30. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li, skont id-dritt Ċek, ma hemmx distinzjoni bejn il-konjuġi li jkunu għażlu r-reġim ta’ separazzjoni tal-beni u forom oħra ta’ komproprjetà rregolati wkoll mid-dritt komuni, inkluż fejn jidħlu r-raġunijiet għal-likwidazzjoni tagħha, il-proċeduri għat-tqassim tagħha u t-terminu li fih dawn għandhom isiru.
31. Hija tikkonstata li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx il-kwistjoni jekk, f’sitwazzjoni bħal dik ineżami, it-tilwima hijiex tilwima patrimonjali speċifika bejn konjuġi li tirriżulta direttament mir-rabta konjugali jew mix-xoljiment ta’ din tal-aħħar (11) – li tkun taqa’ għalhekk fl-iskop tar-reġimi matrimonjali fis-sens tar-Regolament 2016/1103 – jew hijiex inkella tilwima patrimonjali tad-dritt ordinarju bejn il-konjuġi mingħajr ebda rabta maż-żwieġ – li tkun taqa’ għalhekk fl-iskop tal-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tar-Regolament Brussell Ia.
32. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Il-proċedura ta’ stralċ [likwidazzjoni] u ta’ tqassim ta’ proprjetà immobbli akkwistata b’mod indiviż mill-konjuġi fil-kuntest ta’ sistema konvenzjonali ta’ separazzjoni ta’ beni taqa’ taħt il-proċeduri relatati mar-reġimi matrimonjali fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Artikolu 3(1) (a) tar-Regolament [2016/1103]?”
33. SQ, YR, il-Gvern Ċek, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u pparteċipaw fis-seduta li saret fis‑16 ta’ April 2026, li matulha huma wieġbu għall-mistoqsijiet li għamlitilhom il-Qorti tal-Ġustizzja għal tweġiba orali.
IV. Analiżi
34. Id-domanda preliminari tfittex li tiddetermina l-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qorti Ċeka adita, abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament 2016/1103 (12), b’talba għal likwidazzjoni (13) u għal tqassim ta’ komproprjetà indiviża li tirriżulta minn xiri ta’ proprjetà immobbli, li tinsab fi Franza, minn konjuġi li għażlu r-reġim tas-separazzjoni tal-beni (14). Din id-domanda tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (15) u dan ifisser li jenħtieġ li jiġu ppreċiżati l-kontorni tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali”, kif iddefinit fl-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament u kif jista’ jiġi dedott mill-esklużjoni fl-Artikolu 1(2)(g) tagħha.
35. Il-kriterji sabiex jiġi ddefinit dan il-kunċett għandhom jiġu identifikati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limiti imposti fuq il-qorti fl-istadju li fih tiġi vverifikata l-ġuriżdizzjoni internazzjonali tagħha. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-regolamenti tal-Unjoni f’materji ċivili u kummerċjali jirriżulta li l-qorti adita la għandha tevalwa l-ammissibbiltà u lanqas il-fondatezza tat-talba, iżda għandha tidentifika biss il-fatturi li, fis-sitwazzjoni legali partikolari u skont id-dritt invokat, jiġġustifikaw il-ġuriżdizzjoni tagħha (16).
36. Nippreċiża li l-espożizzjoni taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali kkompletata waqt is-seduta (17) twassalni, l-ewwel nett, sabiex neskludi mill-kunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “ftehim matrimonjali”, li jinsab fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament 2016/1103, billi ma ġie konkluż ebda ftehim bejn il-konjuġi li jirregola l-komproprjetà eżistenti bejniethom sabiex jiġi rregolat ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni magħżul minnhom (18).
A. Kummenti metodoloġiċi preliminari għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali”
37. Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, bħalma osservaw diversi awturi (19), li l-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” jintuża fil-parti l-kbira tar-regolamenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea bħala kriterju ta’ eċċezzjoni jew ta’ delimitazzjoni, b’mod partikolari fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Brussell Ia (20), fl-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament Ruma I (21), fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Ruma II (22) u fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 650/2012. Id-dispożizzjoni l-iktar preċiża hija l-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Ruma III (23). Hija tipprovdi li dan tal-aħħar ma japplikax għall-effetti patrimonjali taż-żwieġ. Konsegwentement, sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “reġim matrimonjali”, huwa possibbli li ssir referenza għall-ġurisprudenza u għall-kummentarji ta’ dawn l-artikoli.
38. It-tieni, fis-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf (24), il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet dak li jagħmilha possibbli li ssir distinzjoni bejn il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ żewġ regolamenti dwar materji esklużi mir-Regolament Brussell Ia, jiġifieri s-suċċessjonijiet u r-reġimi matrimonjali. Għalhekk, huwa importanti, fil-fehma tiegħi, li jiġi enfasizzat mill-bidu nett li t-talba għal interpretazzjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda ssir f’kuntest differenti. Fil-fatt, ir-Regolament Brussell Ia, li huwa s-sies tal-kooperazzjoni f’materji ċivili (25), japplika fl-Istati Membri kollha. Dan ma huwiex il-każ tar-Regolament 2016/1103 li jorbot biss 18‑il Stat Membru fil-kuntest ta’ kooperazzjoni msaħħa (26). Konsegwentement, ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati u r-rikonoxximent tas-sentenzi mogħtija, li huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, japplikaw biss bejn l-Istati Membri marbuta b’dan ir-regolament. Interpretazzjoni wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament ikollha l-effett li tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia u ma tirrikonoxxix il-ġuriżdizzjoni esklużiva tal-qorti tal-Istat Membru li fih tkun tinsab il-proprjetà immobbli inkwistjoni. Għalhekk, il-qrati tal-Istati mhux marbuta bir-Regolament 2016/1103 għandhom japplikaw regoli interni sabiex jiddeterminaw il-ġuriżdizzjoni internazzjonali tagħhom u jirrikonoxxu s-sentenzi mogħtija. Fil-fehma tiegħi, dawn il-konsegwenzi ma għandhomx jaffettwaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” (27). Inżid ngħid, f’dan ir-rigward, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti regoli ta’ ġuriżdizzjoni japplikaw f’sitwazzjonijiet li jikkonċernaw Stati mhux marbuta bir-Regolament 2016/1103 (28) jew Stati terzi (29) u li d-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitti ta’ liġi japplikaw ukoll fir-relazzjonijiet mal-Istati mhux marbuta b’dan ir-regolament (30).
39. It-tielet, il-Kapitolu I tar-Regolament 2016/1103 jinkludi l-Artikoli 1 sa 3, li huma ddedikati għad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u għad-definizzjonijiet, u din hija differenza importanti bejn dan ir-regolament u l-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għar-reġimi matrimonjali (31).
40. L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, li jiddelimita, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu dwar ir-“reġimi matrimonjali”, huwa ppreżentat fid-duttrina legali bħala deċiżiv għall-interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar, billi jispeċifika b’mod eżawrjenti l-materji li huma esklużi (32). Dawk li ma jissemmewx hemmhekk huma meqjusa bħala inklużi jekk kemm‑il darba jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament (33).
41. L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1103 jiddefinixxi “reġim tal-proprjetà matrimonjali” bħala “sett ta’ regoli li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet dwar il-proprjetà bejn il-konjuġi u fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet terzi, b’riżultat taż-żwieġ jew tax-xoljiment tiegħu” (34).
42. Ir-raba’, fil-premessa 18 ta’ dan ir-regolament, huwa ppreċiżat li:
– “il-kunċett ta’ ‘reġim matrimonjali’ għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu”;
– huwa “għandu jinkludi mhux biss ir-regoli li minnhom il-konjuġi ma jkunux jistgħu jidderogaw iżda wkoll kwalunkwe regola fakultattiva li l-konjuġi jistgħu jaqblu dwarha skont il-liġi applikabbli, kif ukoll kwalunkwe regola awtomatika tal-liġi applikabbli”, u
– huwa “jinkludi mhux biss l-arranġamenti relatati mal-proprjetà li huma speċifikament u esklużivament previsti minn ċerti sistemi legali nazzjonali fil-każ ta’ żwieġ iżda wkoll kwalunkwe relazzjoni ta’ proprjetà, bejn il-konjuġi u fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet terzi, li tirriżulta direttament mir-relazzjoni matrimonjali, jew ix-xoljiment tagħha”.
43. Il-ħames, l-Artikolu 3(1)(a) u l-premessa 18 tar-Regolament 2016/1103 huma konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-esklużjoni tar-reġimi matrimonjali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrumenti Ewropej f’materji ċivili u kummerċjali. Dawn ir-reġimi jkopru wkoll ir-relazzjonijiet tal-konjuġi ma’ terzi li jirriżultaw direttament mir-rabta konjugali jew mix-xoljiment tagħha.
44. Għalhekk, għandha titfakkar din il-ġurisprudenza sabiex jiġi ddeterminat kif, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, hija tista’ tintuża għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1103 (B), qabel ma jiġu ppreċiżati l-implikazzjonijiet tal-qafas stabbilit b’dan ir-regolament, kemm fejn jidħol il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (C), kif ukoll fejn jidħlu l-limiti li dan jimponi fir-rigward tad-drittijiet in rem, fid-dawl tas-suġġett tal-kwistjoni li għandha tiġi ttrattata u tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli (D).
B. Il-ġurisprudenza qabel l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1103
45. Il-qorti tar-rinviju tiċċita, ġustament, żewġ deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” fil-kuntest tal-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha (35), u mir-Regolament Brussell Ia, fl-Artikolu 1(2)(a) tiegħu.
