2001L0110 — MT — 23.06.2014 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2001/110/KE

ta' l-20 ta' Diċembru 2001

li tirrigwarda l-għasel

(ĠU L 010, 12.1.2002, p.47)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DIRETTIVA 2014/63/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta' Mejju 2014

  L 164

1

3.6.2014




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2001/110/KE

ta' l-20 ta' Diċembru 2001

li tirrigwarda l-għasel



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 )

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),

Billi:

(1)

Ċerti direttivi vertikali dwar oġġetti ta' l-ikel għandhom ikunu simplifikati sabiex jieħdu f'kunsiderazzjoni biss ir-rekwiżiti essenzjali li għandhom jiġu osservati mill-prodotti li jkopru sabiex dawk il-prodotti ikunu jistgħu jiċċirkolaw liberament fis-suq intern, b’ konformità mall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li kien sar f'Edinburgh fil-11 u t-12 ta' Diċembru ta' l-1992, ikkonfermat minn dawk tal-Kunsill Ewropew fi Brussel fl-10 u l-11 ta' Diċembru ta' l- 1993.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 74/409/KEE tat-22 ta' Lulju ta' l-1974 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw l-għasel ( 4 ) kienet ġustifikata mill-fatt li differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar id-definizzjoni ta' l-għasel, it-tipi diversi ta' għasel u l-karatteristiċi meħtieġa tiegħu jistgħu jirriżultaw f'kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni inġusta li x'aktarx iwasslu sabiex jiżgwidaw lill-konsumaturi, u b'hekk ikollhom effett dirett fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq komuni.

(3)

Id-Direttiva 74/409/KEE u l-emendi sussegwenti tagħha konsegwentement stabbilixxew definizzjonijiet, speċifikaw it-tipi differenti ta' għasel li jistgħu ikunu mqegħda fis-suq taħt ismijiet approprjati, stabbilixxew regoli komuni dwar il-komposizzjoni u ddeterminaw l-informazzjoni prinċipali ta' l-ittikkettjar sabiex jiġi assigurat il-moviment liberu ta' dawn il-prodotti fil-Komunità.

(4)

Għall-iskop ta' ċarezza id-Direttiva 74/409/KEE għandha terġgħa tkun magħmula, biex tagħmel ir-regoli dwar il-kondizzjonijiet għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' l-għasel iktar aċċessibbli u biex tinġieb konformi mal-leġislazzjoni ġenerali tal-Komunità dwar oġġetti ta' l-ikel, b'mod partikolari l-leġislazzjoni dwar l-ittikkettjar, il-kontaminanti u l-metodi ta' l-analiżi.

(5)

Ir-regoli ġenerali ta' l-ittekkettjar ta' l-ikel stabbiliti fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) għandhom japplikaw suġġetti għal ċerti kondizzjonijiet. Minħabba l-konnessjoni mill-qrib bejn il-kwalità ta' l-għasel u l-oriġini tiegħu, huwa indispensabbli li l-informazzjoni kollha fuq dawk il-materji tkun disponnibbli sabiex il-konsumatur ma jkunx żgwidat rigward il-kwalità tal-prodott. L-interessi partikolari tal-konsumatur rigward il-karatteristiċi ġeografiċi ta' l-għasel u t-trasparenza sħiħa f'dan ir-rigward jinneċessitaw li l-pajjiż ta' l-oriġini fejn l-għasel kien inġabar għandu jkun inkluż fit-tikketta.

(6)

L-ebda polline jew ingredjent individwali ieħor ta' l-għasel m'għandu jitneħħa, sakemm dan huwa inevitabbli meta materja barranija organika jew mhux organika tkun imneħħija. Dak il-proċess jista’ jsir permezz ta' filtrazzjoni. Fejn din il-filtrazzjoni twassal għal tneħħija ta' kwantità sinifikanti ta' polline, il-konsumatur għandu jkun informat b'dan korrettament permezz ta' indikazzjoni approprjata fuq it-tikketta.

(7)

Għasel, liema isem jinkludi indikazzjonijiet ta'oriġini minn fjuri, veġetali, reġjonali, territorjali jew topografiċi jew kriterji ta' kwalità speċifika ma jistax ikollu għasel filtrat miżjud miegħu. Sabiex it-trasparenza tas-suq tista’ tkun imtejba, l-ittikkettjar ta' għasel iffiltrat u għasel biex jinħadem għandu jkun mandatarju għal kull transazzjoni fis-suq ta' volum kbir.

