|
24.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 474/99 |
P9_TA(2021)0084
Semestru Ewropew: aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istrateġija Annwali għat- Tkabbir Sostenibbli 2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2021 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021 (2020/2244(INI))
(2021/C 474/10)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2020 bit-titolu “L-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp Sostenibbli 2021” (COM(2020)0575), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2020 għal rapport konġunt dwar l-impjiegi mill-Kummissjoni u l-Kunsill (COM(2020)0744), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Perspettiva Ekonomika tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), Volum 2020 Ħarġa 2, tal-1 ta' Diċembru 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Globali dwar il-Pagi 2020-21 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tat-2 ta' Diċembru 2020 dwar il-pagi u l-pagi minimi fi żmien il-COVID-19, u l-edizzjonijiet differenti tal-ILO Monitor (Osservatorju tal-ILO) dwar il-COVID-19 u d-dinja tax-xogħol, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2020 bit-titolu “Ewropa soċjali b'saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti” (COM(2020)0014), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, b'mod partikolari l-għanijiet 1, 3, 4, 5, 8, 10 u 13, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” (COM(2020)0456), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta' rkupru għall-Ewropa” (COM(2020)0442), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi bħala xprun biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi (2), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Programm ta' Ħidma Aġġustat tal-Kummissjoni 2020” (COM(2020)0440), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2020 għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta' Rkupru tal-Unjoni Ewropea insostenn tal-irkupru wara l-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0441), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza” (COM(2020)0274), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” (COM(2020)0067), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2020 li jakkumpanja l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “A Bridge to Jobs – reinforcing the Youth Guarantee” (Pont għall-Impjiegi – Tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ) (SWD(2020)0124), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fir-rigward ta' linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (3), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward tar-riżorsi għall-allokazzjoni speċifika għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (4), |
|
— |
wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew għar-Rebbiegħa 2020 ippubblikat mill-Kummissjoni fis-6 ta' Mejju 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Settembru 2020 dwar pagi minimi deċenti fl-Ewropa kollha (5), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Lulju 2020 dwar il-Pjan ta' rkupru għall-Ewropa u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali mill-2021 sal-2027 (6), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu “Standards minimi komuni tal-UE fl-assigurazzjoni tal-qgħad – pass konkret lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” (7), |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) tal-24 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “COVID-19: Policy responses across Europe” (Il-COVID-19: Ir-reazzjonijiet politiċi madwar l-Ewropa), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (2019-2024) bit-titolu “Unjoni li tirsisti għal aktar”, ippreżentati mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fid-9 ta' Ottubru 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mill-Parlament fis-17 ta' Novembru 2017, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (COM(2020)0102), |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju tal-OECD tal-15 ta' Ġunju 2018 bit-titolu “A Broken Social Elevator? How to Promote Social Mobility” (Lift Soċjali miksur? Kif nippromwovu l-Mobbiltà Soċjali), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (8), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 bit-titolu “Il-faqar: perspettiva tas-sessi” (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Settembru 2018 dwar id-disparità diġitali bejn is-sessi (10), |
|
— |
wara li kkunsidra s-sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Eurofound – Rapport ġenerali (aġġornament tal-2017), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Eurofound bit-titolu “How computerisation is transforming jobs: evidence from Eurofound Europe's Working Conditions Survey” (Kif il-kompjuterizzazzjoni qed tittrasforma l-impjiegi: evidenza mill-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-Eurofound), ippubblikat fl-2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju tal-Unità tal-Prospettiva Xjentifika (STOA) tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) tal-31 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Rethinking education in the digital age” (Rivalutazzjoni tal-Edukazzjoni fl-era diġitali), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2018 dwar is-servizzi tal-kura fl-UE għal ugwaljanza aħjar bejn is-sessi (11), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 bit-titolu “Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva” (COM(2016)0356), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 bit-titolu “Il-mezzi possibbli ta' reintegrazzjoni tal-ħaddiema li qed jirkupraw minn korriment u mard f'impjieg ta' kwalità” (12), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dibattitu mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali dwar il-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 bit-titolu Ewropa soċjali b'saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti (13), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-OECD tad-19 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Health at a Glance: Europe 2020 – State of Health in the EU cycle” (Ħarsa lejn is-Saħħa: Ewropa 2020 – L-Istat tas-Saħħa fiċ-ċiklu tal-UE), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu “L-investiment fis-Saħħa” (SWD(2013)0043), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' April 2014 dwar sistemi tas-saħħa effettivi, aċċessibbli u reżiljenti (COM(2014)0215), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bord ta' Esperti tal-Kummissjoni dwar Modi Effettivi ta' Kif Ninvestu fis-Saħħa tal-25 ta' Novembru 2020 dwar l-organizzazzjoni ta' kura tas-saħħa u soċjali reżiljenti wara l-pandemija tal-COVID-19, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2019 dwar L-Ekonomija tal-Benesseri, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0026/2021), |
