ANNESS tal- Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku /* COM/2013/0142 final - NLE 2013/0077 */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. SFOND Il-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern
(GPA)[1]
huwa attwalment l-uniku ftehim li jorbot legalment fid-WTO dwar
is-suġġett ta’ akkwist pubbliku mill-gvern. Fil-verżjoni
preżenti tagħha kien innegozjat b’mod parallel mal-Uruguay Round
fl-1994, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1996
(ll-“GPA tal-1994”). Il-Partijiet tal-GPA tal-1994 huma: L-Armenja,
il-Kanada, l-Unjoni Ewropea fir-rigward tas-27 Stat Membru tagħha,
Ħong Kong-Ċina, l-Islanda, l-Israel, il-Ġappun, il-Korea,
il-Liechtenstein, il-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward ta’ Aruba,
in-Norveġja, Singapor, l-Isvizzera, it-Tajpej Ċiniża, l-Istati
Uniti. Il-GPA huwa amministrat mill-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern
(minn hawn ’il quddiem il-“Kumitat”). Il-GPA tal-1994 fih impenn intrinsiku
għan-negozjati dwar kemm it-test kif ukoll il-kopertura tal-Ftehim
mill-adozzjoni tiegħu fl-1994 (l-Artikolu XXIV:7(b)). Negozjati
għal dan il-għan ġew imnedija fl-1999. In-negozjati ġew imexxija
mill-Kummissjoni f’isem l-UE. Il-Kunsill kien regolarment mgħarraf
verbalment u bil-miktub dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati permezz
tal-Kumitat tal-Politika Kummerċjali. Barra minn hekk, laqgħat ta’
koordinazzjoni mal-Istati Membri kienu miżmuma qabel kull sessjoni ta’
negozjati f’Ġinevra. Il-Parlament Ewropew ġie infurmat b’mod regolari
bil-miktub permezz tal-Kumitat INTA. Fit-30 ta’ Marzu 2012
in-negozjaturi addottaw Deċiżjoni dwar ir-Riżultati
tan-Negozjati li biha addottaw l-elementi tar-riżultati tan-negozjati
(“Deċiżjoni dwar ir-Riżultati tan-Negozjati”) magħmula
minn: i) il-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern
(minn hawn ’il quddiem il-“Protokoll”) u ii) is-seba’ Deċiżjonijiet
(minn hawn ’il quddiem “id-Deċiżjonijiet”) tal-Kumitat. Permezz
tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżultati tan-Negozjati, il-Partijiet
tal-GPA adottaw il-Protokoll u fetħuh għal aċċettazzjoni
mill-Partijiet tal-GPA tal-1994. Il-Protokoll se jidħol fis-seħħ
għal dawk il-Partijiet tal-GPA tal-1994 li ddepożitaw l-istrumenti
rispettivi tagħhom ta’ aċċettazzjoni ta’ dan il-Protokoll,
fit-30 jum li jsegwi t-tali depożitu minn żewġ terzi
tal-Partijiet tal-GPA tal-1994. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni dwar
ir-Riżultati tan-Negozjati tistipula d-Deċiżjonijiet tal-Kumitat
li jistabbilixxu programmi ta’ ħidma tal-ġejjieni tal-Kumitat u li
jiddeskrivi fid-dettall r-rekwiżiti ta’ notifika skont l-Artikoli XIX
u XXII tal-Ftehim. Id-Deċiżjonijiet huma parti
mill-pakkett innegozjat u jirriflettu l-impenn tal-Partijiet tal-GPA biex
jibdew jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tal-GPA rivedut, malli
l-Protokoll jidħol fis-seħħ. Fid-dawl tas-sostanza tagħhom ma kienx
ikkunsidrat xieraq li jinkludu d-Deċiżjonijiet fil-Protokoll innifsu,
biex b’hekk jissoġġettawhom għall-istess proċeduri
tal-amendi Lanqas kien possibbli li jaddottawhom qabel id-dħul
fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jkunu qed
jimplimentaw. Il-partijiet tal-GPA għalhekk laħqu ftehim dwar
is-sostanza tad-Deċiżjonijiet, li jkunu jridu jingħataw effett
fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat wara d-dħul fis-seħħ
tal-Protokoll, meta l-Kumitat jieħu deċiżjoni li tikkonferma
l-impenn politiku biex jadotta d-deċiżjonijiet b’effett mid-data
tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll. Billi kemm il-Protokoll kif ukoll dawn
id-Deċiżjonijiet huma s-suġġett tal-ftehim politiku adottat
f’Marzu 2012, dawn jiffurmaw parti mill-istess pakkett għall-iskop
tar-ratifika tal-UE tar-reviżjoni tal-GPA. Billi l-Unjoni se tkun
meħtieġa biex tieħu pożizzjoni rigward
id-Deċiżjonijiet fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat wara d-dħul
fis-seħħ tal-Protokoll, id-Deċiżjonijiet huma
soġġetti għal proċedura interna differenti mill-Protokoll
biex jittieħdu deċiżjonijiet. Għalhekk Deċiżjoni
tal-Kunsill separata hija meħtieġa fir-rigward tad-Deċiżjonijiet,
minbarra dik li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Protokoll Jekk il-Kunsill, wara li jikseb il-kunsens
tal-Parlament Ewropew, jaddotta deċiżjoni biex jikonkludi l-Protokoll
li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern f’isem l-Unjoni Ewropea,
l-Unjoni għandha tkun f'pożizzjoni li tieħu pożizzjoni
fir-rigward tad-Deċiżjonijiet fi ħdan il-Kumitat. 2. IR-RIŻULTAT TAN-NEGOZJATI Id-deċiżżjonijiet
li għandhom jiġu addottati huma dawn li ġejjin: i)
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar
ir-rekwiżiti tan-Notifika skont l-aArtikoli XIX u XXII tal-Ftehim:
hi timmira li tiffaċilita rekwiżiti ta’ notifika, billi tikkjarifika
l-modalitajiet ta’ notifika minn Parti fir-rigward tat-tibdiliet
għal-liġijiet u r-regolamenti tagħha u l-lista tal-entitajiet
tagħha. ii)
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar
l-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma: tidentifika xi programmi ta’
ħidma speċifiċi li fuqhom il-Partijiet jintrabtu li jwettqu
xogħol fil-ġejjieni. iii)
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar
Programm ta’ Ħidma fuq l-SMEs: tistabbilixxi programm ta’ ħidma fuq
l-SMEs, bil-għan li tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-SMEs
