Brussell, 4.12.2023

COM(2023) 756 final

2023/0440(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-13-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-13-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ b’konnessjoni mal-adozzjoni prevista ta’ diversi deċiżjonijiet.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“Ftehim tad-WTO”)

Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) għandu l-għan li jilħaq l-objettivi msemmija fil-preambolu tal-Ftehim. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

L-Unjoni Ewropea (UE) hija parti għall-Ftehim 1 . Is-27 Stati Membri kollha huma wkoll partijiet għall-Ftehim. Id-WTO tista’ tieħu deċiżjonijiet f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim tad-WTO.

2.2.Il-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

Il-Konferenza Ministerjali hija l-ogħla korp deċiżjonali tad-WTO u tiltaqa’ mill-inqas darba kull sentejn. Bħala punt tal-liġi u fil-prattika, id-deċiżjonijiet jittieħdu b’konsensus.

Il-laqgħa li jmiss tal-Konferenza Ministerjali se ssir f’Abu Dhabi, l-Emirati Għarab Magħquda mis-26 sad-29 ta’ Frar 2024.

2.3.L-atti previsti tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO

Fid-29 ta’ Frar 2024, it-13-il Konferenza Ministerjali (“MC13”) tad-WTO tista’ tadotta deċiżjonijiet rigward:

1.Riforma tas-soluzzjoni tat-tilwim

2.Sussidji tas-sajd

3.Sigurtà tal-ikel

4.Titjib fit-trasparenza fl-agrikoltura

5.Ħażna pubblika għal skopijiet ta’ sigurtà tal-ikel

6.Appoġġ domestiku fl-agrikoltura

7.Restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fl-agrikoltura

8.Kompetizzjoni fl-esportazzjoni fl-agrikoltura

9.Aċċess għas-suq fl-agrikoltura

10.Il-mekkaniżmu ta’ salvagwardja speċjali (special safeguard mechanism, SSM) fl-agrikoltura

11.Qoton

12.Eżenzjoni minn TRIPS

13.Trattament speċjali u differenzjali

14.Proposta ta’ gradwazzjoni tal-pajjiżi l-inqas żviluppati - “miżuri ta’ appoġġ” f’għadd ta’ ftehimiet u deċiżjonijiet speċifiċi tad-WTO (l-“Anness 2”)

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li l-UE tkun abilitata tingħaqad ma’ konsensus possibbli fid-WTO dwar l-adozzjoni mill-Konferenza Ministerjali tal-atti previsti.

Filwaqt li għadu mhuwiex ċar jekk il-Membri tad-WTO humiex se jkunu jistgħu jilħqu konsensus dwar l-atti previsti, u sa liema punt sa jagħmlu dan, il-pożizzjoni tal-UE fl-MC13 għandha tiġi stabbilita minn qabel mill-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) TFUE. 2  

Jenħtieġ li jiġi nnutat li l-pożizzjoni tal-UE li tappoġġa l-estensjoni tal-moratorju fuq id-dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi u l-estensjoni tal-moratorju fuq ilmenti tat-tipi previsti fis-subparagrafi 1(b) u 1(c) tal-Artikolu XXIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (ilmenti mhux marbuta ma’ vjolazzjoni u lmenti dwar sitwazzjonijiet) mhux se jiġu inklużi f’din il-proposta, peress li d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2236 tas-27 ta’ Novembru 2015 tipprovdi li dan jista’ jsir fuq bażi indefinita.

Din il-proposta tkopri l-kwistjonijiet li ġejjin li dwarhom jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet:

·Riforma tas-soluzzjoni tat-tilwim: Fl-MC12 f’Ġinevra f’Ġunju 2022, il-Membri tad-WTO impenjaw ruħhom li jwettqu diskussjonijiet bil-ħsieb li jkun hemm sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim li tiffunzjona kompletament u tajjeb aċċessibbli għall-Membri kollha sal-2024. Dawn id-diskussjonijiet jinsabu għaddejjin, u l-Unjoni qed tfittex li tirriforma b’mod sinifikanti s-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim sabiex tindirizza l-interessi tal-Membri, filwaqt li tippreserva l-karatteristiċi ewlenin tagħha li jappoġġaw is-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa eżitu maqbul.

