IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.10.2026
COM(2026) 569 final
2026/0325(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2024/1787 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija fir-rigward tal-posponiment ta’ ċerti obbligi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Ir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija (ir-“Regolament”) daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Awwissu 2024. Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ikopri ż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali u l-faħam. Dan jistabbilixxi regoli għall-kejl, il-kwantifikazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika akkurati tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija fl-Unjoni, kif ukoll għat-tnaqqis ta’ dawk l-emissjonijiet, inkluż permezz ta’ stħarriġiet dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet, l-obbligi ta’ rapportar u r-restrizzjonijiet fuq l-ivventjar u l-ivvampjar. Ir-Regolament japplika wkoll għall-emissjonijiet tal-metan li jseħħu barra mill-Unjoni, fir-rigward taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam introdotti fis-suq tal-Unjoni.
F’termini tal-kontribut ġenerali tiegħu għat-tibdil fil-klima, il-metan huwa t-tieni l-akbar kontributur wara d-diossidu tal-karbonju (CO₂) u huwa responsabbli għal madwar terz tat-tisħin attwali. L-ammont ta’ metan fl-atmosfera globalment żdied drastikament matul l-aħħar 10 snin. Fis-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tiegħu, il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, li nħoloq fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, ippubblika s-sejba li sal-2030 huwa meħtieġ tnaqqis qawwi fl-emissjonijiet antropoġeniċi tal-metan biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 °C.
Ir-Regolament jintroduċi rekwiżiti progressivi biex tiżdied it-trasparenza dwar l-emissjonijiet tal-metan. Dan jirrikjedi li mill-5 ta’ Mejju 2025 ’il quddiem l-importaturi jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar l-emissjonijiet tal-metan taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam introdotti fis-suq tal-Unjoni. Mill-1 ta’ Jannar 2027 ’il quddiem, l-importaturi jridu juru li l-kuntratti konklużi jew imġedda wara l-4 ta’ Awwissu 2024 għall-provvista taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali jew tal-faħam prodott barra mill-Unjoni jkunu soġġetti għal miżuri ta’ monitoraġġ, ta’ rapportar u ta’ verifika ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament fil-livell tal-produtturi tal-Unjoni. Sal-5 ta’ Awwissu 2028 u mbagħad kull sena, il-produtturi u l-importaturi tal-Unjoni se jkollhom ukoll: (i) jirrapportaw dwar l-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam introdotti fis-suq tal-Unjoni; u (ii) juru, sal-5 ta’ Awwissu 2030 u mbagħad kull sena, li l-intensità tal-metan ma taqbiżx il-valuri massimi tal-intensità tal-metan stabbiliti mill-Kummissjoni permezz ta’ att delegat, skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament.
L-Istrett ta’ Hormuz, punt ta’ passaġġ marittimu ewlieni għall-kummerċ globali tal-enerġija, ilu mis-27 ta’ Frar 2026 jesperjenza tfixkil ġeopolitiku u ekonomiku akut li qed iwassal għall-għeluq tiegħu, kif ukoll għall-għeluq intermittenti ta’ infrastruttura oħra li tesporta l-prodotti tal-enerġija mill-Golf Persjan. Dak it-tfixkil huwa meqjus b’mod estensiv bħala l-akbar wieħed li qatt affettwa l-provvisti globali tal-enerġija mill-kriżi tal-enerġija tas-snin 70 ’l hawn, u bħala l-akbar wieħed fl-istorja tas-suq globali taż-żejt.