(8)

Kif il-Kummissjoni enfasizzat fil-komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ta' l-24 ta' Ġunju 1994 dwar l-apikoltura Ewropea, il-Kummissjoni tista’ tadotta metodi ta' analiżi sabiex tassigura konformità mal-karatteristiċi ta' komposizzjoni u dikjarazzjonijiet addizzjonali speċifiċi għall-għasel kollu imqiegħed fis-suq tal-Komunità.

(9)

Huwa mixtieq li tittieħed kunsiderazzjoni tax-xogħol imwettaq fuq standard ta' Codex ġdid għall-għasel, aġġustat, kif approprjat, għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-Komunità.

(10)

F'konformità mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità stabbiliti permezz ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat, l-għan ta' stabbiliment ta' definizzjonijiet komuni u regoli għall-prodotti kkonċernati u li jġibu d-disposizzjonijiet konformi mal-leġislazzjoni ġenerali tal-Komunità fuq oġġetti ta' l-ikel ma jistax ikun milħuq biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jista’, minħabba n-natura ta' din id-Direttiva, ikun milħuq aħjar mill-Komunità. Din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex ikun milħuq l-għan imsemmi.

(11)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu adottati b’ konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' l-implimentazzjoni ta' poteri mogħtija lill-Kummissjoni ( 6 )

(12)

Biex ma’ jinħolqux ostakoli ġodda għall-moviment liberu, l-Istati Membri għandhom iżommu milli jadottaw, għall-prodotti in kwistjoni, disposizzjonijiet nazzjonali li m'hemmx provdut għalihom f'din id-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



Artikolu 1

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti definiti fl-Anness I. Dawn il-prodotti għandhom jikkonformaw ma’ r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 2

Id-Direttiva 2000/13/KE għandha tapplika għall-prodotti definiti fl-Anness I, bla ħsara għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

1. it-terminu “għasel” għandu jkun applikat biss għall-prodott definit fl-Anness I, punt 1, u għandu jkun użat fil-kummerċ sabiex jindika dak il-prodott;

2. l-ismijiet tal-prodotti msemmija fl-Anness I, punti 2 u 3, għandhom japplikaw biss għall-prodotti definiti hemm u għandhom ikunu użati fil-kummerċ biex jindikaw lilhom. Dawn l-ismijiet jistgħu jkunu sostitwiti permezz ta' l-isem sempliċi tal-prodott “għasel”, ħlief fil-każ ta' għasel iffiltrat, għasel tax-xehda, għasel fi blokki jew maqtugħ mix-xehda, u għasel biex jinħadem.

Madankollu,

(a) fil-każ ta' għasel biex jinħadem, il-kliem “maħsub għat-tisjir biss” għandhom jidhru fuq it-tikketta kemm jista’ jkun qrib ta' l-isem tal-prodott;

(b) ħlief fil-każ ta' għasel iffiltrat u għasel biex jinħadem, l-ismijiet tal-prodott jistgħu jkunu supplimentati b'informazzjoni li tirreferi għal:

— oriġini minn fjuri jew ħxejjex, jekk il-prodott ġej kollu jew prinċipalment mis-sors indikat u li għandu karatteristiċi organolettiċi, fisiko-kimiċi u mikroskopiċi tas-sors,

— oriġini reġjonali, territorjali jew topografika, jekk il-prodott ġej kollu kemm hu mis-sors indikat,

— kriterji speċifiċi ta' kwalità;

3. fejn għasel biex jinħadem ġie użat bħala ingredjent f'oġġett ta' ikel kompost, it-terminu “għasel” jista’ jkun użat fl-isem tal-prodott ta' l-oġġett ta' l-ikel kompost minflok it-terminu “għasel biex jinħadem”. Madankollu, fil-lista’ ta' ingredjenti, it-terminu kif imsemmi fl-Anness I, punt 3, għandu jkun użat;

4. 

