SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
9 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 25 – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni – Partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat terz – Attribuzzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru tal-ġurisdizzjoni għall-konjizzjoni ta’ tilwim li jinbet minn dan il-kuntratt – Element barrani – Konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑540/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Awwissu 2024, fil-proċedura
Cabris Investments Ltd
vs
Revetas Capital Advisors LLP,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, T. Von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, I. Ziemele, A. Kumin u S. Gervasoni, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Revetas Capital Advisors LLP, minn B. Knötzl u B. Ortner, Rechtsanwälte, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë u J. Vondung, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50(3) TUE, tal-Artikoli 25, u 68 sa 70 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”), kif ukoll tal-Artikoli 17, 18, 55, 56 u 66 tal-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Cabris Investments Ltd u Revetas Capital Advisors LLP, kumpanniji rregolati mid-dritt Ingliż, dwar talba għal ħlas ta’ somma b’eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali mressqa mill-ewwel kumpannija kontra t-tieni waħda quddiem qorti Awstrijaka. |
Il-kuntest ġuridiku
It-Trattat UE
|
3 |
L-Artikolu 50(3) TUE jipprevedi: “It-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat in kwistjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara n-notifika prevista fil-paragrafu 2, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim ma’ l-Istat Membru in kwistjoni, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dan il-perijodu.” |
Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika
|
4 |
L-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”), adottat fis‑17 ta’ Ottubru 2019 u fis-seħħ mill‑1 ta’ Frar 2020, li ġie approvat f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA) bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 (ĠU 2020, L 29, p. 1), jipprovdi: “Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020.” |
Il-Konvenzjoni ta’ Brussell
|
5 |
L-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprovdi: “Jekk il-partijiet, li waħda jew iktar minnhom ikollha d-domiċilju fi Stat Membru kontraenti, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu kwistjonijiet li jkunu nibtu jew li jistgħu jinbtu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
6 |
L-Artikolu 18 ta’ din il-konvenzjoni huwa fformulat kif ġej: “Minbarra l-każijiet li fihom il-ġurisdizzjoni tagħha tirriżulta minn dispożizzjonijiet oħra ta’ din il-Konvenzjoni, il-qorti ta’ Stat kontraenti li quddiemha jidher il-konvenut għandu jkollha ġurisdizzjoni. Din ir-regola ma tapplikax meta d-dehra tkun saret sabiex tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklużiva skont l-Artikolu 16.” |
|
7 |
L-Artikolu 55 tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi: “Bla ħsara għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 u għall-Artikolu 56, din il-konvenzjoni għandha tissostitwixxi bejn l-Istati kontraenti tagħha l-konvenzjonijiet konklużi bejn tnejn jew iktar minn dawn l-Istati, jiġifieri: […]
[…]” |
|
8 |
L-Artikolu 56 tal-istess konvenzjoni jipprevedi li: “It-Trattat u l-Konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 55 għandhom jibqgħu jipproduċu l-effetti tagħhom fi kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom ma tapplikax din il-Konvenzjoni. “Għandu jibqa’ jkollhom effett fir-rigward ta’ sentenzi mogħtija u dokumenti mfassla formalment jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvezjoni.” |
|
9 |
L-Artikolu 66 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell huwa fformulat kif ġej: “Din il-Konvenzjoni hija konkluża għal perijodu indefinit.” |
Ir-Regolament Brussell I
|
10 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”), daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2002 u ssostitwixxa, bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni ta’ Brussell. Huwa stess ġie abrogat u ssostitwit, b’effett mill-10 ta’ Jannar 2015, bir-Regolament ta’ Brussell Ia. |
|
11 |
L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I kien ifformulat kif ġej: “Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. […]” |
Ir-Regolament Brussell Ia
|
12 |
Il-premessi 3, 13, 14, 15, 19 u 21 tar-Regolament Brussell Ia jipprovdu:
|
|
13 |
L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej: “Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.” |
|
14 |
L-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi: “Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, soġġetta għall-Artikoli 18(1), 21(2) u l-Artikoli 24 u 25, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.” |
|
15 |
L-Artikolu 25(1) tal-istess regolament, li jinsab fit-Taqsima 7 tal-Kapitolu II, intitolata “Proroga tal-ġurisdizzjoni”, jipprevedi: “Jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Ġurisdizzjoni bħal din għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor. […]” |