·Sussidji tas-sajd: Id-WTO qed tistinka biex tilħaq ftehim multilaterali dwar dispożizzjonijiet addizzjonali li jiksbu ftehim komprensiv dwar is-sussidji tas-sajd f’konformità mal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14 tan-NU Mira 6 (“SDG 14.6”) maqbul mill-Kapijiet ta’ Stat fl-2015. Id-Deċiżjoni Ministerjali tad-WTO tas-17 ta’ Ġunju 2022 (WT/MIN (22)/33) adottat il-Ftehim dwar is-Sussidji tas-Sajd u fl-istess ħin talbet li jintlaħaq ftehim komprensiv dwar is-sussidji tas-sajd. In-negozjati dwar dispożizzjonijiet addizzjonali jinsabu għaddejjin u jenħtieġ li l-UE tappoġġa eżitu maqbul.

·Sigurtà tal-ikel: L-azzjoni tad-WTO hija meħtieġa b’rispons għall-isfidi kurrenti tas-sigurtà tal-ikel, aggravati mill-konsegwenzi tal-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja fl-Ukrajna, f’kuntest ta’ sfidi ambjentali globali. Is-sigurtà tal-ikel hija mistennija li tkun element b’saħħtu tal-eżiti fl-MC13. Barra minn hekk, il-Ministri fl-MC12 endorsjaw Dikjarazzjoni dwar r-Rispons ta’ Emerġenza għall-Insigurtà tal-Ikel (WT/MIN (22)/28, WT/L/1139) li tat struzzjonijiet lill-Kumitat għall-Agrikoltura biex iwettaq programm ta’ ħidma ddedikat biex jeżamina modi biex id-Deċiżjoni dwar Miżuri li Jikkonċernaw l-Effetti Negattivi Possibbli tal-Programm ta’ Riforma fuq Pajjiżi l-Inqas Żviluppati (Least-Developed Countries, LDCs) u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw li Huma Importaturi Netti tal-Ikel (Net Food-Importing Developing Countries, NFIDCs) (id-Deċiżjoni ta’ Marrakexx) issir aktar effettiva u operazzjonali. Fl-istess ħin, il-Membri ngħataw struzzjonijiet biex jikkunsidraw il-ħtiġijiet tal-LDCs u tal-NFIDCs biex iżidu r-reżiljenza tagħhom biex jirrispondu għal instabbiltà akuta tal-ikel, fosthom billi jikkunsidraw l-aħjar użu possibbli tal-flessibbiltajiet biex isaħħu l-produzzjoni agrikola tagħhom u jsaħħu s-sigurtà alimentari domestika tagħhom kif meħtieġ f’emerġenza. Il-membri kollettivament stabbilew skeda ta’ żmien sal-aħħar ta’ Novembru 2023 biex jikkonkludu programm ta’ ħidma u jaslu għal xi rakkomandazzjonijiet komuni. Jenħtieġ li l-UE tappoġġa eżitu maqbul.

·Titjib fit-trasparenza fl-agrikoltura: L-UE temmen li s-sottomissjoni tagħha (RD/AG/110) dwar għodod aħjar għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar politiki fl-agrikoltura tista’ tkun bażi għal deċiżjoni fl-MC13. Din is-sottomissjoni tinkludi ideat konkreti għal titjib fit-trasparenza fl-oqsma tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-kompetizzjoni tal-esportazzjoni. It-titjib fit-trasparenza jista’ jkun element ta’ soluzzjoni komprensiva għall-problemi li qed jiffaċċjaw is-swieq tal-ikel u agrikoli llum u fl-istess ħin parti mis-soluzzjoni għall-isfidi kurrenti tas-sigurtà tal-ikel. Jenħtieġ li l-UE tappoġġa eżitu maqbul f’dan il-qasam. 

·Ħażna pubblika għal skopijiet ta’ sigurtà tal-ikel: In-negozjati għandhom l-għan li jintlaħaq ftehim dwar “soluzzjoni permanenti” li tissodisfa l-għan stabbilit fid-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Bali tas-7 ta’ Diċembru 2013 dwar Ħażna Pubblika għal Skopijiet ta’ Sigurtà tal-Ikel (WT/MIN(13)/38-WT/L/913), kif interpretata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2014 (WT/L/939) sussegwenti. Dan l-għan ġie ripetut fid-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Nairobi tad-19 ta’ Diċembru 2015 (WT/MIN (15)/44-WT/L/979). Jenħtieġ li l-UE tappoġġa eżitu maqbul f’dan il-qasam.