fl-akkwisti pubbliku mill-gvern, l-evitar ta’ miżuri diskriminatorji
tal-SMEs u li tiżdied it-trasparenza. iv)
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar
programm ta’ ħidma dwar il-ġbir u r-rappurtar ta’ dejta
tal-istatistika: għandha l-għan li tiffaċilita l-konformità
mal-obbligu li tinġabar dejta tal-istatistika. v)
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar
programm ta’ ħidma dwar l-akkwist pubbliku sostenibbli: tistabbilixxi
programm ta’ ħidma mmirat li jiżgura li l-politiki ta’ akkwist
pubbliku sostenibbli huma kompatibbli mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni
u trasparenza. vi)
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar
programm ta’ ħidma dwar l-esklużjonijiet u r-restrizzjoni fl-Annessi
tal-partijiet: tadotta programm ta’ ħidma bil-għan li progressivament
jitnaqqsu l-esklużjonijiet u r-restrizzjonijiet li l-Partijiet ikunu
prevedew fl-Annessi tagħhom. vii)
Id-Deċiżjoni dwar programm ta’ ħidma dwar l-istandards
tas-sikurezza: tadotta programm ta’ ħidma mmirata sabiex jiġi
żgurat li t-tħassib tas-sigurtà pubblika huwa applikat b’mod li ma
joħolqux diskriminazzjoni arbitrarja u mhux ġustifikata jew
restrizzjonijiet moħbija. Safejn dawn
jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-GPA u
jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni ta’ prassi diskriminatorji,
l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet se toħloq ambjent favorevoli
għal aktar ftuħ ta’ akkwist pubbliku mill-gvern. 2013/0077 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid
tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwist
Pubbliku mill-Gvern fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jimplimentaw
ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar
l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu
tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) In-negozjati dwar
ir-reviżjoni tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (GPA)
ġew imnedija f’Jannar 1999, ibbażati fuq impenn intrinsiku
tal-Artikolu XXIV:7(b) tal-GPA. (2) In-negozjati tmexxew
mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 207
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. (3) Fil-kuntest ta’ dawn
in-negozjati, fit-30 ta’ Marzu 2012 in-negozjaturi laħqu
ftehim dwar Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern
(“il-Protokoll”) kif ukoll dwar seba’ deċiżjonijiet li għandhom
jiġu adottati mill-Kumitat dwar l-akkwist pubbliku mill-Gvern li jibdew
l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll
immedjatament mad-dħul fis-seħħ tagħhom. Dawn huma dawn li
ġejjin: i) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku
mill-Gvern dwar ir-rekwiżiti ta’ notifika skont l-Artikolu XIX u XXII
tal-Ftehim; ii) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-akkwist pubbliku
mill-Gvern dwar l-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma; iii)
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-akkwist pubbliku mill-Gvern dwar
programm ta’ Ħidma fuq l-SMEs; iv) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar
l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar programm ta’ ħidma dwar il-ġbir u
r-rappurtar ta’ dejta tal-istatistika; v) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat
dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar programm ta’ ħidma dwar l-akkwist
pubbliku sostenibbli; vi) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist
Pubbliku mill-Gvern dwar programm ta’ ħidma dwar l-esklużjonijiet u
r-restrizzjoni fl-Annessi tal-partijiet; vii) Id-Deċiżjoni dwar
programm ta’ ħidma dwar l-istandards tas-sikurezza; (minn hawn ’il quddiem
“id-Deċiżjonijiet”). (4) Il-ftehim milħuq
fit-30 ta’ Marzu 2012 għandu jingħata effett fl-ewwel
laqgħa tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern wara d-dħul
fis-seħħ tal-Protokoll. F’dik il-laqgħa l-Kumitat dwar l-Akkwist
Pubbliku mill-Gvern se jieħu deċiżjoni li tikkonferma
l-adozzjoni ta’ dawn is-seba’ Deċiżjonijiet u d-dħul
tagħhom fis-seħħ mid-data tad-dħul fis-seħħ
tal-Protokoll. (5) Safejn
id-Deċiżjonijiet jiffaċilitaw l-implimentazzjoni
tal-prinċipji tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern bħala
riveduti u jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni ta’ prassi diskriminatorji,
l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet se tiffaċilita aktar ftuħ ta’
akkwist pubbliku mill-gvern. (6) Huwa xieraq, għalhekk,
li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed
mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku
mill-Gvern fir-rigward tad-Deċiżjonijiet. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha
tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwist
Pubbliku mill-Gvern huwa li jikkonferma l-adozzjoni ta’ dan li ġej: i)
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar
ir-rekwiżiti ta’ notifika skont l-Artikolu XIX u XXII tal-Ftehim; ii)
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar
l-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma; iii) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat
dwar l-akkwist pubbliku mill-Gvern dwar programm ta’ Ħidma fuq l-SMEs; iv)
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar
programm ta’ ħidma dwar il-ġbir u r-rappurtar ta’ dejta
tal-istatistika; v) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku
mill-Gvern dwar programm ta’ ħidma dwar l-akkwist pubbliku sostenibbli;
