9.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/10


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Ġunju 2010

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/601/KE dwar il-miżuri ta’ emerġenza rigward l-organiżmu ġenetikament modifikat mhux awtorizzat “LL RICE 601” fi prodotti tar-ross, u li tipprovdi għal testijiet każwali għan-nuqqas ta’ dak l-organiżmu fi prodotti tar-ross

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 3527)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/315/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/601/KE (2) tistipula li kunsinni ta’ prodotti tar-ross li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika u li x’aktarx ikunu mħallta jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk ikunu akkumpanjati b’ċerti dokumenti li juru li l-prodotti kkonċernati ma fihomx l-organiżmu ġenetikament modifikat “LL RICE 601”. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tipprovdi għal ċerti miżuri oħra ta’ kontroll.

(2)

Id-Dipartiment għall-Agrikultura tal-Istati Uniti (USDA) ppubblika r-riżultati tal-investigazzjoni tiegħu dwar, b’mod partikolari, il-preżenza ta’ “LL RICE 601” fir-ross kummerċjali tal-Istati Uniti. Filwaqt li l-mekkaniżmi preċiżi tat-taħlit ma setgħux jiġu stabbiliti, is-sejbiet indikaw li s-sors tat-taħlit ma’ “LL RICE 601” kien limitat.

(3)

Barra dan, il-Federazzjoni tar-Ross tal-Istati Uniti adottat pjan bl-għan li jitneħħa l-“LL RICE 601” mill-kanali tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti. Dan il-pjan inkluda l-ittestjar taż-żrieragħ qabel ma jitħawlu, kif ukoll kontrolli dokumentarji u analitiċi fil-postijiet fejn issir il-kunsinna tal-ħsad.

(4)

Wara l-aħħar emenda fid-Deċiżjoni 2006/601/KE, bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/162/KE (3), ir-riżultati tat-testijiet li saru fuq iż-żrieragħ fl-2008 għall-ħames Stati li jkabbru r-ross, Arkansas, Mississippi, Louisiana, Texas u Missouri, ipprovduti fil-qafas ta’ dak il-pjan, ittestjaw kollha negattivi għall-preżenza ta’ “LL RICE 601”.

(5)

Is-sejbiet u l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Uffiċċju Veterinarju u tal-Ikel li sar fl-2008 u li kien dwar il-valutazzjoni ta’ attivitajiet ta’ kontroll li saru fl-Istati Uniti rigward miżuri ta’ emerġenza għal esportazzjonijiet tar-ross għall-UE [United States 2008-7857] juru li kien hemm stabbilita sistema aċċettabbli fir-rigward tal-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2006/601/KE.

(6)

L-ittestjar mill-Federazzjoni tar-Ross tal-Istati Uniti għall-ħsad tar-ross fl-2009, magħruf ukoll bħala r-ross aħdar, ma sabx lott li kien fiha “LL Rice 601”. Barra minn hekk, l-industrija tal-Istati Uniti indikat li hi kienet se tkompli tapplika l-pjan tagħha għall-ħsad tal-2010 u li tipprovdi testijiet u ċertifikazzjoni qabel l-esportazzjoni anki jekk titneħħa l-miżura, kemm-il darba l-interessi tas-suq jkunu jeħtieġu li l-miżuri jitkomplew.

(7)

Konsegwentament, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-Deċiżjoni 2006/601/KE m’għadhomx jeżistu. Għalhekk dik id-Deċiżjoni għandha titneħħa.

(8)

Minkejja dan, l-Istati Membri għandhom ikomplu jissorveljaw f’livell xieraq ta’ ttestjar każwali, biex jivverifikaw in-nuqqas ta’ prodotti tar-ross mħalltin ma’ “LL RICE 601” fis-suq. Ir-riżultati ta’ din is-sorveljanza għandhom jiġu kkomunikati b’mod mgħaġġel permezz ta’ RASFF lill-Kummissjoni li se tivvaluta jekk teħtieġ li tittieħed aktar azzjoni.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2006/601/KE hija revokata.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom li jkun hemm livell xieraq ta’ tesijiet każwali biex jivverifikaw li fis-suq ma jkunx hemm prodotti tar-ross li fihom, jew huma prodotti minn “LL RICE 601”, b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 244, 7.9.2006, p. 27.

(3)   ĠU L 52, 27.2.2008, p. 25.