46. Fis-sentenza de Cavel, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-kunċett ta’ ‘reġimi matrimonjali’ jinkludi mhux biss ir-reġimi ta’ proprjetà speċifikament u esklużivament previsti f’ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-każ taż-żwieġ, iżda jinkludi wkoll ir-relazzjonijiet patrimonjali kollha li jirriżultaw direttament mir-rabta konjugali jew mix-xoljiment tagħha; li tilwima dwar il-proprjetà tal-konjuġi matul kawża għal divorzju [(36)] tista’ għalhekk, skont il-każ, tikkonċerna, jew tkun marbuta mill-qrib ma’: (1) kwistjonijiet relatati mal-istatus tal-persuni; (2) relazzjonijiet ġuridiċi patrimonjali bejn il-konjuġi li jirriżultaw direttament mir-rabta konjugali jew mix-xoljiment tagħha; jew (3) relazzjonijiet ġuridiċi patrimonjali eżistenti bejniethom, iżda mingħajr ebda rabta maż-żwieġ [u], filwaqt li t-tilwim tal-kategorija tal-aħħar jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni [ta’ Brussell], dawk relatati mal-ewwel tnejn għandhom jiġu esklużi” (37) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
47. Fid-digriet Iliev, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet, billi applikat it-tieni wieħed minn dawn il-kriterji, li tilwima bejn ex konjuġi dwar il-likwidazzjoni ta’ proprjetà mobbli akkwistata matul iż-żwieġ tikkonċerna r-relazzjonijiet ġuridiċi patrimonjali li jirriżultaw direttament mix-xoljiment taż-żwieġ u, għalhekk, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia (38).
48. Sa fejn jidħlu l-kawżi li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet, il-kwistjonijiet patrimonjali li l-qrati tar-rinviju kienu aditi bihom kienu, fl-ewwel waħda mill-imsemmija kawżi, marbuta mal-proċedura ta’ divorzju. Fit-tieni waħda, it-tilwima, li qamet wara d-divorzju, kienet tikkonċerna il-kwistjoni jekk vettura akkwistata u rreġistrata f’isem il-konjuġi mara kinitx proprjetà komuni jew le għall-finijiet ta’ likwidazzjoni, liema kwistjoni kellha tiġi ddeterminata skont regoli speċifiċi tal-Kodiċi tal-Familja dwar il-beni akkwistati b’mod konġunt (39).
49. Billi l-kriterju ta’ relazzjonijiet ġuridiċi patrimonjali bejn il-konjuġi li jirriżulta miż-żwieġ jew mix-xoljiment tiegħu jinsab fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1103, wieħed għandu jistaqsi jekk is-sentenza de Cavel u d-digriet Iliev japplikawx b’analoġija f’dan il-każ.
50. Il-qorti tar-rinviju ġustament enfasizzat ir-raġunijiet għaliex għandha ir-riżervi tagħha f’dan ir-rigward.
51. Fil-fatt, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni hija differenti għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, it-tilwima tikkonċerna proprjetà immobbli li n-natura komuni tagħha ma għandha ebda rabta diretta mar-reġim matrimonjali magħżul, billi l-konjuġi għażlu dak tas-separazzjoni tal-beni, li, mid-definizzjoni tiegħu stess, ma joħloq ebda komunjoni ta’ beni. Min-naħa l-oħra, ir-reġim legali ta’ din il-proprjetà immobbli huwa dak ta’ komproprjetà statutarja tad-dritt komuni, li japplika għall-persuni kollha, miżżewġin jew le (40).
52. Inżid ngħid li, għalkemm ir-relazzjoni ġuridika patrimonjali bejn l-ex konjuġi – il-komproprjetà indiviża – tnisslet matul iż-żwieġ, din ir-relazzjoni qajla tista’ titqies li tirriżulta direttament mir-rabta taż-żwieġ, u dan fid-dawl tal-għażla tal-konjuġi, sa mill-bidu tal-unjoni tagħhom, li jżommu l-patrimonji tagħhom separati (41). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-relazzjonijiet ġuridiċi patrimonjali li jeżistu bejniethom għandhom rabta maż-żwieġ? Tali konstatazzjoni għandha twassal sabiex issir referenza għat-tielet kriterju stabbilit fis-sentenza de Cavel (42), li, skont l-istess kriterju, it-tilwima ma hijiex eskluża mill-materji ċivili u kummerċjali.
53. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tgħid jekk il-fatt li din il-komproprjetà indiviża teżisti biss bejn il-konjuġi u li hija neċessarjament marbuta mal-għażla tagħhom ta’ reġim matrimonjali kuntrattwali, li jeskludi kull komunjoni ta’ beni, huwiex biżżejjed sabiex jitqies li din is-sitwazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103.
54. Ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ li jiġi ddeterminat sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni ispira ruħu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u adotta interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” x’ħin ġie biex jiddefinixxih f’dan ir-regolament.
C. Il-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” fil-kuntest tar-Regolament 2016/1103
55. Diversi raġunijiet, li jirriżultaw mill-metodi ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġġustifikaw li dan il-kunċett jiġi interpretat b’mod wiesa’.
1. Fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1103
56. L-ewwel nett, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” stabbilita f’dan l-artikolu għandha tinqara fid-dawl tas-sentenza de Cavel, li fiha jingħad li dan il-kunċett ikopri “ir-relazzjonijiet patrimonjali kollha li jirriżultaw direttament mir-rabta konjugali jew mix-xoljiment tagħha” (43). Din id-dikjarazzjoni hija ispirata mill-espressjoni użata fir-Rapport Schlosser, jiġifieri “d-drittijiet patrimonjali li jirriżultaw mir-rabta taż-żwieġ” (44) [traduzzjoni libera]. L-istess rapport jippreċiża li “[i]d-drittijiet reċiproċi tal-konjuġi li jitnisslu mir-reġimi matrimonjali jikkorrispondu, fil-biċċa l-kbira, għal dak li tfisser tajjeb ħafna l-espressjoni Ingliża ‘rights in property arising out of a matrimonial relationship’ (drittijiet ta’ proprjetà li jirriżultaw mir-rabtiet taż-żwieġ)” (45) [traduzzjoni libera].
57. F’dan ir-rigward, jissemmew id-diffikultajiet li joħloq il-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” li jirriżultaw mill-fatt li, fir-Renju Unit u fl-Irlanda, ma jeżisti ebda istitut ġuridiku paragunabbli. F'dawk il-pajjiżi, ir-relazzjonijiet patrimonjali bejn il-konjuġi huma bħala prinċipju rregolati mid-dritt komuni (46).
58. Ġie wkoll ikkonstatat li l-kunċett ta’ “reġimi matrimonjali” ma jkoprix l-istess relazzjonijiet ġuridiċi f’kull wieħed mill-“Istati Membri oriġinali” (47). Għalhekk, il-Professur Schlosser josserva l-eżistenza ta’ diversi tipi ta’ sistemi mhux esklużivi, billi dawn l-Istati Membri setgħu żviluppaw istituti ġuridiċi speċifiċi għar-relazzjonijiet bejn il-konjuġi, li l-karatteristika prinċipali tagħhom hija li jipprevedu reġim patrimonjali komprensiv, iżda mhux esklużiv, li jista’ jkun kuntrattwali jew statutarju, u kkompletat, fejn meħtieġ, b’regoli li japplikaw għall-konjuġi kollha, ikun xi jkun ir-reġim matrimonjali adottat (48).
59. Dawn l-aspetti, li jirriżultaw mir-Rapport Schlosser, dwar id-diversità tas-sistemi legali, li għadhom rilevanti sal-lum (49), jidhirli li huma essenzjali. Jiena tal-fehma li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” tkopri r-relazzjonijiet patrimonjali bejn il-konjuġi rregolati mid-dritt komuni u mhux biss minn sistema legali komprensiva.
60. Il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi din il-kwistjoni billi d-deċiżjonijiet tagħha sa issa ngħataw fid-dawl ta’ ċirkustanzi li kienu jaqgħu fl-iskop ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw ir-relazzjonijiet patrimonjali bejn il-konjuġi, jiġifieri jew miżuri kawtelatorji matul proċeduri għal divorzju (sentenza de Cavel), jew tilwima dwar in-natura komuni tal-proprjetà akkwistata matul iż-żwieġ (digriet Iliev) (50).
61. It-tieni, ninnota li, għalkemm il-premessa 18 tar-Regolament 2016/1103 tkopri r-relazzjonijiet patrimonjali kollha bejn il-konjuġi “li jirriżultaw direttament mir-rabta konjugali jew mix-xoljiment tagħha” (51), dan l-avverbju ma jinsabx fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” stabbilit fl-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament.
62. Bħal Dirk Looschelders (52), jiena tal-fehma li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li hija simili f’diversi verżjonijiet lingwistiċi (53), għandu jiġi dedott li s-sempliċi kawżalità taż-żwieġ jew tax-xoljiment tiegħu hija kriterju suffiċjenti. Għalhekk, tista’ tinġibed il-konklużjoni li ma huwiex iktar meħtieġ li tiġi mistħarrġa n-natura diretta tar-rabta stabbilita fis-sentenza de Cavel u fid-digriet Iliev (54).
63. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi żgurat li interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali”, abbażi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1103, hija ġġustifikata wkoll fid-dawl tal-għanijiet li jfittex li jilħaq il-leġiżlatur tal-Unjoni, tal-istruttura ta’ dan ir-regolament u tal-kuntest tiegħu.
2. Fuq l-għanijiet li jfittex li jilħaq ir-Regolament 2016/1103, l-istruttura tiegħu u l-kuntest tiegħu
64. L-ewwel nett, il-leġiżlatur tal-Unjoni fisser b’mod ċar l-intenzjoni tiegħu li jadotta strument li jneħħi d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-koppji fl-amministrazzjoni jew fit-tqassim tal-beni tagħhom (55), billi ġabar flimkien, fir-Regolament 2016/1103, ir-regoli kollha li japplikaw għar-reġimi matrimonjali li jinkludu d-dispożizzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent jew, jekk ikun il-każ, l-aċċettazzjoni, l-eżegwibbiltà u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, tal-atti awtentiċi u tat-tranżazzjonijiet ġudizzjarji (56).
