|
28.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 75/143 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi (‘Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika’)”
(COM(2022) 177 final — 2022/0117 COD)
(2023/C 75/20)
|
Relatur: |
Tomasz Andrzej WRÓBLEWSKI |
|
Korelatur: |
Christian MOOS |
|
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
29.9.2022 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
26.10.2022 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
573 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
143/2/6 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni; din hija pass ’il quddiem fil-ġlieda kontra l-proċeduri tal-kontroll tal-espressjoni, li n-numru tagħhom ilu jikber fl-Ewropa mill-2015 (1). Il-ġlieda kontra l-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP), li huma proċeduri mressqa fir-rigward tal-parteċipazzjoni pubblika li huma kompletament jew parzjalment infondati, u li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jipprevjenu, jirrestrinġu jew jippenalizzaw il-parteċipazzjoni pubblika, hija essenzjali għall-bini ta’ soċjetà ċivili infurmata u t-trasparenza fil-ħajja pubblika. Peress li l-każijiet SLAPP jitressqu wkoll minn partijiet minn barra l-UE, il-miżuri kontra s-SLAPP jikkontribwixxu għall-protezzjoni tad-demokrazija Ewropea kontra theddid estern. |
|
1.2. |
Ħafna drabi jkun hemm żbilanċ sinifikanti ta’ poter fil-proċedimenti SLAPP — l-atturi għandhom riżorsi finanzjarji jew istituzzjonali akbar, b’hekk huwa relattivament faċli għalihom li jibdew il-proċedimenti. F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi żgurat li l-konvenuti jingħataw l-għodda t-tajba biex jiddefendu lilhom infushom f’din il-ġlieda li bħalissa mhijiex ugwali. |
|
1.3. |
Ta’ min jenfasizza li l-azzjonijiet SLAPP jikkostitwixxu abbuż tal-liġi u ma jistgħux jiġu aċċettati fi stati demokratiċi rregolati mill-istat tad-dritt. Il-ġurnalisti, speċjalment il-ġurnalisti indipendenti, huma l-aktar vulnerabbli għal din it-theddida, iżda l-problema tista’ taffettwa wkoll il-parteċipanti l-oħra kollha fid-dibattitu pubbliku. |
|
1.4. |
Huwa importanti wkoll li l-azzjonijiet SLAPP jiġu separati mill-protezzjoni tad-drittijiet personali u l-possibbiltà li persuni jiddefendu r-reputazzjoni tagħhom f’każijiet ta’ malafama. Is-SLAPP ikopru imġiba li hija bla bażi u mmirata biex trażżan id-dibattitu pubbliku u ssikket lill-parteċipanti tiegħu. Għalhekk, il-kontrotalbiet tas-SLAPP ma jikkompromettux l-eżerċizzju tad-dritt li persuna tieħu azzjoni legali quddiem qorti u ma jipproteġux lil dawk li jxerrdu kontenut falz jew malafamanti. |
|
1.5. |
Il-KESE jilqa’ l-mekkaniżmi proposti, iżda matul il-ħidma leġiżlattiva ta’ min jikkunsidra li l-lista tiġi estiża. Fost il-proposti, wieħed jista’ jindika l-introduzzjoni ta’ deċiżjoni preliminari li ttemm il-proċedimenti li nstabu li mhumiex konformi, il-konsolidazzjoni tal-proċedimenti fuq talba tal-konvenut fil-ġuriżdizzjoni magħżula tiegħu/tagħha, li tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-proċedura jew li tintroduċi proċedura rapida jew esklużjoni tal-possibbiltà għal persuna oħra għajr l-attur li tiffinanzja l-azzjoni. |
|
1.6. |
Minbarra l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida, li bil-proċess leġiżlattiv kollu tista’ jieħu diversi snin, ta’ min jirrevedi l-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jiġu identifikati mekkaniżmi li jistgħu jservu biex jiġġieldu kontra s-SLAPPs bħalissa. L-identifikazzjoni tar-raġunijiet għaliex il-mekkaniżmi eżistenti mhumiex qed jintużaw b’mod effettiv tista’ tgħin biex tingħata protezzjoni aħjar għall-parteċipanti fid-dibattitu pubbliku. |
|
1.7. |