|
16 |
Skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Brussell Ia: “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26, meta qorti ta’ Stat Membru li lilha ftehim kif imsemmi fl-Artikolu 25 jagħti ġurisdizzjoni esklużiva tiġi invokata, kwalunkwe qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha tissospendi l-proċedimenti sa dak iż-żmien meta l-qorti invokata fuq il-bażi tal-ftehim tiddikjara li m’għandha l-ebda ġurisdizzjoni taħt il-ftehim.” |
|
17 |
Il-Kapitolu VII ta’ dan ir-regolament, intitolat “Relazzjoni ma’ strumenti oħra”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 68 sa 70. L-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej: “1. Dan ir-Regolament għandu, bejn l-Istati Membri, jissostitwixxi l-[Konvenzjoni ta’ Brussell], ħlief f’dak li jirrigwarda t-territorji tal-Istati Membri li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dik il-Konvenzjoni u li huma esklużi minn dan ir-Regolament bis-saħħa tal-Artikolu 355 [TFUE]. 2. Sakemm dan ir-Regolament jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tal-[Konvenzjoni ta’ Brussell], kwalunkwe referenza għal dik il-Konvenzjoni għandha tinftiehem bħala referenza għal dan ir-Regolament.” |
|
18 |
L-Artikolu 69 tal-imsemmi regolament jipprovdi: “Soġġett għall-Artikoli 70 u 71, dan ir-Regolament għandu, bejn l-Istati Membri, jabroga l-konvenzjonijiet li jkopru l-istess kwistjonijiet bħal dawk li għalihom japplika dan ir-Regolament. B’mod partikolari, il-konvenzjonijiet inklużi fil-lista stabbilita mill-Kummissjoni [Ewropea] skont il-punt (c) tal-Artikolu 76(1) u l-Artikolu 76(2) għandhom jiġu abrogati.” |
|
19 |
L-Artikolu 70(1) tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej: “Il-konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 69 għandu jibqa’ jkollhom effett fir-rigward ta’ kwistjonijiet li dwarhom dan ir-Regolament ma japplikax.” |
|
20 |
Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Brussell Ia, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista tal-konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament abbażi tan-notifiki magħmula mill-Istati Membri konformement mal-Artikolu 76(1)(c) tiegħu. Skont l-Artikolu 76(4) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-listi u kull emenda sussegwenti tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
21 |
Il-Kummissjoni fasslet u ppubblikat, abbażi tan-notifiki previsti fl-Artikolu 76 tal-istess regolament, tliet listi (ĠU 2015, C 4, p. 2), li t-tielet waħda minnhom (iktar ’il quddiem il-“lista 3”) hija fformulata kif ġej: “Il-Konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 69 huma dawn li ġejjin:
[…]
[…]
[…]
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
22 |
Fis‑6 ta’ Mejju 2020, Cabris Investments u Revetas Capital Advisors, kumpanniji stabbiliti fir-Renju Unit, ikkonkludew kuntratt ta’ konsulenza, flimkien ma’ ittra ta’ akkumpanjament, li fihom kien hemm klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni (iktar’ il quddiem il-“klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni inkwistjoni”), imfassla kif ġej: “Dan il-kuntratt u r-relazzjonijiet bejn il-partijiet huma rregolati mid-dritt Awstrijak u għandhom jiġu interpretati konformement miegħu. Il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawżi li jirriżultaw jew li jirrigwardaw dan il-kuntratt, jew li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni jew il-validità tiegħu.” |
|
23 |
Fit‑30 ta’ Ġunju 2023, Cabris Investments adixxiet lill-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż sabiex Revetas Capital Advisors tiġi kkundannata tħallasha s-somma ta’ EUR 360000, flimkien ma’ interessi moratorji, b’eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali ta’ ħlas li jirriżulta minn dan il-kuntratt u li huwa marbut mal-eżerċizzju ta’ funzjoni ta’ direttur finanzjarju. |
|
24 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minbarra l-klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni inkwistjoni, ma teżistix rabta evidenti bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali u r-Repubblika tal-Awstrija. |
|
25 |
Revetas Capital Advisors ikkontestat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tar-rinviju billi sostniet li, peress li, b’effett minn tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni previst mill-Ftehim dwar il-ħruġ stabbilit għall‑31 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ tranżizzjoni”), ir-Regolament Brussell Ia ma għadux applikabbli fir-rigward tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jinvolvu lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, l-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Frar 2024, Inkreal (C‑566/22, EU:C:2024:123), ma huwiex applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, il-klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni inkwistjoni hija ineffettiva u l-qorti tar-rinviju, għalhekk, ma għandhiex ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża li tressqet quddiemha. |