65. Ir-Regolament 2016/1103 huwa bbażat fuq il-prinċipju fundamentali ta’ unità: awtorità waħda biss għandha, bħala prinċipju, ikollha ġuriżdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kwistjonijiet kollha dwar ir-relazzjonijiet patrimonjali tal-konjuġi; dik l-awtorità għandha tapplika liġi waħda (57) magħżula mill-konjuġi (58) jew iddeterminata skont il-kriterji oġġettivi ta’ rabta ddefiniti f’dan ir-regolament (59), li, taħt ċerti kundizzjonijiet, tista’ tiġi invokata kontra terzi (60) Din il-liġi tapplika għall-attiv kollu tagħhom, ikun fejn ikun (61), kif ukoll għall-passiv tagħhom.
66. L-għan li tiġi ssemplifikata s-sitwazzjoni legali tal-konjuġi jidher biċ-ċar ħafna fil-konsegwenzi ta’ dan il-prinċipju ta’ unità fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni u tal-liġi applikabbli.
67. B’hekk, fejn tidħol il-ġuriżdizzjoni, b’mod partikolari meta t-tilwima jkollha bħala suġġett proprjetà immobbli, ix-xewqa li tiġi ppreżervata l-unità ta’ din tal-aħħar (62) u tal-liġi applikabbli għall-patrimonju kollu (63) għelbet ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-ġuriżdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-post fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli. Din il-ġuriżdizzjoni nħasbet fir-Regolament 2016/1103 bħala waħda sussidjarja (64), filwaqt li, fis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Komu et (65), li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (66), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li azzjoni għal xoljiment permezz tal-bejgħ tal-komproprjetà indiviża ta’ proprjetajiet immobbli fi Spanja, li kienet tressqet quddiem qorti Finlandiża minn komproprjetarji residenti fil-Finlandja (67), taqa’ taħt il-kategorija ta’ kawżi li għandhom bħala suġġett drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli (68), u dan prinċipalment abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (69).
68. Fejn tidħol l-liġi li tapplika għar-relazzjonijiet patrimonjali tal-koppja, l-immutabbiltà (70) ta’ din il-liġi żżid issaħħaħ il-prinċipju ta’ unità. Barra minn hekk, sa fejn għandha x’taqsam il-proprjetà immobbli, għandu jiġi rrilevat li ma hemm ebda rabta speċjali mal-liġi tal-post fejn tinsab il-proprjetà sabiex tiġi rregolata l-protezzjoni tad-dar tal-familja (71). Kif tippreċiża t-tieni sentenza tal-premessa 53 tar-Regolament 2016/1103, ir-regoli dwar din id-dar tal-familja jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (72). Barra minn hekk, ma huwiex permess li tiġi prevista l-applikazzjoni ta’ liġijiet differenti għal ċerti assi jew li tiddependi min-natura ta’ dawn tal-aħħar (73). Fl-aħħar nett, minn perspettiva iktar ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi regolament ikopri mhux biss ir-regoli vinkolanti, iżda jkopri wkoll ir-regoli fakultattivi u awtomatiċi (74).
69. Konsegwentement, jidher li l-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” fis-sens tar-Regolament 2016/1103 għandu jkopri l-konsegwenzi patrimonjali kollha taż-żwieġ, inkwantu dawn ma jkunux jaqgħu fl-iskop ta’ reġim speċifiku, bħal, b’mod partikolari, ir-reġim tal-obbligi ta’ manteniment jew dak tal-kumpens tad-drittijiet għall-pensjoni (75) jew tas-suċċessjoni tal-konjuġi il-mejjet (76).
70. It-tieni, argumenti oħra bbażati fuq l-istruttura tar-Regolament 2016/1103 isostnu l-interpretazzjoni fis-sens li d-definizzjoni tal-kunċett awtonomu ta’ “reġim matrimonjali” mogħtija fl-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament hija wiesgħa apposta. Dawn jistgħu jiġu dedotti mir-relazzjoni bejn din id-definizzjoni u l-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, li jirregola l-portata tal-liġi applikabbli (77), matul iż-żwieġ u wara x-xoljiment tiegħu.
71. Fil-fehma ta’ Peter Mankowski (78), l-Artikolu 27 tar-Regolament 2016/1103 jelenka, f’lista pożittiva u mhux eżawrjenti, dak li għandu, f’kull każ, jaqa’ fl-iskop tar-reġim matrimonjali. Huwa jżid jgħid li dan l-Artikolu 27 jirrikonoxxi b’mod ċar reġim komprensiv, kif ukoll il-prinċipju ta’ unità tar-reġim. Il-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” fis-sens ta’ dan ir-regolament huwa apposta wiesa’ ħafna u fih innifsu eteroġenu ħafna (79).
72. Preċiżament, l-Artikolu 27(d) tal-imsemmi regolament jipprovdi li “is-setgħat, id-drittijiet u l-obbligi ta’ kwalunkwe mill-konjuġi jew tat-tnejn li huma fir-rigward tal-proprjetà” għandhom ikunu suġġetti għal-liġi li tapplika għar-reġim matrimonjali. Sara Godechot‑Patris u Patrick Wautelet (80) huma tal-fehma li din id-dispożizzjoni tapplika fil-każ ta’ akkwist ta’ proprjetà b’komproprjetà indiviża, speċjalment meta din il-komproprjetà tkun irregolata minn reġim ta’ separazzjoni tal-beni kuntrattwali. Jiena ma naqbilx ma’ din ir-riżerva minħabba l-approċċ li jitlob ir-Regolament 2016/1103. Fil-każ ta’ komproprjetà indiviża, ir-relazzjonijiet patrimonjali bejn il-konjuġi li jkunu għażlu r-reġim ta’ separazzjoni tal-beni, li ma jkunux irregolati minn dispożizzjonijiet vinkolanti tal-liġi tar-reġimi matrimonjali, jistgħu jiġu rregolati biss mid-dritt ordinarju. Jekk ma jitteħidx inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-konsegwenza hija speċifika għal dan ir-reġim, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ikun limitat.
73. Barra minn hekk, l-Artikolu 27(e) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-liġi li tapplika għar-reġim matrimonjali għandha tirregola “ix-xoljiment tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali u d-diviżjoni, id-distribuzzjoni jew il-likwidazzjoni tal-proprjetà”.
74. Ċerti awturi jsostnu, abbażi ta’ dan, li r-Regolament 2016/1103 japplika għat-tqassim tal-beni bejn il-konjuġi, indipendentement mill-fatt li dan ikun ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet ta’ reġim matrimonjali partikolari jew fuq prinċipji ġenerali tad-dritt tal-obbligi jew tad-drittijiet in rem, u dan kemm‑il darba tkun teżisti rabta intrinsika maż-żwieġ (81) u li l-organizzazzjoni tar-relazzjonijiet patrimonjali hija biżżejjed mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ reġim partikolari li jkun neċessarjament jimplika ppuljar tal-assi bejn il-konjuġi (82).
75. Konsegwentement, fir-rigward tas-sitwazzjoni li fiha l-konjuġi jkunu għażlu r-reġim ta’ separazzjoni tal-beni meta żżewġu u jkunu akkwistaw esklużivament flimkien proprjetà b’mod konġunt, mill-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1103, interpretat flimkien mal-Artikolu 27 tiegħu, jista’ jiġi dedott li t-tqassim ta’ din il-komproprjetà indiviża jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li dan għandu jiġi rregolat mil-liġi indikata fl-imsemmi regolament, irrispettivament minn jekk dan ikunx seħħ qabel ix-xoljiment taż-żwieġ jew le.
76. It-tielet, il-kuntest tal-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jattwa b’mod ampju l-prinċipju ta’ unità tar-regoli li jorganizzaw ir-relazzjonijiet patrimonjali tal-koppji (83), jiffavorixxi interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali”. Fil-fatt, għandu, sa ċertu punt, jittieħed inkunsiderazzjoni li r-Regolament 2016/1103 jibni fuq ir-Regolament Nru 650/2012. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-“prinċipju ta’ unità tal-kompetenzi ġurisdizzjonali u leġiżlattivi [...] huwa l-qofol ta’ dan ir-regolament” fil-biċċa l-kbira tal-każijiet (84) u huwa wkoll il-bażi tar-regola stabbilita fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, inkwantu dan l-artikolu jippreċiża li din ir-regola tiddetermina l-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri sabiex jiddeċiedu “dwar suċċessjoni fl-intier tagħha” (85). Madankollu, kif jirrilevaw ċerti awturi (86), il-konsistenza bejn ir-Regolament Nru 650/2012 u r-Regolament 2016/1103 għandha l-limiti tagħha fil-prattika, billi żewġ liġijiet differenti jistgħu japplikaw għar-relazzjonijiet patrimonjali tal-koppja, minn naħa, u għas-suċċessjoni, min-naħa l-oħra, minħabba rabtiet differenti previsti f’dawn ir-regolamenti. Barra minn hekk, wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 650/2012 – li jiġi żgurat li l-qorti adita tapplika l-liġi tal-forum – ma jintlaħaqx dejjem fil-kuntest tar-Regolament 2016/1103 minħabba l-prinċipju ta’ immutabbiltà tal-liġi applikabbli (87).
77. Fl-aħħar nett, għandhom jiġu enfasizzati l-konsegwenzi konkreti tal-prinċipju ta’ unità għall-ġurisdizzjoni u għal-liġi applikabbli, li jikkorroboraw il-fehma li l-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, f’sitwazzjonijiet simili għal dawk tal-kawża prinċipali. B’hekk, meta konjuġi li jkunu għażlu r-reġim ta’ separazzjoni tal-beni jkunu komproprjetarji indiviżi ta’ diversi proprjetajiet immobbli li jkunu jinsabu fi Stati Membri differenti u meta t-tilwima jkollha l-għan li tiġi llikwidata u titqassam il-komproprjetà, il-fatt li r-Regolament 2016/1103 jirregola d-determinazzjoni tal-qorti b’ġuriżdizzjoni u tal-liġi applikabbli huwa ta’ importanza kbira (88). Barra minn hekk, fil-likwidazzjoni u fit-tqassim tal-komproprjetà indiviża tal-konjuġi li jkunu għażlu r-reġim ta’ separazzjoni tal-beni, jistgħu jinqalgħu wkoll kwistjonijiet marbuta mar-relazzjonijiet tal-familja u patrimonjali u dan jiġġustifika li r-riżoluzzjoni tat-tilwim jiġi ċċentralizzat. Dawn jistgħu jkunu kontijiet bejn il-konjuġi, pereżempju jekk konjuġi jkun iffinanzja l-proprjetà immobbli bi proporzjon differenti minn sehmu kif iddeterminat fil-waqt li tkun inxtrat l-imsemmija proprjetà f’ċirkustanzi inerenti fil-ħajja komuni jew fl-allokazzjoni tad-dar tal-familja (89).