Il-monitoraġġ tal-azzjonijiet SLAPP u l-effettività tas-soluzzjonijiet implimentati hija wkoll kwistjoni importanti. Għandha tingħata kunsiderazzjoni lil min għandu jwettaq tali valutazzjonijiet, b’mod partikolari meta jitqies li l-azzjonijiet SLAPP jistgħu wkoll jitressqu minn istituzzjonijiet pubbliċi. Għalhekk, id-delega ta’ din il-kompetenza lill-Istati Membri tista’ ma tilħaqx l-għanijiet maħsuba b’mod adegwat. |
|
1.8. |
Fl-istess ħin, sabiex jiġi żgurat li l-għan tad-Direttiva jintlaħaq bl-aktar mod effettiv possibbli, l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi evalwata fuq perjodu qasir kemm jista’ jkun. Fil-fehma tal-KESE, perjodu iqsar ikun aktar adatt mill-perjodu propost attwalment ta’ ħames snin. |
|
1.9. |
Minħabba li l-applikazzjoni tad-Direttiva ppjanata hija għal proċedimenti transfruntiera biss, huwa importanti wkoll li ssir ħidma għall-introduzzjoni ta’ inizjattivi analogi għal proċedimenti nazzjonali minn Stati Membri individwali. Ir-restrizzjoni għal proċedimenti transfruntiera se tipprovdi protezzjoni għal għadd ristrett ta’ parteċipanti fid-dibattitu pubbliku, filwaqt li tinjora b’mod partikolari lill-ġurnalisti, lill-attivisti jew lill-informaturi lokali. Azzjoni komprensiva kontra s-SLAPPs teħtieġ approċċ unifikat kemm f’każijiet transfruntiera kif ukoll f’każijiet nazzjonali. |
|
1.10. |
L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa wkoll biex jirrevedu l-liġijiet nazzjonali tagħhom bil-għan li jiddekriminalizzaw il-malafama. Kwalunkwe proċedura li tikkonċerna d-drittijiet personali għandha tkun ta’ natura ta’ liġi ċivili. Ir-responsabbiltà kriminali possibbli twassal għal sitwazzjoni fejn il-parteċipanti fid-dibattitu pubbliku jistgħu jibżgħu aktar li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom jew li jiddenunzjaw l-għemil ħażin. |
|
1.11. |
Il-KESE jenfasizza li minbarra r-regolamenti legali, huwa importanti ferm li jiġu implimentati miżuri edukattivi u taħriġ adegwati, kemm għall-professjonisti legali (b’mod partikolari l-imħallfin u l-avukati tal-partijiet) kif ukoll għall-parteċipanti fid-dibattitu pubbliku — il-ġurnalisti, l-attivisti soċjali, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-informaturi u ċ-ċittadini ordinarji. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
Il-libertà tal-espressjoni, kif ukoll il-libertà tal-media li hija derivata minnha, hija waħda mill-valuri fundamentali li għandhom jiġu ggarantiti mill-istati demokratiċi skont l-istat tad-dritt. |
|
2.2. |
Id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, kif espress fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jinkludi l-libertà li persuna jkollha opinjoni u li tikkomunika l-informazzjoni u l-ideat mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi u irrispettivament mill-fruntieri. Fl-istess ħin, huwa enfasizzat ir-rispett għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media. Garanziji simili huma inklużi f’ħafna leġiżlazzjonijiet oħra, bħad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (id-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-informaturi), u l-atti legali adottati mill-Istati Membri individwali, li jindikaw in-natura universali u r-rwol importanti tagħhom. |
|
2.3. |
Matul l-aħħar ftit deċennji, l-iżvilupp tat-teknoloġija biddel il-forma tad-dibattitu pubbliku b’mod drammatiku. Sa ftit żmien ilu, il-media prinċipali biex jitmexxa dan id-dibattitu kienu t-televiżjoni, ir-radju, u l-gazzetti, maħluqa prinċipalment minn ġurnalisti professjonali, u mill-informaturi. Illum il-ġurnata, il-media online ħadet rwol importanti, li tippermetti li kulħadd jippreżenta l-opinjonijiet tiegħu u jindirizzahom lil udjenza wiesgħa, inkluż b’mod anonimu. |
|
2.4. |