·Appoġġ domestiku fl-agrikoltura: In-negozjati dwar appoġġ domestiku li joħloq distorsjoni kummerċjali huma inkorporati fl-Artikolu 20 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura u kienu parti mill-mandat tal-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp (Doha Development Agenda, DDA), kif imnaqqax fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Doha tal-14 ta’ Novembru 2001 (WT/MIN(01)/DEC/1). Jenħtieġ li l-UE tappoġġa eżitu maqbul f’dan il-qasam.

·Restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fl-agrikoltura: In-negozjati dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fl-agrikoltura wrew li parti kbira mis-Sħubija fid-WTO tappoġġa trasparenza u prevedibbiltà mtejba tal-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, kif ukoll ittejjeb id-dixxiplini rilevanti. Minħabba l-importanza tal-kwistjoni, jenħtieġ li l-UE tkompli tappoġġa l-proposti għal Deċiżjoni Ministerjali dwar din il-kwistjoni, li tista’ tikkostitwixxi element importanti ta’ eżitu tas-sigurtà tal-ikel fl-MC13. Jenħtieġ li l-UE tappoġġa eżitu maqbul.

·Kompetizzjoni fl-esportazzjoni fl-agrikoltura: Hemm il-ħtieġa li jsir titjib kemm fit-trasparenza kif ukoll fid-dixxiplini fil-kompetizzjoni tal-esportazzjoni. Hemm xi ċans ta’ progress fit-titjib fit-trasparenza għall-MC13. Fil-fatt, l-UE inkludiet diversi ideat f’dan ir-rigward fis-sottomissjoni tagħna (RD/AG/110) dwar għodod aħjar għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar politiki fl-agrikoltura. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa eżitu maqbul.

·Aċċess għas-suq fl-agrikoltura: Id-diskussjonijiet rigward in-negozjati dwar l-aċċess għas-suq fl-agrikoltura kkonfermaw li hemm xewqa jew opportunità realistika limitata għal kwalunkwe qawmien mill-ġdid tan-negozjati dwar it-tnaqqis sostanzjali tat-tariffi fid-WTO fi żmien qasir. Madankollu, l-aċċess għas-suq għadu parti mill-bilanċ fir-rigward ta’ oqsma oħra, b’mod partikolari l-appoġġ domestiku. Jenħtieġ li l-UE tappoġġa eżitu maqbul.

·Mekkaniżmu ta’ salvagwardja speċjali (SSM) fl-agrikoltura: Id-diskussjonijiet dwar il-Mekkaniżmu ta’ Salvagwardja Speċjali (SSM) fl-agrikoltura komplew skont il-proposti ppreżentati u d-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Nairobi (WT/MIN (15)/43 — WT/L/978). L-UE għandha interess li tiżgura li l-SSM ma jiġix negozjat bħala element awtonomu, iżda pjuttost bħala parti min-negozjati usa’ dwar l-aċċess għas-suq. Jenħtieġ li l-UE tappoġġa eżitu maqbul.

·Qoton: Id-diskussjonijiet dwar il-qoton komplew fil-qafas stabbilit fil-paragrafi 5, 6 u 7 tad-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Bali dwar il-Qoton (WT/MIN (13)/41 - WT/L/916) u fil-paragrafu 14 tad-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Nairobi dwar il-Qoton (WT/MIN (15)/46 - WT/L/981). Jenħtieġ li l-UE tappoġġa eżitu maqbul f’dan il-qasam.