78. Wara l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali”, kif iddefinit fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1103, jiena tal-fehma li dan għandu jkopri r-relazzjoni patrimonjali bejn il-konjuġi li jkunu għażlu r-reġim ta’ separazzjoni tal-beni, liema relazzjoni tkun inħolqot bi ftehim ta’ komproprjetà indiviża konkluż bejniethom.
79. Madankollu, il-konstatazzjoni li, fid-dritt tal-Unjoni, il-proprjetà immobbli hija s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċjali (90) teħtieġ li jiġi enfasizzat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti limiti fejn tidħol l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali”.
D. Il-limiti fejn jidħlu d-drittijiet in rem
80. Minn perspettiva metodoloġika (91), minħabba l-esklużjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament 2016/1103, ma huwiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, li jiġi kkonstatat li l-komproprjetà indiviża ta’ konjuġi li jkunu għażlu r-reġim ta’ separazzjoni ta’ beni taqa’, b’mod ġenerali, fl-iskop tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali”, kif jirriżulta minn dan ir-regolament. Skont il-kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti adita, għandu jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda limiti relatati mas-suġġett tat-tilwima u mal-liġi applikabbli.
1. Is-suġġett tat-tilwima u r-rabta man-“natura tad-drittijiet in rem”
81. Jiena tal-fehma li l-fatt li t-tilwima jkollha bħala suġġett komproprjetà indiviża ta’ (ex) konjuġi ma jfissirx neċessarjament li din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103, ikunu xi jkunu d-domandi magħmula (92). Fil-fatt, minħabba r-rabtiet mill-qrib bejn id-dritt tar-relazzjonijiet patrimonjali bejn il-konjuġi u d-drittijiet in rem (93) u, b’mod partikolari, f’tilwima bħal din, għandu jiġi mistħarreġ il-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2)(g) ta’ dan ir-regolament li jikkonċerna l-kwistjonijiet marbuta man-“natura tad-drittijiet in rem marbuta ma’ proprjetà”.
82. L-ewwel nett, jista’ jiġi kkonstatat li, għalkemm regolamenti oħra jittrattaw id-drittijiet in rem bħala raġuni ta’ esklużività jew ta’ esklużjoni (94), ma tingħata ebda definizzjoni tagħhom (95).
83. It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet l-azzjonijiet li għandhom bħala suġġett “drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia. Hija qieset li l-ġuriżdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli ma tkoprix l-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw id-drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, iżda tkopri biss dawk minnhom li, f’ħin wieħed, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u huma fost dawk li, minn naħa, jgħinu sabiex jiġu ddeterminati l-portata, in-natura, il-proprjetà, il-pussess ta’ beni immobbli jew l-eżistenza ta’ drittijiet oħra in rem fuq dawn il-beni u, min-naħa l-oħra, jiżguraw lill-persuni li jkollhom dawn id-drittijiet il-protezzjoni tal-prerogattivi marbuta mat-titolu tagħhom (96). Il-kriterju l-iktar importanti huwa dak tal-eżegwibbiltà tal-prerogattivi mogħtija mil-liġi kontra terzi (97).
84. Fl-aħħar nett, fejn tidħol in-“natura tad-drittijiet in rem”, li hija prevista wkoll bħala esklużjoni fl-Artikolu 1(2)(k) tar-Regolament Nru 650/2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-beni u tad-drittijiet, kif ukoll id-determinazzjoni tal-prerogattivi tad-detentur ta’ tali drittijiet (98) u li l-eżistenza u n-numru ta’ drittijiet in rem fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri (“numerus clаusus”) jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (99).
85. Barra minn hekk, il-korrelazzjoni bejn l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament 2016/1103 u l-Artikolu 29 tiegħu (100), intitolat “Adattament ta’ drittijiet in rem”, tikkonferma li l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li tiġi ggarantita l-awtonomija tal-Istati Membri fejn jidħlu d-drittijiet in rem sabiex ma jkunx meħtieġ li jiġu rrikonoxxuti drittijiet mhux magħrufa invokati taħt liġi barranija.
86. Konsegwentement, l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament 2016/1103, moqrija fid-dawl tal-premessa 24 tiegħu, ma tapplikax fejn, pereżempju, il-kwistjoni tkun tikkonċerna jekk il-proprjetà akkwistata b’mod konġunt mill-konjuġi li jkunu għażlu r-reġim ta’ separazzjoni tal-beni tikkostitwixxix komproprjetà indiviża bejniethom (101). Dan huwa wkoll il-każ tat-talba, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna l-likwidazzjoni u t-tqassim tal-komproprjetà indiviża, inkwantu tinvolvi d-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ kull wieħed mill-ex konjuġi skont il-liġi li tapplika għar-relazzjonijiet patrimonjali tagħhom (102). Barra minn hekk, jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, li għandu bħala suġġett id-drittijiet reali li jirriżultaw mir-relazzjoni patrimonjali bejn il-konjuġi, li l-konstatazzjoni li dawn id-drittijiet huma rregolati minn dispożizzjonijiet oħra minbarra dawk tar-reġim matrimonjali stricto sensu hija irrilevanti (103). Fl-aħħar nett, il-mekkaniżmu ta’ adattament li jistabbilixxi dan l-artikolu jiġġustifika li tiġi eżaminata l-funzjoni, fi ħdan ir-reġim matrimonjali, tad-dritt invokat.
87. Għalhekk, inqis li tali analiżi tad-drittijiet in rem tagħmel parti mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali”, kif adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni. B’hekk, jidher li l-esklużjoni tan-“natura tad-drittijiet in rem” għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv abbażi ta’ kriterji li ma jeżiġux li l-qorti adita teżamina r-rikors b’mod li jmur lil hinn minn dak li teħtieġ il-verifika tal-ġuriżdizzjoni tagħha ab initio.
88. Barra minn hekk, minkejja li, f’dan il-każ, limiti oħra relatati mal-liġi applikabbli ma japplikawx minħabba s-suġġett tat-tilwima, jidhirli li għandhom jiġu enfasizzati, minħabba li dawn jenfasizzaw il-fatt li ċerti kwistjonijiet li ma jikkonċernawx “in-natura tad-drittijiet in rem” jaqgħu, madankollu, fil-qasam tal-liġi li tirregola d-drittijiet in rem u huma, konsegwentement, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103.
2. Is-suġġett tat-tilwima u l-iskop tal-liġi li tirregola d-drittijiet in rem
89. Jistgħu jissemmew diversi limiti. Patrick Wautelet jispjega li l-proċedura li permezz tagħha wieħed mill-konjuġi jakkwista dritt in rem fuq proprjetà immobbli huma rregolati kemm mil-liġi li tirregola d-drittijiet in rem, kif ukoll mil-liġi li tirregola l-metodu ta’ akkwist tal-proprjetà immobbli (104). Huwa wkoll tal-fehma, bħal awturi oħra, li l-intervent tal-liġi li tirregola d-drittijiet in rem jista’ jiġi limitat għall-atti li jeżegwixxu konkretament it-tqassim tal-proprjetà immobbli (105).
90. Għandha ssir ukoll riżerva fejn tidħol l-eżekuzzjoni ta’ tali tqassim, liema eżekuzzjoni teħtieġ skrizzjoni f’reġistru. Skont l-Artikolu 1(2)(h) tar-Regolament 2016/1103, il-formalitajiet ta’ reġistrazzjoni huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (106).
91. Wara eżami tad-diversi fatturi ta’ evalwazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103, jiena tal-fehma, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali”, essenzjalment, li:
– il-prinċipju ta’ unità tal-ġuriżdizzjoni u tal-liġi applikabbli huwa ddefinit u kkonkretizzat minn dan ir-regolament bil-għan li jiġi ssemplifikat it-trattament tar-relazzjonijiet patrimonjali bejn (ex) konjuġi, minħabba l-karatteristiċi tagħhom inerenti fil-ħajja komuni;
– il-frammentazzjoni tal-kontenzjuż minħabba l-post fejn tkun tinsab il-proprjetà tal-koppja hija eskluża;
– l-akkwist ta’ proprjetà immobbli b’komproprjetà mill-konjuġi miżżewġin taħt ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni jirriżulta mir-rabta matrimonjali u, a fortiori, minn dan ir-reġim;
– il-fatt li japplika d-dritt komuni tal-proprjetà huwa irrilevanti billi dan huwa l-uniku qafas legali għad-dispożizzjoni tal-konjuġi taħt reġim ta’ separazzjoni tal-beni u li l-għan tiegħu huwa li jorganizza r-relazzjoni patrimonjali, li tirriżulta miż-żwieġ jew mix-xoljiment tiegħu, jew fi kliem ieħor li jirregola l-komproprjetà konjugali. F’dan il-każ, sabiex tiġi deċiża t-tilwima, huwa jista’ jintuża sabiex jitqassam il-patrimonju bejn il-konjuġi;
– il-kwistjoni tal-likwidazzjoni u tat-tqassim ta’ proprjetà immobbli li tkun tappartjeni lill-konjuġi b’mod konġunt ma taqax fl-iskop tal-esklużjoni marbuta mar-“natura tad-drittijiet in rem”, li għandha kamp ta’ applikazzjoni limitat, u
– l-Artikolu 27(e) tar-Regolament 2016/1103 jipprevedi li l-liġi li tapplika għar-reġim matrimonjali tirregola “ix-xoljiment tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali u d-diviżjoni, id-distribuzzjoni jew il-likwidazzjoni tal-proprjetà”.