Fil-kuntest tal-iżvilupp tal-media u l-bidliet teknoloġiċi, huwa kruċjali li jiġu introdotti mekkaniżmi li jiżguraw il-protezzjoni reali tal-libertà tal-espressjoni għall-parteċipanti kollha fid-dibattitu pubbliku, mhux biss il-ġurnalisti professjonali iżda wkoll l-attivisti ambjentali (3) u soċjali, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-informaturi (4) fis-sens wiesa’, iċ-ċittadini involuti, it-trade unions u l-individwi u l-organizzazzjonijiet l-oħra kollha li jitkellmu pubblikament dwar kwistjonijiet soċjalment sinifikanti. |
|
2.5. |
Huwa importanti li jiġi enfasizzar mhux biss l-importanza tal-libertà tal-media iżda wkoll il-ħtieġa li jiġi żgurat il-pluraliżmu tal-media. Il-KESE jtenni l-konklużjonijiet tiegħu dwar “Niżguraw il-libertà u d-diversità tal-media fl-Ewropa” (5). Id-dibattitu miftuħ, li mhuwiex ristrett bl-ebda mod, huwa l-pedament ta’ soċjetà parteċipattiva, li mingħajrha d-demokrazija ma tistax taħdem sew (6). L-esklużjoni ta’ kwalunkwe vuċi mid-dibattitu pubbliku tista’ twassal, u fil-passat wasslet, għal tensjoni soċjali u vjolenza. Il-media m’għandhiex tinftiehem b’mod dejjaq bħala grupp speċjalizzat ta’ entitajiet involuti f’attivitajiet tal-media fuq bażi professjonali, iżda wkoll bħala l-parteċipazzjoni attiva ta’ individwi li jaqsmu l-opinjonijiet jew jagħmlu l-pożizzjonijiet tagħhom disponibbli, irrispettivament mis-sors tagħhom: l-Internet, forums, blogs jew podcasts. Dan huwa partikolarment importanti f’pajjiżi b’media pubblika kkontrollata minn partiti politiċi fil-gvern jew pajjiżi b’media privata kkontrollata minn ftit sidien, li jippruvaw jiddominaw il-messaġġ u jillimitaw id-diversità tad-dibattiti pubbliċi. |
|
2.6. |
L-ispazji ċivili li qed jiċkienu fi ħdan l-UE jimminaw il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jkollhom rwol vitali fil-funzjonament u l-protezzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt. Il-Kawża Strateġika kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika (SLAPP) hija strument wieħed li jintuża biex isikket is-soċjetà ċivili kritika. Il-KESE jilqa’ r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar miżuri għall-ġlieda kontra t-tnaqqis tal-ispazji ċivili (7), u jqis id-Direttiva proposta mhux biss bħala miżura waħda tas-sett ta’ għodod tal-UE iżda wkoll bħala pass deċiżiv biex jintemmu dawn il-prattiki. |
|
2.7. |
L-opportunitajiet usa’ għall-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet, twissijiet u attiviżmu soċjali akbar jagħmluha possibbli mhux biss li jitwessa’ d-dibattitu pubbliku iżda wkoll li jingħelbu fenomeni soċjalment inkwetanti billi jiġu żvelati l-abbużi ta’ poter minn istituzzjonijiet statali jew privati, inkluż il-korruzzjoni jew il-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Il-KESE jirrimarka li l-media (definita b’mod wiesa’, inklużi l-attivitajiet professjonali u mhux professjonali minn parteċipanti fid-dibattiti pubbliċi), bħala r-“raba’ qasam”, għandha l-kompitu mhux biss li tifforma l-opinjoni iżda wkoll li tissorvelja l-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-atturi privati. Għalhekk, il-protezzjoni tar-“raba’ poter” hija estremament importanti biex jiġu żgurati l-istandards demokratiċi u l-istat tad-dritt. |
|
2.8. |
L-abbuż tal-proċeduri legali li joħonqu d-dibattitu pubbliku huwa fenomenu li qed isir dejjem aktar komuni fl-Istati Membri. Individwi, istituzzjonijiet u kumpaniji influwenti b’riżorsi organizzattivi u finanzjarji wiesgħa jużaw is-setgħat tagħhom biex isikktu lill-kritiċi, jużaw strumenti innovattivi bħal meta jabbużaw mil-liġijiet tal-GDPR, jew jitolbu l-iżvelar tas-sorsi ta’ informazzjoni tal-ġurnalisti, filwaqt li dawn il-kritiċi, inklużi ġurnalisti individwali u atturi tas-soċjetà ċivili li jaġixxu bħala informaturi, ħafna drabi ma jkollhomx ir-riżorsi finanzjarji jew organizzattivi biex jiddefendu lilhom infushom kontra kawżi mhux ġustifikati. Xi wħud mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jużaw is-SLAPP kontra ċittadini u atturi tas-soċjetà ċivili fl-UE huma minn barra l-Unjoni. Fi żminijiet ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jiżdiedu, l-UE jeħtiġilha tkun mgħammra b’pakkett ta’ miżuri biex tipproteġi d-demokrazija tagħha minn theddid estern, inklużi miżuri kontra s-SLAPP. |