·Eżenzjoni minn TRIPS: In-negozjati huma parti mid-diskussjonijiet li għaddejjin fid-WTO dwar kif is-sistema kummerċjali tista’ ttejjeb l-aċċess globali għall-vaċċini mediċi kontra l-COVID-19, id-dijanjostika u t-terapewtika. Il-MC12 adottat id-Deċiżjoni Ministerjali rigward il-possibbiltà li l-Membri eliġibbli tad-WTO jawtorizzaw lill-manifatturi tagħhom jipproduċu vaċċini kontra l-COVID-19 mingħajr il-kunsens tas-sidien tal-privattivi. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tad-Deċiżjoni TRIPS ikopri l-vaċċini kontra l-COVID-19 kif ukoll l-ingredjenti u l-proċessi neċessarji għall-manifattura tagħhom. Fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni TRIPS, ma kien hemm l-ebda kunsens fost il-Membri tad-WTO biex jiġu koperti wkoll id-dijanjostika u t-terapewtika tal-COVID-19. Bħala parti mill-kompromess, id-Deċiżjoni TRIPS tistipula li mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tad-Deċiżjoni TRIPS, il-Membri se jiddeċiedu dwar l-estensjoni tagħha biex tkopri l-produzzjoni u l-provvista tad-dijanjostika u t-terapewtika tal-COVID-19. Minkejja d-diskussjonijiet li kienu għaddejjin bejn Lulju u Diċembru 2022, ma ntlaħaq l-ebda kunsens fost il-Membri tad-WTO. Il-Kunsill Ġenerali tad-WTO f’Diċembru 2022 qabel li jkompli d-diskussjoni iżda mingħajr ma ddeċieda dwar l-iskadenza għall-finalizzazzjoni tan-negozjati. Huwa mistenni li d-deċiżjoni dwar jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni TRIPS għandux jiġi estiż għad-dijanjostika u t-terapewtika tal-COVID-19 tittieħed fl-MC13.

Minħabba l-importanza ta’ din il-kwistjoni, l-UE jenħtieġ li tingħaqad ma’ kunsens possibbli fid-WTO dwar l-adozzjoni mill-MC13 tal-att previst. Fl-istess ħin, l-eżitu tad-diskussjonijiet fost il-Membri tad-WTO jenħtieġ li jsib bilanċ tajjeb bejn l-indirizzar tal-emerġenza tas-saħħa pubblika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u ż-żamma ta’ inċentivi għall-innovazzjoni fil-qasam tas-saħħa.

·Trattament speċjali u differenzjali (Special and differential treatment, SDT): In-negozjati dwar id-dispożizzjonijiet tal-SDT anki fil-kuntest tad-diskussjonijiet ta’ xi proposti mill-G-90 (il-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku) dwar miżuri sanitarji u fitosanitarji (sanitary and phytosanitary measures, SPS) u l-ostakli tekniċi għall-kummerċ (technical barriers to trade, TBT) u l-proposti tal-ispazju ta’ politika mill-Grupp Afrikan f’oqsma bħas-sussidji, il-miżuri ta’ investiment relatati mal-kummerċ (trade-related investment measures, TRIMS) u t-trasferiment tat-teknoloġija fl- aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (trade-related aspects of intellectual property rights, TRIPS) jistgħu jirriżultaw f’eżitu ministerjali fl-MC13 pereżempju billi jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet eżistenti jew billi jingħata SDT addizzjonali għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati (LDCs) u ċerti pajjiżi li qed jiżviluppaw. Minħabba d-diverġenza tal-pożizzjonijiet fin-negozjati, l-UE tara bħala eżitu possibbli li dawn is-suġġetti jsiru parti minn programm ta’ ħidma ta’ wara l-MC13 jew eżiti oħra li ma jimplikawx tibdil fil-ftehimiet tad-WTO.

·Proposta ta’ gradwazzjoni tal-pajjiżi l-inqas żviluppati - “miżuri ta’ appoġġ” f’għadd ta’ ftehimiet u deċiżjonijiet speċifiċi tad-WTO (l-“Anness 2”): Għaddejjin negozjati dwar proposti mill-Grupp tal-LDC, elenkati fl-Anness 2, dwar il-miżuri ta’ appoġġ li ġejjin għal tranżizzjoni b’inqas intoppi għall-membri tad-WTO li jiggradwaw mill-kategorija LDC: i) estensjoni għal perjodu ta’ żmien xieraq id-dispożizzjonijiet SDT f’għadd ta’ ftehimiet u deċiżjonijiet speċifiċi tad-WTO; ii) dawn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet speċifikati jkunu eżenti minn azzjonijiet skont il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO għal perjodu ta’ żmien xieraq; u iii) ikun żgurat li jkompli l-aċċess għall-assistenza teknika kollha speċifika għal-LDC u għall-programmi u l-faċilitajiet għall-bini tal-kapaċità pprovduti fis-sistema tad-WTO għal perjodu ta’ żmien xieraq. Jekk ikun meħtieġ eżitu ministerjali, l-UE għandha tappoġġa eżitu maqbul. Tali eżitu jista’ jestendi ċerti dispożizzjonijiet tal-LDC għal pajjiżi gradwati reċentement għal perjodu ta’ żmien strettament limitat.