|
26 |
Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia u l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024, Inkreal (C‑566/22, EU:C:2024:123), jibqgħux applikabbli fil-każ ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni konkluż matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni bejn żewġ partijiet li għandhom is-sede tagħhom fir-Renju Unit u li jiddenomina qorti ta’ Stat Membru sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwima tagħhom, meta din il-qorti tkun ġiet adita wara kemm il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea kif ukoll it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni u r-relazzjoni kuntrattwali sottostanti għat-tilwima ma jkollha ebda rabta ma’ dan l-Istat Membru. Il-qorti tar-rinviju għandha t-tendenza li tiddeduċi mill-premessi 13 u 14 ta’ dan ir-regolament, mill-Artikolu 50(3) TUE u mis-sentenza msemmija iktar ’il fuq, li tali rabta hija meħtieġa. |
|
27 |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal sabiex tikkonkludi li l-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia ma japplikax f’tali sitwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, dwar l-applikabbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u b’mod partikolari tal-Artikoli 17 u 18 tagħha, jew, fin-nuqqas ta’ dan, tal-Konvenzjoni Anglo-Awstrijaka. Skont din il-qorti, ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq jekk l-Artikoli 68 u 69 tar-Regolament Brussell Ia abrogawx definittivament dawn iż-żewġ konvenzjonijiet. L-imsemmija qorti hija tal-opinjoni li l-prinċipji tad-dritt internazzjonali pubbliku li jirregolaw l-estinzjoni tat-trattati u l-fatt li dawn id-diversi strumenti ġuridiċi jirregolaw oqsma viċini, jimmilitaw favur l-interpretazzjoni li l-applikabbiltà tal-imsemmija konvenzjonijiet, fir-rigward tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jimplikaw lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, hija eskluża. |
|
28 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 50(3) TUE u l-Artikolu 82(1)(b)(i) tal-Parti 4 ta’ Civil Jurisdiction and Judgments (Amendment) (EU Exit) Regulations 2019 (ir-Regolamenti tal‑2019 dwar il-ġurisdizzjoni f’materji ċivili u s-sentenzi (emenda) (Brexit)), tal‑4 ta’ Marzu 2019 (Statutory Instruments 2019, Nru 479), jeskludux, b’mod ġenerali, l-applikabbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
30 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt din id-dispożizzjoni sitwazzjoni li fiha żewġ partijiet kontraenti ddomiċiljati fit-territorju tar-Renju Unit jaqblu, permezz ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni konkluż matul il-perijodu tranżitorju previst mill-Ftehim dwar il-ħruġ, dwar il-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim li jirriżulta minn dan il-kuntratt, meta din il-qorti tkun adita b’tilwima bejn dawn il-partijiet wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu. |
|
31 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li peress li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni hija, min-natura tagħha, għażla ta’ ġurisdizzjoni li ma għandhiex effett ġuridiku sakemm ma jkunux inbdew proċeduri ġudizzjarji u li għandha effett biss fil-mument li fih titressaq l-azzjoni ġudizzjarja, tali klawżola għandha tiġi evalwata fid-data li fiha titressaq l-azzjoni ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1979, Sanicentral,25/79, EU:C:1979:255, punt 6, kif ukoll tal‑24 ta’ Novembru 2022, Tilman,C‑358/21, EU:C:2022:923, punt 30). |
|
32 |
Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi ddeterminat jekk tilwima bejn żewġ partijiet kontraenti li għandhom id-domiċilju tagħhom fl-istess Stat terz, bħar-Renju Unit b’effett mill‑1 ta’ Frar 2020, u li ħatru qorti ta’ Stat Membru sabiex tieħu konjizzjoni tagħha, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia u tal-Artikolu 25(1) tiegħu. |
|
33 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-iskopijiet u l-finalità tal-att li tagħmel parti minnu (ara sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck,292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tat‑8 ta’ Frar 2024, Inkreal,C‑566/22, EU:C:2024:123, punt 15 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia, jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandhom jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim li jkun nibet jew jista’ jinbet inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew qrati jkollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx ivvizzjat b’nullità fir-rigward tal-validità sostantiva tiegħu skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru. |
|
35 |
Għalhekk, mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-regola li hija tistabbilixxi tapplika irrispettivament mid-domiċilju tal-partijiet. B’mod iktar partikolari, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni marbuta mal-lokalizzazzjoni tad-domiċilju tal-partijiet, jew ta’ parti waħda, fit-territorju ta’ Stat Membru. |
|