|
2.9. |
Il-proċedimenti tas-SLAPP ma jaqgħux taħt id-dritt i persuna tieħu azzjoni legali quddiem qorti; l-għan tagħhom mhuwiex li jinfurzaw id-drittijiet tal-attur iżda li jintimidaw u jdgħajfu l-oppożizzjoni u jeħlu r-riżorsi tal-konvenut. Il-kawżi ħafna drabi jitressqu b’mod ripetut mingħajr mertu u l-effett reali tagħhom huwa li jintimidaw u jsikktu lill-organizzazzjonijiet u lill-individwi akkużati jew saħansitra lill-qraba tagħhom milli jieħdu sehem fid-dibattitu pubbliku u jiskoraġġixxu attività ulterjuri. Il-konsegwenza tan-nuqqas biex jiġu miġġielda tali effetti dissważivi fuq l-attività tista’ tkun il-ħolqien ta’ monopolizzazzjoni jew oligopolizzazzjoni tal-media, li hija inkompatibbli mal-ideali tal-istat tad-dritt demokratiku. |
|
2.10. |
Minħabba r-rwol ewlieni tal-media, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, entitajiet oħra u l-informaturi involuti fil-bini tas-soċjetà ċivili u li jaġixxu fl-interess pubbliku, huwa estremament importanti li jiġi żgurat li dawn ikunu protetti b’mod adegwat f’każ ta’ ksur jew attentati ta’ ksur tal-libertà ta’ espressjoni, speċjalment f’sitwazzjoni ta’ żbilanċ evidenti ta’ poter u ta’ riżorsi. Dawn tal-aħħar jistgħu jwasslu għal effetti negattivi b’mod li l-konvenut jirrifjuta li jkompli jipparteċipa fid-dibattitu pubbliku u li jiddenunzja kwalunkwe abbuż jew korruzzjoni jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem. L-ispejjeż għoljin tal-litigazzjoni, li jiżdiedu aktar permezz ta’ imġiba strateġika biex jittawlu l-proċeduri, jikkostitwixxu problema sinifikanti għal dawk li huma l-miri evidenti tas-SLAPP. |
|
2.11. |
Xi drabi, l-azzjonijiet strateġiċi mmirati biex joħonqu d-dibattitu pubbliku jkunu akkumpanjati minn attivitajiet oħra kundannabbli, bħall-intimidazzjoni, il-fastidju u t-theddid kontra l-konvenut. Dawn l-azzjonijiet huma distruttivi għas-soċjetà ċivili u għall-interess pubbliku, u għandhom jintlaqgħu b’rispons aħrax u immedjat, irrispettivament mir-riżorsi finanzjarji jew il-privileġġ tal-atturi involuti. |
|
2.12. |
Fl-istess ħin, ma nistgħux ninjoraw il-problema ta’ informazzjoni falza jew diskors ta’ mibegħda evidenti, li għandhom ikunu soġġetti għall-verifika u, jekk jinstabu li huma ksur jitneħħew mill-ispazju pubbliku. Madankollu, il-KESE jitlob l-użu strett u korrett tal-protokolli eżistenti, derivati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), minħabba li l-azzjonijiet relatati ma’ dan m’għandhomx iwasslu għal restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-kelma f’sitwazzjoni fejn l-informazzjoni u l-opinjonijiet imxandra ma jikkostitwixxux aħbarijiet foloz u ma jinċitawx il-mibegħda (9). Fi kwalunkwe każ, dawn il-prattiki ma jistgħux iservu ta’ skuża biex jiġi llimitat id-dritt għal-libertà tal-espressjoni. |
|
2.13. |
Il-KESE jilqa’ l-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti ġudizzjarji manifestament infondati jew abbużivi (10), u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/758 (11) dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jieħdu sehem fil-parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi. |
|
2.14. |
Il-KESE jappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw id-Direttiva mingħajr dewmien, peress li l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-ġurnalisti, l-atturi tas-soċjetà ċivili u persuni oħra involuti fil-parteċipazzjoni pubblika hija kwistjoni ta’ urġenza. |