|
A. |
billi skont l-ewwel stima tal-Eurostat tat-tkabbir annwali għall-2020 (14), il-PDG naqas b'6,8 % fiż-żona tal-euro u b'6,4 % fl-UE; billi skont it-tbassir ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni għax-xitwa 2020, il-PDG tal-UE se jiżdied b'mod marġinali b'1,4 % fl-2021 u l-PDG taż-żona tal-euro se jiżdied b'1,2 % filwaqt li l-output ekonomiku tal-UE bilkemm se jerġa' lura għal-livelli ta' qabel il-pandemija fl-2022; billi t-tkabbir fil-konsum privat huwa previst li jkun moderat fl-2022, l-aktar minħabba inċertezza fit-tul dwar il-prospetti tax-xogħol u tal-introjtu li x'aktarx iżommu t-tfaddil ta' prekawzjoni f'livell elevat; billi, min-naħa l-oħra, l-infiq kapitali għandu jibbenefika minn politiki monetarji akkomodanti ħafna, żieda fl-investiment pubbliku u skemi mmirati ta' appoġġ pubbliku għad-ditti; billi l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli (ASGS) ma kkunsidratx ix-xenarju tat-tielet mewġa tal-pandemija tal-COVID-19 jew ta' mewġiet ulterjuri li jistgħu saħansitra jkomplu jaggravaw il-kundizzjonijiet attwali ta' kriżi ekonomika u soċjali; |
|
B. |
billi, f'xi Stati Membri, il-fondi u l-programmi tal-UE previsti fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020 għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ; billi l-finanzjament għall-istrument ta' rkupru Next Generation EU (NGEU), b'mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, se jkun disponibbli biss wara r-ratifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (15) mill-Istati Membri; |
|
C. |
billi l-istituzzjonijiet tal-UE għarfu f'diversi okkażjonijiet il-ħtieġa ta' azzjonijiet li jindirizzaw u jittrattaw l-inugwaljanzi fis-saħħa u li jipproteġu s-saħħa tan-nies matul din ir-reċessjoni ekonomika (16); |
|
D. |
billi t-tifqigħa tal-COVID-19 reġġgħet lura x-xejra pożittiva tar-rata ta' impjieg tal-aħħar sitt snin fl-UE-27, u dan irriżulta fi tnaqqis tal-għadd ta' persuni li jaħdmu ta' madwar 6.1 miljun fit-tieni kwart tal-2020 u tnaqqis previst ta' 4,5 % matul is-sena 2020 (17); billi skont l-Eurostat, fl-2019, qabel il-pandemija, 8.5 % tal-popolazzjoni tal-UE taħt l-età ta' 60 sena kienet tgħix f'unitajiet domestiċi fejn l-adulti ħadmu inqas minn 20 % tas-sigħat tax-xogħol massimi fil-ġimgħa matul is-sena li għaddiet u kienu qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet inkwetanti ta' faqar fost dawk li jaħdmu (18); billi l-impjieg prekarju għadu tħassib sinifikanti li jaffettwa b'mod negattiv is-swieq tax-xogħol; billi l-ħaddiema li baqgħu impjegati ffaċċjaw tnaqqis konsiderevoli fis-sigħat maħduma u, konsegwentement, telf ta' introjtu, u billi dan l-iżvilupp għandu l-akbar impatt fuq il-ħaddiema li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli; billi huwa ta' tħassib partikolari li skont rapport sussegwenti tal-Eurofound, it-tnaqqis fir-rata tal-impjieg fl-UE-27 matul l-ewwel mewġa tal-pandemija jidher li kien assoċjat iktar ma' persuni li sfaw inattivi milli persuni li sfaw qiegħda u dgħufija konsegwenti ta' involviment fis-suq tax-xogħol; (19); |
|
E. |
billi l-għadd medju ta' sigħat maħduma mistenni li jiżdied b'rata aktar mgħaġġla mill-għadd ta' persunal impjegat u l-impjiegi jistgħu wkoll jonqsu aktar meta l-iskemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar jitwaqqfu; billi r-riallokazzjoni tal-ħaddiema hija normalment proċess twil u l-impjieg huwa għalhekk mistenni li jonqos ftit fl-2021; billi, minkejja l-irkupru ekonomiku mistenni s-sena d-dieħla, ir-rata tal-qgħad tal-UE għandha tiżdied aktar, minn 7,7 % fl-2020 għal 8,6 % fl-2021 u mistennija tonqos fl-2022 għal 8,0 %, b'diverġenzi persistenti bejn l-Istati Membri (20); |
|
F. |
billi l-investimenti li jistgħu jwasslu għal produttività totali tal-fatturi msaħħa għandhom jintlaqgħu fid-dawl tar-riżultati mħallta sal-lum, inkluż il-pass kajman tal-irkupru ekonomiku ta' qabel il-pandemija u ż-żieda fl-impjieg prekarju; billi t-tranżizzjonijiet doppji ekoloġiċi u diġitali li għaddejjin bħalissa, se jkollhom impatt importanti iżda differenti fuq l-impjiegi skont is-settur, ir-reġjun u t-tip ta' ħaddiem; billi dawn se joħolqu opportunitajiet ġodda kif ukoll sfidi soċjoekonomiċi sinifikanti f'ħafna reġjuni u setturi industrijali; billi l-UE teħtieġ strateġija komuni biex takkumpanja lill-ħaddiema u n-negozji kkonċernati sabiex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; billi l-kriżi tal-COVID-19 aċċellerat dawk l-impatti, speċjalment fix-xejriet tas-swieq tax-xogħol, u probabbli se taffettwa wkoll id-domanda għall-edukazzjoni, il-ħiliet u t-titjib tal-ħiliet; billi t-tifqigħa tal-COVID-19 ikkawżat tibdil sinifikanti fil-prattiki tas-suq tax-xogħol, fejn aktar minn terz tal-ħaddiema tal-UE qed jintalbu jaħdmu mid-dar (21); billi l-iskonnessjoni mix-xogħol għandha tikkostitwixxi prinċipju essenzjali li jippermetti lill-ħaddiema jastjenu minn kompiti relatati max-xogħol u komunikazzjoni elettronika barra l-ħinijiet tax-xogħol mingħajr ma jiffaċċjaw xi riperkussjonijiet u b'hekk igawdu bilanċ adegwat bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; |
|
G. |
billi qabel il-COVID-19, għalkemm kien hemm differenzi bejn l-Istati Membri, ix-xejriet ekonomiċi kienu ġeneralment deskritti bħala pożittivi fir-rieżamijiet annwali tas-Semestru Ewropew; billi l-evidenza turi li għad hemm inugwaljanzi persistenti u li qed jiżdiedu fost il-persuni u bejn l-istati u r-reġjuni u fi ħdanhom; billi dan iwassal għal diverġenzi multipli li jeħtieġ jiġu ttrattati b'approċċ intersezzjonali sabiex jiġu żgurati opportunitajiet ugwali u ħajja dinjituża għall-gruppi kollha; filwaqt li xi reġjuni li qed jiffaċċjaw aktar sfidi fid-dekarbonizzazzjoni tal-industriji tagħhom għandhom jiġu mmirati b'appoġġ finanzjarju, bħall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, oħrajn, li huma dipendenti wisq mit-turiżmu u s-servizzi relatati, mhumiex eliġibbli għal fondi ta' tranżizzjoni speċifiċi minkejja li wħud minnhom huma territorji bl-ogħla rati ta' qgħad; billi l-għajnuna relatata mal-COVID-19 mogħtija lill-ħaddiema u lin-negozji tvarja ħafna fost l-Istati Membri; billi sfidi globali bħad-diġitalizzazzjoni u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima se jippersistu, irrispettivament mill-kriżi tal-COVID-19, u jirrikjedu tranżizzjoni ġusta sabiex ħadd ma jitħalla jibqa' lura; |