It-tfixkil fil-Lvant Nofsani qed ikollu impatt negattiv qawwi fuq is-swieq tal-enerġija globali u Ewropej. Ġew affettwati madwar 20 % tal-provvista globali tal-gass naturali likwifikat (LNG) u 25 % tal-kummerċ globali taż-żejt li jinġarr bil-baħar. B’riżultat ta’ dan, it-tkabbir qawwi fl-esportazzjonijiet tal-LNG li kien mistenni inizjalment minn dak ir-reġjun għall-perjodu mill-2026 sal-2027 x’aktarx li mhux se jseħħ u se jittardja b’mill-inqas sentejn, apparti r-riskji assoċjati mal-issikkar fis-suq u l-volatilità tal-prezzijiet. Fir-rigward taż-żejt, it-telf globali fl-esportazzjonijiet taż-żejt qabeż it-13 mb/d, flimkien mat-tnaqqis assoċjat fil-produzzjoni u l-ħsara lill-infrastruttura tal-enerġija fir-reġjun tal-Golf li jirriżultaw f’telf kumulattiv fil-provvista ta’ madwar 2,8 biljun barmil sa tmiem l-2026, inkluż it-telf antiċipat matul iż-żieda gradwali fil-produzzjoni ta’ wara l-kunflitt. Il-fornituri barra mir-reġjun tal-Golf kienu kapaċi jikkumpensaw għad-diskrepanza fil-provvisti tal-LNG u taż-żejt sa ċertu punt biss. Il-ħsara li seħħet lill-infrastruttura tal-enerġija fir-reġjun tal-Golf, iż-żmien meħtieġ għall-bidu mill-ġdid tal-infrastruttura u t-taffija gradwali tal-ostaklu lkoll se jikkontribwixxu għal dak li x’aktarx se jkun perjodu twil ta’ nuqqas ta’ provvista u inċertezzi fis-swieq globali tal-enerġija.
Ir-Regolament ma jimponix restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija lejn l-Unjoni. Madankollu, peress li l-inċertezza dwar kemm se jdum u kemm se jkun sever ix-xokk fil-provvista fil-Lvant Nofsani tkompli tikkontribwixxi għal prezzijiet globali tal-enerġija għoljin u volatili, l-Unjoni trid tiżgura provvisti affidabbli u kompetittivi taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam. Dan qed juri li huwa ta’ sfida f’kuntest fejn il-ftehimiet kuntrattwali eżistenti u r-rotot kummerċjali jinsabu taħt pressjoni u fejn il-ġabra ta’ provvisti alternattivi għadha ristretta, speċjalment għall-konsenji fuq terminu qasir. F’dan il-kuntest, l-importaturi indikaw li l-kapaċità tagħhom li jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tar-Regolament tista’ tiġi affettwata, u li għalhekk mill-1 ta’ Jannar 2027 ’il quddiem jaf ma jkunux f’pożizzjoni li jiżguraw biżżejjed provvisti tal-enerġija konformi.
Din il-proposta fiha bidliet immirati għar-Regolament biex l-applikazzjoni tal-obbligi ta’ monitoraġġ, ta’ rapportar u ta’ verifika għall-importaturi, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar l-intensità tal-metan għall-importaturi u l-produtturi tal-Unjoni, jiġu posposti b’sena.
L-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament għandhom jiġu posposti b’sena biex il-pajjiżi terzi, l-importaturi, il-produtturi tal-Unjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu f’pożizzjoni li jimplimentawhom bis-sħiħ u b’mod effettiv. L-iskeda ta’ żmien estiża se tippermetti wkoll aktar involviment u progress fl-implimentazzjoni, b’rispons għat-tħassib li esprimew għadd ta’ Stati Membri, pajjiżi terzi u operaturi dwar l-iskeda ta’ żmien attwali tal-implimentazzjoni. B’mod speċifiku, iż-żmien addizzjonali se jippermetti lill-Istati Membri jlestu l-adozzjoni tar-reġimi nazzjonali ta’ penali tagħhom, lill-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jakkreditaw lill-verifikaturi f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament, u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jivvalutaw u jirrikonoxxu l-fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament u mal-kriterji tar-Rakkomandazzjoni dwar is-soluzzjonijiet ta’ konformità.
L-emenda proposta tintroduċi l-flessibbiltà meħtieġa, filwaqt li żżomm il-livell ta’ ambizzjoni tal-objettiv ġenerali tar-Regolament għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Din ma tindikax bidla fl-impenn tal-Kummissjoni li tkompli tnaqqas l-emissjonijiet tal-metan, li huma t-tieni l-akbar sors ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra wara s-CO2. It-tnaqqis tal-metan huwa wieħed mill-aktar modi rapidi u effettivi biex jitnaqqas it-tisħin globali u jikkontribwixxi ferm għall-iffrankar tal-enerġija. L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija tistma li fl-2024 biss, intilfu aktar minn 350 biljun metru kubu ta’ gass minħabba l-ivvampjar, l-ivventjar u t-tnixxija madwar id-dinja, jiġifieri tliet darbiet il-provvista li ma waslitx fis-swieq globali minħabba l-għeluq tal-Istrett ta’ Hormuz. It-tnaqqis tat-tnixxija tal-metan u l-eliminazzjoni tal-ivventjar u l-ivvampjar ta’ rutina mill-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass jistgħu jespandu direttament il-provvista tal-gass disponibbli, jassistu fit-tnaqqis tal-volatilità tal-prezzijiet, u jgħinu biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tal-enerġija.