vi) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar
programm ta’ ħidma dwar l-esklużjonijiet u r-restrizzjoni fl-Annessi
tal-partijiet; vii) Id-Deċiżjoni dwar programm ta’ ħidma dwar
l-istandards tas-sikurezza; u taqbel li d-dħul tagħhom
fis-seħħ mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll li
jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliku mill-Gvern. Din il-pożizzjoni għandha tiġi
espressa mill-Kummissjoni. It-test tad-Deċiżjonijiet huwa
mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha
tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] Il-Ġurnal Uffiċjali J
C 256, 3.9. 1996, p. 1
ANNESS
Anness A Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar
ir-Rekwiżiti ta’ Notifika skont l-Artikoli XIX u XXII
tal-Ftehim.. 2 Anness B Deċiżjoni
tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar l-Adozzjoni ta’ Programmi ta’
Ħidma 4 Anness C Deċiżjoni
tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar Programm ta’ Ħidma dwar l-SMEs 5 Anness D Deċiżjoni tal-Kumitat
dwar l-Akkwist Pubbliku dwar Programm ta’ Ħidma għall-Ġbir u
r-Rapportar ta’ Dejta Statistika. 8 Anness E Deċżijoni
tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar Programm ta’ Ħidma dwar l-Akkwist
Sostenibbli 10 Anness F Deċiżjoni
tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar Programm ta’ Ħidma dwar
l-Esklużjonijiet u r-Restrizzjonijiet fl-Annessi tal-Partijiet 11 Anness G Deċiżjoni
tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar Programm ta' Ħidma dwar l-Istandards
tas-Sikurezza fl-Akkwist Internazzjonali 13
Anness A
Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku
dwar ir-Rekwiżiti ta’ Notifika skont l-Artikoli XIX u XXII
tal-Ftehim
Deċiżjoni
tat-30 ta' Marzu 2012. Il-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku, Filwaqt li jikkunsidra l-importanza
tat-trasparenza tal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti għal dan
il-Ftehim, inklużi l-bidliet għalih kif meħtieġ
mill-Artikolu XXII:5 tal-Ftehim; Filwaqt li jikkunsidra l-importanza
taż-żamma ta’ listi preċiżi ta’ entitajiet koperti
taħt l-Annessi ta' Parti tal-Appendiċi I tal-Ftehim, skont
l-Artikolu XIX tal-Ftehim; Filwaqt li jirrikonoxxi l-isfidi
għall-Partijiet biex jissottomettu notifiki f'waqthom lill-Kumitat
fir-rigward tal-bidliet għal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom li
huma rilevanti għall-Ftehim, kif meħtieġ
mill-Artikolu XXII:5 tal-Ftehim, u tar-rettifiki proposti
għall-Annessi tiegħu tal-Appendiċi I, kif meħtieġ
mill-Artikolu XIX:1 tal-Ftehim; Filwaqt li jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet
tal-Artikolu XIX tal-Ftehim jiddistingwu bejn in-notifiki ta’ rettifiki
proposti li ma jbiddlux il-kopertura miftehma b’mod reċiproku prevista
fil-Ftehim u tipi oħra ta' modifiki proposti tal-Annessi tiegħu
tal-Appendiċi I; Filwaqt li jirrikonoxxi li permezz
tat-tibdiliet teknoloġiċi bosta Partijiet setgħu jagħmlu
użu minn mezzi elettroniċi biex jipprovdu informazzjoni dwar
ir-reġimi ta’ akkwist pubbliku tagħhom u biex jinnotifikaw
il-Partijiet tal-bidliet għal dak ir-reġim; Hawnhekk jiddeċiedu kif ġej: Notifiki Annwali ta' Bidliet
fil-Liġijiet u r-Regolamenti 1. Meta
Parti żżomm midja elettronika uffiċjalment deżinjata li
tipprovdi ħoloq għal-liġijiet u r-regolamenti attwali
tagħha li huma rilevanti għal dan il-Ftehim u l-liġijiet u
r-regolamenti tagħha huma disponibbli f'waħda mil-lingwi
uffiċjali tad-WTO, u tali midja hija elenkata fl-Appendiċi II,
il-Parti tista’ tissodisfa r-rekwiżit fl-Artikolu XXII:5 billi
tinnotifika lill-Kumitat darba fis-sena, fi tmiem is-sena, dwar kwalunkwe bidla
sakemm dawn il-bidliet huma sostantivi, jiġifieri, jistgħu jaffettwaw
l-obbligi tal-Parti taħt il-Ftehim; u f'każijiet bħal dawn,
għandha ssir minnufih notifika . 2. Il-Partijiet
għandu jkollhom opportunità biex jiddiskutu n-notifika annwali ta’ Parti
matul l-ewwel laqgħa informali tal-Kumitat fis-sena ta' wara. Rettifiki Proposti għall-Annessi ta’
Parti tal-Appendiċi 1 3. Il-bidliet
li ġejjin għall-Annessi ta’ Parti tal-Appendiċi I
għandhom jitqiesu bħala rettifika skont l-Artikolu XIX
tal-Ftehim: (a) bidla fl-isem ta’ entità; (b) fużjoni ta’ żewġ entitajiet jew aktar
elenkati f'Anness; kif ukoll (c) is-separazzjoni
ta' entità elenkata f’Anness f’żewġ entitajiet jew aktar li huma
kollha miżjuda mal-entitajiet elenkati fl-istess Anness. 4. Fil-każ
ta' rettifiki proposti għall-Annessi ta’ Parti taħt
l-Appendiċi I koperti taħt il-paragrafu 3, il-Parti għandha
tinnotifika lill-Kumitat kull sentejn, b’bidu mid-dħul fis-seħħ
tal-Protokoll ta’ Emenda għall-Ftehim Eżistenti (tal-1994) . 5. Parti
tista’ tinnotifika lill-Kumitat dwar oġġezzjoni għal rettifika
proposta fi żmien 45 ġurnata mid-data taċ-ċirkolazzjoni
tan-notifika lill-Partijiet. Skont l-Artikolu XIX:2, meta Parti tressaq
oġġezzjoni, għandha tistipula r-raġunijiet
għall-oġġezzjoni, inklużi r-raġunijiet għaliex
temmen li r-rettifika proposta tkun tista’ taffettwa l-kopertura miftiehma
b’mod reċiproku taħt il-Ftehim u għalhekk ir-rettifika mhijiex
suġġetta għall-paragrafu 3. Jekk ma jkun hemm ebda
oġġezzjoni bil-miktub, ir-rettifiki proposti jsiru effettivi 45
ġurnata wara ċ-ċirkolazzjoni tan-notifika, kif previst
fl-Artikolu XIX:5(a). 6. Fi
żmien erba' snin mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni,
il-Partijiet għandhom jirrevedu l-operat u l-effettività tagħha, u
jagħmlu kull aġġustament meħtieġ.