|
H. |
billi l-kriżi tal-COVID-19 wasslet għal deterjorament tal-inugwaljanza fil-pagi madwar id-dinja, ikkumpensat parzjalment biss minn sussidji tal-istat u politiki dwar il-paga minima, u dan wassal għal sitwazzjonijiet severi ta' prekarjetà u nuqqas ta' protezzjoni; billi l-ħaddiema b'pagi aktar baxxi, li huma nisa u żgħażagħ b'mod sproporzjonat, huma l-aktar affettwati mill-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-kriżi u ż-żieda konsegwenti fl-inugwaljanzi, filwaqt li l-istabilità tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tagħhom diġà qed tiġi kkontestata; |
|
I. |
billi s-sistemi ta' protezzjoni soċjali jvarjaw bejn l-Istati Membri u jinsabu taħt pressjoni kbira biex jittaffa l-impatt soċjali tal-kriżi u jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti għal kulħadd kif ukoll aċċess għal servizzi essenzjali bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni; billi l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u l-kura tat-tfal jistgħu jikkawżaw faqar lill-unitajiet domestiċi, u billi huwa importanti li dawn jitqiesu meta jitkejjel il-faqar fost dawk li jaħdmu u meta jkunu qed jiġu integrati l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni f'indikaturi standard ta' rappurtar soċjali; billi fl-2018, 9,6 % tal-popolazzjoni tal-EU-27 għexet f'unitajiet domestiċi li nefqu 40 % jew aktar tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tagħhom fuq akkomodazzjoni, għalkemm ġew irreġistrati differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri; billi l-faqar fost dawk li jaħdmu fl-UE ilu jiżdied mill-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008 u huwa stmat li 10 % tal-Ewropej li jaħdmu jinsabu f'riskju ta' faqar (22); |
|
J. |
billi r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ żdiedet minħabba l-kriżi tal-COVID-19, u laħqet 17,1 % f'Settembru 2020 u mistennija tkompli tiżdied; billi 11,6 % taż-żgħażagħ ta' bejn il-15 u l-24 sena huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs)15; billi l-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt fuq l-aċċess għall-edukazzjoni għal gruppi soċjali żvantaġġati bħal familji b'ġenitur wieħed, familji kbar u familji bi dħul baxx, li tħabtu biex jaċċessaw jew biex jaffordjaw tagħmir diġitali għall-edukazzjoni ta' uliedhom; billi ż-żieda fl-inugwaljanzi bejn il-ġenerazzjonijiet taffettwa s-sostenibbiltà tas-sistema tal-protezzjoni soċjali tagħna kif ukoll is-saħħa demokratika tagħna; billi l-konsegwenzi ekonomiċi se jkollhom effetti negattivi fit-tul fuq l-impjiegi taż-żgħażagħ, u billi ż-żgħażagħ jistgħu jsibu ruħhom b'inqas opportunitajiet u/jew opportunitajiet ta' kwalità inferjuri u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena; |
|
K. |
billi n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għall-bidliet fis-suq tax-xogħol minħabba d-dmirijiet tal-kura soċjali u d-distribuzzjoni mhux ugwali tax-xogħol domestiku u x-xogħol ta' kura bla ħlas, id-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' tqala u maternità, is-segregazzjoni okkupazzjonali u l-impjieg aktar prekarju tagħhom; billi evalwazzjoni intersezzjonali turi li n-nisa fi gruppi vulnerabbli, bħal nisa ta' età żgħira bit-tfal u b'mod partikolari ommijiet waħedhom, nisa Rom, nisa b'diżabilità jew nisa b'oriġini migranti, huma aktar probabbli li jkunu f'pożizzjoni agħar (23); |
|
L. |
billi d-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi (11,4 %), id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi (14 %) u d-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet (30 %) għadhom għoljin b'mod inaċċettabbli; billi l-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi hija imperattiv soċjali u ekonomiku, minħabba l-implikazzjonijiet għall-ħajja tan-nisa, inklużi s-sigurtà finanzjarja u l-kwalità tal-ħajja tagħhom, u l-ispejjeż ekonomiċi persistenti ta' din id-differenza li ammontaw għal madwar EUR 320 biljun fl-2018 (2,4 % tal-PDG tal-UE) (24); billi t-titjib tal-opportunitajiet ta' impjieg għan-nisa, l-iżgurar ta' paga ugwali, l-iffaċilitar ta' bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u r-rikonoxximent adegwat tal-perjodi tat-trobbija tat-tfal fl-iskemi ta' pensjoni tal-irtirar, inkluż għall-irġiel, huma vitali għat-tkabbir u l-iżvilupp soċjali u ekonomiċi sostenibbli u għas-sostenibbiltà fiskali fit-tul fl-UE; |
|
M. |
billi l-persuni li huma emarġinati jew li jbatu mill-esklużjoni soċjali u l-faqar qed jiffaċċjaw sfidi partikolari minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u billi l-bidliet fis-suq tax-xogħol ikkawżati minnha affettwawhom b'mod sproporzjonat; billi l-popolazzjoni tar-Rom tal-UE għadha qed tiffaċċja wħud mill-agħar indikaturi soċjoekonomiċi, peress li 80 % jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, 43 % biss għandhom impjieg bi ħlas, u r-rati ta' NEET huma għoljin b'mod sproporzjonat; billi r-Rom intlaqtu partikolarment ħażin mill-kriżi tal-COVID-19, speċjalment f'termini ta' aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ; |
|
N. |
billi l-persuni b'diżabilità ffaċċjaw aċċess saħansitra aktar limitat għas-servizzi minħabba l-pandemija; billi d-distakk diġitali – inklużi l-faqar diġitali, il-litteriżmu diġitali baxx u d-diffikultajiet bid-disinn għal kulħadd – iżid l-ostakli għad-drittijiet soċjali għal persuni b'diżabilità; billi l-evidenza miġbura mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali żvelat ostakli sinifikanti fl-aċċess għall-edukazzjoni għal tfal b'diżabilità (25); |
|
O. |