Għalhekk, il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli l-implimentazzjoni tar-Regolament, tissalvagwardja l-ambizzjoni tiegħu, u tissokta ħidmietha fuq il-bqija tal-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati. Il-Kummissjoni diġà ressqet talbiet biex jiġu żviluppati l-istandards tal-industrija għaż-żejt u għall-gass naturali li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-Regolament. Barra minn hekk, dalwaqt se tadotta xi wħud mill-mudelli meħtieġa ta’ rapportar dwar l-emissjonijiet tal-metan u qed timplimenta sistema komprensiva ta’ rapportar b’mod parallel. Qed tinvolvi ruħha wkoll b’mod regolari mal-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni sabiex titjieb iċ-ċarezza meħtieġa bil-għan li jitħaffef il-proċess ta’ akkreditazzjoni tal-verifikaturi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni dan l-aħħar ippubblikat rakkomandazzjonijiet dwar soluzzjonijiet ta’ konformità u dwar l-applikazzjoni ta’ penali; dawn ikkontribwew għal aktar ċarezza u appoġġ kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-operaturi dwar kif għandhom jimplimentaw ir-regoli. Ir-Rakkomandazzjoni dwar is-soluzzjonijiet ta’ konformità tipprovdi ċarezza dwar kif għandha tintwera l-konformità mar-rekwiżiti tal-importazzjoni tar-Regolament, speċjalment fi ktajjen tal-provvista kumplessi. B’mod parallel, ir-Rakkomandazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ penali tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament fil-kuntest tal-kriżi tal-enerġija attwali.
Matul il-perjodu ta’ posponiment, il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tar-Regolament, kif ukoll is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-provvista. Kwalunkwe kwistjoni rigward l-implimentazzjoni se titqies fil-kuntest tar-rieżami li jmiss tar-Regolament li jirrikjedi b’mod espliċitu li l-Kummissjoni tivvaluta l-effettività u l-effiċjenza tar-Regolament fl-istabbiliment ta’ regoli trasparenti u akkurati dwar il-kejl, ir-rapportar u l-verifika. Skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2024/1787, dan ir-rieżami għandu jsir sal-1 ta’ Jannar 2028, inkluż ir-rekwiżit li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Din il-proposta tintroduċi emendi limitati u mmirati tar-Regolament dwar il-Metan biex l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tiġi posposta b’sena. Aktar emendi possibbli ta’ dak ir-Regolament huma kompletament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni u mill-għanijiet ta’ din il-proposta. Il-Kummissjoni se tikkomunika b’mod kostruttiv mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill sabiex tiżgura li l-proċess leġiżlattiv ta’ din il-proposta jippreżerva bis-sħiħ il-kamp ta’ applikazzjoni essenzjali tagħha u ma jibdlux.
Sabiex jinżammu ċ-ċertezza u l-flessibbiltà regolatorji, huwa essenzjali li din il-proposta tiġi maqbula malajr u mingħajr dewmien bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Fir-Regolament (UE) 2021/1119 (il-“Liġi Ewropea dwar il-Klima”), l-Unjoni naqqxet fil-leġiżlazzjoni l-mira tan-newtralità klimatika fl-ekonomija kollha sal-2050 u stabbiliet miri intermedji vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta’ mill-anqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2030 u 90 % sal-2040.
Il-proposta għar-Regolament (UE) 2024/1787 bniet fuq il-Pjan tal-Unjoni dwar il-Mira Klimatika għall-2030 u fuq il-valutazzjoni tal-impatt tiegħu. Il-Pjan dwar il-Mira Klimatika enfasizza l-ħtieġa li jiżdied it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan.
F’Ottubru tal-2020, il-Kummissjoni adottat strateġija tal-UE sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan, li tistabbilixxi miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fl-UE, inkluż fis-settur tal-enerġija, u internazzjonalment.
