2.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/363

tal-1 ta' Marzu 2017

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 rigward l-approvazzjoni speċifika ta' operazzjonijiet b'ajruplani b'magna waħda bit-turbini billejl jew f'kundizzjonijiet meteoroloġiċi tal-istrument u r-rekwiżiti ta' approvazzjoni għat-taħriġ dwar oġġetti perikolużi li għandhom x'jaqsmu ma' operazzjonijiet kummerċjali speċjalizzati, operazzjonijiet mhux kummerċjali ta' inġenji tal-ajru kumplessi u li jaħdmu bil-magni u operazzjonijiet mhux kummerċjali speċjalizzati ta' inġenji tal-ajru kumplessi u li jaħdmu bil-magni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008, il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta r-regoli ta' implimentazzjoni meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-operazzjoni sikura tal-inġenji tal-ajru. Ir-Regolament tal-Kummisjoni (UE) Nru 965/2012 (2) jistabbilixxi dawk il-kundizzjonijiet.

(2)

L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 għat-titjiriet tal-ġarr tan-nies jista' jwassal għal piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-industrija u fuq l-awtoritajiet kompetenti. Sabiex ikun hemm approċċ aktar proporzjonat u bbażat fuq ir-riskju għall-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament, titjiriet ta' darba li ma jġorru l-ebda passiġġieri jew merkanzija fejn l-inġenju tal-ajru jkun ittrasportat għal rinnovament, tiswija, verifiki ta' manutenzjoni, kontrolli, konsenja, esportazzjoni jew għanijiet simili jeħtieġ li jiġu eżentati mill-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(3)

L-istandards u l-prattiki rakkomandati tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), stabbiliti fil-Parti I tal-Anness 6 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f'Chicago fis-7 ta' Diċembru 1944, jinkludu dispożizzjonijiet għall-operazzjoni ta' ajruplani b'magna waħda bit-turbini billejl jew f'kundizzjonijiet meteoroloġiċi tal-istrument. Dawk id-dispożizzjonijiet jinkludu, fost l-oħrajn, rekwiżit li, fl-approvazzjoni ta' operazzjonijiet bħal dawn, l-Istat tal-operatur għandu jiżgura li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet, inklużi dawk relatati ma' tagħmir installat, l-affidabilità tal-magni, il-kontroll tal-magni, proċeduri tal-operaturi u t-taħriġ tal-ekwipaġġ tat-titjira. Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi allinjat ma' dawk id-dispożizzjonijiet, billi jiżgura li l-operazzjonijiet kummerċjali tat-trasport bl-ajru ta' ajruplani b'magna waħda billejl jew f'kundizzjonijiet meteoroloġiċi tal-istrument huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti.

(4)

Dak l-allinjament ifisser li l-possibbiltà li topera, permezz ta' deroga, ajruplani b'magna waħda skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-eżenzjonijiet eżistenti mogħtija mill-Istati Membri skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (3), previsti fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012, m'għadhiex applikabbli. Dik id-dispożizzjoni għalhekk jenħtieġ li titħassar. Dawk l-eżenzjonijiet għall-operazzjoni ta' ajruplani b'magna waħda, inklużi l-kundizzjonijiet stipulati fihom, għandhom ikunu kkunsidrati bħala approvazzjonijiet mill-awtorità kompetenti kif meħtieġ taħt il-qafas legali allinjat għal perjodu xieraq wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel. Wara dak il-perjodu ta' tranżizzjoni, m'għandux jibqa' jkun aktar possibbli li wieħed jistrieħ fuq dawn l-eżenzjonijiet, u minflok, approvazzjonijiet bħal dawn ikunu meħtieġa. Kwalunkwe tibdil rilevanti fl-operazzjoni ta' dawk l-ajruplani matul dak il-perjodu ta' tranżizzjoni għandu jkompli jiġi nnotifikat.