billi l-qgħad fost il-ħaddiema temporanji żdied matul il-pandemija tal-COVID-19; billi ħaddiem minn kull ħamsa fl-UE għandu impjieg ta' kwalità baxxa; billi huwa mistenni li fl-għaxar snin li ġejjin, il-polarizzazzjoni tal-impjiegi u l-forom ta' impjieg mhux standard se jkomplu jiżdiedu u se jkun hemm aktar impjiegi fiż-żewġ estremitajiet tal-ispettru tal-ħiliet (26); billi l-bidla teknoloġika u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali jafu jbiddlu s-suq tax-xogħol b'mod sinifikanti; billi dan jaf iwassal għal disparitajiet ulterjuri fir-remunerazzjoni; billi d-domanda għall-ħaddiema kienet konsistentement l-aktar dgħajfa f'nofs id-distribuzzjoni tal-pagi tax-xogħol, l-aktar notevoli matul il-perjodu ta' reċessjoni u n-nuqqas ta' impjiegi bejn l-2008 u l-2013 (27); billi din ix-xejra x'aktarx tissaħħaħ aktar minħabba l-pandemija; billi l-impjiegi b'livell baxx ta' ħiliet dejjem se jkunu essenzjali għas-soċjetajiet u jridu joffru paga u kundizzjonijiet deċenti; billi s-suq tax-xogħol qed jiffaċċja bidla rapida lejn ambjent aktar ekoloġiku u aktar diġitali, u b'hekk qed jinħolqu impjiegi li jirrikjedu kompetenzi aġġornati, u billi hemm ħtieġa konsiderevolment kbira li ssir enfasi fuq l-istrateġija ta' taħriġ, taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet għall-impjegati ta' kull età; billi dan għandu jiġi kkombinat simultanjament mat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda ta' kwalità għal kulħadd; |
|
P. |
billi l-iżvilupp sostenibbli huwa objettiv fundamentali tal-Unjoni Ewropea u s-sostenibbiltà soċjali hija prerekwiżit fundamentali għal tranżizzjonijiet ekoloġiċi, diġitali u demografiċi ġusti u inklużivi; billi l-ekonomija soċjali tas-suq hija bbażata fuq żewġ pilastri komplementari, jiġifieri l-infurzar tal-kompetizzjoni u miżuri robusti ta' politika soċjali li għandhom iwasslu għall-kisba ta' livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali; billi t-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli huma l-pilastru ekonomiku, il-pilastru soċjali u l-pilastru ambjentali; billi l-iżvilupp sostenibbli huwa bbażat, fost affarijiet oħra, fuq livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali; billi dan huwa objettiv fundamentali tal-Unjoni Ewropea stabbilit fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE); |
|
Q. |
billi l-inugwaljanzi fis-saħħa determinati mill-istatus soċjoekonomiku kienu diġà sostanzjali qabel il-kriżi tal-COVID-19; billi ż-żieda fl-istennija tal-għomor fl-UE naqset u ddgħajfet; billi l-kriżi tal-COVID-19 aggravat l-eżiti ta' saħħa fiżika u mentali, speċjalment tal-gruppi l-aktar vulnerabbli; |
|
R. |
billi l-impatt tal-COVID-19 kien aggravat minn inugwaljanzi preeżistenti li kienu qed jiżdiedu matul dawn l-aħħar għaxar snin; billi d-diżinvestiment fis-servizzi pubbliċi wara l-kriżi finanzjarja globali kkontribwixxa għaż-żieda fl-inugwaljanzi marbuta mal-ħtiġijiet tas-saħħa; |
|
S. |
billi tfaċċaw jew intensifikaw forom ġodda ta' impjieg li mistennija jittrasformaw b'mod sinifikanti l-mod ta' ħidma fil-futur, bħat-telexogħol u modi mhux standard ta' xogħol; billi tfaċċaw ukoll realtajiet ġodda u xejriet eżistenti intensifikaw matul il-lockdowns, fosthom in-nuqqas ta' ċarezza fil-linja li tifred ix-xogħol u l-ħajja privata, żieda fil-vjolenza domestika, problemi tas-saħħa fost il-ħaddiema mhux biss direttament marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, bħal disturbi muskoloskeletali u problemi psikoloġiċi, kif ukoll diffikultajiet biex jinżamm bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fir-realtà l-ġdida tax-xejriet tax-xogħol u l-ħtieġa li x-xogħol jiġi kkombinat mad-dmirijiet tal-kura, u spiss l-edukazzjoni mid-dar; |
|
T. |
billi l-pandemija aggravat l-inugwaljanzi soċjali u tas-saħħa (28) għal gruppi estensivi inklużi t-tfal f'familji bi dħul baxx u persuni anzjani, u billi żieda fir-rata tal-faqar (aktar minn 90 miljun ċittadin bħalissa jinsabu f'riskju ta' faqar fl-UE (29)), hija prevista li tkun wieħed mill-effetti sekondarji tal-pandemija tal-COVID-19 u qed taffettwa gruppi ġodda ta' ċittadini; billi l-Eurofound tissuġġerixxi li t-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali li takkumpanja l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tiġi kkomplementata b'indikaturi addizzjonali bħall-kwalità tal-impjiegi, il-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs, sistemi robusti ta' protezzjoni soċjali u mobilità ġusta; |
|
U. |
billi d-djalogu soċjali huwa parti kruċjali fil-mudell soċjali Ewropew peress li jgħin biex jinstabu soluzzjonijiet imfassla apposta għas-suq tax-xogħol; billi d-djalogu soċjali ddgħajjef u l-kopertura tan-negozjar kollettiv naqset madwar l-UE bħala riżultat tal-proċess ta' deċentralizzazzjoni li segwa l-kriżi tal-2008 u r-riformi tas-suq tax-xogħol introdotti f'xi Stati Membri, kif indikat fir-rapporti tal-pajjiżi tas-Semestru Ewropew; billi l-Eurofound uriet li l-involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil tar-reazzjonijet politiċi tas-suq tax-xogħol għall-COVID-19 kien aktar limitat milli kieku kien ikun f'sitwazzjonijiet mhux ta' kriżi f'ħafna Stati Membri (30); |
|
V. |
billi l-inugwaljanzi fl-introjtu għadhom f'livell għoli fl-UE; billi l-kompetizzjoni fl-oqsma tat-taxxa u tal-kost lavorattiv hija ta' ħsara għas-suq uniku u għall-koeżjoni fost l-Istati Membri; billi s-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji progressivi mfassla tajjeb, l-investiment soċjali u l-għoti ta' servizzi pubbliċi u soċjali ta' kwalità huma lievi essenzjali biex jiġi evitat it-trasferiment tal-iżvantaġġi minn ġenerazzjoni għal oħra; |
|
W. |
billi l-pandemija affettwat ħafna s-sistema edukattiva fl-UE, u wasslet għall-għeluq tal-iskejjel, l-universitajiet u l-kulleġġi; billi l-impatti negattivi għas-saħħa fiżika u mentali u l-impatti edukattivi tal-għeluq proattiv tal-iskejjel fuq it-tfal x'aktarx jissuperaw il-benefiċċji tad-deċiżjoni li jingħalqu l-iskejjel, b'mod partikolari f'żoni b'popolazzjoni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali; |
|
X. |
