IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.2.2019
COM(2019) 79 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċitar tas-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2015/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta’ prodotti tessili minn għadd ta’ pajjiżi terzi mhux koperti minn ftehim bilaterali, protokolli jew arranġamenti oħra, jew minn regoli speċifiċi ta’ importazzjoni tal-Unjoni oħrajn
I.
Introduzzjoni
Fl-2015, l-Unjoni Ewropea (UE) adottat ir-Regolament (UE) 2015/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta’ prodotti tessili minn għadd ta’ pajjiżi terzi mhux koperti minn ftehim bilaterali, protokolli jew arranġamenti oħra, jew minn regoli speċifiċi ta’ importazzjoni tal-Unjoni oħrajn (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament tal-UE”).
Ir-Regolament tal-UE huwa riformulazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 517/94 tas-7 ta’ Marzu 1994 dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta' prodotti tessili minn għadd ta’ terzi pajjiżi mhux koperti minn ftehim bilaterali, Protokoll jew arranġamenti oħra, jew minn regoli tal-importazzjoni speċifika tal-Komunità, li kien sostanzjalment emendat diversi drabi, u jistipula d-dispożizzjonijiet għall-miżuri ta’ sorveljanza u salvagwardja tal-prodotti tessili li joriġinaw f’għadd limitat ta’ pajjiżi terzi, u jistipula wkoll id-dispożizzjonijiet għal-limiti kwantitattivi annwali għal ċerti prodotti tessili li joriġinaw fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea. Fi tmiem kull sena kalendarja jiġi adottat regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jistipula r-regoli għall-ġestjoni u għad-distribuzzjoni tal-kwoti tat-tessuti.
B’segwitu għal testijiet nukleari fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 2375 (2017) fil-11 ta’ Settembru 2017 li ġiet trasposta f’leġiżlazzjoni tal-UE. Wara li ġew adottati dawn l-emendi, l-Artikolu 16(h) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 tat-30 ta’ Awwissu 2017 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1836 tal-10 ta’ Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea jiddikjara li “.” Sakemm dan jibqa’ fis-seħħ, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-UE jibqgħu inattivi.
II.
Bażi Ġuridika
F’konformità mal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2015/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fir-rigward tar-rispett tad-delega tas-setgħa.
III.
Eżerċitar tad-Delega
Ir-Regolament tal-UE jagħti setgħat lill-Kummissjoni sabiex timplimenta wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari:
-fir-rigward tat-twaqqif ta’ limiti kwantitattivi annwali għall-prodotti tessili msemmija fl-Anness IV tar-Regolament tal-UE u li joriġinaw fil-pajjiżi terzi indikati fih;
-fir-rigward tal-adattament tal-Annessi III u IV tar-Regolament tal-UE fejn jistgħu jiġu individwati xi problemi fir-rigward tat-tħaddim effettiv tagħhom.
-fir-rigward tal-emendi tal-Annessi tar-Regolament tal-UE, billi timmodifika r-regoli dwar l-importazzjonijiet billi tipprevedi li l-oġġetti jitqiegħdu f’ċirkolazzjoni libera biss jekk tiġi prodotta awtorizzazzjoni tal-importazzjoni, li l-għoti tagħha għandu jkun soġġett għal-limitu.
-fir-rigward tal-emendi tal-Annessi tar-Regolament tal-UE biex iqisu l-konklużjoni, l-emendar jew l-iskadenza tal-ftehimiet jew arranġamenti ma’ pajjiżi terzi jew emendi li jsiru għar-regoli tal-Unjoni dwar l-istatistika, l-arranġamenti ta’ dwana jew regoli komuni għall-importazzjonijiet.
Mill-20 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni adottat att delegat wieħed biss: Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/173 tad-29 ta’ Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġġornament tal-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda elenkati fl-Anness I għal dak ir-Regolament. Dan ir-Regolament Delegat ġie adottat sabiex jallinja teknikament ir-Regolament tal-UE mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas-6 ta’ Ottubru 2016 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana. Dan l-adattament tekniku ma wassal għall-ebda bidla materjali.
IV.
Konklużjonijiet
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport fil-kuntest tal-eżerċitar kif suppost min-naħa tal-Kummissjoni tas-setgħat delegati mir-Regolament tal-UE.