Anness B
Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku
dwar l-Adozzjoni ta’ Programmi ta’ Ħidma
Deċiżjoni
tat-30 ta' Marzu 2012. Il-Kumitat dwar
l-Akkwist Pubbliku, Filwaqt li
jinnota li skont l-Artikolu XXII:8(b), il-Kumitat
jista’ jadotta deċiżjoni li telenka programmi ta' ħidma
addizzjonali, li l-Kumitat għandu jimpenja ruħu li jiffaċilita
l-implimentazzjoni tal-Ftehim u n-negozjati stipulati fl-Artikolu XXII:7
tal-Ftehim; Jiddeċiedi kif
ġej: 1. Il-programmi ta' ħidma li
ġejjin huma miżjuda mal-lista ta’ programmi ta’ ħidma li
abbażi tagħhom il-Kumitat għandu jwettaq ħidma futura: (a) reviżjoni tal-użu, it-trasparenza u l-oqfsa legali
ta' sħubiji pubbliċi-privati, u r-relazzjoni tagħhom mal-akkwist
kopert; (b) il-vantaġġi u l-iżvantaġġi
tal-iżvilupp ta’ nomenklatura komuni għal prodotti u servizzi; kif
ukoll (c) il-vantaġġi u l-iżvantaġġi
tal-iżvilupp ta’ avviżi standardizzati. 2. Il-Kumitat għandu
jiżviluppa l-ambitu u l-iskeda ta’ żmien għal kull programm ta’
ħidma bħal dan f’data aktar ‘il quddiem. 3. Il-Kumitat għandu
perjodikament jirrevedi din il-lista ta’ programmi u jagħmel
aġġustamenti xierqa.
Anness C
Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku
dwar Programm ta’ Ħidma dwar l-SMEs
Deċiżjoni
tat-30 ta' Marzu 2012. Il-Kumitat dwar
l-Akkwist Pubbliku, Filwaqt li
jinnota li l-Artikolu XXII:8(a) tal-Ftehim dwar
l-Akkwist Pubbliku (il-Ftehim) jipprovdi li l-Partijiet għandhom jadottaw
u jirrevedu perjodikament programm ta' ħidma, inkluż programm ta’
ħidma dwar impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); Filwaqt li
jirrikonoxxi l-importanza li jiffaċilita
l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku; kif ukoll Filwaqt li
jirrikonoxxi li l-Partijiet ftiehmu
fl-Artikolu XXII:6 li jippruvaw jevitaw li jintroduċu jew jissoktaw
miżuri diskriminatorji li jwasslu għal distorsjoni fl-akkwist miftuh; Hawnhekk jadotta l-programm ta' ħidma li ġej fir-rigward tal-SMEs: 1. Tnedija ta’ Programm ta’
Ħidma dwar l-SMEs: Fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat wara d-dħul
fis-seħħ tal-Protokoll ta’ Emenda għall-Ftehim Eżistenti
(tal-1994), il-Kumitat għandu jniedi Programm ta’ Ħidma dwar l-SMEs. Il-Kumitat
għandu jirrevedi l-miżuri u l-politiki għall-SMEs li l-Partijiet
jużaw biex jassistu, jippromwovu, jinkoraġġixxu, jew
jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni mill-SMEs fl-akkwist pubbliku u jipprepara
rapport tar-riżultati tar-reviżjoni. 2. Evitar ta' Miżuri
Diskriminatorji għall-SMEs: Il-Partijiet għandhom jevitaw
l-introduzzjoni ta' miżuri diskriminatorji li jiffavorixxu biss lill-SMEs
domestiċi u għandhom jiskoraġġixxu l-introduzzjoni ta’
miżuri u politiki bħal dawn mill-Partijiet aderenti. 3. Programm ta’ Trasparenza u
Stħarriġ tal-SMEs 3.1 Programm ta' Trasparenza Mad-dħul
fis-seħħ tal-Protokoll ta’ Emenda għall-Ftehim Eżistenti
(tal-1994) , il-Partijiet li fl-Appendiċi I tagħhom għandhom
dispożizzjonijiet speċifiċi għall-SMEs, inkluż
twarrib, għandhom jinnotifikaw lill-Kumitat dwar dawn il-miżuri u
politiki. In-notfika għandha tinkludi deskrizzjoni sħiħa
tal-miżuri u politiki, il-qafas legali rilevanti tagħhom flimkien
mal-operat tagħhom u l-valur tal-akkwist soġġett għal tali
miżuri. Barra minn hekk, dawk il-Partijiet għandhom jinnotifikaw
lill-Kumitat dwar kull bidla sostanzjali f’tali miżuri u politiki, skont
l-Artikolu XXII:5 tal-Ftehim. 3.2 Stħarriġ tal-SMEs (a) Il-Kumitat għandu jistħarreġ dwar
il-Partijiet, permezz tal-użu ta' kwestjonarju li jikseb informazzjoni
rigward il-miżuri u l-politiki użati biex jassistu, jippromwovu,
jinkoraġġixxu, jew jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni mill-SMEs
fl-akkwist pubbliku. Il-kwestjonarju għandu jipprova jikseb informazzjoni
minn kull Parti rigward: (i) deskrizzjoni tal-miżuri u l-politiki użati