Din il-proposta ma temendax ir-regoli sostantivi tar-Regolament (UE) 2024/1787 u żżomm mal-objettivi tiegħu. Il-proposta twieġeb ukoll għat-tħassib espress minn għadd ta’ Stati Membri u mis-setturi taż-żejt, tal-gass u tal-faħam, billi tipprovdi flessibbiltà addizzjonali lill-operaturi u lill-Istati Membri biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-objettivi tar-Regolament.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta tikkomplementa l-azzjoni meħuda fl-oqsma tal-agrikoltura u l-iskart sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali għal din il-proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). F’konformità mal-Artikoli 191 u 192(1) tat-TFUE, l-Unjoni Ewropea trid tikkontribwixxi sabiex, inter alia, jintlaħqu l-objettivi li ġejjin: (i) is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; (ii) il-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali; u, b’mod partikolari, (iii) il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Ir-Regolament (UE) 2024/1787 huwa bbażat fuq l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
L-inizjattiva proposta hija konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-emenda tar-Regolament (UE) 2024/1787 biex tiġi pprovduta din il-flessibbiltà addizzjonali ma tistax tinkiseb mill-Istati Membri nfushom.
•Proporzjonalità
Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod kosteffettiv, u tipprovdi l-flessibbiltà lill-operaturi u lill-Istati Membri dwar il-konformità filwaqt li żżomm l-objettivi u l-livell ta’ ambizzjoni tar-Regolament.
•Għażla tal-istrument
Il-proposta temenda r-Regolament (UE) 2024/1787 biss fir-rigward tal-għoti ta’ flessibbiltà addizzjonali. Għalhekk għandha ssegwi l-istess forma tal-istrument leġiżlattiv eżistenti.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhi meħtieġa l-ebda evalwazzjoni għall-proposta, peress li din tipprovdi biss flessibbiltà temporanja lill-operaturi u lill-Istati Membri biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni kellha diskussjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati mill-bidu tal-kriżi fil-Lvant Nofsani rigward l-impatt tal-obbligi tal-importaturi fuq il-provvisti tal-enerġija lejn l-Unjoni.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-proposta ġiet abbozzata wara proċess ta’ skrutinju intern tal-obbligi eżistenti.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta tikkonċerna emendi mmirati tar-Regolament (UE) 2024/1787 biss biex tipprovdi flessibbiltà addizzjonali lill-importaturi u, għal ċerti obbligi, lill-produtturi tal-Unjoni fir-rigward tal-konformità mal-obbligi tagħhom billi tipposponi dawk l-obbligi b’sena. Din ma tbiddilx il-livell ta’ ambizzjoni tar-Regolament u ma tintroduċi l-ebda rekwiżit ġdid għall-Istati Membri jew għall-operaturi.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Meta mqabbla mar-Regolament attwali, il-proposta mhijiex mistennija żżid il-kostijiet amministrattivi. Barra minn hekk, ma hijiex qiegħda żżid il-kumplessità tal-qafas legali.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, iżżomm l-objettiv ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent f’konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli, kif stabbilit fl-Artikolu 37 tal-Karta.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva li tistabbilixxi l-implikazzjonijiet għar-riżorsi baġitarji, umani u amministrattivi kienet mehmuża mal-proposta li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1787.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Din il-proposta ma tbiddilx is-sustanza tar-regoli. Il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tibqa’ l-istess bħal dik tal-proposta li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1787.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1(1) jemenda l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 28(2).
L-Artikolu 1(2) jemenda l-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 29(2).
2026/0325 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2024/1787 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija fir-rigward tal-posponiment ta’ ċerti obbligi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija. Dan jistabbilixxi obbligi għall-importaturi taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam lejn l-Unjoni li, mill-5 ta’ Mejju 2025 ’il quddiem, jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istati Membri dwar il-miżuri meħuda mill-esportaturi lejn l-Unjoni u mill-produtturi ta’ pajjiżi terzi dwar il-kejl, ir-rapportar, il-verifika u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan, b’mod partikolari dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri regolatorji jew volontarji għall-kontroll tal-emissjonijiet tal-metan.