billi l-isfida demografika tirrikjedi approċċ komprensiv ibbażat fuq taħlita ta' soluzzjonijiet ta' politika inklużivi u mhux diskriminatorji fl-oqsma tal-pensjonijiet, is-sigurtà u l-protezzjoni soċjali, servizzi u infrastruttura ta' kwalità u aċċessibbli għall-kura tat-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità, l-appoġġ lill-familji, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni bikrija tat-tfal, il-kura fit-tul, is-sistemi tas-saħħa, inklużi l-kura preventiva u l-appoġġ psikosoċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-integrazzjoni tal-migranti u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tixjiħ b'saħħtu u attiv, livelli għoljin ta' impjiegi u pagi dinjitużi; billi kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol u tal-għajxien tul il-kors tal-ħajja huma kruċjali fil-prevenzjoni tal-ħtiġijiet tal-kura, u billi akkomodazzjoni adegwata u affordabbli u żoni lokali ta' kwalità għolja, inklużi dimensjonijiet fiżiċi, soċjali u tas-servizzi huma importanti peress li jiffaċilitaw l-għajxien indipendenti; |
|
Y. |
billi l-Eurofound uriet li l-forza tax-xogħol tal-kura fit-tul kibret b'terz matul l-aħħar għaxar snin u huwa settur ewlieni li għandu jiġi kkunsidrat, mhux biss biex tiġi żgurata kwalità tal-ħajja għal popolazzjoni li qed tixjieħ, iżda wkoll f'termini ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fi tliet aspetti: bħalissa l-biċċa l-kbira tal-kura fit-tul hija pprovduta minn persuni li jindukraw b'mod informali, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa; il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema fis-settur huma nisa u dan bilkemm inbidel; u l-biċċa l-kbira tar-riċevituri tal-kura huma nisa, li bħala medja għandhom stennija tal-għomor ogħla mill-irġiel fl-Istati Membri kollha (31); |
|
Z. |
billi qed niffaċċjaw żmien kritiku fl-istorja tagħna u l-idea li t-tkabbir ekonomiku jinfirex awtomatikament fis-setturi kollha tas-soċjetà qed tiġi skreditata b'mod wiesa'; billi qed naraw tnaqqis fil-klassi medja, kundizzjonijiet tax-xogħol dejjem aktar prekarji u żieda fil-faqar fost il-ħaddiema manwali, il-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u l-ħaddiema tal-pjattaforma u żieda fil-polarizzazzjoni f'termini ta' introjtu u ġid; billi s-setturi kulturali u kreattivi u s-settur tat-turiżmu, inklużi l-avvenimenti u l-ispettakli, it-turiżmu kulturali, il-prattiki ta' wirt kulturali intanġibbli, flimkien mal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), dawk li jaħdmu għal rashom, in-negozji lokali u tal-familja, intlaqtu ekonomikament ħażin ħafna mill-miżuri maħsuba biex inaqqsu t-tixrid tal-COVID-19; |
|
AA. |
billi r-riskju tal-faqar fost in-nies f'forom ta' impjieg mhux standard jidher li żdied mir-reċessjoni u din ix-xejra ġiet aggravata aktar mill-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa; |
|
AB. |
billi, għall-kuntrarju tal-ipoteżi ta' esklużjoni li pprevaliet fil-ħsieb ekonomiku għal dawn l-aħħar tliet deċennji, l-investiment pubbliku u l-effetti ta' inklużjoni tiegħu għandu jkollhom rwol ċentrali f'din il-bidla ekonomika radikali ġdida; billi l-politika ta' koeżjoni, bħala l-politika ta' investiment ewlenija tal-UE għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u territorjali, tat prova tal-effettività tagħha fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi u tad-differenzi reġjonali, b'mod partikolari fl-ifqar reġjuni; billi l-koeżjoni soċjali hija prekundizzjoni għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u x-xogħol; |
|
AC. |
billi l-pandemija u l-kriżi tal-COVID-19 urew li l-ġlieda kontra l-problema ta' persuni mingħajr dar hija kwistjoni ta' saħħa pubblika; billi huwa tmat li fi kwalunkwe lejl partikolari fl-Unjoni Ewropea madwar 700 000 persuna mingħajr dar ikollhom jorqdu fit-triq jew fi djar ta' kenn, numru li żdied b'70 % f'dawn l-aħħar 10 snin; |
1.
Ifakkar li l-Kummissjoni ddeskriviet, fl-ASGS 2020 u l-Pakkett tar-Rebbiegħa u tas-Sajf tas-Semestru Ewropew 2020, li s-Semestru Ewropew għandu jgħin biex tinkiseb l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-SDGs tan-NU; jilqa' l-inklużjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-SDGs tan-NU fl-ASGS 2021; jitlob b'mod urġenti li l-ġustizzja u d-drittijiet soċjali jingħataw l-istess importanza bħall-objettivi makroekonomiċi f'mudell soċjali u ekonomiku li jtejjeb il-benessri tal-persuni fl-UE; jenfasizza r-rwol ċentrali tat-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali fis-Semestru Ewropew (32);
2.
Jinnota l-konklużjoni tal-Bord Fiskali Ewropew li l-qafas fiskali jrid jiġi rivedut sabiex jillimita l-kumplessitajiet u l-ambigwitajiet, joffri protezzjoni aħjar u aktar permanenti għal nefqa tal-gvern sostenibbli li ssaħħaħ it-tkabbir, u jistabbilixxi miri realistiċi għat-tnaqqis tad-dejn fl-Istati Membri li mhux se jdgħajfu l-konverġenza soċjali 'l fuq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-politiki soċjoekonomiċi, makroekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għall-objettivi u l-miri tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-SDGs tan-NU, u li jiġu introdotti miri u objettivi soċjali u ambjentali fil-qafas tal-proċedura ta' sorveljanza multilaterali msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) kif ukoll fil-kuntest ta' proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku msaħħa; iqis li l-inklużjoni tal-SDGs tan-NU u l-pilastru soċjali fil-kamp ta' applikazzjoni tas-Semestru Ewropew se tirrikjedi l-aġġustament ta' indikaturi eżistenti u l-ħolqien ta' oħrajn ġodda sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-UE, kif ukoll il-koerenza bejn l-għanijiet ta' politika u l-mezzi baġitarji; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mingħajr dewmien metodoloġija ta' traċċar tan-nefqa marbuta mal-SDGs tan-NU għall-baġit tal-UE li tista' tintuża wkoll biex jiġu vvalutati l-investimenti tal-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza;
3.
Jiddikjara li 10 snin wara l-introduzzjoni taċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-iżbilanċi tal-impjieg u dawk soċjali fl-UE, bħas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, id-dispersjoni tal-pagi, u ż-żieda fl-inugwaljanzi u l-faqar, speċjalment il-faqar fost it-tfal, ma ġewx solvuti imma marru għall-agħar, fatt li juri li l-politiki pubbliċi f'ċerti Stati Membri ma kellhomx biżżejjed influwenza biex jibnu sistemi robusti ta' protezzjoni soċjali u suq tax-xogħol tal-UE aktar ġust, u li huma meħtieġa koordinazzjoni u politiki aktar b'saħħithom fil-livell tal-UE; jemmen bis-sħiħ li l-appoġġ tal-UE jrid imur lil hinn milli jagħmel fondi disponibbli; jenfasizza l-importanza li nitgħallmu mill-kriżi attwali ekonomika u tas-saħħa, billi minn issa 'l quddiem naġixxu b'mod preventiv;
4.
