|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2514 |
23.12.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2514
tad-29 ta’ Lulju 2025
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2022/2202 billi jaġġorna l-lista tal-proġetti transfruntiera magħżula fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(1)(b) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/1153 jistabbilixxi kategorija ta’ proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni, għat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija u għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2021/1153, dawk il-proġetti transfruntiera jiġu stabbiliti bi ftehim ta’ kooperazzjoni bejn żewġ Stati Membri jew aktar, jew bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar, kif stabbilit fl-Artikoli 8, 9, 11 u 13 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(2) |
L-għażla tal-proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli hija soġġetta għall-kriterji ġenerali u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1153 u għal kriterji speċifiċi tal-għażla u dettalji tal-proċess tal-għażla ulterjuri stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/342 (3). |
|
(3) |
Il-proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli jintgħażlu u jiġu inklużi f’lista mfassla apposta permezz ta’ atti delegati. |
|
(4) |
L-inklużjoni tal-proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli fil-lista tagħmilhom eliġibbli biex japplikaw għall-finanzjament mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (4). |
|
(5) |
Wara sejħa għal proposti ppubblikata fit-3 ta’ Settembru 2024 u li għalqet fis-7 ta’ Jannar 2025, intgħażlu ħames proġetti transfruntiera ġodda tal-enerġija rinnovabbli. Il-proġetti magħżula ġew ivvalutati minn esperti esterni u minn esperti mill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent u mill-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari fir-rigward tal-isfruttament kosteffettiv tal-enerġija rinnovabbli u l-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ teknoloġiji differenti tal-enerġija rinnovabbli, inkluż l-enerġija eolika lil hinn mill-kosta u fuq l-art. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni nnotifikat ir-riżultati tal-valutazzjoni relatati mal-proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli ġodda magħżula lill-Grupp ta’ Esperti stabbilit bir-Regolament Delegat (UE) 2022/342, l-att delegat li jissupplimenta l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fir-rigward tal-kriterji tal-identifikazzjoni u l-proċess għall-proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli. Wara l-ftehim tal-grupp għall-proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli msemmija fl-Anness, il-Parti IV, il-punt 4(b), tar-Regolament (UE) 2021/1153, il-proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli ġodda magħżula jenħtieġ li jiġu inklużi fil-lista. |
|
(7) |
L-inklużjoni tal-proġetti fil-lista tal-proġetti transfruntiera tal-enerġija rinnovabbli hija soġġetta għall-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni, inkluż mal-eżitu tal-valutazzjoni ambjentali u l-proċeduri tal-permessi rilevanti. |
|
(8) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2202 (5) jiġi emendat kif xieraq, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2202 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 1
Il-lista tal-proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija magħżula skont il-Parti IV, il-punt 4(g) tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/1153 għandha tkun kif ġej:
|
Numru tal-proġett |
Isem il-proġett |
Żviluppaturi tal-proġett |
Pajjiżi parteċipanti |
|
2022-05 |
ELWIND – Proġett ibridu konġunt bejn l-Estonja u l-Latvja għall-enerġija eolika lil hinn mill-kosta |
Il-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Komunikazzjoni tal-Estonja; il-Ministeru għall-Ekonomija tar-Repubblika tal-Latvja |
L-Estonja u l-Latvja |
|
2022-07 |
CICERONE-CEO – Alleanza għal katina tal-valur Ewropea u transfruntiera tal-idroġenu ekoloġiku |
EON.SE; IBERDROLA CLIENTES S.A.U. |
Il-Ġermanja, Spanja u n-Netherlands |
|
2022-10 |
UNITED HEAT – Tisħin distrettwali newtrali għall-klima fil-belt Ewropea ta’ Goerlitz Zgorzelec – |
Stadtwerke Görlitz AG; SEC Zgorzelec Sp. z o.o. |
Il-Ġermanja u l-Polonja |
|
2023-2 |
ULP-RES WP – Il-park eoliku ta’ Utilitas Lode-Penuja RES |
Utilitas Wind SIA; Utilitas Wind OÜ |
Il-Latvja u l-Estonja |
|
2023-3 |
SLOWP – Il-park eoliku lil hinn mill-kosta ta’ Saare-Liivi |
Utilitas Wind OÜ |
Il-Lussemburgu u l-Estonja |
|
2023-6 |
TMNHSA – Assemblaġġ tal-Istrutturi Idrawliċi ta’ Turnu Magurele – Nikopol |
Natsionalna Elektricheska Kompania EAD; S.P.E.E.H. HIDROELECTRICA S.A. |
Il-Bulgarija u r-Rumanija |
|
2023-7 |
BEI – Il-gżira tal-enerġija ta’ Bornholm |
Il-Ministeru għall-Klima, l-Enerġija u l-Utilitajiet |
Id-Danimarka u l-Ġermanja |
|
2023-9 |
PONTIS – Progress fir-rigward tat-trasferiment tal-enerġija rinnovabbli għall-provvista internazzjonali f’Ewropa konnessa |
Iberdrola Clientes SAU; Mitsubishi Corporation |
Spanja u n-Netherlands |
|
2024-1 |
CORES – Studji Komprensivi dwar il-Potenzjal tal-Enerġija Rinnovabbli lil hinn mill-Kosta |
DGEG – Direção Geral de Energia e Geologia |
Il-Portugall u l-Lussemburgu |
|
2024-2 |
Ġenerazzjoni Rinnovabbli Medlink – MedGen |
Zhero Europe B.V: Entità legali privata fi Stat Membru (NL – koordinatur) Medlinks Algeria B.V.: Entità legali privata fi Stat Membru (NL – promotur) Medlinks Tunisia B.V: Entità legali privata fi Stat Membru (NL – promotur) |
L-Italja, l-Alġerija u t-Tuneżija |
|
2024-3 |
Il-park eoliku ta’ Utilitas Eleja-Joniski – UELJO WP |
Utilitas Wind SIA; Utilitas Wind UAB |
Il-Latvja u l-Litwanja |
|
2024-4 |
Il-park eoliku lil hinn mill-kosta ta’ LiiviBay |
Enefit Green AS |
L-Estonja u l-Latvja |
|
2024-6 |
Trasformazzjoni ekoloġika tat-tisħin distrettwali fil-bliet ġemellati ta’ Słubice u Frankfurt (Oder) – Twin Heat |
SEC Region Sp. z o.o u Stadtwerke Frankfurt (Oder) GmbH |
Il-Polonja u l-Ġermanja” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 249, 14.7.2021. p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1153/oj.
(2) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/342 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji speċifiċi tal-għażla u d-dettalji tal-proċess għall-għażla ta’ proġetti transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli (ĠU L 62, 1.3.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/342/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 (ĠU L 249, 14.7.2021, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1153/oj).
(5) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2202 tad-29 ta’ Awwissu 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista tal-proġetti transfruntiera magħżula fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli (ĠU L 293, 14.11.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/2202/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/2514/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)