mill-Parti, inklużi l-miri ekonomiċi, soċjali, u oħrajn
tal-miżuri u l-politiki u kif dawn huma amministrati; (ii) kif
il-Parti tiddefinixxi l-SMEs; (iii) sa liema livell il-Parti jkollha aġenziji jew
istituzzjonijiet speċjalizzati li jassistu lill-SMEs fir-rigward
tal-akkwist pubbliku; (iv) il-livell ta' parteċipazzjoni fl-akkwist pubbliku kemm
f'termini ta' valur kif ukoll ta’ għadd ta’ kuntratti mogħtija
lill-SMEs; (v) deskrizzjoni ta’ miżuri u politiki
għas-sottokuntrattar lill-SMEs, inklużi l-miri, garanziji, u
inċentivi tas-sottokuntrattar; (vi) l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni tal-SMEs
f’offerti konġunti (b’fornituri kbar jew żgħar oħra); (vii) mizuri u politiki ffukati fuq li jingħataw
opportunitajiet lill-SMEs biex jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku
(bħal trasparenza u disponibbiltà akbar tal-informazzjoni dwar l-akkwist
pubbliku għall-SMEs; semplifikazzjoni tal-kwalifiki
għall-parteċipazzjoni fl-offerti; tnaqqis fid-daqs tal-kuntratti; u
l-iżgurar ta’ pagamenti f’waqthom għall-fornimenti ta’ prodotti u
servizzi); kif ukoll (viii) l-użu ta' miżuri u politiki ta’ akkwist pubbliku
li jistimulaw l-innovazzjoni tal-SMEs. (b) Il-ġabra
ta’ Stħarriġ tal-SMEs mis-Segretarjat tad-WTO: Is-Segretarjat tad-WTO
għandu jiffissa limitu ta' żmien għat-trażmissjoni
tat-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-Partijiet kollha
tas-Segretarjat tad-WTO. Malli jaslu t-tweġibiet, is-Segretarjat
għandu jipprepara ġabra tat-tweġibiet u jiċċirkola
t-tweġibiet u l-ġabra lill-Partijiet. Is-Segretarjat għandu
jinkludi lista ta' Partijiet bi tweġibiet pendenti. (c) Skambji fost il-Partijiet dwar it-Tweġibiet
għall-Kwestjonarji tal-SMEs: Abbażi tad-dokument imħejji
mis-Segretarjat tad-WTO, il-Kumitat għandu jistabbilixxi perjodu
għall-iskambju tal-mistoqsijiet, talbiet għal informazzjoni
addizzjonali, u kummenti dwar it-tweġibiet tal-Partijiet l-oħra. 4. Valutazzjoni tar-Riżultati
tal-Istħarriġ tal-SMEs u l-Implimentazzjoni tal-Eżiti tiegħu 4.1 Valutazzjoni tar-Riżultati
tal-Istħarriġ tal-SMEs Il-Kumitat
għandu jidentifika l-miżuri u l-politiki li jqis bħala
l-aħjar prattiki għall-promozzjoni u l-iffaċilitar
tal-parteċipazzjoni tal-SMEs tal-Partijiet fl-akkwist pubbliku u
jħejji rapport li jinkludi l-aħjar prattiki tal-miżuri u
politiki u lista tal-miżuri l-oħra. 4.2 Implimentazzjoni tal-Eżitu
tal-Istħarriġ tal-SMEs (a) Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-adozzjoni
tal-aħjar prattiki identifikati fil-valutazzjoni tal-istħarriġ
biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni
tal-SMEs tal-Partijiet fl-akkwist pubbliku. (b) Fir-rigward ta' miżuri oħra, il-Kumitat
għandu jinkoraġġixxi lill-Partijiet li għandhom tali
miżuri biex jirreveduhom bil-ħsieb li jeliminawhom jew japplikawhom għall-SMEs
tal-Partijiet l-oħra. Dawn il-partijiet għandhom jinfurmaw
lill-Kumitat dwar l-eżitu tar-reviżjoni. (c) Il-Partijiet li għandhom miżuri oħra
għandhom jinkludu l-valur tal-akkwist soġġett għal tali
miżuri fl-istatistika li dawn jissottomettu lill-Kumitat skont
l-Artikolu XVI:4 tal-Ftehim. (d) Il-Partijiet jistgħu jitolbu l-inklużjoni ta’ tali
miżuri oħra fin-negozjati futuri taħt l-Artikolu XXII:7
tal-Ftehim, u tali talbiet għandhom jitqiesu b'mod favorevoli
mill-Parti li jkollha tali miżuri. 5. Reviżjoni Sentejn wara
d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta’ Emenda tal-Ftehim
Eżistenti (tal-1994) , il-Kumitat għandu jirrevedi l-effett
tal-aħjar prattiki fuq l-espansjoni tal-parteċipazzjoni tal-SMEs
tal-Partijiet fl-akkwist pubbliku, u jikkunsidra jekk prattiki oħrajn
jistgħux isaħħu ulterjurment il-parteċipazzjoni mill-SMEs. Il-Kunsill
jista' wkoll jikkunsidra l-effett ta' miżuri oħra fuq
il-parteċipazzjoni tal-SMEs tal-Partijiet l-oħra fl-akkwist pubbliku
tal-Partijiet li għandhom tali miżuri.