Għalhekk, dawn l-operazzjonijiet għandhom isiru abbażi tal-Artikolu 27 tar-Regolament 2016/1103, billi l-liġi magħżula f’dan il-każ hija dik li l-konjuġi għażlu għar-reġim matrimonjali tagħhom ta’ separazzjoni tal-beni.
92. Fl-aħħar nett, dan l-approċċ ampjament inklużiv jissodisfa, fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit li ma tiġix ikkomplikata b’ħafna kriterji l-verifika mill-qorti tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fil-waqt li fih hija tiġi adita.
93. Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, bil-konsegwenza li l-qorti b’ġuriżdizzjoni internazzjonali hija, għalhekk, dik adita fir-Repubblika Ċeka.
V. Konklużjoni
94. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) kif ġej:
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikoli 3(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103 tal‑24 ta’ Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
il-proċedura ta’ likwidazzjoni u ta’ tqassim ta’ komproprjetà indiviża f’proprjetà immobbli akkwistata matul iż-żwieġ mill-konjuġi li jkunu għażlu reġim kuntrattwali ta’ separazzjoni tal-beni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
2 Regolament tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali (ĠU 2016, L 183, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 113, p. 62 u fil-ĠU 2018, L 167, p. 36).
3 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”.
4 Ara l-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament 2016/1103.
5 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 20, p. 344, rettifika fil-ĠU 2012, L 344, p. 3, u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140).
6 Il-Gvern Ċek jippreċiża li dan ir-reġim huwa differenti mir-reġim matrimonjali tad-dritt komuni. Fuq il-fatt li dan tal-aħħar, li, jekk ma jingħażilx reġim kuntrattwali, japplika l-komunjoni tal-beni, ara l-kummentarju dwar l-Artikolu 708 tal-Kodiċi Ċivili minn Zuklínová, M., “§ 708”, f’Zuklínová, M., et al., Občanský zákoník, Komentář, Svazek II, Wolters Kluwer, Praga, 2023.
7 Fir-rikors fil-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ppreċiżat li dan huwa kumpless immobbli li jinkludi appartament, kantina u kamra. Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, dan il-kumpless huwa indikat bħala “proprjetà immobbli”.
8 L-att tal-bejgħ ippreżentat fl-anness tar-rikors ta’ SQ ma huwiex inkluż fil-proċess nazzjonali mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja. Waqt is-seduta, ġie indikat li, f’dan l-att, huwa mfakkar li l-konjuġi għażlu r-reġim ta’ separazzjoni tal-beni. Issir referenza għar-regoli tad-dritt Franċiż li japplikaw għal-likwidazzjoni tal-komproprjetà indiviża u, b’deroga minn dawn tal-aħħar, għat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1469 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż, li jirregola l-kalkolu tar-récompenses (rimborsi ta’ aġġustament bejn il-konjuġi) fil-każ li jiġi llikwidat reġim matrimonjali statutarju ta’ komunjoni tal-beni.
9 Mir-rikors fil-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-talba saret wara x-xoljiment taż-żwieġ u hija ġġustifikata bil-fatt li l-ex konjuġi ma jistgħux jilħqu ftehim dwar il-likwidazzjoni u t-tqassim tal-komproprjetà indiviża. Ir-rikorrent qiegħed jipproponi li l-proprjetà tingħata lilu bi tpattija għall-ħlas ta’ kumpens.
10 Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 1140(1) u għall-Artikolu 1143 tal-Kodiċi Ċivili.
11 Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, dan il-kriterju jirriżulta mis-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 1979, de Cavel (143/78, iktar ’il quddiem is-“sentenza de Cavel”, EU:C:1979:83), u mid-digriet tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Iliev (C‑67/17, iktar ’il quddiem id-“digriet Iliev”, EU:C:2017:459, punt 30). Madankollu, din id-deċiżjoni tal-aħħar, minkejja li taqa’ fil-kuntest tax-xoljiment ta’ unjoni, tikkonċerna sitwazzjoni differenti minn dik tal-kawża prinċipali.
12 Din id-dispożizzjoni tirregola biss il-ġuriżdizzjoni internazzjonali. Il-qorti b’ġuriżdizzjoni speċjali tiġi mbagħad indikata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament 2016/1103, il-qorti adita għandha tivverifika jekk għandhiex ġuriżdizzjoni jew le.
13 Fid-dritt Ċek, il-likwidazzjoni u t-tqassim tal-komproprjetà indiviża huma rregolati mill-Artikoli 1140 sa 1149 tal-Kodiċi Ċivili. Fid-dritt Franċiż, li huwa l-liġi tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, il-likwidazzjoni ta’ komproprjetà indiviża tikkonsisti, kif ifakkar Stéphane David (“La liquidation de l’indivision”, La Semaine Juridique – Notariale et Immobilière, Nru 30‑34, LexisNexis, Pariġi, 26 ta’ Lulju 2019, fajl Nru 1259, p. 43 sa 49), fl-identifikazzjoni u fl-evalwazzjoni, minn naħa, tal-patrimonju indiviż, magħmul minn elementi ta’ attiv u ta’ passiv, ivvalutati fid-data l-iktar qrib it-tqassim skont l-Artikolu 829 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż u, min-naħa l-oħra, taċ-ċaqliq fil-valuri li jkun seta’ seħħ bejn il-komproprjetà indiviża u wieħed mill-komproprjetarji (pereżempju, dejn fil-każ ta’ godiment esklużiv tal-proprjetà indiviża jew ta’ ġbir ta’ dħul minn din il-proprjetà immobbli, jew inkella kreditu li jirriżulta mill-ġestjoni jew mit-titjib tal-imsemmija proprjetà), fil-forma ta’ kontijiet ta’ komproprjetà. Barra minn hekk, għandha ssir distinzjoni bejn din il-likwidazzjoni u dik tar-reġim matrimonjali, liema likwidazzjoni teorikament ma hijiex prevista fil-każ ta’ konjuġi li jkunu għażlu r-reġim ta’ separazzjoni tal-beni. Madankollu, fil-prattika, il-kontijiet tal-konjuġi spiss jiġu ssettiljati. Ara F. Collard, “Synthèse – Séparation de biens”, JurisClasseur Notarial Formulaire, LexisNexis, Pariġi, l-aħħar aġġornament fil‑25 ta’ Marzu 2025, punti 18 sa 27. Ara wkoll l-Artikolu 730 tal-Kodiċi Ċivili Ċek dwar it-tqassim tad-dħul mill-attività eżerċitata mill-konjuġi taħt ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni b’mod konġunt jew minn wieħed mill-konjuġi bl-għajnuna tal-ieħor.
14 Fid-dritt patrimonjali tal-familja, tista’ teżisti sitwazzjoni ta’ komproprjetà fejn konjuġi li ma jkunux għażlu r-reġim matrimonjali tal-komunjoni tal-akkwisti jixtru proprjetà flimkien. Hija tista’ teżisti wkoll bis-saħħa tal-liġi wara x-xoljiment tar-rabta matrimonjali minħabba divorzju (komproprjetà wara l-komunjoni tal-akkwisti) jew minħabba l-mewt (komproprjetà suċċessorja).
15 Ir-Regolament 2016/1103 ilu mid‑29 ta’ Jannar 2019 japplika bejn xi wħud mill-Istati Membri, fosthom ir-Repubblika Ċeka. Ara, dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji u d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, l-Artikoli 69 u 70, kif ukoll Joubert, N., “La dernière pierre (provisoire ?) à l’édifice du droit international privé européen en matière familiale”, Revue critique de droit international privé, Nru 1, Dalloz, Pariġi, 2017, p. 1 sa 26, punt 10 dwar ir-referenza għal din id-data fil-każ ta’ proċeduri ġudizzjarji u ta’ żwieġ.
16 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑13 ta’ Frar 2025, Athenian Brewery u Heineken (C‑393/23, EU:C:2025:85, punti 41 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
18 Fuq il-kriterju tal-organizzazzjoni tar-reġim matrimonjali, li jikkaratterizza l-kunċett ta’ “ftehim matrimonjali”, abbażi tal-kliem tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament 2016/1103, li għandu l-effett li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-kuntratti speċifiċi konklużi bejn il-konjuġi, ara Ancel, B., “Article 3”, f’Corneloup, S. et al., Le droit européen des régimes patrimoniaux des couples: commentaire des règlements 2016/1103 et 2016/1104, Société de législation comparée, Pariġi, 2018, p. 34 sa 42, b’mod partikolari punt 7.ii. Ara wkoll Wautelet, P., “Article 3. – Définitions”, f’Bonomi, A., Wautelet, P., Le droit européen des relations patrimoniales de couple : Commentaire des Règlements (UE) 2016/1103 et 2016/1104, Bruylant, Namur, 2021, p. 209 sa 346, punti 147 et seq., b’mod partikolari, punti 156, 177 u 180.
19 Ara, b’mod partikolari, Erbarth, A., “Die Auswirkungen der EuGüVO auf das Internationale Privatrecht und die Internationale Zuständigkeit der Wirkungen der Ehe im Allgemeinen (§§ 1353 ff. BGB)”, Neue Zeitschrift für Familienrecht, C.H. Beck, München, 2018, Nru 6, p. 249 sa 253, b’mod partikolari p. 252, u Looschelders, D., “Art. 1 EuGüVO Anwendungsbereich”, b;mod partikolari punt 1, intitolat “Eheliche Güterstände”, tat-Taqsima II, intitolata “Sachlicher Anwendungsbereich”, f’Münchener Kommentar zum BGB, Vol. 12, C.H. Beck, München, 2024, punt 8.
20 Ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
21 Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87).
22 Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40).
23 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal‑20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ĠU 2010, L 343, p. 10), li spiss jissejjaħ “Ruma III”.
24 C‑541/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Mahnkopf”, EU:C:2018:138.
25 Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punti 51 sa 53).