Jenfasizza li r-responsabbiltà demokratika għall-proċess ta' evalwazzjoni tas-Semestru attwali jeħtieġ li tissaħħaħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirriformaw il-qafas legali finanzjarju u l-proċess tas-Semestru Ewropew sabiex isaħħu r-responsabbiltà demokratika u l-involviment tal-Parlament Ewropew, isaħħu r-rwol u l-parteċipazzjoni tal-UE u tas-sħab soċjali nazzjonali, u jipproteġu l-objettivi tal-progress soċjali relatati mas-sistemi ta' protezzjoni soċjali u l-impjiegi ta' kwalità fil-programmi ta' aġġustament futuri u fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;
5.
Jenfasizza li għandu jiġi involut aħjar fil-proċess tas-Semestru Ewropew, inkluż fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż; jisħaq fuq l-importanza tar-rwol ta' djalogu soċjali aktar inklużiv mas-sħab soċjali, mas-soċjetà ċivili, mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tiswir tas-Semestru Ewropew; jisħaq fuq il-fatt li metodoloġija ta' traċċar soċjali li tkun effikaċi, trasparenti, komprensiva, orjentata lejn ir-riżultati u bbażata fuq il-prestazzjoni – li se tiġi żviluppata għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – se ttejjeb is-Semestru Ewropew billi tirrifletti aħjar l-isfidi soċjali, tal-ġeneru u ambjentali u tqegħedhom fuq l-istess livell tal-koordinazzjoni fiskali, u billi pereżempju tagħti aktar attenzjoni lill-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, lit-tnaqqis tal-faqar, lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri, lill-ġustizzja soċjali, lill-koeżjoni soċjali u lill-konverġenza 'l fuq;
6.
Jemmen li l-Proċess ta' Semestru Sostenibbli għandu jiffoka b'mod ugwali fuq tliet dimensjonijiet: is-sostenibbiltà ambjentali, is-sostenibbiltà ekonomika u s-sostenibbiltà soċjali; itenni li s-sostenibbiltà soċjali tista' tinkiseb biss permezz tat-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-faqar u billi jiġu offruti opportunitajiet soċjali u ta' impjieg u prosperità kondiviża; jisħaq li l-ġustizzja soċjali, ix-xogħol deċenti b'pagi li jiggarantixxu l-għajxien, l-opportunitajiet indaqs, il-mobbiltà ġusta u s-sistemi robusti tas-sigurtà soċjali huma elementi essenzjali fit-tranżizzjoni ġusta lejn UE sostenibbli u soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa d-dimensjonijiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli sabiex tiżgura li jkunu konformi bis-sħiħ mal-Artikolu 3 TUE, li jistabbilixxi l-iżvilupp sostenibbli bħala l-objettiv li l-UE trid taħdem għalih, abbażi ta' tkabbir ekonomiku bbilanċjat u stabbiltà fil-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, filwaqt li timmira għal livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali, u livell għoli ta' protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw, flimkien mal-Parlament Ewropew, fuq l-indirizzar ta' dawn l-isfidi permezz ta' politiki ekosoċjali tal-UE, li jgħaqqdu l-prosperità ekonomika kondiviża, il-progress soċjali u l-iżvilupp sostenibbli;
Id-dimensjoni soċjali fi ħdan il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
|
7. |
Jilqa' l-adozzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; jirrikonoxxi li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tkun marbuta mal-proċess tas-Semestru Ewropew; jissottolinja li l-koordinazzjoni bejn iż-żewġ proċessi trid tkun trasparenti u tappoġġja l-objettivi globali tal-UE bħall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-SDGs tan-NU, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-tranżizzjoni diġitali; jenfasizza li s-Semestru Ewropew, inklużi l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, huwa l-qafas li jidentifika l-prijoritajiet ta' riformi nazzjonali u li jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom; jinsisti li r-riformi għandhom ikunu bbażati fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni, il-ġustizzja soċjali u distribuzzjoni ekwa tal-ġid, bl-għan li jinħolqu impjiegi ta' kwalità u tkabbir sostenibbli, jiġu żgurati opportunitajiet ugwali u protezzjoni soċjali, u l-aċċess għalihom, jiġu protetti l-gruppi vulnerabbli u jittejbu l-istandards tal-għajxien ta' kulħadd fl-UE; |
|
8. |
Jifhem li l-Istati Membri jridu jinkludu miżuri dwar il-koeżjoni soċjali u territorjali, it-tfal u ż-żgħażagħ fil-pjanijiet ta' rkupru nazzjonali tagħhom sabiex ikollhom aċċess għall-fond; jinnota li t-tapep u l-miri soċjali la ġew definiti b'mod espliċitu u lanqas ma ġew allokati fir-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, iżda li, skont ir-regolament adottat, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-indikaturi komuni li għandhom jintużaw għar-rappurtar dwar il-progress u għall-fini ta' monitoraġġ u evalwazzjoni tal-faċilità, u għandha tiddefinixxi metodoloġija għar-rappurtar tan-nefqa soċjali, inkluż fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, fl-ambitu tal-faċilità; jirrimarka l-importanza partikolari tal-indikaturi relatati mal-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-EPRS, impjiegi ta' kwalità, konverġenza soċjali 'l fuq, opportunitajiet u protezzjoni soċjali ugwali u aċċess għalihom, edukazzjoni u ħiliet, u investiment fl-aċċess u l-opportunitajiet għat-tfal u ż-żgħażagħ relatati mal-edukazzjoni, is-saħħa, in-nutrizzjoni, l-impjiegi u l-akkomodazzjoni, f'konformità mal-objettivi tal-Garanzija għat-Tfal u tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Parlament Ewropew, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, fil-kuntest tad-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza, biex tiddefinixxi dawn l-indikaturi, f'konformità ma' dawk stabbiliti mir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Ewropa soċjali b'saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti, sabiex jiġu vvalutati l-investimenti fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza u r-riformi tagħhom, kif ukoll il-miżuri proposti biex jiġi żgurat progress lejn dawn l-għanijiet; |
|
9. |