|
2.15. |
Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Irlanda li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva proposta. F’konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda tista’ tiddeċiedi li tinnotifika u tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. |
|
2.16. |
Minbarra r-rakkomandazzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni dwar is-SLAPP, il-KESE jħeġġeġ lill-Gvern tar-Renju tad-Danimarka biex jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali li tiżgura l-istess livell ta’ protezzjoni ta’ persuni involuti f’parteċipazzjoni pubblika kontra litigazzjoni strateġika kif previst mid-Direttiva proposta. Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhux se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhux se tkun marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
2.17. |
Fil-fehma tal-KESE, il-miżuri adottati ma jistgħux jirrestrinġu d-dritt għall-ġustizzja bla bżonn u għandhom jintużaw biss f’każijiet ta’ abbuż u użu ħażin. |
|
2.18. |
Fil-fehma tal-KESE, il-miżuri legali li jimpedixxu l-użu ta’ proċedimenti tal-qorti bla bażi u abbużivi għandhom jiġu kkomplementati b’miżuri edukattivi u network ta’ organizzazzjonijiet li jipprovdu appoġġ legali għal persuni u istituzzjonijiet li jitressqu tali azzjonijiet kontrihom. B’mod partikolari, minħabba r-rwol importanti tagħhom, il-professjonisti legali — kemm l-imħallfin kif ukoll l-avukati li jaġixxu bħala avukati difensuri fil-proċedimenti — jeħtieġu taħriġ adegwat minħabba li d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħhom huma kruċjali għall-objettiv u jiggarantixxu l-libertà tal-espressjoni. |
3. Kummenti speċifiċi
|
3.1. |
It-tixrid tal-fenomenu negattiv tal-kawżi strateġiċi mmirati biex joħonqu d-dibattitu pubbliku (SLAPPs) huwa problema serja — għalhekk l-importanza kbira tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew biex jiġi miġġieled dan il-fenomenu, li hija essenzjali biex tiġi pprovduta protezzjoni adegwata lill-parteċipanti f’dibattiti pubbliċi fejn id-dritt għal proċeduri legali jkun ġie abbużat biex jinħoloq effett dissważiv li jsikket lill-konvenuti u jiskoraġġihom milli jkomplu bl-attivitajiet tagħhom. |
|
3.2. |
Il-protezzjoni kontra l-azzjonijiet SLAPP għandha tiġi pprovduta lill-parteċipanti kollha fid-dibattitu pubbliku irrispettivament minn jekk l-azzjonijiet SLAPP humiex ta’ natura domestika jew transfruntiera. Il-KESE jaqbel li proċedimenti ġudizzjarji li jitressqu fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru kontra persuna residenti fi Stat Membru ieħor normalment tkun aktar kumplessa u għalja għall-konvenut. Madankollu, l-istess problema tista’ tapplika wkoll għall-kawża f’belt oħra jew l-użu ta’ tattiċi proċedurali biex il-proċedimenti fl-istess pajjiż jitwalu u jiswew iktar flus. Ir-restrizzjoni tar-regolament għal każijiet b’effetti transfruntiera biss tista’ twassal għal differenzjazzjoni mhux ġustifikata fid-drittijiet ta’ individwi u organizzazzjonijiet li l-azzjonijiet tagħhom għandhom impatt lokali, u b’hekk normalment jinvolvu riżorsi finanzjarji, tal-persunal u organizzattivi limitati. |
|
3.3. |
Sabiex id-Direttiva taħdem sew, huwa meħtieġ li tiġi definita bażi legali adatta u mhux ambigwa għall-azzjoni li għandha tittieħed. Ta’ min jinnota li l-għan ewlieni tal-mekkaniżmi kontra s-SLAPPs mhuwiex li tiġi żgurata t-tmexxija tajba tal-proċedimenti (li tista’ sseħħ kif suppost skont il-proċeduri nazzjonali), iżda li jipproteġu d-drittijiet tal-konvenuti li jista’ ma jkollhomx mezzi legali u finanzjarji adegwati. Il-fehma tal-KESE hija li jgħammar lill-konvenuti, li normalment ikunu f’pożizzjoni aktar dgħajfa mill-atturi, b’mekkaniżmi li jippermettulhom jiddefendu lilhom infushom kontra talbiet mhux meritevoli li jikkostitwixxu abbuż tad-dritt li persuna tieħu azzjoni legali quddiem qorti. |