26 Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/954 tad‑9 ta’ Ġunju 2016 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar ir-reġimi ta’ proprjetà ta’ koppji internazzjonali, li tkopri kemm materji ta' reġimi ta’ proprjetà matrimonjali kif ukoll il-konsegwenzi patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati (ĠU 2016, L 159, p. 16). L-Istati Membri li ġejjin ma jipparteċipawx fiha: ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija u r-Repubblika Slovakka. In-numru ta’ Stati li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa huwa limitat ukoll fil-kuntest tar-Regolament Ruma III, iżda ma jikkorrispondix għal dak li jikkonċerna r-Regolament 2016/1103.
27 Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2017:965, punt 73).
28 Ara l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament 2016/1103, kif ukoll il-premessa 40.
29 Ara, dwar l-applikazzjoni “erga omnes” tar-regoli ta’ ġuriżdizzjoni tar-Regolament 2016/1103, Bonomi, A., u Wautelet, P., “Introduction”, f’Bonomi, A., u Wautelet, P., op. cit., p. 21 sa 106, punt 74 u r-riferiment għas-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2005, Owusu (C‑281/02, EU:C:2005:120).
30 Ara l-Artikolu 20 tar-Regolament 2016/1103, li jistabbilixxi l-applikazzjoni universali ta’ dawn ir-regoli.
31 Konkluża f’Den Haag fl‑14 ta’ Marzu 1978, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1978”. Din il-konvenzjoni, irratifikata mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Settembru 1992. Ara, fuq din il-konvenzjoni, Niboyet, M.-L., de Geouffre de la Pradelle, G., u Fulli-Lemaire, S., Droit international privé, it-tmien edizzjoni, LGDJ, Pariġi, 2023, Taqsima 4 tal-parti “Premiers repères”, intitolata “Rapports de famille patrimoniaux”, p. 126 sa 142, b’mod partikolari l-punti 138 et seq. kif ukoll, għal paragun tagħha mar-Regolament 2016/1103, il-punti 141 et seq. Dwar ir-relazzjonijiet ta’ dan ir-regolament mal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti, ara l-Artikolu 62 tiegħu. Fl-aħħar nett, dwar l-istorja leġiżlattiva tad-definizzjoni ta’ “reġim matrimonjali”, ara P. Wautelet, “Article 3. – Définitions”, op. cit., punti 59 et seq.
32 Ara Lagarde, P., Bergquist, U., et al., Commentaire des règlements européens sur les régimes matrimoniaux et les partenariats enregistrés, it-tieni edizzjoni, Dalloz, Pariġi, 2018, punti 1.7 u 1.8 (p. 32 u 33).
33 Ara Lagarde, P., Bergquist, U., et al., op. cit., punt 1.8 (p. 33). Fil-fehma ta’ Andrea Bonomi, “Article 1. – Champ d’application”, f’Bonomi, A., u Wautelet, P., op. cit., p. 107 sa 201, b’mod partikolari punt 10, “dawn l-esklużjonijiet huma biss limitazzjonijiet negattivi fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tar-[Regolament 2016/1103], billi dan tal-aħħar huwa ddefinit fl-ewwel lok bil-kunċett pożittiv ta’reġimi matrimonjali [...] Għalhekk, kwistjonijiet li ma jaqgħux fl-iskop ta’ dan il-kunċett ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni [ta’ dan ir-regolament], minkejja li ma jissemmewx fl-Artikolu 1(2) [tal-imsemmi regolament]” [traduzzjoni libera]. Ara, bħala eżempju, Wautelet, P., “Article 3. – Définitions”, op. cit., fuq ir-relazzjonijiet bejn il-konjuġi u l-persuni ġuridiċi, punti 132 sa 139.
34 Enfasi miżjuda minni. Fil-fehma ta’ Patrick Wautelet, “Article 3. – Définitions”, op. cit., punt 80, dan it-terminu “regoli”, li jintuża wkoll fil-premessa 18 tar-Regolament 2016/1103, ma jirrifletti ebda xewqa li tiġi adottata definizzjoni li, li kieku ma kinitx funzjonali, titbiegħed mill-approċċ solitu fid-dritt internazzjonali privat (ara, fir-rigward ta’ tali metodu li “jeżamina liema hija l-funzjoni u l-għanijiet li jfittxu li jilħqu istituzzjoni jew mekkaniżmu mwaqqfa permezz ta’ liġi nazzjonali”, ibidem, punti 78 u 79). Ara, bħala paragun, l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 650/2012. Fil-fehma tiegħi, għandhom jinsiltu insenjamenti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (ĠU 1998, C 27, p. 1), iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”, u r-regolamenti li ġew warajha, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjonijiet relatati mar-reġim matrimonjali. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja stħarrġet in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi patrimonjali bejn il-partijiet fil-kawża jew is-suġġett ta’ din tal-aħħar b’rabta jew le maż-żwieġ. Ara s-sentenzi de Cavel (punt 7) u kif ukoll tal‑31 ta’ Marzu 1982, W. (25/81, EU:C:1982:116, punti 7 u 8), kif ukoll id-digriet Iliev (punt 30). Il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni wkoll fid-dawl tal-għan li tfittex li tilħaq id-deċiżjoni jew ir-regola inkwistjoni (ara, rispettivament, is-sentenzi tal‑27 ta’ Frar 1997, van den Boogaard (C‑220/95, EU:C:1997:91, punt 22), u Mahnkopf (punt 40)). F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat, fis-sitwazzjoni legali partikolari ta’ komproprjetà indiviża tal-konjuġi, jekk, fid-dawl tal-iskop tad-dritt invokat, it-tilwima tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103 jew jekk hijiex eskluża minħabba xi waħda mill-kategoriji ta’ drittijiet elenkati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament.
35 Inkwantu r-Regolament Brussell Ia ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1), li huwa stess issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fejn jidħlu d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti legali tal-aħħar tapplika wkoll għall-interpretazzjoni tar-Regolament Brussell Ia kull fejn dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” għal dawk ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.
36 F’dan il-każ, it-tilwima kellha bħala suġġett l-arranġament provviżorju tar-relazzjonijiet ġuridiċi patrimonjali tal-konjuġi li kien meħtieġ fil-mori ta’ dawk il-proċeduri. Ara s-sentenza de Cavel (punt 7, l-ewwel paragrafu).
37 Sentenza de Cavel (punt 7, it-tieni sar-raba’ paragrafu).
38 Ara d-digriet Iliev (punt 30). F’dan ir-rigward, Dirk Looschelders, “Internationale Zuständigkeit für die Auseinandersetzung von Miteigentum bei ehegüterrechtlichem Bezug”, Praxis des internationalen Privat- und Verfahrensrechts, Gieseking, Bielefeld, 2018, Nru 6, p. 591 sa 594, b’mod partikolari p. 593 u 594, jippreċiża li x-xoljiment taż-żwieġ fid-dritt Bulgaru, li kien japplika f’dak il-każ, kien jinvolvi direttament biss il-ħolqien ta’ komproprjetà u li t-tilwima dwar it-tqassim ta’ din tal-aħħar hija biss konsegwenza indiretta tad-divorzju. Minn dan huwa jikkonkludi li l-fatt li l-ħolqien tal-imsemmija komproprjetà bejn l-ex konjuġi jiddependi minn aspetti relatati mar-reġim matrimonjali huwa biss sempliċi kwistjoni preliminari li, fil-fehma tiegħu, ma żżommx milli japplika r-Regolament Brussell Ia. Madankollu, huwa jsostni li, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ biss li jsir magħruf jekk it-tqassim tal-komproprjetà huwiex immotivat mix-xoljiment taż-żwieġ jew jekk għandux xi rabta ma’ dan tal-aħħar, u li l-fatt li dan it-tqassim ikun jaqa’ fl-iskop tad-dritt tal-proprjetà ma jżommux milli jiġi kklassifikat bħala kwistjoni fil-qasam tar-reġimi matrimonjali. Din l-osservazzjoni tista’, fil-fatt, tiġi dedotta mill-konstatazzjoni li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi dwar it-tqassim tal-proprjetà tiċċentra madwar il-likwidazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara d-digriet Iliev, punti 19 u 22).
39 Ara d-digriet Iliev (punt 15, li għandu jinqara flimkien mal-punti 10 u 11, kif ukoll mal-punt 22).
40 Ara, għal riżervi tal-istess tip, E. Farnoux, “Improbable retour en grâce de la théorie générale des conflits de juridictions : naissance d’une règle de compétence purement internationale s’agissant d’une action en partage d’un bien immobilier situé en France”, Revue critique de droit international privé, Nru 1, Dalloz, Pariġi, 2021, p. 106 sa 127, b’mod partikolari p. 125 u 126.
41 Waqt is-seduta, ġie sostnut ukoll li l-pjan li tiġi akkwistata l-proprjetà indiviża tfassal qabel iż-żwieġ u seħħ ftit taż-żmien wara li ngħażel ir-reġim matrimonjali.
42 Ara s-sentenza de Cavel (punt 7, it-tielet paragrafu) u l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
43 Ara s-sentenza de Cavel (punt 7, it-tieni paragrafu). Fit-tielet paragrafu tal-punt 7 ta’ din is-sentenza jissemmew kawżi li jikkonċernaw jew li huma marbuta mill-qrib ma’ “relazzjonijiet ġuridiċi patrimonjali bejn il-konjuġi li jirriżultaw direttament mir-rabta konjugali jew mix-xoljiment tagħha” (enfasi miżjuda minni).
44 Ara r-Rapport Schlosser dwar il-Konvenzjoni tad‑9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-Konvenzjoni dwar ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali u għall-Protokoll dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979, C 59, p. 71), iktar ’il quddiem ir-“Rapport Schlosser”, punt 50). Ara, fuq ir-rabta ma’ dan ir-rapport, E. Farnoux, op. cit., p. 125.