Anness D
Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku
dwar Programm ta’ Ħidma għall-Ġbir u r-Rapportar ta’
Dejta Statistika
Deċiżjoni
tat-30 ta' Marzu 2012. Il-Kumitat dwar
l-Akkwist Pubbliku, Filwaqt li
jinnota li l-Artikolu XXII:8(a) tal-Ftehim dwar l-Akkwist
Pubbliku (il-Ftehim) jipprovdi li l-Partijiet għandhom jadottaw u
jirrevedu perjodikament programm ta' ħidma, inkluż programm ta’
ħidma dwar il-ġbir u r-rapportar tad-dejta statistika; Filwaqt li
jikkunsidra l-importanza tal-ġbir u r-rapportar
tad-dejta statistika, kif mitlub mill-Artikolu XVI:4 tal-Ftehim dwar
l-Akkwist Pubbliku (il-Ftehim), meta tiġi pprovduta trasparenza fl-akkwist
kopert taħt il-Ftehim; Filwaqt li jikkunsidra l-fatt li dejta statistika li turi sa liema livell
il-Partijiet jiksbu prodotti u servizzi koperti mill-Ftehim minn Partijiet
oħra tal-Ftehim tista’ tkun għodda importanti
fl-inkoraġġiment ta’ Membri oħra tad-WTO biex jaderixxu
mal-Ftehim; Filwaqt li
jirrikonoxxi l-isfidi kumplessivi tal-Partijiet
tal-Ftehim fil-ġbir tad-dejta fil-qasam tal-akkwist pubbliku u b'mod
partikolari biex jiġi determinat il-pajjiż ta' oriġini
tal-prodotti u servizzi li jakkwistaw taħt il-Ftehim; kif ukoll Filwaqt li
jirrikonoxxi li l-Partijiet jużaw
metodoloġiji differenti fil-ġbir tagħhom tal-istatistika sabiex
ikunu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ rapportar fl-Artikolu XVI:4
tal-Ftehim, u jistgħu jużaw metodoloġiji differenti
fil-ġbir ta' dejta għal entitajiet tal-gvern ċentrali u
entitajiet tal-gvern subċentrali; Hawnhekk jadotta l-programm ta' ħidma li ġej fir-rigward
tal-ġbir u r-rapportar ta’ dejta statistika: 1. Tnedija ta’ Programm ta’
Ħidma dwar il-Ġbir u r-Rapportar ta’ Dejta Statistika: Fl-ewwel
laqgħa tal-Kumitat wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta'
Emenda tal-Ftehim Eżistenti (tal-1994), il-Kumitat għandu jniedi
Programm ta’ Ħidma dwar il-Ġbir u r-Rapportar ta’ Dejta Statistika. Il-Kumitat
għandu jirrevedi l-ġbir u r-rapportar ta’ dejta statistika
mill-Partijiet, jikkunsidra l-potenzjal tal-armonizzazzjoni tagħhom, u
jħejji rapport dwar ir-riżultati. 2. Sottomissjoni tad-Dejta
mill-Partijiet: Il-Kumitat għandu jiftiehem dwar data sa meta kull
Parti għandha tissottometti lill-Kumitat l-informazzjoni li ġejja
rigward dejta statistika dwar l-akkwist kopert b’dan il-Ftehim: (a) deskrizzjoni tal-metodoloġija li tuża biex
tiġbor, tevalwa, u tirrapporta dejta statistika, li tissupera jew hija
taħt il-limiti stabbiliti tal-Ftehim u għall-akkwist deskritt
fil-paragrafu 4.2(c) tal-Programm ta' Ħidma dwar l-SMEs, inkluż jekk
din tibbażax id-dejta dwar l-akkwist kopert mill-Ftehim fuq il-valur
sħiħ tal-kuntratti mogħtija jew in-nefqa totali għal
akkwist f'perjodu ta’ żmien partikolari; (b) jekk id-dejta statistika miġbura minnha tinkludix il-pajjiż
ta’ oriġini tal-prodotti jew servizzi li huma akkwistati, u jekk iva, kif
tiddetermina jew tistma l-pajjiż ta' oriġini, u l-ostakli
tekniċi fil-ġbir tad-dejta dwar il-pajjiż ta’ oriġini; (c) spjegazzjoni tal-klassifikazzjonijiet użati f'rapporti
statistiċi; kif ukoll (d) deskrizzjoni tas-sorsi tad-dejta. 3. Ġabra tas-sottomissjonijiet: Is-Segretarjat
għandu jipprepara ġabra tas-sottomissjonijiet u jiċċirkola
s-sottomissjonijiet u l-ġabra lill-Partijiet. Is-Segretarjat għandu
jinkludi lista ta' Partijiet b'sottomissjonijiet pendenti. 4. Rakkomandazzjonijiet: Il-Kumitat
għandu jirrevedi s-sottomissjonijiet tal-Partijiet u jagħmel
rakkomandazzjonijiet dwar: (a) jekk
il-Partijiet għandhomx jadottaw metodu komuni għall-ġbir ta'
statistika; (b) jekk il-Partijiet ikunux jistgħu jistandardizzaw
il-klassifikazzjonijiet fid-dejta statistika rrapportata lill-Kumitat; (c) mezzi għall-iffaċilitar tal-ġbir
tal-pajjiż ta' oriġini ta' prodotti u servizzi koperti minn dan
il-Ftehim; kif ukoll (d) kwistjonijiet
tekniċi oħra fid-dejta dwar l-akkwist pubbliku rrapportata mqajma
minn kwalunkwe Parti. 5. Il-Kumitat
għandu jiżviluppa, kif xieraq, rakkomandazzjonijiet relatati ma’: (a) l-armonizzazzjoni potenzjali tar-rapportar statistiku
bil-għan li tiġi inkluża l-istatistika dwar l-akkwist pubbliku
fir-rapportar annwali tad-WTO; (b) il-forniment ta’ assistenza mis-Segretarjat relatat
mar-rapportar statistiku lill-Membri tad-WTO li huma fil-proċess li
jaderixxu mal-Ftehim; kif ukoll (c) mezzi li jiżguraw li l-Membri tad-WTO li qed jaderixxu
mal-Ftehim ikollhom il-mezzi xierqa biex jikkonformaw ma' ġbir ta' dejta
statistika u rekwiżiti ta 'rappurtar. 6. Analiżi tad-dejta: Il-Kumitat
għandu jikkunsidra kif id-dejta statistika sottomessa lis-Segretarjat kull
sena mill-Partijiet tista’ tintuża għal analiżi ulterjuri biex
tiffaċilita aktar l-fehim tal-importanza ekonomika tal-Ftehim, inkluż
l-impatt tal-limiti fuq il-prestazzjoni tal-Ftehim.