36 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia, għandu, l-ewwel nett, jiġi enfasizzat li din id-dispożizzjoni hija differenti mid-dispożizzjoni li ppreċedietha, jiġifieri l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I, li, min-naħa tiegħu, għall-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni, kien jeżiġi li tal-inqas waħda mill-partijiet għal din il-konvenzjoni jkollha d-domiċilju tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru. |
|
37 |
It-tieni nett, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ ġurisdizzjoni stabbilita mir-Regolament Brussell Ia hija interna għall-Unjoni, u għandha għanijiet speċifiċi bħall-funzjonament tajjeb tas-suq intern kif ukoll l-istabbiliment ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, kif jirriżulta mill-premessa 3 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, BSH Hausgeräte,C‑339/22, EU:C:2025:108, punt 55). Il-premessa 13 tal-imsemmi regolament tistabbilixxi, barra minn hekk, li “[g]ħandu jkun hemm rabta bejn il-proċedimenti li għalihom japplika dan ir-Regolament u t-territorju tal-Istati Membri” u li “[g]ħalhekk, ir-regoli komuni ta’ ġurisdizzjoni għandhom, bħala prinċipju, japplikaw meta l-konvenut ikun domiċiljat fi Stat Membru”. Il-premessa 14 ta’ dan l-istess regolament tipprovdi madankollu li, “sabiex tiġi rrispettata l-awtonomija tal-partijiet, ċerti regoli ta’ ġurisdizzjoni f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw irrispettivament mid-domiċilju tal-konvenut”. |
|
38 |
Għal dan il-għan, b’differenza mir-regola stabbilita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell Ia, moqri fid-dawl tal-premessa 13 tiegħu, li tipprovdi li l-ġurisdizzjoni hija ddeterminata mill-prinċipju ġenerali tal-qorti tal-konvenut meta jkun iddomiċiljat fi Stat Membru, l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, jipprevedi li, jekk il-konvenut ma jkunx iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru, il-ġurisdizzjoni hija, f’kull Stat Membru, irregolata mil-liġi ta’ dan l-Istat Membru, bla ħsara, madankollu, għall-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, li fosthom hemm l-Artikolu 25 tiegħu. |
|
39 |
Għaldaqstant, minn qari flimkien tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell Ia u tal-Artikolu 25(1) tiegħu jirriżulta li sitwazzjoni li fiha l-konvenut ma jkunx iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru iżda fejn il-partijiet kuntrattwali jkunu qablu dwar qorti jew qrati ta’ Stat Membru sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwim kuntrattwali tagħhom, hija rregolata mir-regola ta’ ġurisdizzjoni li tirriżulta minn ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni, stabbilita f’dan l-Artikolu 25(1), u mhux mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-liġi ta’ kull Stat Membru msemmija f’dan l-Artikolu 6(1). Hija tikkonferma għalhekk l-interpretazzjoni letterali li tirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza li tgħid li dan l-Artikolu 25(1) huwa applikabbli anki meta l-partijiet kollha fil-kawża jkunu ddomiċiljati fi Stat terz. |
|
40 |
It-tielet nett, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia, huwa meħtieġ li s-sitwazzjoni inkwistjoni jkollha element barrani. Dan l-element barrani jista’ jirriżulta kemm mil-lokalizzazzjoni tad-domiċilju tal-konvenut fit-territorju ta’ Stat Membru għajr l-Istat Membru tal-qorti adita kif ukoll minn fatturi oħra marbuta, b’mod partikolari, mal-mertu tal-kawża, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu jinsabu anki fi Stat terz. Tali sitwazzjoni hija, fil-fatt, ta’ natura li tqajjem kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati fl-ordinament internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2005, Owusu,C‑281/02, EU:C:2005:120, punt 26; tat‑8 ta’ Settembru 2022, IRnova,C‑399/21, EU:C:2022:648, punt 28; tad‑29 ta’ Lulju 2024, FTI Touristik (Element barrani), C‑774/22, EU:C:2024:646, punti 26, 28 u 29, kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2025, BSH Hausgeräte,C‑339/22, EU:C:2025:108, punti 59 u 60). |
|
41 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha tippreċiża li sitwazzjoni li fiha l-partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat Membru jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor għall-konjizzjoni ta’ tilwim li jinbet minn dan il-kuntratt, anki jekk l-imsemmi kuntratt ma jkollu ebda rabta oħra ma’ dan l-Istat Membru l-ieħor, għandha element barrani. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, l-eżistenza ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni lil qrati ta’ Stat Membru għajr dak li fih huma stabbiliti l-partijiet kontraenti turi, fiha nnifisha, in-natura internazzjonali tas-sitwazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024, Inkreal,C‑566/22, EU:C:2024:123, punti 25 u 39). |
|
42 |
Għandu jitqies, b’analoġija mas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha msemmija fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, li l-eżistenza ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni favur qrati ta’ Stat Membru, minkejja li l-partijiet kontraenti jkollhom id-domiċilju tagħhom fi Stat terz, tqajjem kwistjoni dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati fl-ordinament internazzjonali u tali sitwazzjoni għandha, għalhekk, l-element barrani meħtieġ fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza. |