45 Rapport Schlosser (punt 50).
46 Ara r-Rapport Schlosser (punt 43).
47 Ibidem (punt 43).
48 Ibidem (punti 45 u 46).
49 Ara Wautelet, P., “Article 3. – Définitions”, op. cit., punt 64.
50 Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
51 Enfasi miżjuda minni. Infakkar li l-kriterji adottati fis-sentenza de Cavel (punt 7) huma stabbiliti kif ġej: tilwima li tikkonċerna jew li hija marbuta mill-qrib ma’ relazzjonijiet ġuridiċi patrimonjalili jirriżultaw direttament mir-rabta konjugali jew mix-xoljiment taż-żwieġ.
52 Ara Looschelders, D., “Art. 1 EuGüVO Anwendungsbereich”, op. cit., punt 10. Skont dan l-awtur, il-fatt li dan il-kriterju jinsab biss fi premessa jiffavorixxi interpretazzjoni fis-sens li n-natura diretta tar-rabta ma hijiex kriterju ċentrali fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “reġim matrimonjali”.
53 Ara l-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“como resultado”), bil-lingwa Ġermaniża (“aufgrund”), bil-lingwa Ingliż (“as a result”), bil-lingwa Taljana (“in conseguenza”) u bil-lingwa Pollakka (“wynikających”), li huma l-verżjonijiet lingwistiċi li stajt nivverifika.
54 Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
55 Ara l-premessa 8 tar-Regolament 2016/1103.
56 Ara l-premessi 15 u 16 tar-Regolament 2016/1103.
57 Ara l-Artikoli 21 u 27, kif ukoll il-premessa 52 tar-Regolament 2016/1103.
58 Ara l-Artikolu 22 tar-Regolament 2016/1103.
59 Ara l-Artikolu 26 tar-Regolament 2016/1103.
60 Ara l-Artikolu 28 l-premessa 52 tar-Regolament 2016/1103.
61 Ara l-Artikolu 21 tar-Regolament 2016/1103.
62 Ara wkoll, fil-każ ta’ proċeduri pendenti dwar is-suċċessjoni ta’ konjuġi jew ir-rabta matrimonjali, il-premessi 33 u 34 tar-Regolament 2016/1103, rispettivament.
63 Ara Looschelders, D., “Internationale Zuständigkeit für die Auseinandersetzung von Miteigentum bei ehegüterrechtlichem Bezug”, op. cit., b’mod partikolari p. 591 u 594.
64 Ara l-Artikolu 10 tar-Regolament 2016/1103.
65 C‑605/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Komu et”, EU:C:2015:833.
66 Dan l-artikolu jipprovdi li, fi kwistjonijiet li jkollhom bħala suġġett drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli u kirjiet ta’ proprjetà immobbli, huma biss il-qrati tal-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà li għandhom ġuriżdizzjoni, irrispettivament mid-domiċilju. Din id-dispożizzjoni ġiet riprodotta fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia. Fuq l-interpretazzjoni tagħha, ara l-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
67 Ara s-sentenza Komu et (punti 13 sa 15).
68 Ara s-sentenza Komu et (punt 28).
69 Ara s-sentenza Komu et (punt 30).
70 Ara l-Artikolu 26 tar-Regolament 2016/1103, li jirreferi għall-ewwel residenza abitwali komuni.
71 Ara, f’dan ir-rigward, Chikoc Barreda, N., “Entre la lex causae et les lois de police de la lex fori: quelle alternative pour la protection du logement familial dans le règlement “régimes matrimoniaux”?”, European Review of Private Law, Nru 3, Kluwer Academic Publishers, Dordrecht, 2019, p. 583 sa 615, b’mod partikolari punt 4. L-awtriċi tenfasizza (punt 5) id-differenza fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1978, filwaqt li, fin-nuqqas ta’ għażla ta’ liġi, l-Artikolu 26 tar-Regolament 2016/1103 jipprevedi li l-liġi applikabbli hija dik tal-Istat fejn il-koppja miżżewġa kellha l-ewwel residenza abitwali komuni tagħha wara ż-żwieġ, u dan ma huwiex mingħajr l-iżvantaġġi għal koppji miżżewġa li jiċċaqalqu minn post għal ieħor (punt 6).
72 Ara wkoll Erbarth, A., op. cit., p. 252.
73 Ara l-Artikolu 21 u l-premessa 43 tar-Regolament 2016/1103. Fuq id-differenza fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1978 u fuq l-għażla identika fir-Regolament Nru 650/2012, ara Wautelet, P., “Article 22. – Choix de la loi applicable”, f’Bonomi, A., u Wautelet, P., op. cit., p. 577 sa 676, punti 79 u 81.
74 Ara l-premessa 18 tar-Regolament 2016/1103. Nathalie Joubert, op. cit., punt 16, tenfasizza li l-inklużjoni tar-reġim primarju tagħmilha possibbli li tiġi unifikata l-liġi li tapplika għar-relazzjonijiet patrimonjali kollha tal-koppja, inkluż fil-każijiet fejn il-liġi magħżula ma tkunx tirrikonoxxi l-kunċett ta’ “reġim matrimonjali” u dak ta’ “reġim primarju”, u din hija differenza kbira mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1978. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li tali reġim primarja japplika għall-konjuġi kollha, ikun xi jkun ir-reġim matrimonjali tagħhom, inkluż dak tas-separazzjoni tal-beni.
75 Dawn il-kwistjonijiet huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103 (ara l-Artikolu 1(2)(c) u (f) ta’ dan ir-regolament). Skont Johannes Weber, “Die Europäischen Güterrechtsverordnungen: Eine erste Annäherung”, Deutsche Notar-Zeitschrift, 2016, Nru 9, p. 659 sa 697, b’mod partikolari p. 665, “ir-reġim matrimonjali b’hekk jikseb il-funzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ riżerva (fallback provision) bħala regola ġenerali tad-dritt internazzjonali tal-proprjetà tal-familja” (traduzzjoni libera).
76 Ara l-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament 2016/1103 u s-sentenza Mahnkopf (punt 41). Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
77 Ara Bonomi, A., “Article 1. – Champ d’application”, op. cit., punt 3 ; Wautelet, P., “Article 27. – Portée de la loi applicable”, f’Bonomi, A., u Wautelet, P., op. cit., p. 845 sa 915, punt 6; Lagarde, P., Bergquist, U., et al., op. cit., punt 3.2 (p. 40) ; Gallant, E., “Union européenne. – Règlements no 2016/1103 et 2016/1104 sur les régimes matrimoniaux et les régimes partenariaux », JurisClasseur Procédure civile, LexisNexis, Pariġi, 17 ta’ Ġunju 2021, Faxxiklu 3000‑80, punt 43, u Weber, J., op. cit., p. 665. Ara, f’dan l-istess istess, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2017:965, punt 76 u, fuq il-kriterju tat-tqassim tal-patrimonju bejn il-konjuġi, punt 91).
78 Ara Mankowski, P., “Verschiebungen bei der Qualifikation vermögensrechtlicher Beziehungen zwischen den Ehegatten durch die EuGüVO”, Neue Zeitschrift für Familienrecht, C.H. Beck, München, 2021, Nru 17, p. 757 sa 764 b’mod partikolari p. 758.
79 Fl-istess sens, fuq ir-reġim tal-komproprjetà bejn il-konjuġi li jkunu għażlu s-separazzjoni tal-beni, b’rabta ma’ kwistjonijiet relatati, pereżempju, mad-djun tal-komproprjetà jew mal-kumpens ta’ komproprjetarju, ara Wautelet, P., “Article 27. – Portée de la loi applicable”, op. cit., punt 67.
80 Ara Godechot‑Patris, S., “Réglementation depuis le 29 janvier 2019”, JurisClasseur Notarial Formulaire, LexisNexis, Pariġi, 15 ta’ Settembru 2023, Faxxiklu 320, punt 111, u Wautelet, P., “Article 27. – Portée de la loi applicable”, op. cit., punt 74. Sa fejn jidħol ir-reġim tad-dritt komuni ta’ komproprjetà indiviża, huma għandhom id-dubji tagħhom, billi jirreferu għal-liġi tal-post fejn tkun tinsab il-proprjetà. Fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ approċċ każ b’każ, ara Wautelet, P., “Article 1. – Champ d’application”, f’Bonomi, A., u Wautelet, P, op. cit., punti 176 u 177.
81 Ara Hausmann, R., Internationales und Europäisches Familienrecht, it‑tielet edizzjoni, C.H. Beck, München, 2024, punt 355. Ara wkoll Godechot-Patris, S., “Compétence juridictionnelle en matière d’action en partage d’un immeuble situé en France”, Revue Juridique Personnes et Famille, Nru 5, Lamy, Pariġi, 2020. Ara wkoll il-punt 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar ir-rabta li tista’ ssir mal-Artikolu 29 tar-Regolament 2016/1103. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ rabta konjugali, ix-xoljiment tal-komproprjetà jaqa’ fl-iskop tar-Regolament Brussell Ia. Ara, fl-aħħar nett, il-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar id-dar tal-familja.
82 Ara Mankowski, P., op. cit., p. 758. Dan l-awtur jippreċiża, madankollu, li l-eżistenza ta’ kreditu pekunjarju ta’ konjuġi kontra ieħor ma hijiex biżżejjed waħedha sabiex dan jiġi kklassifikat bħala matrimonjali, jekk dan il-kreditu ma jkollu ebda rabta mar-reġim matrimonjali.
83 Għall-koppji mhux miżżewġin, ara r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1104 tal‑24 ta’ Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali (ĠU 2016, L 183, p. 30, rettifiki fil-ĠU 2017, L 113, p. 62 u fil-ĠU 2018, L 167, p. 36).