Billi bħalissa għaddejjin negozjati dwar l-elementi kollha msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tistenna li l-Kunsill jieħu d-deċiżjoni tiegħu rigward il-pożizzjoni tal-UE dwar l-eżitu tan-negozjati ladarba s-sitwazzjoni rigward it-testi rilevanti tkun ċara matul il-Konferenza Ministerjali stess.

L-inizjattiva hija kompletament konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti. Tħejjew deċiżjonijiet simili għal Konferenzi Ministerjali tad-WTO preċedenti, inkluż l-aktar waħda riċenti għat-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO fl-2022.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE” 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Konferenza Ministerjali tad-WTO hija korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim tad-WTO, li skont l-Artikolu IV:1 tal-Ftehim tad-WTO għandha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha koperti taħt kwalunkwe wieħed mill-ftehimiet kummerċjali multilaterali, inkluż id-deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali.

L-atti previsti msemmija hawn fuq jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali, peress li dawn jistgħu jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni bis-saħħa tad-dritt internazzjonali.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-għan ewlieni u l-kontenut tal-atti previsti huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207 TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

2023/0440 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-13-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Ftehim ta’ Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) kien konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 4 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2)Skont l-Artikoli IV:1 u IX:1 tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) tista’ tadotta deċiżjonijiet b’konsensus.

(3)Il-Konferenza Ministerjali tad-WTO, matul it-13-il laqgħa tagħha bejn is-26 u d-29 ta’ Frar 2024, tista’ tadotta deċiżjonijiet dwar ir-riforma tas-soluzzjoni tat-tilwim, is-sussidji tas-sajd, il-kummerċ u s-sigurtà tal-ikel, it-titjib fit-trasparenza fl-agrikoltura, il-ħażna pubblika għal skopijiet ta’ sigurtà tal-ikel, l-appoġġ domestiku fl-agrikoltura, ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fl-agrikoltura, il-kompetizzjoni fl-esportazzjoni fl-agrikoltura, l-aċċess għas-suq fl-agrikoltura, il-mekkaniżmu speċjali ta’ salvagwardja (special safeguard mechanism, SSM) fl-agrikoltura, il-qoton, eżenzjoni minn TRIPS, u t-trattament speċjali u differenzjali, il-proposta dwar il-gradwazzjoni tal-pajjiżi l-inqas żviluppati - l-Anness 2.

(4)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO, billi d-deċiżjonijiet huma vinkolanti fuq l-Unjoni.

(5)Id-diskussjonijiet dwar ir-riforma tas-soluzzjoni tat-tilwim saru b’segwitu ta’ impenn tal-Membri fl-MC12 “li jwettqu diskussjonijiet bil-ħsieb li jkun hemm sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim li tiffunzjona kompletament u tajjeb aċċessibbli għall-Membri kollha sal-2024.” (WT/MIN(22)/W/16). Dawn id-diskussjonijiet jinsabu għaddejjin, u l-Unjoni qed tfittex li tirriforma b’mod sinifikanti s-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim sabiex tindirizza l-interessi tal-Membri, filwaqt li tippreserva l-karatteristiċi ewlenin tagħha li jappoġġaw is-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa eżitu maqbul.

(6)Id-WTO qed tistinka biex tilħaq ftehim multilaterali dwar dispożizzjonijiet addizzjonali li jiksbu ftehim komprensiv dwar is-sussidji tas-sajd f’konformità mal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14 tan-NU Mira 6 (“SDG 14.6”) maqbul mill-Kapijiet ta’ Stat fl-2015. Id-Deċiżjoni Ministerjali tad-WTO tas-17 ta’ Ġunju 2022 (WT/MIN (22)/33) adottat il-Ftehim dwar is-Sussidji tas-Sajd u fl-istess ħin talbet li jintlaħaq ftehim komprensiv dwar is-sussidji tas-sajd. In-negozjati dwar dispożizzjonijiet addizzjonali jinsabu għaddejjin u jenħtieġ li l-UE tappoġġa eżitu maqbul.