|
43 |
Fit-tielet lok, tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-għanijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia, jiġifieri li tiġi osservata l-awtonomija tal-partijiet u li tissaħħaħ l-effettività tal-ftehimiet esklużivi dwar l-għażla tal-qorti, imsemmija fil-premessi 15, 19 u 22 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024, Inkreal,C‑566/22, EU:C:2024:123, punti 26). |
|
44 |
Hija wkoll konformi mal-finalità tar-Regolament Brussell Ia, li huwa intiż li jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li għandhom livell għoli ta’ prevedibbiltà u li għalhekk għandu l-għan ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat terz li jiftiehmu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru tikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat li r-rikorrent ikollu għarfien tal-qorti li jista’ jadixxi u li l-konvenut jipprevedi dik il-qorti li quddiemha jista’ jiġi mħarrek. F’dan il-kuntest, l-għan ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-qorti nazzjonali adita tkun tista’ faċilment tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni rispettiva tagħha, mingħajr ma jkollha l ħtieġa li twettaq eżami tal-mertu tal-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, FTI Touristik (Element barrani), C‑774/22, EU:C:2024:646, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
L-applikazzjoni tar-regoli armonizzati tal-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell Ia tikkontribwixxi, barra minn hekk, għall-prevenzjoni, fit-territorju tal-Istati Membri, ta’ kunflitti ta’ ġurisdizzjoni li jippreġudikaw iċ-ċertezza legali li jistgħu jirriżultaw jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni tkun irregolata mir-regoli nazzjonali tad-dritt internazzjonali privat tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-applikabbiltà ta’ dawn ir-regoli armonizzati tnaqqas il-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u tevita li jingħataw sentenzi irrikonċiljabbli fi Stati Membri differenti, kif jeżiġi l-għan tal-amministrazzjoni armonjuża tal-ġustizzja, li hemm riferiment għalih fil-premessa 21 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2024, Inkreal,C‑566/22, EU:C:2024:123, punt 30). |
|
46 |
Konsegwentement, tilwima, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bejn żewġ partijiet kontraenti iddomiċiljati fi Stat terz li għażlu qorti ta’ Stat Membru sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim kuntrattwali tagħhom taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia u tal-Artikolu 25(1) tiegħu. |
|
47 |
Il-fatt li l-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni, li permezz tiegħu l-partijiet kontraenti, iddomiċiljati fit-territorju tar-Renju Unit, għażlu qorti ta’ Stat Membru, f’dan il-każ il-qorti tar-rinviju, sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim tagħhom, ġie konkluż matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni u li din il-qorti hija adita b’tilwima wara li dan intemm, ma jistax iwassal għal risposta differenti li għandha tingħata għal din id-domanda. |
|
48 |
Fil-fatt, mhux biss il-Ftehim dwar il-ħruġ ma jirregolax tali sitwazzjoni, iżda mill-argumenti fil-punti 31 sa 46 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, minkejja l-lokalizzazzjoni tad-domiċilju tal-partijiet f’tilwima fi Stat terz, bħar-Renju Unit mill‑1 ta’ Frar 2020, it-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia u tal-Artikolu 25(1) tiegħu. |
|
49 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt din id-dispożizzjoni sitwazzjoni li fiha żewġ partijiet kontraenti ddomiċiljati fit-territorju tar-Renju Unit jaqblu, permezz ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni konkluż matul il-perijodu tranżitorju, dwar il-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru għall-konjizzjoni ta’ tilwim li jinbet minn dan il-kuntratt, minkejja li din il-qorti tkun ġiet adita b’tilwima bejn dawn il-partijiet wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu. |
Fuq it-tieni sal-ħames domanda
|
50 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda fis-sens li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia u tal-Artikolu 25(1) tiegħu, ma huwiex iktar neċessarju li tingħata risposta għat-tieni sal-ħames domanda. |
Fuq l-ispejjeż
|
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
taqa’ taħt din id-dispożizzjoni sitwazzjoni li fiha żewġ partijiet kontraenti ddomiċiljati fit-territorju tar-Renju Unit jaqblu, permezz ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni konkluż matul il-perijodu tranżitorju previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, dwar il-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru għall-konjizzjoni ta’ tilwim li jinbet minn dan il-kuntratt, minkejja li din il-qorti tkun ġiet adita b’tilwima bejn dawn il-partijiet wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.