|
3.4. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li l-introduzzjoni ta’ kundizzjoni transfruntiera tirrikjedi li tiġi eżaminata fuq bażi ta’ każ b’każ (1) jekk iż-żewġ partijiet fil-proċedimenti humiex domiċiljati jew stabbiliti fl-Istat Membru l-ieħor, (2) jekk att ta’ parteċipazzjoni f’dibattitu pubbliku dwar kwistjoni ta’ interess pubbliku huwiex rilevanti għal aktar minn Stat wieħed, jew (3) jekk ikunux tressqu proċedimenti legali paralleli jew preċedenti mill-attur jew entitajiet relatati kontra l-istess konvenuti jew konvenuti relatati fi Stat Membru ieħor. B’mod partikolari, it-tieni kundizzjoni tista’ twassal għal valutazzjoni diskrezzjonali u limitazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-kovenut. |
|
3.5. |
Il-KESE jaqbel mal-fehma li l-protezzjoni tas-SLAPP m’għandhiex tkun diretta biss lejn kwistjonijiet ċivili. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-pożizzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali (Il-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa, il-Kunsill tal-Ewropa) dwar it-tneħħija tal-malafama mid-dritt kriminali. Il-miżuri meħuda sal-lum ma kellhomx ir-riżultati mistennija, għaliex f’xi Stati Membri l-malafama għadha reat, punibbli kemm permezz ta’ multa kif ukoll permezz ta’ priġunerija. Huwa impossibbli li persuna tieħu sehem f’dibattitu pubbliku liberament jekk hemm riskju ta’ prosekuzzjoni kriminali. Il-KESE jirrakkomanda li jittieħdu miżuri effettivi u effiċjenti biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jneħħu l-malafama kriminali bħala relikwa ta’ passat tal-mistħija li jhedded il-libertà tal-kelma u tal-espressjoni. |
|
3.6. |
Is-sanzjonijiet tad-dritt kriminali, irrispettivament mill-applikazzjoni aħħarija tagħhom, għandhom għan ta’ deterrent. Għaldaqstant, huma saħansitra aktar probabbli li jrażżnu d-dibattitu pubbliku milli l-proċedimenti ċivili. L-abbandun tal-protezzjoni taħt ir-reġim tad-dritt kriminali jista’ jirriżulta f’bidla intenzjonata ta’ azzjonijiet minn azzjonijiet ċivili għal kriminali fin-nuqqas ta’ protezzjoni addizzjonali għall-konvenut f’dan l-aħħar każ. |
|
3.7. |
Il-KESE jirrimarka li l-azzjonijiet SLAPP jistgħu jittieħdu mhux biss minn korpi jew istituzzjonijiet tal-liġi privata iżda wkoll minn korpi statali, bħas-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika u li konsegwentement il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jrid japplika għal dawn l-istituzzjonijiet kollha. Il-KESE jitlob li l-protezzjoni tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi involuti fid-dibattitu pubbliku u tas-sorsi tagħhom tiġi applikata b’mod adegwat f’każijiet bħal dawn ukoll. F’dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-monitoraġġ tal-azzjonijiet SLAPP. Id-delega ta’ dan il-kompitu lill-Istati Membri tqajjem mistoqsijiet leġittimi meta l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu wkoll ikunu atturi fi proċedimenti SLAPP. Għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-involviment ta’ organizzazzjonijiet indipendenti f’dawn l-attivitajiet jew għall-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ monitoraġġ fil-livell supranazzjonali. |
|
3.8. |
Huwa importanti li persuni meqjusa f’riskju ta’ kawżi SLAPP ma jinkludux biss il-ġurnalisti jew id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, għalkemm dawn il-professjonijiet għandhom jitqiesu partikolarment vulnerabbli għal azzjonijiet bħal dawn. Il-grupp fil-mira għandu jiġi definit funzjonalment (ibbażat fuq l-attivitajiet imwettqa) aktar milli skont l-edukazzjoni jew ix-xogħol. B’dan il-mod, huwa wkoll possibbli li jiġu protetti mhux biss persuni li mhumiex involuti direttament f’attivitajiet tal-media iżda wkoll, pereżempju, ċittadini impenjati li jippubbliċizzaw l-abbużi fil-komunitajiet lokali tagħhom jew tipi oħra ta’ informaturi f’kuntest usa’. |