Anness E
Deċżijoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku
dwar Programm ta’ Ħidma dwar l-Akkwist Sostenibbli
Deċiżjoni
tat-30 ta' Marzu 2012. Il-Kumitat dwar
l-Akkwist Pubbliku, Filwaqt li
jinnota li l-Artikolu XXII:8(a) tal-Ftehim dwar
l-Akkwist Pubbliku (il-Ftehim) jipprovdi li l-Partijiet għandhom jadottaw
u jirrevedu perjodikament programm ta' ħidma, inkluż programm ta’
ħidma dwar l-akkwist sostenibbli; Filwaqt li
jirrikonoxxi li bosta Partijiet żviluppaw
politiki nazzjonali u sottonazzjonali ta’ akkwist sostenibbli; Filwaqt li
jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat
li l-akkwist kollu jitwettaq skont il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u
trasparenza kif riflessi fil-Ftehim; Hawnhekk jadotta programm ta' ħidma fir-rigward tal-akkwist sostenibbli: 1. Tnedija ta’ Programm ta' Ħidma
dwar l-Akkwist Sostenibbli: Fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat
wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta' Emenda tal-Ftehim
Eżistenti (tal-1994), il-Kumitat għandu jniedi Programm ta’
Ħidma dwar l-Akkwist Sostenibbli. 2. Il-programm ta' ħidma
għandu jeżamina temi li jinkludu: (a) l-għanijiet
tal-akkwist sostenibbli; (b) il-modi li permezz tagħhom il-kunċett tal-akkwist
sostenibbli huwa integrat f’politiki nazzjonali u sottonazzjonali tal-akkwist; (c) il-modi li permezz tagħhom l-akkwist sostenibbli jkun
jista’ jiġi prattikat b’mod konsistenti mal-prinċipju ta'
"l-aħjar valur għall-flus"; kif ukoll (d) il-modi li permezz tagħhom l-akkwist sostenibbli jkun
jista’ jiġi pprattikat b'mod konsistenti mal-obbligi kummerċjali
internazzjonali tal-Partijiet. 3. Il-Kumitat għandu jidentifika
miżuri u politiki li huwa jqis bħala li jikkostitwixxu akkwist
sostenibbli pprattikat b’mod konsistenti mal-prinċipju ta’ “l-aħjar
valur għall-flus” u mal-obbligi kummerċjali internazzjonali
tal-Partijiet u jħejji rapport li jelenka l-aħjar prattiki
tal-miżuri u l-politiki.
Anness F
Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku
dwar Programm ta’ Ħidma dwar l-Esklużjonijiet u r-Restrizzjonijiet
fl-Annessi tal-Partijiet
Deċiżjoni
tat-30 ta' Marzu 2012. Il-Kumitat dwar
l-Akkwist Pubbliku, Filwaqt li
jinnota li l-Artikolu XXII:8(a) tal-Ftehim dwar
l-Akkwist Pubbliku (il-Ftehim) jipprovdi li l-Partijiet għandhom jadottaw
u jirrevedu perjodikament programm ta' ħidma, inkluż programm ta’
ħidma dwar l-esklużjonijiet u r-restrizzjonijiet fl-Annessi
tal-Partijiet; Filwaqt li
jirrkonoxxu li l-Partijiet inkludew
esklużjonijiet u restrizzjonijiet fl-Annessi rispettivi tagħhom
tal-Appendiċi I tal-Ftehim (esklużjonijiet u restrizzjonijiet); Filwaqt li
jirrkonoxxi l-importanza ta' miżuri trasparenti
dwar l-akkwist pubbliku; kif ukoll Filwaqt li
jikkunsidra l-importanza ta' tnaqqis u eliminazzjoni
progressivi ta' esklużjonijiet u restrizzjonijiet f'negozjati
fil-ġejjieni kif previst fl-Artikolu XXII:7 tal-Ftehim; Hawnhekk jadotta l-programm ta' ħidma li ġej fir-rigward
tal-esklużjonijiet u r-restrizzjonijiet fl-Annessi tal-Partijiet: 1. Tnedija tal-Programm ta'
Ħidma dwar l-Esklużjonijiet u r-Restrizzjonijiet: Fl-ewwel
laqgħa tal-Kumitat wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta'
Emenda tal-Ftehim Eżistenti (tal-1994) , il-Kumitat għandu jniedi Programm
ta' Ħidma dwar l-Esklużjonijiet u r-Restrizzjonijiet fl-Annessi
tal-Partijiet bl-għanijiet ta': (a) tisħiħ tat-trasparenza fir-rigward tal-kamp ta'
applikazzjoni u l-effett tal-esklużjonijiet u r-restrizzjonijiet
speċifikati fl-Annessi tal-Partijiet għall-Appendiċi I
tal-Ftehim; u; kif ukoll (b) għoti ta’ informazzjoni relatata
mal-esklużjonijiet u r-restrizzjonijiet biex jiġu ffaċilitati
n-negozjati previsti fl-Artikolu XXII:7 tal-Ftehim. 2. Programm ta' Trasparenza: Kull
Parti għandha tissottometti lill-Kumitat, sa mhux iktar tard minn sitt
xhur wara t-tnedija tal-Programm ta' Ħidma, lista ta': (a) esklużjonijiet speċifiċi
għall-pajjiżi li għandha fl-Annessi tagħha
għall-Appendiċi I tal-Ftehim; u; kif ukoll (b) kwalunkwe esklużjoni jew restrizzjoni oħra
speċifikata fl-Annessi tagħha tal-Appendiċi I
għall-Ftehim li taqa' fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni
tal-Artikolu II:2(e) tal-Ftehim, minbarra esklużjonijiet jew
restrizzjonijiet li jkunu qed jiġu riveduti fil-Programm ta' Ħidma
dwar l-SMEs jew meta Parti tkun ħadet impenn li telimina progressivament
esklużjoni jew restrizzjoni f'Anness tal-Appendiċi I
għall-Ftehim. 3. Ġabra tas-Sottomissjonijiet:
Is-Segretarjat għandu jħejji ġabra tas-sottomissjonijiet u
jiċċirkola s-sottomissjonijiet u l-kumpilazzjoni lill-Partijiet. Is-Segretarjat
għandu jinkludi lista tal-Partijiet b'sottomissjonijiet pendenti. 4. Talbiet għal Informazzjoni
Addizzjonali: Kwalunkwe Parti tista' titlob informazzjoni addizzjonali
b'mod perjodiku dwar kwalunkwe esklużjoni jew restrizzjoni li taqa' fi
ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafu 2(a) u (b), inklużi
miżuri li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe
esklużjoni jew restrizzjoni, il-qafas legali tagħhom, il-politiki u
l-prattiki ta' implimentazzjoni u l-valur tal-akkwist soġġett
għal tali miżuri. Parti li tirċievi talba bħal din
għandha tipprovdi l-informazzjoni miftluba minnufih. 5. Ġabra ta' Informazzjoni
Addizzjonali: Is-Segretarjat għandu jħejji ġabra
tal-informazzjoni addizzjonali fir-rigward ta' kwalunkwe Parti u għandu
jiċċirkolaha lill-Partijiet. 6. Reviżjoni mill-Kumitat:
Fil-laqgħa annwali prevista fl-Artikolu XXI:3(a) tal-Ftehim,
il-Kumitat għandu jirrevedi l-informazzjoni ippreżentata
mill-Partijiet bil-għan li jiddetermina jekk tipprovdix: (a) l-ogħla grad possibbli ta' trasparenza fir-rigward
tal-esklużjonijiet u r-restrizzjonijiet speċifikati fl-Annessi
tal-Partijiet tal-Appendiċi I għall-Ftehim; kif ukoll (b) informazzjoni sodisfaċenti biex jiġu
ffaċilitati n-negozjati previsti fl-Artikolu XXII:7 tal-Ftehim. 7. Parti Ġdida Aderenti
għall-Ftehim: Parti ġdida li taderixxi mal-Ftehim għandha
tippreżenta lill-Kumitat il-lista fil-paragrafu 2 fi żmien sitt
xhur mill-adeżjoni tagħha.
Anness G
Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar
Programm ta' Ħidma dwar l-Istandards tas-Sikurezza fl-Akkwist
Internazzjonali
Deċiżjoni
tat-30 ta’ Marzu 2012 Il-Kumitat dwar
l-Akkwist Pubbliku, Filwaqt li
jinnota li l-Artikolu XXII:8(a) tal-Ftehim dwar
l-Akkwist Pubbliku (il-Ftehim) jistipula li l-Partijiet għandhom jadottaw
u jirrevedu perjodikament programm ta' ħidma, inkluż programm ta'
ħidma dwar l-istandards tas-sikurezza fl-akkwist internazzjonali; Filwaqt li
jinnota li l-Artikolu X:1 tal-Ftehim jistipula li
l-entitajiet akkwirenti “ma għandhomx iħejju, jadottaw jew japplikaw
xi speċifikazzjoni teknika bil-għan jew bl-effett li joħolqu
xkiel żejjed għall-kummerċ internazzjonali”; Filwaqt li
jinnota li l-Artikolu III:2(a) tal-Ftehim ma
jżommx lill-Partijiet milli jimponu jew jinfurzaw miżuri neċessarji
biex jipproteġu s-sikurezza pubblika, bil-kundizzjoni li tali miżuri
ma jiġux applikati b'mod li jkun jikkostitwixxi mezz ta' diskriminazzjoni
arbitrarja jew mhux iġġustifikata jew restrizzjoni moħbija fuq
kummerċ internazzjonali; Filwaqt li jirrikonoxxi
l-ħtieġa ta’ approċċ
ibbilanċjat bejn is-sikurezza pubblika u l-ostakli żejda
għall-kummerċ internazzjonali; Filwaqt li
jirrikonoxxi li l-prattiki diverġenti bejn
il-Partijiet fir-rigward tas-sikurezza pubblika jista' jkollhom effett negattiv
fuq il-prestazzjoni tal-Ftehim; Hawnhekk jadotta l-programm ta' ħidma li ġej fir-rigward
tal-istandards tas-sikurezza: 1. Tnedija tal-Programm ta'
Ħidma dwar l-Istandards tas-Sikurezza fl-Akkwist Internazzjonali: Fl-ewwel
laqgħa tal-Kumitat wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta'
Emenda għall-Ftehim Eżistenti (tal-1994), il-Kumitat għandu
jniedi Programm ta' Ħidma dwar l-Istandards tas-Sikurezza fl-Akkwist
Internazzjonali. 2. Il-Programm ta' Ħidma
għandu jeżamina t-temi bil-għan li jaqsam l-aħjar prattiki fuq
affarijiet li jinkludu: (a) Il-mod li bih it-tħassib dwar is-sikurezza pubblika
huwa indirizzat fil-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti u l-prattiki
tal-Partijiet u linji gwida relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim
mill-entitajiet akkwirenti; (b) Ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet
tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fl-Artikolu X u l-ħarsien
tas-sikurezza pubblika fl-Artikolu III tal-Ftehim u fl-Annessi
tal-Partijiet għall-Appendiċi 1; (c) L-aħjar prattiki li jistgħu jiġu adottati
għall-protezzjoni tas-sikurezza pubblika fid-dawl
tad-dispożizzjonijiet fuq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u
d-dokumentazzjoni tal-offerta fl-Artikolu X. 3. Il-Kumitat għandu
jiżviluppa l-kamp ta' applikazzjoni u l-iskeda ta' żmien
għall-eżami ta' kull tema identifikata fil-paragrafu 2. Il-Kumitat
għandu jħejji rapport li jiġbor fil-qosor l-eżitu
tal-eżami tiegħu ta' dawn il-kwistjonijiet u jelenka l-aħjar
prattiki identifikati fil-paragrafu 2(c). __________