Jirrimarka li l-Istati Membri se jiddisinjaw il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza mfassla apposta tagħhom stess, fuq il-bażi tal-kriterji u tal-approċċ b'sitt pilastri tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tal-prijoritajiet ta' investiment u riforma identifikati bħala parti mis-Semestru Ewropew, f'konformità mal-programmi ta' riforma nazzjonali, il-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima, il-pjanijiet ta' Tranżizzjoni Ġusta, il-pjanijiet ta' implimentazzjoni ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi stabbiliti b'rabta mal-fondi tal-UE; ifakkar li kull Stat Membru jrid jinkludi fil-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tiegħu spjegazzjoni dettaljata dwar kif il-pjan jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif ukoll kif isaħħaħ il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, il-konverġenza soċjali 'l fuq, l-investimenti fiż-żgħażagħ u t-tfal, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu wkoll miri u tapep soċjali u jispeċifikaw l-ammont stmat ta' investiment fil-progress soċjali biex dawn jinkisbu; jinsisti li l-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza jridu jikkontribwixxi biex jinkisbu l-SDGs tan-NU, tiġi implimentata l-istrateġija ta' tkabbir tal-UE kif stipulata fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, u jitwettqu l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal offrut mill-klawżola liberatorja ġenerali biex jappoġġjaw lil kumpaniji li jinsabu f'diffikultà u li huma neqsin mil-likwidità, b'mod partikolari billi jtejbu l-aċċess tal-SMEs għal finanzjament pubbliku u privat, jissalvagwardjaw l-impjiegi, il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu fl-UE u jinvestu fin-nies u fis-sistemi tas-sigurtà soċjali; |
|
10. |
Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-indikaturi soċjali mit-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari dawk relatati max-xogħol deċenti, il-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs, is-sistemi ta' protezzjoni soċjali robusti u l-mobbiltà ġusta, fl-indikaturi komuni li għandhom jintużaw fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għar-rappurtar dwar il-progress u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-pjanijiet, kif ukoll fil-metodoloġija għar-rappurtar dwar l-investiment soċjali, inkluż għall-Garanzija għat-Tfal u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jisħaq li l-Parlament Ewropew se janalizza mill-qrib l-att delegat li l-Kummissjoni se tippreżenta dwar din il-kwistjoni, sabiex jistabbilixxi jekk l-indikaturi soċjali, it-tabella ta' valutazzjoni u l-metodoloġija soċjali jikkonformawx mal-objettivi, u jivverifika li m'hemmx oġġezzjonijiet xi jsiru; |
|
11. |
Jemmen li sistemi robusti tas-sigurtà soċjali mibnija fuq strutturi ekonomiċi u soċjali b'saħħithom jgħinu lill-Istati Membri jirreaġixxu b'mod aktar effiċjenti u b'mod ġust u inklużiv għax-xokkijiet u jirkupraw minnhom aktar malajr; jenfasizza li s-sistemi tas-sigurtà soċjali jikkontribwixxu biex jiġi garantit li s-soċjetajiet tal-UE u kull min jgħix fl-UE jkollhom aċċess għas-servizzi integrali u l-appoċċ ekonomiku li jeħtieġu biex jgħixu ħajja deċenti, li jkopru l-oqsma ta' intervent li ġejjin: is-sigurtà soċjali, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-kultura, l-akkomodazzjoni, l-impjiegi, il-ġustizzja u s-servizzi soċjali għall-gruppi vulnerabbli; jenfasizza, barra minn hekk, li s-sistemi tas-sigurtà soċjali jaqdu rwol ewlieni fir-rigward tal-kisba ta' żvilupp soċjali sostenibbli, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u l-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali; iwissi li matul il-kriżi tal-COVID-19, is-sistemi tas-sigurtà soċjali kienu taħt pressjoni bla preċedent, peress li ma kinux previsti biex ikopru d-domandi soċjali kkawżati minn emerġenza tal-kura tas-saħħa u ekonomika; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu, bl-appoġġ tal-UE, is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaħdmu tajjeb u jassistu lill-popolazzjoni kollha, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' kriżi jew xokkijiet sistemiċi, inkluż billi jistabbilixxu miri għal investiment soċjali ambizzjuż daqs l-investimenti diġitali u ekoloġiċi; |
|
12. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw, fil-miżuri ta' rkupru tagħhom, il-ħtiġijiet tat-tfal u jieħdu miżuri biex jiżguraw aċċess ekwu għat-tfal kollha għall-appoġġ fis-snin bikrin, għat-tagħlim ta' teknoloġiji ġodda, ħiliet u użu etiku u sikur ta' għodod diġitali, u għal opportunitajiet għall-benesseri soċjali, mentali, kulturali u fiżiku; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strateġija ambizzjuża kontra l-faqar u talloka baġit akbar għall-Garanzija għat-Tfal; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Garanzija għat-Tfal li jmiss tiggarantixxi aċċess ugwali tat-tfal għal kura tas-saħħa b'xejn, edukazzjoni b'xejn, kura tat-tfal b'xejn, akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata; |
|
13. |
Jemmen li l-investimenti u r-riformi li jtejbu l-ġustizzja u t-tkabbir sostenibbli msemmija fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza jridu jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali u tas-servizzi soċjali u jsaħħu r-reżiljenza tagħhom; itenni l-importanza tal-politika ta' koeżjoni, li jqis li hija strateġija li tippromwovi u tappoġġja l-iżvilupp ġenerali armonjuż tal-Istati Membri tal-UE u r-reġjuni tagħha, bl-għan li ssaħħaħ l-iżvilupp territorjali u ekonomiku u l-koeżjoni soċjali billi tnaqqas id-disparitajiet fi ħdan l-UE, b'attenzjoni speċjali fuq l-ifqar reġjuni; f'dan is-sens, jirrimarka li r-riformi u l-investimenti fil-koeżjoni soċjali u territorjali għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-ġlieda kontra l-faqar u għall-indirizzar tal-qgħad, iwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja u stabbli u l-inklużjoni u l-integrazzjoni ta' gruppi żvantaġġati, u jippermettu t-tisħiħ tad-djalogu soċjali, l-intraprenditorija, l-infrastruttura soċjali u s-sistemi tal-protezzjoni u tas-sigurtà soċjali; |
|
14. |
Jemmen li biex jiġi żgurat li l-UE tibqa' reżiljenti, jeħtiġilna niffukaw il-politiki kollha fuq l-iżgurar ta' rkupru dejjiemi, filwaqt li nevitaw it-tmiem prematur tal-miżuri u l-għodod finanzjarji li jappoġġjaw lill-kumpaniji u lill-ħaddiema, u nsaħħuhom fejn u meta jkun hemm bżonn; jilqa' l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali fl-ambitu tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir mill-inqas sa tmiem l-2021; jistenna li tibqa' attivata sakemm tibqa' teżisti l-ġustifikazzjoni sottostanti għall-attivazzjoni; jinsisti li kwalunkwe programm ta' aġġustament futur għandu jiffoka fuq it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u jkun koerenti u ma jfixkilx ir-riformi jew l-investimenti fil-progress soċjali lejn it-tapep u l-miri soċjali identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew u l-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, b'mod partikolari l-progress lejn it-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanzi; jirrimarka li se jkollu jiġi żgurat appoġġ finanzjarju permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza sabiex l-Istati Membri jiksbu dawn it-tapep u l-miri soċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw investiment sostenibbli u jappoġġjaw lill-SMEs u lill-impjegati tagħhom fit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar diġitali u aktar ekoloġika u fl-issoktar tal-attività ekonomika, u jagħtu kunsiderazzjoni adegwata lill-SMEs billi janalizzaw l-effetti possibbli tal-politiki ta' konsolidazzjoni fiskali fuqhom, peress li l-SMEs huma wieħed mill-muturi ewlenin tal-ekonomija tal-UE u huma vitali għat-tkabbir sostenibbli; |