(5)

Operaturi ta' operazzjonijiet kummerċjali speċjalizzati, kif ukoll operaturi li jwettqu operazzjonijiet mhux kummerċjali b'inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni jew operazzjonijiet mhux kummerċjali speċjalizzati b'inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni li ma jittrasportawx oġġetti perikolużi għandhom ikomplu jistabbilixxu u jżommu programmi ta' taħriġ dwar l-oġġetti perikolużi, skont l-Anness III (il-Parti-ORO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012. Madankollu, sabiex jiġi introdott approċċ aktar proporzjonat u bbażat fuq ir-riskju għall-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli, l-awtorità kompetenti ma għandhiex tkun meħtieġa aktar li tapprova tali programmi ta' taħriġ.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 jenħtieġ għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ. B'mod partikolari, l-Anness III (il-Parti-ORO) ta' dak ir-Regolament għandu jiġi emendat biex jiġi adottat approċċ aktar proporzjonat u bbażat fuq ir-riskju għar-rekwiżiti ta' approvazzjoni għal programmi ta' taħriġ dwar l-oġġetti perikolużi u subparti ġdida dwar l-operazzjonijiet ta' ajruplani b'magna waħda bit-turbini għandha tiġi miżjuda fl-Anness V (il-Parti-SPA) tiegħu.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament fir-rigward ta' ajruplani b'magna waħda bit-turbini huma bbażati fuq l-opinjoni (4) maħruġa mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni skont il-punt (b) tal-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 6(3) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   B'deroga mill-Artikolu 5 u mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (*1) dwar il-permess għat-titjir, it-titjiriet marbutin mal-introduzzjoni jew il-modifika ta' tipi ta' inġenji tal-ajru mwettqin mill-organizzazzjonijiet tal-produzzjoni jew mill-organizzazzjonijiet tad-disinn fl-ambitu tal-privileġġi tagħhom, kif ukoll titjiriet li ma jġorru l-ebda passiġġier jew tagħbija fejn l-inġenju tal-ajru jkun ittrasportat għal rinnovament, tiswija, verifiki ta' manutenzjoni, kontrolli, konsenja, esportazzjoni jew għanijiet simili għandhom jiġu operati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta' Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta' inġenji tal-ajru u ta' prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).” "

(2)

L-Artikolu 6(5) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Sat-2 ta' Settembru 2017, l-eżenzjonijiet mogħtija qabel it-22 ta' Marzu 2017 skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91, kif previst fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 kif applikabbli qabel it-22 ta' Marzu 2017, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu l-approvazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) ta' CAT.POL.A.300 tal-Anness IV (il-Parti-CAT). Wara t-2 ta' Settembru 2017, dawk l-eżenzjonijiet m'għandhomx jibqgħu validi għall-operazzjoni ta' ajruplani b'magna waħda.

Jekk kwalunkwe bidla fl-operazzjoni ta' dawk l-ajruplani li taffettwa l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dawk l-eżenzjonijiet hija prevista bejn it-22 ta' Marzu 2017 u t-2 ta' Settembru 2017, dik il-bidla prevista għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija qabel ma tiġi implimentata. Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jivvalutaw il-bidla prevista skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.”

(3)

L-Annessi II, III, IV u V huma emendati f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4)

(4)  L-Opinjoni tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Nru 06/2015 tal-11 ta' Novembru 2015 għal Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi speċjali ta' approvazzjoni għall-operazzjoni ta' inġenji tal-ajru b'magna waħda bit-turbini billejl jew f'kundizzjonijiet meteoroloġiċi tal-istrument.


ANNESS

L-Annessi II, III, IV u V tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness II (il-Parti-ARO), l-Appendiċi II jinbidel b'dan li ġej:

“Appendiċi II

Image 1
Test ta 'immaġni
Image 2
Test ta 'immaġni ” ;

(2)

L-Anness III (il-Parti-ORO) huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt ORO.GEN.110, il-punti (j) u (k) jinbidlu b'dan li ġej:

“(j)

L-operatur għandu jistabbilixxi u jżomm programmi ta' taħriġ dwar l-oġġetti perikolużi għall-persunal, kif inhu meħtieġ mill-istruzzjonijiet tekniċi. Dawn il-programmi ta' taħriġ għandhom ikunu xierqa b'mod proporzjonat għar-responsabbiltajiet tal-persunal. Programmi ta' taħriġ ta' operaturi li jwettqu l-CAT, kemm jekk jittrasportaw oġġetti perikolużi kif ukoll jekk le, u ta' operaturi li jwettqu operazzjonijiet minbarra l-CAT imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-punt ORO.GEN.005 li jittrasportaw oġġetti perikolużi għandhom ikunu suġġetti għall-analiżi u l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti.