►M1  (a) il-pajjiż jew pajjiżi ta' oriġini fejn inġabar l-għasel għandhom ikunu indikati fuq it-tikketta.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, jekk l-għasel joriġina f'aktar minn Stat Membru jew pajjiż terz wieħed, l-indikazzjoni tal-pajjiżi tal-oriġini tista' tiġi sostitwita b'waħda minn dawn li ġejjin, kif ikun xieraq:

— “taħlita ta' għasel tal-UE”,

— “taħlita ta' għasel mhux tal-UE”,

— “taħlita ta' għasel tal-UE u mhux tal-UE”; ◄

(b) Għall-fini tad-Direttiva 2000/13/KE u b'mod partikolari l-Artikoli 13, 14, 16 u 17 tagħha, id-dettalji li għandhom ikunu indikati skond is-subparagrafu (a) għandhom jiġu ikkunsidrati bħala indikazzjonijiet skond l-Artikolu 3 ta' dik id-Direttiva;

▼M1

5. billi t-trab tad-dakra huwa kostitwent naturali partikolari għall-għasel, ma għandux jitqies bħala ingredjent, fit-tifsira tal-punt (f) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ), tal-prodotti ddefiniti fl-Anness I ta' din id-Direttiva.

▼B

Artikolu 3

Fil-każ ta' għasel iffiltrat u għasel biex jinħadem, kontenituri bil-kwantita’, pakki u dokumenti kummerċjali għandhom jindikaw b'mod ċar l-isem sħiħ tal-prodott, kif imsemmi fl-Anness I, punt 2(b)(viii), u punt 3.

▼M1

Artikolu 4

1.  Għall-finijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni tista', filwaqt li tqis l-istandards internazzjonali u l-progress tekniku, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni li huma konformi mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ), tistabbilixxi metodi ta' analiżi biex tivverifika jekk l-għasel huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b'konformita' mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2) ta' din id-Direttiva. Sa l-adozzjoni ta' dawn il-metodi, l-Istati Membri għandhom, fejn possibbli, jużaw metodi ta' analiżi validati rikonoxxuti internazzjonalment bħal dawk approvati mill-Codex Alimentarius biex jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

2.  Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm prattiki kummerċjali ġusti u li jitħarsu l-interessi tal-konsumaturi u li jkunu jistgħu jiġu stabbiliti metodi rilevanti ta' analiżi, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 6, biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi l-parametri kwantitattivi relatati ma' dan li ġej:

(a) il-kriterju ta' “primarjament” fir-rigward tal-oriġini minn fjuri jew ħxejjex tal-għasel kif imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(2)(b); kif ukoll,

(b) il-kontenut minimu tat-trab tad-dakra fl-għasel iffiltrat wara t-tneħħija ta' materjal organiku jew inorganiku estranju, msemmi fil-punt 2(b)(viii) tal-Anness I.

Il-Kummissjoni għandha tipprevedi, f'dawk l-atti delegati, arranġamenti tranżizzjonali xierqa għal prodotti mqiegħda fis-suq qabel id-data tal-applikazzjoni tagħhom.

▼B

Artikolu 5

Għall-prodotti definiti fl-Anness I, l-Istati Membri ma għandhomx jadottaw disposizzjonijiet nazzjonali li mhumiex previsti f'din id-Direttiva.

▼M1

Artikolu 6

1.  Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta' adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 4(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mit-23 ta' Ġunju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perjodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġġedded taċitament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jopponu tali tiġdid sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.  Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 4(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li huma diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b'mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 4(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn mid-data tan-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dan il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dan il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 7

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali (il-“Kumitat”) mwaqqaf bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ). Il-kumitat huwa kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼B

Artikolu 8

Id-Direttiva 74/409/KEE hija b'dan imħassra b'effet mill-1 ta' Awissu 2003.

Riferenzi għad-Direttiva mħassra għandhom ikunu interpretati bħala riferenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ, il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta' Awissu 2003. Għandhom minnufih jinfurmaw bihom lill-Kummissjoni.

Il-miżuri għandhom ikunu applikati sabiex:

— jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq tal-prodotti definiti fl-Anness I jekk jikkonformaw mad-definizzjonijiet u regoli stabbiliti f'din id-Direttiva, b'effett mill-1 ta' Awissu 2003;

— jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva, b'effett mill-1 ta' Awissu 2004.

Madankollu, it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva u ttikkettjati qabel l-1 ta' Awissu 2004 b'konformità mad-Direttiva 74/409/KEE għandhom jitħallew sakemm il-ħażniet jispiċċaw.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom isiru dawn ir-riferenzi għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 10

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

ISMIJIET, DESKRIZZJONIJIET TA' PRODOTTI U DEFINIZZJONIJIET.