(2)Ir-Regolament (UE) 2024/1787 jirrikjedi wkoll li mill-1 ta’ Jannar 2027 ’il quddiem l-importaturi juru u jirrapportaw li l-kuntratti konklużi jew imġedda wara l-4 ta’ Awwissu 2024 għall-provvista taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali jew tal-faħam prodott barra mill-Unjoni jkunu soġġetti għal miżuri ta’ monitoraġġ, ta’ rapportar u ta’ verifika li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament fil-livell tal-produttur.
(3)Ir-Regolament (UE) 2024/1787 jirrikjedi wkoll li, sal-5 ta’ Awwissu 2028 u mbagħad kull sena, il-produtturi u l-importaturi tal-Unjoni jirrapportaw dwar l-intensità tal-metan taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali jew tal-faħam introdotti fis-suq tal-Unjoni u, sal-5 ta’ Awwissu 2030 u mbagħad kull sena, juru li l-intensità tal-metan ma taqbiżx il-valuri massimi tal-intensità stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 29(5) u (6) tar-Regolament.
(4)Il-Kummissjoni ħadet passi sostanzjali biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1787, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati. B’mod partikolari, il-Kummissjoni stabbiliet Grupp ta’ Esperti Informali dwar it-Tnaqqis tal-Emissjonijiet tal-Metan fis-Settur tal-Enerġija, li jospita wkoll in-Network ta’ Awtoritajiet Kompetenti, li nħoloq skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament biex titrawwem il-kooperazzjoni u jkunu jistgħu jsiru skambji regolari dwar l-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet kompetenti. Il-Kummissjoni adottat ukoll talba ta’ standardizzazzjoni biex tiżviluppa standards Ewropej bil-għan li tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata u jinħoloq qafas tekniku komuni. Il-Kummissjoni se tkompli tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex timplimenta r-Regolament (UE) 2024/1787 u tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati.
(5)Barra minn hekk, il-Kummissjoni dan l-aħħar ippubblikat rakkomandazzjonijiet dwar soluzzjonijiet ta’ konformità u dwar l-applikazzjoni ta’ penali. Dawn ikkontribwew għal aktar ċarezza u appoġġ kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-operaturi dwar kif għandhom jimplimentaw ir-Regolament. Ir-Rakkomandazzjoni dwar is-soluzzjonijiet ta’ konformità tistabbilixxi kif tintwera l-konformità mar-rekwiżiti tal-importazzjoni, speċjalment fi ktajjen tal-provvista kumplessi. B’mod parallel, ir-Rakkomandazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ penali tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2024/1787 fil-kuntest tal-kriżi tal-enerġija attwali.
(6)Is-sitwazzjoni globali tal-enerġija għadha volatili u imprevedibbli ħafna, u l-prezzijiet tal-enerġija għadhom għoljin ħafna. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tiżgura importazzjonijiet affidabbli u kontinwi tal-fjuwils fossili. Għalkemm ir-Regolament (UE) 2024/1787 ma jimponix restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija lejn l-Unjoni, il-konformità sħiħa mar-rekwiżiti tar-Regolament se tirrikjedi żmien addizzjonali, u mill-1 ta’ Jannar 2027 ’il quddiem l-importaturi jistgħu jiffaċċjaw sfidi fil-provvista tal-enerġija lill-Unjoni. Huwa meħtieġ żmien addizzjonali qabel ma jibdew japplikaw dawk ir-rekwiżiti sabiex il-pajjiżi terzi, l-Istati Membri, il-produtturi, l-importaturi, l-operaturi u n-negozjanti jħejju ruħhom bis-sħiħ u jkunu jistgħu jistabbilixxu l-mekkaniżmi meħtieġa, sabiex ikunu f’pożizzjoni li jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tagħhom.
(7)Għalhekk, jenħtieġ li l-obbligi stabbiliti mill-Artikolu 28(1) u (2) u l-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2024/1787 għall-importaturi u l-produtturi tal-Unjoni jiġu posposti b’sena.
(8)L-iskeda ta’ żmien estiża tippermetti lill-Istati Membri jlestu l-adozzjoni tar-reġimi nazzjonali ta’ penali tagħhom bħala kwistjoni ta’ prijorità u lill-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jakkreditaw lill-verifikaturi f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament. Din tipprovdi żmien addizzjonali wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jivvalutaw u jirrikonoxxu lill-fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ konformità biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1787 u mal-kriterji tar-Rakkomandazzjoni dwar is-soluzzjonijiet ta’ konformità.