(k)

Minkejja l-punt (j), l-operaturi li jwettqu operazzjonijiet kummerċjali bl-inġenji tal-ajru li ġejjin għandhom jiżguraw li l-ekwipaġġ tat-titjira rċieva taħriġ jew struzzjonijiet xierqa dwar l-oġġetti perikolużi, biex ikunu jistgħu jagħrfu oġġetti perikolużi mhux iddikjarati li jiġu mtellgħin abbord minn passiġġieri jew bħala merkanzija:

(1)

glider;

(2)

ballun tal-arja;

(3)

ajruplan b'magna waħda li jaħdem bl-iskrejjen b'massa massima ta' tlugħ iċċertifikata ta' 5 700 kg jew inqas u b'MOPSC ta' 5 jew inqas li jiġi operat f'titjira bit-tlugħ u l-inżul fl-istess ajrudrom jew sit operatorju, skont il-VFR binhar; jew

(4)

ħelikopters ħlief inġenji tal-ajru kumplessi mħaddmin b'magna, b'magna waħda, b'MOPSC ta' 5 jew inqas li jiġi operat f'titjira bit-tlugħ u l-inżul fl-istess ajrudrom jew sit operatorju, skont il-VFR binhar.”;

(b)

fil-punt ORO.FC.A.250, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

Id-detentur ta' CPL(A) (ajruplan) għandu jaġixxi biss bħala kmandant fit-trasport kummerċjali bl-ajru fuq ajruplan bi bdot wieħed jekk tintlaħaq waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

meta jkun qed iġorr passiġġieri b'titjir skont il-VFR barra raġġ ta' 50 NM (90 kilometru) mill-ajrudrom tat-tluq, huwa jkollu għadd minimu ta' ħin tat-titjir fuq l-ajruplani ta' 500 siegħa jew ikollu kwalifika ta' titjir bl-istrumenti valida;

(2)

meta jkun qed jaħdem fuq tip ta' ajruplan b'diversi magni skont l-IFR, huwa jkollu għadd minimu ta' ħin tat-titjir fuq l-ajruplani ta' 700 siegħa, li jinkludu 400 siegħa bħala bdot fil-kmand. Dawn is-sigħat għandhom jinkludu 100 siegħa ta' titjir skont l-IFR u 40 siegħa f'operazzjonijiet b'ajruplani b'diversi magni. L-400 siegħa bħala bdot fil-kmand jistgħu jinbidlu b'sigħat ta' ħidma bħala kobdot f'sistema stabbilita ta' ekwipaġġ b'diversi bdoti li tkun preskritta fil-manwal tal-operat, fuq il-bażi li sagħtejn ta' titjir bħala kobdot jikkorrispondu għal siegħa ta' titjir bħala bdot fil-kmand;

(3)

meta jkun qed jaħdem fuq ajruplan b'magna waħda skont l-IFR, huwa jkollu għadd minimu ta' ħin tat-titjir fuq l-ajruplani ta' 700 siegħa, li jinkludu 400 siegħa bħala bdot fil-kmand. Dawk is-sigħat għandhom jinkludu 100 siegħa ta' titjir skont l-IFR. L-400 siegħa bħala bdot fil-kmand jistgħu jinbidlu b'sigħat ta' ħidma bħala kobdot f'sistema stabbilita ta' ekwipaġġ b'diversi bdoti li tkun preskritta fil-manwal tal-operat, fuq il-bażi li sagħtejn ta' titjir bħala kobdot jikkorrispondu għal siegħa ta' titjir bħala bdot fil-kmand.”;

(3)

L-Anness IV (il-Parti-CAT) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt CAT.OP.MPA.136 jinbidel b'dan li ġej:

“CAT.OP.MPA.136   Rotot u żoni ta' operazzjoni — ajruplani b'magna waħda

Sakemm ma jkunx approvat mill-awtorità kompetenti skont l-Anness V (il-Parti-SPA), is-Subparti L — OPERAZZJONIJIET TA' AJRUPLANI B'MAGNA WAĦDA BIT-TURBINI BILLEJL JEW F'IMC (SET-IMC), l-operatur għandu jiżgura li l-operazzjonijiet ta' ajruplani b'magna waħda jitwettqu biss tul rotot, jew f'żoni, fejn ikun hemm uċuħ ta' art disponibbli li fuqhom jista' jitwettaq inżul ta' emerġenza sikur.”;

(b)

fil-punt CAT.OP.MPA.180, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

F'każ li ma jkunx possibbli li l-ajrudrom tat-tluq jintuża bħala ajrudrom alternattiv għat-tlugħ minħabba raġunijiet meteoroloġiċi jew tal-prestazzjoni, l-operatur għandu jagħżel ajrudrom alternattiv għat-tlugħ ieħor li jkun xieraq u li ma jkunx jinsab 'il bogħod iktar mill-ajrudrom ta' tluq minn punt li jkun:

(1)

gћall-ajruplani b'żewġ magni:

(i)

siegħa titjir f'veloċità regolari b'OEI skont l-AFM, f'kundizzjonijiet standard ta' arja kalma bbażati fuq il-massa effettiva waqt it-tlugħ; jew

(ii)

il-ћin tad-devjazzjoni tal-ETOPS approvat skont is-Subparti F tal-Anness V (il-Parti SPA), suġġett gћal kwalunkwe restrizzjoni tal-MEL, sa massimu ta' sagћtejn, f'veloċità regolari b'OEI skont l-AFM, f'kundizzjonijiet standard ta' arja kalma bbażati fuq il-massa effettiva waqt it-tlugħ;

(2)

gћall-ajruplani bi tliet jew b'erba' magni, sagћtejn titjir f'veloċità regolari b'OEI skont l-AFM, f'kundizzjonijiet standard ta' arja kalma bbażati fuq il-massa effettiva waqt it-tlugħ;

(3)

ġħal operazzjonijiet approvati skont l-Anness V (il-Parti-SPA), is-Subparti L — OPERAZZJONIJIET TA' AJRUPLANI B'MAGNA WAĦDA BIT-TURBINI BILLEJL JEW F'IMC (SET-IMC), 30 minuta ta' titjir f'veloċità regolari normali, f'kundizzjonijiet ta' arja kalma bbażati fuq il-massa effettiva waqt it-tlugħ.

Fil-każ ta' ajruplani b'diversi b'magni, jekk l-AFM ma jkunx jinkludi veloċità regolari b'OEI, il-veloċità li gћandha tintuża gћall-kalkolu gћandu jkun dak li jkun inkiseb meta l-magna/magni li jifdal ikunu stabbiliti b'qawwa massima kontinwa.”;

(c)

fil-punt CAT.POL.A.300, il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

Sakemm ma jkunx approvat mill-awtorità kompetenti skont l-Anness V (il-Parti-SPA), is-Subparti L — OPERAZZJONIJIET TA' AJRUPLANI B'MAGNA WAĦDA BIT-TURBINI BILLEJL JEW F'IMC (SET-IMC), l-operatur m'għandux jopera ajruplan b'magna waħda:

(1)

billejl; jew

(2)

f'IMC, ħlief skont VFR speċjali.”;

(d)

il-punt CAT.POL.A.320 jinbidel b'dan li ġej:

“CAT.POL.A.320   Waqt ir-rotta — ajruplani b'magna waħda

(a)

Fil-kundizzjonijiet meteoroloġiċi mistennija għat-titjira, u f'każ li tiżviluppa ħsara fil-magna, l-ajruplan għandu jkun kapaċi jilħaq post li fih ikun jista' jitwettaq inżul ta' emerġenza sikur, ħlief jekk l-operatur ikun approvat mill-awtorità kompetenti skont l-Anness V (il-Parti-SPA), is-Subparti L — OPERAZZJONIJIET TA' AJRUPLANI B'MAGNA WAĦDA BIT-TURBINI BILLEJL JEW F'IMC (SET-IMC) u jagħmel użu minn perjodu ta' riskju.