(7)L-azzjoni tad-WTO hija meħtieġa b’rispons għall-isfidi kurrenti tas-sigurtà tal-ikel, aggravati mill-konsegwenzi tal-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja fl-Ukrajna, f’kuntest ta’ sfidi ambjentali globali, it-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali relatati, it-telf tal-bijodiversità u t-tniġġis. Is-sigurtà tal-ikel hija mistennija li tkun element b’saħħtu tal-eżiti fl-MC13. Barra minn hekk, il-Ministri fl-MC12 endorsjaw Dikjarazzjoni dwar r-Rispons ta’ Emerġenza għall-Insigurtà tal-Ikel (WT/MIN (22)/28, WT/L/1139) li tat struzzjonijiet lill-Kumitat għall-Agrikoltura biex iwettaq programm ta’ ħidma ddedikat biex jeżamina modi biex id-Deċiżjoni dwar Miżuri li Jikkonċernaw l-Effetti Negattivi Possibbli tal-Programm ta’ Riforma fuq Pajjiżi l-Inqas Żviluppati (Least-Developed Countries, LDCs) u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw li Huma Importaturi Netti tal-Ikel (Net Food-Importing Developing Countries, NFIDCs) (id-Deċiżjoni ta’ Marrakexx) issir aktar effettiva u operazzjonali. Fl-istess ħin, il-Membri ngħataw struzzjonijiet biex jikkunsidraw il-ħtiġijiet tal-LDCs u tal-NFIDCs biex iżidu r-reżiljenza tagħhom biex jirrispondu għal instabbiltà akuta tal-ikel, fosthom billi jikkunsidraw l-aħjar użu possibbli tal-flessibbiltajiet biex isaħħu l-produzzjoni agrikola tagħhom u jsaħħu s-sigurtà alimentari domestika tagħhom kif meħtieġ f’emerġenza. Il-membri kollettivament stabbilew skeda ta’ żmien sal-aħħar ta’ Novembru 2023 biex jikkonkludu programm ta’ ħidma u jaslu għal xi rakkomandazzjonijiet komuni. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa eżitu maqbul.

(8)Is-sottomissjoni tal-Unjoni (RD/AG/110) dwar għodod aħjar għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar politiki fl-agrikoltura hija bażi għal deċiżjoni fl-MC13. Din is-sottomissjoni tinkludi ideat konkreti għal titjib fit-trasparenza fl-oqsma tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-kompetizzjoni tal-esportazzjoni. It-titjib fit-trasparenza jista’ jkun element ta’ soluzzjoni komprensiva għall-problemi li qed jiffaċċjaw is-swieq tal-ikel u agrikoli llum u fl-istess ħin parti mis-soluzzjoni għall-isfidi kurrenti tas-sigurtà tal-ikel. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa eżitu maqbul f’dan il-qasam.

(9)In-negozjati dwar ħażna pubblika għal skopijiet ta’ sigurtà tal-ikel għandhom l-għan li jintlaħaq ftehim dwar “soluzzjoni permanenti” li tissodisfa l-għan stabbilit fid-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Bali tas-7 ta’ Diċembru 2013 dwar Ħażna Pubblika għal Skopijiet ta’ Sigurtà tal-Ikel (WT/MIN(13)/38-WT/L/913), kif interpretata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2014 (WT/L/939) sussegwenti. Dan l-għan ġie ripetut fid-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Nairobi tad-19 ta’ Diċembru 2015 (WT/MIN (15)/44-WT/L/979). Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa eżitu maqbul.

(10)In-negozjati dwar appoġġ domestiku li joħloq distorsjoni kummerċjali huma inkorporati fl-Artikolu 20 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura u kienu parti mill-mandat tal-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp (Doha Development Agenda, DDA), kif imnaqqax fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Doha tal-14 ta’ Novembru 2001 (WT/MIN(01)/DEC/1). Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa eżitu maqbul f’dan il-qasam.

(11)In-negozjati dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fl-agrikoltura wrew li parti kbira mis-Sħubija fid-WTO tappoġġa trasparenza u prevedibbiltà mtejba tal-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, kif ukoll ittejjeb id-dixxiplini rilevanti. Minħabba l-importanza tal-kwistjoni, jenħtieġ li l-Unjoni tkompli tappoġġa l-proposta għal Deċiżjoni Ministerjali dwar din il-kwistjoni, li tista’ tikkostitwixxi element importanti ta’ pakkett tas-sigurtà tal-ikel fl-MC13. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa eżitu maqbul.