|
3.9. |
Il-garanziji proċedurali proposti fl-abbozz ta’ Direttiva — is-salvagwardji, iċ-ċaħda bikrija ta’ talbiet manifestament infondati fi proċedimenti tal-qorti, ir-rimedji għal litigazzjoni abbużiva, il-protezzjoni kontra sentenzi mogħtija f’pajjiżi terzi — għandhom jintlaqgħu tajjeb. Madankollu, għandha tingħata konsiderazzjoni għall-possibbiltà li jiġu introdotti aktar miżuri li jikkomplementaw u jiffaċilitaw il-ħidma tal-ġudikatura, eż. l-iffaċilitar jew l-ordni tal-konsolidazzjoni ta’ azzjonijiet differenti kontra l-istess intimat fil-każ ta’ azzjonijiet li jitressqu mill-istess atturi jew atturi relatati. |
|
3.10. |
Fil-fehma tal-KESE, ikun utli wkoll li jiġi introdott grad ta’ awtomatiċità, fil-forma ta’ “deċiżjoni preliminari”, li fiha l-kawżi tal-qorti jitqiesu li mhumiex konformi jekk dawn jissodisfaw b’mod evidenti l-kriterji tas-SLAPP. Dan saħansitra jagħmilha possibbli li ma jinbdewx proċeduri legali f’każijiet ovvji. Dan inaqqas l-ispejjeż (mhux biss l-ispejjeż privatiiżda wkoll pubbliċi) u jillimita n-numru ta’ każijiet li jistgħu jittieħdu fil-livell li jmiss. |
|
3.11. |
Ta’ min jikkunsidra wkoll soluzzjonijiet addizzjonali, imfassla fuq mekkaniżmi eżistenti, bħal:
|
|
3.12. |
Fid-dawl tan-numru dejjem jikber tas-SLAPPs, il-KESE jirrakkomanda li l-applikazzjoni temporali tar-regoli l-ġodda kontra s-SLAPPs li jinsabu fid-Direttiva tiġi applikata mill-Istati Membri għal każijiet li jkunu għaddejjin jew mibdija meta r-regoli l-ġodda jidħlu fis-seħħ. |
|
3.13. |
Fl-istess ħin, huwa meħtieġ li tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-miżuri attwali biex jiġu miġġielda l-azzjonijiet SLAPP. L-effettività tal-mekkaniżmi fis-seħħ tista’ tagħmilha possibbli li jittejbu l-miżuri ppjanati u li fil-fatt jipprovdu protezzjoni għal dawk f’riskju. Jekk diġà hemm għodod fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jistgħu mill-inqas jindirizzaw parzjalment il-problema kkonċernata, ikun meħtieġ li jiġu identifikati r-raġunijiet għalfejn ma jiġux applikati b’mod adegwat. Tali analiżi tista’, minn naħa waħda, irrispettivament mid-Direttiva ppjanata, ittejjeb is-sitwazzjoni tal-parteċipanti fid-dibattitu soċjali li huma mhedda mill-azzjonijiet SLAPP u tista’ tkun studju interessanti fl-abbozzar u l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida. |
|
3.14. |
Billi d-Direttiva proposta ma tkoprix każijiet domestiċi, il-KESE jilqa’ r-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/758 dwar il-protezzjoni ta’ ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jieħdu sehem f’parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti tal-qorti manifestament infondati jew abbużivi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu l-istess livell ta’ protezzjoni kif stabbilit fid-Direttiva proposta. Madankollu, l-attivitajiet tal-UE m’għandhomx ikunu limitati għal rakkomandazzjonijiet iżda jeħtieġu lill-Istati Membri jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom f’dan il-qasam biex jipprovdu livell ugwali ta’ protezzjoni kontra s-SLAPPs fl-Istati Membri kollha. Dan japplika b’mod partikolari għad-definizzjonijiet legali u l-ambitu tal-protezzjoni fil-każ tas-SLAPPs, biex jiġu evitati interpretazzjonijiet differenti u livelli differenti ta’ protezzjoni fl-Istati Membri. |
|
3.15. |