(b)

Għall-finijiet tal-punt (a), wieħed għandu jassumi li, fil-punt li fih tiżviluppa l-ħsara fil-magna:

(1)

l-ajruplan ma jkunx qed itir f'altitudni li tkun iktar minn dik li fiha r-rata tat-tlugħ tkun daqs 300 pied kull minuta, meta l-magna tkun qed topera bil-kundizzjonijiet speċifikati tal-qawwa massima kontinwa; u

(2)

ix-xaqliba waqt ir-rotta tkun ix-xaqliba grossa tal-inżul miżjuda b'xaqliba ta' 0,5 %.”;

(4)

fl-Anness V (il-Parti-SPA), is-Subparti L li ġejja hija miżjuda:

“SUBPARTI L

OPERAZZJONIJIET TA' AJRUPLANI B'MAGNA WAĦDA BIT-TURBINI BILLEJL JEW F'KUNDIZZJONIJIET METEOROLOĠIĊI TAL-ISTRUMENT (SET-IMC)

Operazzjonijiet SPA.SET-IMC.100 SET-IMC

F'operazzjonijiet ta' trasport kummerċjali bl-ajru (CAT), ajruplani b'magna waħda bit-turbini għandhom jiġu operati biss billejl jew f'IMC jekk l-operatur ikun ingħata approvazzjoni SET-IMC mill-awtorità kompetenti.

L-approvazzjoni tal-operazzjonijiet SPA.SET-IMC.105 SET-IMC

Sabiex tinkiseb approvazzjoni SET-IMC mingħand l-awtorità kompetenti, l-operatur għandu jipprovdi evidenza li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ġew issodisfati:

(a)

livell aċċettabbli ta' affidabilità tal-magna bit-turbini jkun miksub fis-servizz tal-flotta dinjija għall-kombinazzjoni partikulari tal-qafas/magna tal-inġenju tal-ajru;

(b)

ġew stabbiliti struzzjonijiet speċifiċi tal-manutenzjoni u proċeduri biex jiġu żgurati l-livelli intenzjonati tal-ajrunavigabbiltà kontinwa u tal-affidabilità tal-ajruplan u tas-sistema ta' propulsjoni tiegħu u dawn ġew inklużi fil-programm ta' manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru tal-operatur skont l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1321/2014 (il-Parti-M), inklużi dawn kollha li ġejjin:

(1)

programm ta' monitoraġġ tat-tendenzi tal-magni, ħlief għall-ajruplani li jkunu ingħataw ċertifikat individwali ta' ajrunavigabbiltà l-ewwel darba wara l-31 ta' Diċembru 2004 li għandu jkollhom sistema awtomatika ta' monitoraġġ tat-tendenzi;

(2)

programm ta' affidabilità tas-sistemi ta' propulsjoni u tas-sistemi assoċjati;

(c)

ġew stabbiliti l-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ tat-titjira u programm ta' taħriġ/kontrolli għall-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira li huma involuti f'dawn l-operazzjonijiet;

(d)

ġew stabbiliti proċeduri operattivi li jispeċifikaw dawn kollha li ġejjin:

(1)

it-tagħmir li għandu jinġarr, inklużi l-limitazzjonijiet operattivi tiegħu u l-annotazzjonijiet xierqa tiegħu fl-MEL;

(2)

l-ippjanar tat-titjira;

(3)

il-proċeduri normali;

(4)

il-proċeduri ta' kontinġenza, inklużi l-proċeduri ta' wara falliment tas-sistema ta' propulsjoni, kif ukoll proċeduri ta' nżul ta' emergenza f'kull tip ta' temp;

(5)

il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-inċidenti.

(e)

ġiet imwettqa valutazzjoni tar-riskju għas-sikurezza, inkluża d-determinazzjoni ta' perjodu aċċettabbli ta' riskju jekk operatur ikun bi ħsiebu jagħmel użu minnu.