(12)Hemm il-ħtieġa li jsir titjib kemm fit-trasparenza kif ukoll fid-dixxiplini fil-kompetizzjoni tal-esportazzjoni. Hemm xi ċans ta’ progress fit-titjib fit-trasparenza għall-MC13. Fil-fatt, l-Unjoni inkludiet diversi ideat f’dan ir-rigward fis-sottomissjoni tagħha (RD/AG/110) dwar għodod aħjar għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar politiki fl-agrikoltura. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa eżitu maqbul.

(13)Id-diskussjonijiet rigward in-negozjati dwar l-aċċess għas-suq fl-agrikoltura kkonfermaw li hemm opportunità realistika limitata li jerġgħu jibdew xi negozjati dwar it-tnaqqis sostanzjali tat-tariffi fid-WTO fi żmien qasir. Madankollu, l-aċċess għas-suq għadu parti mill-bilanċ fir-rigward ta’ oqsma oħra, b’mod partikolari l-appoġġ domestiku. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa eżitu maqbul.

(14)Id-diskussjonijiet dwar il-Mekkaniżmu ta’ Salvagwardja Speċjali (SSM) fl-agrikoltura komplew skont il-proposti ppreżentati u d-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Nairobi (WT/MIN (15)/43 — WT/L/978). L-Unjoni għandha interess li tiżgura li l-SSM ma jiġix negozjat bħala element awtonomu, iżda pjuttost bħala parti min-negozjati usa’ dwar l-aċċess għas-suq. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa eżitu maqbul.

(15)Id-diskussjonijiet dwar il-qoton komplew fil-qafas stabbilit fil-paragrafi 5, 6 u 7 tad-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Bali dwar il-Qoton (WT/MIN (13)/41 - WT/L/916) u fil-paragrafu 14 tad-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Nairobi dwar il-Qoton (WT/MIN (15)/46 - WT/L/981). Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa eżitu maqbul f’dan il-qasam.

(16)In-negozjati huma parti mid-diskussjonijiet li għaddejjin fid-WTO dwar kif is-sistema kummerċjali tista’ ttejjeb l-aċċess globali għall-vaċċini mediċi kontra l-COVID-19, id-dijanjostika u t-terapewtika. Il-MC12 adottat id-Deċiżjoni Ministerjali rigward il-possibbiltà li l-Membri eliġibbli tad-WTO jawtorizzaw lill-manifatturi tagħhom jipproduċu vaċċini kontra l-COVID-19 mingħajr il-kunsens tas-sidien tal-privattivi. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tad-Deċiżjoni TRIPS ikopri l-vaċċini kontra l-COVID-19 kif ukoll l-ingredjenti u l-proċessi neċessarji għall-manifattura tagħhom. Fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni TRIPS, ma kien hemm l-ebda kunsens fost il-Membri tad-WTO biex jiġu koperti wkoll id-dijanjostika u t-terapewtika tal-COVID-19. Bħala parti mill-kompromess, id-Deċiżjoni TRIPS tistipula li mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tad-Deċiżjoni TRIPS, il-Membri se jiddeċiedu dwar l-estensjoni tagħha biex tkopri l-produzzjoni u l-provvista tad-dijanjostika u t-terapewtika tal-COVID-19. Minkejja d-diskussjonijiet li kienu għaddejjin bejn Lulju u Diċembru 2022, ma ntlaħaq l-ebda kunsens fost il-Membri tad-WTO. Il-Kunsill Ġenerali tad-WTO f’Diċembru 2022 qabel li jkompli d-diskussjoni iżda mingħajr ma ddeċieda dwar l-iskadenza għall-finalizzazzjoni tan-negozjati. Huwa mistenni li d-deċiżjoni dwar jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni TRIPS għandux jiġi estiż għad-dijanjostika u t-terapewtika tal-COVID-19 tittieħed fl-MC13. Minħabba l-importanza ta’ din il-kwistjoni, l-UE jenħtieġ li tingħaqad ma’ kunsens possibbli fid-WTO dwar l-adozzjoni mill-MC13 tal-att previst. Fl-istess ħin, l-eżitu tad-diskussjonijiet fost il-Membri tad-WTO jenħtieġ li jsib bilanċ tajjeb bejn l-indirizzar tal-emerġenza tas-saħħa pubblika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u ż-żamma ta’ inċentivi għall-innovazzjoni fil-qasam tas-saħħa.