1.

L-għasel huwa s-sustanza naturali ħelwa magħmula min-naħal Apis mellifera min-nektar tal-pjanti jew minn tnixxijiet ta' partijiet ħajja ta' pjanti jew eskrezzjonijiet ta' insetti li jerdgħu mill-pjanti fuq il-partijiet ħajja tal-pjanti, li n-naħal jiġbru, jittrasformaw billi jikkombinaw ma’ sustanzi speċifiċi tagħhom stess, jiddepositaw, jiddeidraw, jaħżnu u jħallu fix-xehdi ta' l-għasel sabiex isiru u jimmaturaw.

2.

It-tipi prinċipali ta' għasel huma kif ġej:

(a) skond l-oriġini:

(i) għasel taż-żahar jew għasel tan-nektar

Għasel miksub min-nektar tal-pjanti;

(ii) għasel honeydew

għasel miksub prinċipalment mill-eskrezzjonijiet ta' insetti li jerdgħu il-pjanti (Hemiptera) fuq il-parti ħajja ta' pjanti jew tnixxijiet ta' partijiet ħajjin ta' pjanti;

(b) skond il-mod ta' produzzjoni u/jew preżentazzjoni:

(iii) għasel tax-xehda

Għasel maħżun min-naħal fiċ-ċelel ta' xehdiet mibnijin ġodda bla duqqajs jew folji rqaq ta' qiegħ ix-xehda magħmulin biss minn xama’ tan-naħal u mibjugħin f'xehdiet sħaħ issiġġillati jew partijiet ta' dawn ix-xehdiet;

(iv) għasel fi blokki jew qatgħat mix-xehda fl-għasel

Għasel li għandu biċċa jew iktar minn biċċa ta' għasel tax-xehda;

(v) għasel imsoffi

Għasel miksub permezz ta' tisfija ta' xehdiet bla saqaf mingħajr duqqajs;

(vi) għasel estratt

Għasel miksub biċ-ċentrifugar ta' xehdiet bla saqaf u mingħajr duqqajs;

(vii) għasel ippressat

Għasel miksub bil-pressar ta xehdiet mingħajr duqqajs bi jew mingħajr l-applikazzjoni ta' sħana moderata li ma teċċedix 45 °C;

(viii) għasel iffiltrat

Għasel miksub bit-tneħħija ta' materjal inorganiku jew organiku b'tali mod li jirriżulta fit-tneħħija sinifikanti ta' polleni.

3.

Għasel biex jinħadem

Għasel li huwa (a) adatt għal użi industrijali jew bħala ingredjent f’oġġetti ta' ikel oħra li huma imbagħad ipproċessati u (b) jista’:

— għandu togħma jew riħa barranija, jew

— beda jiffermenta jew iffermenta, jew

— kien imsaħħan wisq.




ANNESS II

KRITERJI TA' KOMPOSIZZJONI GĦALL-GĦASEL

L-għasel jikkonsisti essenzjalment f’zokkrijiet differenti, speċjalment fruttosju u glukosju kif ukoll sustanzi oħra bħal aċidi organiċi, enżimi u partikoli solidi derivati mill-ġbir ta' l-għasel. Il-kulur ta' l-għasel ivarja minn kważi bla kulur għal kannella skur. Il-konsistenza tista’ tkun fluwida, viskuża jew parzjalment sa kompletament kristalliżata. It-togħma u l-aroma jvarjaw, iżda huma derivati minn oriġini tal-pjanti.

Meta mqiegħed fis-suq bħala għasel jew użat fi kwalunkwe prodott intenzjonat għal konsum mill-bniedem, għasel ma’ għandux jiżdied miegħu ebda ingredjent ta' ikel, inklużi addittivi ta' l-ikel, u l-anqas addizzjonijiet oħra ma għandhom isiru ħlief l-għasel. L-għasel għandu, kemm jista’ jkun, ikun ħieles minn materji organiċi jew inorganiċi barranin għall-kompożizzjoni tiegħu. Bl-eċċezzjoni tal- punt 3 ta' l-Anness I, ma għandux ikollu togħmiet jew irwejjaħ barranin, ikun beda jiffermenta, ikollu aċidità mbiddla artifiċjalment jew ikun ġie msaħħan b'tali mod li l-enżimi naturali ikunu ġew jew distrutti jew inattivati b'mod sinifikanti.