(9)Matul il-perjodu ta’ posponiment, il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tar-Regolament, kif ukoll is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-provvista. Kwalunkwe kwistjoni rigward l-implimentazzjoni se titqies fil-kuntest tar-rieżami li jmiss tar-Regolament li jirrikjedi b’mod espliċitu li l-Kummissjoni tivvaluta l-effettività u l-effiċjenza tar-Regolament fl-istabbiliment ta’ regoli trasparenti u akkurati dwar il-kejl, ir-rapportar u l-verifika. Skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2024/1787, dan ir-rieżami għandu jsir sal-1 ta’ Jannar 2028, inkluż ir-rekwiżit li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
(10)Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi posposta d-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) u (2) u l-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2024/1787, ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri iżda jista’ jinkiseb biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.
(11)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/1787 jiġi emendat kif xieraq,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi tar-Regolament (UE) 2024/1787
Ir-Regolament (UE) 2024/1787 huwa emendat kif ġej:
1.L-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Sal-31 ta’ Mejju 2029 u mbagħad kull sena, l-importaturi għandhom juru u jirrapportaw f’konformità mal-Artikolu 27(1), lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti, li l-kuntratti konklużi jew imġedda fl-4 ta’ Awwissu 2024 jew wara għall-provvista tas-sena kalendarja preċedenti taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali jew tal-faħam prodott barra mill-Unjoni jkopru biss iż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam li jkun soġġett għal miżuri ta’ monitoraġġ, ta’ rapportar u ta’ verifika applikati fil-livell tal-produttur li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.”;
(b)fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Sal-31 ta’ Mejju 2029 u mbagħad kull sena, l-importaturi għandhom jinfurmaw kull sena lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti bir-riżultati ta’ tali sforzi għas-sena kalendarja preċedenti, bħala parti mill-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 27(1) u, f’każ ta’ falliment, jipprovdu ġustifikazzjoni tajba lil dawk l-awtoritajiet kompetenti għal tali nuqqas u jistabbilixxu l-azzjonijiet li jkunu ħadu bħala parti minn dawk l-isforzi.”;
(2)L-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Sal-5 ta’ Awwissu 2029 u mbagħad sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, għall-kuntratti tal-provvista konklużi jew imġedda fl-4 ta’ Awwissu 2024 jew wara, il-produtturi tal-Unjoni u, skont l-Artikolu 27(1), l-importaturi tal-Unjoni għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti l-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam introdotti minnhom fis-suq tal-Unjoni fis-sena kalendarja preċedenti, ikkalkulata f’konformità mal-metodoloġija stabbilita skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.
Għall-kuntratti tal-provvista konklużi qabel l-4 ta’ Awwissu 2024, il-produtturi tal-Unjoni u, skont l-Artikolu 27(1), l-importaturi tal-Unjoni għandhom iwettqu l-isforzi raġonevoli kollha biex jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti l-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam introdotti minnhom fis-suq tal-Unjoni fis-sena kalendarja preċedenti, ikkalkulata f’konformità mal-metodoloġija stabbilita skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Sal-5 ta’ Awwissu 2029 u mbagħad sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, il-produtturi u l-importaturi tal-Unjoni li jintroduċu ż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam fis-suq tal-Unjoni għandhom jirrapportaw kull sena r-riżultati ta’ tali sforzi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti.”;
(b)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Sal-5 ta’ Awwissu 2031 u mbagħad sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, il-produtturi u l-importaturi tal-Unjoni li jintroduċu ż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali u l-faħam fis-suq tal-Unjoni skont il-kuntratti tal-provvista konklużi jew imġedda wara l-5 ta’ Awwissu 2030 għandhom juru lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti li l-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam introdotti fis-suq tal-Unjoni fis-sena kalendarja preċedenti, ikkalkulata f’konformità mal-metodoloġija stabbilita skont il-paragrafu 4, ma taqbiżx il-valuri massimi tal-intensità tal-metan stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 6 biex jippromwovu t-tnaqqis globali tal-emissjonijiet tal-metan għal dawk il-prodotti.”.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President