|
7.6.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 147/2 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1101
tas-6 ta’ Ġunju 2023
li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa fuq l-ikel u li tirreferi għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u partikolarment l-Artikolu 17(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jsiru fuq il-prodotti tal-ikel huma pprojbiti sakemm ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dak ir-Regolament u inklużi f’lista tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet permessi. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprevedi wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jistgħu jiġu sottomessi mill-operaturi tan-negozji tal-ikel lill-awtorità kompetenti nazzjonali ta’ Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tgħaddi l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). |
|
(3) |
Wara li tirċievi l-applikazzjoni, l-Awtorità għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, u tagħti opinjoni fuq l-indikazzjoni dwar is-saħħa kkonċernata. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa filwaqt li tikkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità. |
|
(5) |
Wara applikazzjoni mill-Istitut Internazzjonali għas-Saħħa Ambjentali u Pubblika ta’ Ċipru, tal-Università tat-Teknoloġija ta’ Ċipru, sottomessa skont l-Artikolu 14(1), il-punt (b), tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni dwar is-sostanzjar xjentifiku ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa marbuta mal-ikel organiku u l-kontribut tiegħu għall-protezzjoni taċ-ċelloli u l-molekuli tal-ġisem (il-lipidi u d-DNA) mill-ħsara ossidattiva, u li l-popolazzjoni fil-mira tiegħu huma t-tfal b’saħħithom ta’ bejn it-3 snin u l-15-il sena (il-Mistoqsija Nru EFSA-Q-2021-00055). L-indikazzjoni proposta mill-applikant kienet kif ġej: “L-ikel organiku (livelli aktar baxxi ta’ residwi tal-pestiċidi minn dawk fl-ikel konvenzjonali) jikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċelloli u l-molekuli tal-ġisem (il-lipidi u d-DNA) mill-ħsara ossidattiva”. |
|
(6) |
Fl-20 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità (2) dwar dik l-indikazzjoni. F’dik l-opinjoni, l-Awtorità nnotat li l-livell ta’ residwi tal-pestiċidi meħtieġ biex l-ikel jiġi kkaratterizzat bħala “organiku” ma ġie speċifikat la fl-applikazzjoni u lanqas fl-istudji fuq il-bnedmin sottomessi għas-sostanzjar tal-indikazzjoni dwar is-saħħa, u kkonkludiet li, abbażi tad-data ppreżentata, l-ikel/l-“ikel organiku” kostitwenti, li huwa s-suġġett tal-indikazzjoni dwar is-saħħa, mhuwiex ikkaratterizzat biżżejjed u għalhekk ma tistax tiġi stabbilita relazzjoni ta’ kawża u effett bejn il-konsum tal-ikel organiku u l-protezzjoni taċ-ċelloli tal-ġisem u l-molekuli (il-lipidi u d-DNA) mill-ħsara ossidattiva. Għaldaqstant, billi l-indikazzjoni dwar is-saħħa mhijiex konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 għall-inklużjoni fil-lista tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi, jenħtieġ li ma tiġix awtorizzata. |
|
(7) |
Mal-pubblikazzjoni ta’ dik l-Opinjoni, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-indikazzjoni dwar is-saħħa stipulata fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi kif previst fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.
(2) EFSA Journal 2021; 19(10):6847.
ANNESS
Indikazzjoni dwar is-saħħa miċħuda
|
Applikazzjoni — Dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 |
Nutrijent, sustanza, ikel jew kategorija tal-ikel |
Indikazzjoni |
Referenza tal-opinjoni tal-EFSA |
|
Indikazzjoni dwar is-saħħa tal-Artikolu 14(1), il-punt (b) li tirreferi għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal |
Ikel organiku |
L-ikel organiku (livelli aktar baxxi ta’ residwi tal-pestiċidi minn dawk fl-ikel konvenzjonali) jikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċelloli u l-molekuli tal-ġisem (il-lipidi u d-DNA) mill-ħsara ossidattiva |
Q-2021-00055 |