(17)In-negozjati dwar id-dispożizzjonijiet għal trattament speċjali u differenzjali (special and differential treatment, SDT) anki fil-kuntest tad-diskussjonijiet ta’ xi proposti mill-G-90 (il-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku) dwar miżuri sanitarji u fitosanitarji (sanitary and phytosanitary measures, SPS) u l-ostakli tekniċi għall-kummerċ (technical barriers to trade, TBT) u l-proposti tal-ispazju ta’ politika mill-Grupp Afrikan f’oqsma bħas-sussidji, il-miżuri ta’ investiment relatati mal-kummerċ (TRIMS) u t-trasferiment tat-teknoloġija fl-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS) jistgħu jirriżultaw f’eżitu ministerjali fl-MC13 pereżempju billi jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet eżistenti jew billi jingħata SDT addizzjonali għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati (LDCs) u ċerti pajjiżi li qed jiżviluppaw. Minħabba d-diverġenza tal-pożizzjonijiet fin-negozjati, l-UE tara bħala eżitu possibbli li dawn is-suġġetti jsiru parti minn programm ta’ ħidma ta’ wara l-MC13 jew eżiti oħra li ma jimplikawx tibdil fil-ftehimiet tad-WTO.

(18)Għaddejjin negozjati dwar proposti mill-Grupp tal-LDC, elenkati fl-Anness 2, dwar il-miżuri ta’ appoġġ li ġejjin għal tranżizzjoni b’inqas intoppi għall-membri tad-WTO li jiggradwaw mill-kategorija LDC: i) estensjoni għal perjodu ta’ żmien xieraq id-dispożizzjonijiet SDT f’għadd ta’ ftehimiet u deċiżjonijiet speċifiċi tad-WTO; ii) dawn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet speċifikati jkunu eżenti minn azzjonijiet skont il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO għal perjodu ta’ żmien xieraq; u iii) ikun żgurat li jkompli l-aċċess għall-assistenza teknika kollha speċifika għal-LDC u għall-programmi u l-faċilitajiet għall-bini tal-kapaċità pprovduti fis-sistema tad-WTO għal perjodu ta’ żmien xieraq. Jekk ikun meħtieġ eżitu ministerjali, l-UE għandha tappoġġa eżitu maqbul. Tali eżitu jista’ jestendi ċerti dispożizzjonijiet tal-LDC għal pajjiżi gradwati reċentement għal perjodu ta’ żmien strettament limitat.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-13-il sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO għandha tkun:

Li tingħaqad mal-kunsens milħuq fost il-Membri tad-WTO bil-ħsieb li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar ir-riforma tas-soluzzjoni tat-tilwim, is-sussidji tas-sajd, il-kummerċ u s-sigurtà tal-ikel, it-titjib fit-trasparenza fl-agrikoltura, il-ħażna pubblika għal skopijiet ta’ sigurtà tal-ikel, l-appoġġ domestiku fl-agrikoltura, ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fl-agrikoltura, il-kompetizzjoni fl-esportazzjoni fl-agrikoltura, l-aċċess għas-suq fl-agrikoltura, il-mekkaniżmu speċjali ta’ salvagwardja (SSM) fl-agrikoltura, il-qoton, eżenzjoni minn TRIPS, u t-trattament speċjali u differenzjali, il-proposta dwar il-gradwazzjoni tal-pajjiżi l-inqas żviluppati – “miżuri ta’ appoġġ” f’għadd ta’ ftehimiet u deċiżjonijiet speċifiċi tad-WTO (l-“Anness 2”).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill  94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1.
(2)    Sal-punt li, għall-kuntrarju tal-aspettattivi kurrenti, il-konsensus kien formalizzat fi ftehim internazzjonali li jemenda l-ftehim tad-WTO jew fi ftehim internazzjonali plurilaterali bejn uħud mill-Membri tad-WTO, il-Kummissjoni tagħmel il-proposti neċessarji f’konformità mal-Artikolu 218(6) TFUE wara l-adozzjoni tat-testi u tal-ftuħ tagħhom għall-aċċettazzjoni mill-MC13 jew mill-membri tad-WTO kkonċernati matul l-MC13.
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4)    ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1.