Rekwiżiti tat-tagħmir SPA.SET-IMC.110 għall-operazzjonijiet SET-IMC

L-ajruplani li jintużaw għal operazzjonijiet SET-IMC kollha għandhom ikunu mgħammra b'dan l-apparat li ġej:

(a)

żewġ sistemi separati tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, kull waħda kapaċi tipprovdi biżżejjed qawwa lill-istrumenti essenzjali kollha tat-titjira tal-ajruplan, lis-sistemi ta' navigazzjoni u lis-sistemi meħtieġa għat-tkomplija ta' titjira lejn id-destinazzjoni jew l-ajrudrom alternattiv;

(b)

żewġ indikaturi tal-attitudni, b'enerġija minn sorsi indipendenti;

(c)

għall-operati tal-passiġġieri, irbit tas-sikurezza fuq l-ispalla jew ċintorin tas-sigurtà bi strixxa djagonali fuq l-ispalla għal kull siġġu tal-passiġġiera;

(d)

tagħmir għall-identifikazzjoni tat-temp abbord;

(e)

f'ajruplan bi pressjoni, biżżejjed ossiġenu supplimentari għall-okkupanti kollha li jippermetti l-inżul, wara ħsara fil-magna bl-altitudni massima ta' titjir f'veloċità regolari ċċertifikata, bl-aħjar medda ta' veloċità tal-igglajdjar u bl-aħjar konfigurazzjoni tal-igglajdjar, jekk wieħed jassumi r-rata massima ta' tnixxija mill-kabina, sakemm jintlaħqu l-altitudnijiet tal-kabina li jistgħu jinżammu taħt it-13 000 pied;

(f)

sistema ta' navigazzjoni taż-żona li tista' tiġi pprogrammata bil-pożizzjonijiet tas-siti tal-iżbark u li tkun gwida laterali lill-ekwipaġġ tat-titjira biex jilħqu dawk is-siti;

(g)

altimetru tar-radju;

(h)

dawl għall-inżul, kapaċi li jdawwal il-punt tal-illandjar fuq il-passaġġ tal-inżul bl-ajruplan mitfi minn 200 pied 'il bogħod;

(i)

sistema ta' provvista tal-elettriku f'emerġenza b'biżżejjed kapaċità u reżistenza li tkun kapaċi tipprovdi l-enerġija, wara l-qtugħ fil-provvista tal-enerġija ġġenerata kollha, lit-tagħbijiet addizzjonali meħtieġa għal dawn kollha li ġejjin:

(1)

l-istrumenti essenzjali tat-titjira u tan-navigazzjoni taż-żona matul l-inżul minn altitudni operattiva massima wara ħsara fil-magna;

(2)

il-mezzi li jipprovdu tentattiv wieħed biex terġa' tibda taħdem il-magna;

(3)

fejn xieraq, l-estensjoni ta' tagħmir għall-inżul u flaps;

(4)

l-użu tal-altimetru tar-radju matul l-avviċinament għall-inżul;

(5)

id-dawl għall-inżul;

(6)

pitot heater wieħed;

(7)

jekk jiġu installati, il-mezzi elettriċi li jagħtu biżżejjed protezzjoni kontra l-indeboliment tal-viżjoni tal-bdot għall-inżul;

(j)

sistema tal-ignixin li tiġi attivata awtomatikament, jew li hija kapaċi li tiġi operata manwalment, għat-tlugħ, l-inżul, u matul it-titjira, f'umdità viżibbli;

(k)

mezz ta' monitoraġġ kontinwu tas-sistema ta' lubrikazzjoni ta' motopropulsjoni biex tinstab il-preżenza ta' residwi assoċjati mal-falliment imminenti ta' komponent ta' sistema tal-mototrażmissjoni, inkluża indikazzjoni ta' attenzjoni tal-kabina tal-ekwipaġġ;

(l)

apparat ta' kontroll tal-qawwa tal-magna tal-emerġenza li jippermetti l-operazzjonijiet kontinwi tal-magna f'medda tal-potenza suffiċjenti biex tkun tista' ssir it-titjira f'każ ta' kwalunkwe ħsara probabbli, b'mod raġjonevoli, tal-unità ta' kontroll tal-fjuwil.”.