▼M1

Mingħajr preġudizzju għall-punt 2(b)(viii) tal-Anness I, la t-trab tad-dakra u lanqas xi kostitwent ieħor partikolari għall-għasel ma jista' jitneħħa ħlief fejn dan hu inevitabbli fit-tneħħija ta' materjal inorganiku jew organiku.

▼B

Meta mqiegħed fis-suq bħala għasel jew użat fi kwalunkwe prodott intenzjonat għall-konsum mill-bniedem, l-għasel għandu jilħaq il-kriterji ta' komposizzjoni li ġejjin:

1. Kontenut ta' zokkor

1.1. Kontenut ta' fruttosju u glukosju (l-għadd tat-tnejn)



— għasel taż-żahar

mhux inqas minn 60 g/100 g

— għasel honeydew, taħlit ta' għasel honeydew ma’ għasel taż-żahar

mhux inqas minn 45 g/100 g

1.2. Kontenut ta' sukrosju



— in ġenerali

mhux iktar minn 5 g/100 g

— akaċja falza (Robinia pseudoacacia), alfalfa (Medicago sativa), Menzies Banksia (Banksia menziesii), honeysuckle Franċiża (Hedysarum), gomma ħamra (Eucalyptus camadulensis), leatherwood (Eucryphia lucida, Eucryphia milliganii), Citrus spp.

mhux iktar minn 10 g/100 g

— lavender (Lavandula spp.), borage (Borago officinalis)

mhux iktar minn 15 g/100 g

2. Kontenut ta' ndewwa



— in ġenerali

mhux iktar minn 20 %

— heather (Calluna) u għasel biex jinħadem in ġenerali

mhux iktar minn 23 %

— għasel biex jinħadem mill-heather (Calluna)

mhux iktar minn 25 %

3. Kontenut li ma’ jinħallx fl-ilma



— in ġenerali

mhux iktar minn 0,1 g/100 g

— għasel ippressat

mhux iktar minn 0,5 g/100 g

4. Konduttività elettrika



— għasel mhux imniżżel hawn taħt, u taħlit ta' dan l-għasel

mhux iktar minn 0,8 mS/ċm

— honeydew u għasel tal-qastan u taħlit ta' dawn ħlief ma’dawk imniżżla hawn taħt

mhux iktar minn 0,8 mS/ċm

— eċċezzjonijiet: siġra tal-frawli(Arbutus unedo), bell heather (Erica),ewkaliptus, lime (Tilia spp.), ling heather (Calluna vulgaris), manuka jew jelly bush (leptospermum), siġra tat-te’ (Melaleuca spp.)

 

5. Aċidu liberu



— in ġenerali

mhux iktar minn 50 milli-ekwivalenti aċidu kull 1 000 gramma

— għasel biex jinħadem

mhux iktar minn 80 milli-ekwivalenti aċidu kull 1 000 gramma

6. Attività diastase u kontenut hydroxymethylfurfural (HMF) determinat wara pproċessar u taħlit

(a) Attività diastase (Skala Schade)



— in ġenerali, ħlief għasel biex jinħadem

mhux inqas minn 8

— għasel b'kontenut baxx ta' enżimi naturali (eż għasel taċ-ċitru) u kontenut HMF ta' mhux iktar minn 15 mg/kg

mhux inqas minn 3

(b)  HMF



— in ġenerali, ħlief għasel biex jinħadem

mhux iktar minn 40 mg/kg (bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' (a), t-tieni inċiż)

— għasel ta' oriġini dikjarata minn reġjuni ta' klima tropikali u taħlit ta' dan l-għasel

mhux iktar minn 80 mg/kg



( 1 ) ĠU C 231, tad-9.8.1996, p. 10.

( 2 ) ĠU C 279, ta' l-1.10.1999, p. 91.

( 3 ) ĠU C 56, ta' l-24.2.1997, p. 20.

( 4 ) ĠU L 221, tat-12.8.1974, p. 10. Direttiva kif l-aħħar emendata permezz ta' l-Att Ta' Adeżjoni ta' l-1985 ta' Spanja u l-Portugall.

( 5 ) ĠU L 109, tas-6.5.2000, p. 29.

( 6 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

( 7 ) Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

( 8 ) Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

( 9 ) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi tal-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

( 10 ) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal- eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).