84 Sentenza tas‑7 ta’ April 2022, V A u Z A (Ġuriżdizzjoni sussidjarja fil-qasam tas-suċċessjoni) (C‑645/20, EU:C:2022:267, punt 21, li għandu jinqara flimkien mal-punti 37, 38, 44 u 45). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minn dan il-prinċipju jirriżulta li regola nazzjonali li l-għan prinċipali tagħha jkun id-determinazzjoni tal-quantum tas-sehem tas-suċċessjoni li għandu jingħata lill-konjuġi superstiti meta mqabbel ma’ dak li għandu jingħata lill-werrieta l-oħra u mhux it-tqassim ta’ assi patrimonjali bejn il-konjuġi taqa’ taħt ir-Regolament Nru 650/2012. Ara s-sentenza Mahnkopf (punt 40). Minn dan niddeduċi li, skont l-imsemmi prinċipju, it-tqassim ta’ komproprjetà tas-suċċessjoni bejn konjuġi superstiti u l-werrieta tal-konjuġi l-mejjet, għandu wkoll jiġi rregolat mir-Regolament Nru 650/2012. Ara Lardeux, G., “De certaines hypothèses délicates du droit international privé des immeubles”, Journal du droit international (Clunet), LexisNexis, Pariġi, Nru 4, 2021, p. 1259 sa 1275, nota ta’ qiegħ il-paġna 28, kif ukoll Péroz, H., u Fongaro, É, “Mai 2019‑mai 2020: le droit international privé n’est pas près d’être confiné”, Droit et Patrimoine, Nru 304, Lamy, Pariġi, 2020, b’mod partikolari Taqsima III li tikkonċerna “[o]bligations et biens”.
85 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Isergartler (C‑618/24, EU:C:2026:251, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja mmotivat id-deċiżjoni tagħha billi rreferiet għall-“prinċipju tal-unità tas-suċċessjoni, ikkonkretizzat b’mod partikolari fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 650/2012, li jipprevedi li l-liġi applikabbli skont dan ir-regolament hija intiża biex tirregola ‘suċċessjoni fl-intier tagħha’” (enfasi miżjuda minni). Dwar din ir-relazzjoni bejn il-liġi applikabbli u l-ġuriżdizzjoni, ara Péroz, H., u Fongaro, É, op. cit. Hélène Péroz tirrileva li t-tqassim tas-suċċessjoni jissemma biss fl-Artikolu 23(2)(j) tar-Regolament Nru 650/2012, li jikkonċerna l-portata tal-liġi applikabbli u mhux ir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni tal-qrati. Madankollu, hija tqis li, jekk dan ir-regolament japplika għal-liġi li tapplika għat-tqassim tas-suċċessjoni, ir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni previsti fl-imsemmi regolament japplikaw a fortiori għal din il-materja. Fuq l-analoġija mal-Artikolu 23(2)(e) u (j) tal-istess regolament, ara wkoll Looschelders, D., “Internationale Zuständigkeit für die Auseinandersetzung von Miteigentum bei ehegüterrechtlichem Bezug”, op. cit., p. 594.
86 Ara Bonomi, A., u Wautelet, P., “Introduction”, op. cit., punt 38, u Bonomi, A., “Article 21. – Unité de la loi applicable”, f’Bonomi, A., u Wautelet, P., op. cit., punt 5.
87 Ara Bonomi, A., u Wautelet, P., “Introduction”, op. cit., punti 43 u 60.
88 Ara l-Artikolu 21 tar-Regolament 2016/1103, li ma fih ebda restrizzjoni fejn jidħlu n-natura u l-lok tal-proprjetajiet immobbli.
89 Fil-fehma tiegħi, tista’ ssir approssimazzjoni mal-kriterji tal-likwidazzjoni ta’ komunjoni tal-beni taħt id-dritt Ċek. Ara l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 63 tar-Regolament 2016/1103, disponibbli fis-sit internet li ġej: https://e-justice.europa.eu/topics/family-matters-inheritance/property-marriage-civil-partnerships/matrimonial-property-regimes/cz_fr. Ara wkoll, fuq il-leġiżlazzjoni Ċeka dwar il-likwidazzjoni tar-reġim ta’ separazzjoni tal-beni, Zuklínová, M., “§ 729”, f’Zuklínová, M., et al., op. cit., b’mod partikolari III li tikkonċerna d-drittijiet u l-obbligi komuni tal-konjuġi f’reġim ta’ separazzjoni tal-beni. Għal sinteżi tad-dritt Franċiż, b’mod partikolari, dwar il-likwidazzjoni tar-reġim matrimonjali ta’ separazzjoni tal-beni u tal-proprjetà komuni, ara Collard, F., op. cit., punti 18 et seq. Patrick Wautelet irrileva li l-eżistenza ta’ komproprjetà indiviża bejn (ex) konjuġi, toħloq kwistjonijiet partikolari li huma indirizzati fid-dritt speċifiku tar-relazzjonijiet patrimonjali ta’ koppja (“Article 1. – Champ d’application”, op. cit., punt 176, u “Article 27. – Portée de la loi applicable”, op. cit., punt 67).
90 Ara, b’mod partikolari, il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia u l-Artikolu 1(2)(g) u (h) tar-Regolament 2016/1103.
91 Ara l-punt 40 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
92 F’dan l-istess, ara Wautelet, P., “Article 1. – Champ d’application”, op. cit., punt 130, li jissuġġerixxi li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi rabtiet u interazzjonijiet bejn il-liġi tal-proprjetà, minn naħa, u l-liġi li tapplika għar-relazzjonijiet patrimonjali ta’ koppja, min-naħa l-oħra, sabiex titkejjel b’mod preċiż il-portata tal-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament 2016/1103.
93 Ara Wautelet, P., “Article 1. – Champ d’application”, op. cit., punti 129 u 181. Fil-punt 129, huwa jirrileva li “l-kwistjonijiet ta’ proprjetà u ta’ approprjazzjoni huma ċentrali u huma s-sies tar-relazzjonijiet patrimonjali” u, fil-punti 173 u 177, li l-komproprjetà indiviża hija s-suġġett ta’ regoli li jagħmlu parti importanti mil-liġi tal-proprjetà, li, madankollu, ma teskludix ipso facto l-applikazzjoni tar-Regolament 2016/1103.
94 Ara l-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia u l-Artikolu 1(2)(k) tar-Regolament Nru 650/2012.
95 Fuq id-diffikultà f’ċerti każijiet li jiġi ddeterminat jekk dritt jaqax taħt il-kategorija tad-drittijiet in rem imsemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament 2016/1103, ara Wautelet, P., “Article 29. – Adaptation des droits réels”, dans Bonomi, A., u Wautelet, P., op. cit., p. 993 sa 1023, punt 23.
96 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 1994, Webb (C‑294/92, EU:C:1994:193, punt 14), u Komu et (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Reitbauer e.a. (C‑722/17, EU:C:2019:577, punt 45).
97 Ara r-Rapport Schlosser (punt 166) u s-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 1990, Reichert u Kockler (C‑115/88, EU:C:1990:3, punt 12), u tal‑10 ta’ Lulju 2019, Reitbauer et (C‑722/17, EU:C:2019:577, punt 48).
98 Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka (C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 47). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet din id-definizzjoni mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet u ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (COM(2009) 154 final, p. 5). Fil-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam tar-reġimi matrimonjali (COM(2016) 106 final), ġie ppreċiżat, sa fejn għandu x’jaqsam l-Artikolu 1, li dan ir-“regolament ma jaffettwax in-natura tad-drittijiet in rem li jkunu jirrigwardaw proprjetà, il-kwalifika tal-proprjetà u tad-drittijiet u d-determinazzjoni tal-prerogattivi tad-detentur ta’ dawn id-drittijiet”, punt 5.1 (p. 7).
99 Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka (C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 48). Il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha fuq l-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-premessa 15 tar-Regolament Nru 650/2012, liema spjegazzjonijiet jinsabu wkoll, bl-istess kliem, fil-premessa 24 tar-Regolament 2016/1103.
100 Dispożizzjonijiet simili jinsabu fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ġie ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka (C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 63), bħala limitat għall-kontenut tad-drittijiet in rem u għar-rikonoxximent tagħhom fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru li fih ikunu ġew invokati. Dan l-artikolu ma jistax japplika meta d-dritt in rem trażmess permezz ta’ legat “b’rivendikazzjoni” jkun dritt ta’ proprjetà u meta tali dritt ikun magħruf mill-Istat Membru li jkollu jirrikonoxxi l-effetti tiegħu (punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza).
101 Ara Wautelet, P., “Article 1. – Champ d’application”, op. cit., punt 174 u każ 14.
102 Ara l-premessa 52 tar-Regolament 2016/1103. Ara wkoll Wautelet, P., “Article 1. – Champ d’application”, op. cit., punti 176 u 177.
103 Ara Wautelet, P., “Article 29. – Adaptation des droits réels”, op. cit., punt 26. Ara wkoll, fir-rigward tal-prinċipju li kwistjonijiet li jikkonċernaw it-terminazzjoni tal-komproprjetà indiviża tal-konjuġi għandhom jiġi indirizzati permezz ta’ qari flimkien tal-Artikoli 27 u 29 tar-Regolament 2016/1103 – prinċipju li, madankollu, jeħtieġ li jiġi kkwalifikat f’każ li ma ssir ebda distinzjoni bejn il-liġi tar-reġim matrimonjali u r-reġim tal-komproprjetà tad-dritt komuni, Godechot-Patris, S., “Article 27”, f’Corneloup, S., et al., op. cit., p. 267 sa 281, b’mod partikolari l-punt 39.
104 Ara Wautelet, P., “Article 1. – Champ d’application”, op. cit., punti 131 sa 133.
105 Ibidem, punt 179. Ara wkoll Looschelders, D., “Art 1 EuGüVO Anwendungsbereich”, op. cit., 2024, punt 11.
106 Ara l-premessi 27 u 28 tar-Regolament 2016/1103. Barra minn hekk, fejn tidħol l-eżekuzzjoni tas-sentenzi, huma biss il-qrati tal-Istat Membru tal-post tal-eżekuzzjoni li għandhom ġuriżdizzjoni. Ara l-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell Ia. Fis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C261/90, EU:C:1992:149, punti 26 u 27), li hija bbażata fuq ir-rapport ta’ P. Jenard dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell (ĠU 1979, C 59, p. 1), ingħad li hija meħtieġa rabta stretta mal-“użu tal-forza, il-koerċizzjoni jew l-esproprjazzjoni ta’ proprjetà mobbli jew immobbli sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni materjali tad-deċiżjonijiet, tal-atti”.