Minħabba d-dinamika tal-problema tal-azzjonijiet strateġiċi mmirati biex joħonqu d-dibattitu pubbliku, il-KESE jirrakkomanda li l-applikazzjoni tad-Direttiva tiġi riveduta wara massimu ta’ tliet snin, minflok il-ħames snin previsti bħalissa. L-Istati Membri għandhom għalhekk jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva sentejn wara t-traspożizzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha tissottometti r-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva sena wara, jiġifieri tliet snin wara t-traspożizzjoni tagħha. |
|
3.16. |
Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tikkonsulta lill-ġurnalisti u lill-partijiet interessati, l-imsieħba soċjali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha meta tħejji r-reviżjoni sabiex tikkomplementa l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri b’valutazzjonijiet indipendenti tal-applikazzjoni tad-Direttiva. |
|
3.17. |
Huwa kruċjali li jiġu implimentati l-miżuri edukattivi indikati fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/758. B’mod partikolari, hemm bżonn ta’ taħriġ adegwat għall-professjonisti legali (kemm imħallfin kif ukoll avukati li jaġixxu bħala avukati difensuri fil-proċedimenti), kif ukoll attivitajiet edukattivi usa’ mmirati lejn il-pubbliku ġenerali tal-Istati Membri, li kwalunkwe membru tagħhom jista’ jsir parteċipant fid-dibattitu pubbliku mhedded minn azzjoni SLAPP. Dawn il-miżuri edukattivi għandhom jagħtu biżżejjed attenzjoni lis-SLAPP b’dimensjoni transnazzjonali, li hija koperta mid-Direttiva proposta. Barra minn hekk, iridu jiġu organizzati kampanji ġenerali fl-Istati Membri kollha għat-tixrid u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-espressjoni, bħala komplement għad-Direttiva u r-rinfurzar tagħha. |
|
3.18. |
Element importanti tas-sistema għall-ġlieda kontra l-azzjonijiet strateġiċi mmirati biex joħonqu d-dibattitu pubbliku għandu jkun ukoll l-għoti ta’ assistenza legali b’xejn lil individwi u organizzazzjonijiet f’riskju. Il-KESE jappoġġja t-twaqqif u l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet legali fl-universitajiet u minn assoċjazzjonijiet professjonali legali kif ukoll entitajiet oħra li jistgħu jipprovdu tali appoġġ. Madankollu, għandu jiġi żgurat li l-korpi rakkomandati mill-Istati Membri biex iwettqu dawn l-attivitajiet ikunu kredibbli, indipendenti u professjonali, u li l-attivitajiet tagħhom ikunu soġġetti għal verifika indipendenti adatta mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat. |
Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Rapport ta’ CASE (https://www.the-case.eu/slapps-in-europe).
(2) Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).
(3) NAT/824 — Rapport ta’ Informazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-protezzjoni ambjentali bħala prerekwiżit għar-rispett tad-drittijiet fundamentali.
(4) SOC/593 — Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 155).
(5) SOC/635 — Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Niżguraw il-libertà u d-diversità tal-media fl-Ewropa (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (EESC 2021/01539) (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 9).
(6) REX/545 — Rapport ta’ Informazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Appoġġ għas-settur tal-midja indipendenti fil-Belarussja.
(7) Riżoluzzjoni tal-PE dwar l-ispazju jiċkien tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa (2021/2103(INI)) (ĠU C 347, 9.9.2022, p. 2).
(8) Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).
(9) SOC/712 Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Ewropa aktar inklużiva u protettiva: l-estensjoni tal-lista ta’ reati fl-UE għad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda (EESC 2022/00299) (ĠU C 323, 26.8.2022, p. 83).
(10) COM(2022) 177.
(11) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/758 tas-27 ta’ April 2022 dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”) (ĠU L 138, 17.5.2022, p. 30).