|
15. |
Jemmen li l-qafas ta' governanza ekonomika jrid jevita l-proċikliċità, peress li din tista' tirriżulta f'żidiet fil-faqar u l-inugwaljanzi u f'devjazzjoni mill-objettivi soċjali maqbula fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; jitlob li l-konsegwenzi soċjali negattivi potenzjali tad-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jiġu evalwati skont l-Artikolu 9 TFUE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-kuntest tad-Djalogu dwar l-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, jaħdmu flimkien mal-Parlament Ewropew sabiex jipproponu l-bidliet neċessarji fil-governanza ekonomika li se jiżguraw il-progress soċjali u jipproteġu lil dawk l-aktar vulnerabbli milli jġorru l-konsegwenzi ta' kwalunkwe programm ta' aġġustament futur potenzjali; |
|
16. |
Jirrikonoxxi li Next Generation EU huwa sostanzjali, iżda jiddispjaċih li d-daqs limitat tal-baġit tal-UE, flimkien mal-prinċipju tal-ekwilibriju tiegħu u l-fatt li, min-natura tiegħu, huwa bbażat fuq in-nefqa, ifisser li anki l-funzjonijiet ta' ridistribuzzjoni u stabbilizzazzjoni tiegħu huma limitati ħafna; jirrikonoxxi l-importanza tal-politiki soċjali u ta' koeżjoni, u mhuwiex se joqgħod lura milli jsaħħaħhom jekk jinbtu ħtiġijiet ulterjuri; jisħaq għaldaqstant fuq il-fatt li huwa aktar u aktar importanti li jiġu sfruttati bi sħiħ il-possibbiltajiet kollha offruti fl-ambitu tal-QFP, Next Generation EU u s-sistema tar-riżorsi proprji biex jiġu appoġġjati rkupru nazzjonali inklużiv, ġustizzja soċjali u reżiljenza ambjentali, ekonomika, soċjali u inklużiva, u biex tingħata spinta lill-politiki u l-investimenti soċjali, filwaqt li jissaħħaħ ukoll il-baġit tal-UE permezz ta' portafoll usa' ta' riżorsi proprji; |
|
17. |
Jemmen li Next Generation EU, il-QFP u l-Baġit tal-UE jridu jiddedikaw investimenti għall-objettivi soċjali, u b'mod partikolari l-progress soċjali, kif stipulat fl-Artikolu 3 TUE u l-Artikolu 9 TFUE, li jkollhom ambizzjoni simetrika għall-investimenti fl-oqsma ekoloġiċi u diġitali, u jemmen li t-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanzi għandu jkun ukoll kunsiderazzjoni trasversali fid-deċiżjonijiet kollha relatati man-nefqa; jemmen li jista' jkun meħtieġ li l-funzjonijiet ta' ridistribuzzjoni u stabbilizzazzjoni tal-baġit tal-UE jiġu msaħħa favur irkupru b'saħħtu u inklużiv; jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw bi sħiħ il-possibbiltajiet kollha fl-ambitu tal-QFP, Next Generation EU u s-sistema tar-riżorsi proprji biex jappoġġjaw l-objettivi soċjali u l-ġustizzja soċjali fl-irkupru nazzjonali tagħhom, sabiex tissaħħaħ l-ambizzjoni soċjali kemm fil-QFP kif ukoll fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; jistieden lill-Istati Membri jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-programmi u l-fondi tal-UE skont il-QFP 2021–2027, u jirratifikaw b'mod urġenti d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053, u jisħaq li l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda se tkun kruċjali biex jitħallsu lura l-flus minfuqa fl-ambitu tal-istrument tal-UE għall-irkupru mingħajr tnaqqis żejjed fin-nefqa jew fl-investiment tal-UE fl-impjiegi u l-politiki soċjali fl-ambitu tal-QFP 2021–2027; |
|
18. |
Jilqa' l-inklużjoni fi ħdan is-Semestru Ewropew tal-komponenti li jirreferu għall-attivitajiet speċifiċi fis-setturi tal-edukazzjoni, il-kultura, l-isport u l-midja mwettqa fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib ir-rapporti ta' progress tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza fi ħdan l-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew sabiex tivverifika sa liema punt ikunu ntlaħqu l-objettivi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; |
|
19. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-ASGS 2021 issemmi l-kisba tal-objettiv tal-UE tas-sostenibbiltà kompetittiva, iżda li dan il-kunċett m'huwiex definit bħala objettiv fit-Trattati tal-UE u ma jissemmiex fl-SDGs tan-NU; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tikseb l-objettivi definiti fl-Artikolu 3 TUE u l-Artikoli 8 sal-11 TFUE, u tkun aktar preċiża fid-definizzjoni ta' reżiljenza, mifhuma bħala l-abbiltà li wieħed mhux biss jirreżisti u jlaħħaq mal-isfidi iżda wkoll li jwettaq tranżizzjonijiet b'mod sostenibbli, ġust u demokratiku (33); |
|
20. |
Jissottolinja li l-progress soċjali huwa wieħed mill-għanijiet tal-UE stipulati fl-Artikolu 3(3) TUE; jinnota li l-ftehim tal-QFP jrid jindirizza kif xieraq il-konsegwenzi soċjali serji tal-pandemija tal-COVID-19 u l-ħtieġa ta' rispons robust biex isir investiment fl-evitar ta' żieda ulterjuri fil-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, filwaqt li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; jenfasizza l-ħtieġa li l-progress soċjali jsir prijorità ta' investiment, flimkien mat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, sabiex il-membri kollha tas-soċjetajiet tagħna, b'mod partikolari l-persuni l-aktar vulnerabbli, jiġu protetti mill-impatt negattiv tal-kriżi attwali u tiġi mmitigata ż-żieda fl-inugwaljanzi; ifakkar li l-Kummissjoni tistma l-investiment meħtieġ fl-infrastruttura soċjali għal EUR 192 biljun, fejn is-saħħa u l-kura fit-tul jirrappreżentaw 62 % (EUR 57 biljun għall-akkomodazzjoni affordabbli, EUR 70 biljun għas-saħħa, EUR 50 biljun għall-kura fit-tul, u EUR 15-il biljun għall-edukazzjoni u l-apprendiment tul il-ħajja) (34); itenni l-importanza ta' proġetti li jiġġeneraw impatti soċjali pożittivi u jsaħħu l-inklużjoni soċjali; ifakkar li l-pjanijiet ta' progress soċjali jridu jiġu inklużi fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza u jiddeskrivu l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-investiment soċjali sabiex titnaqqas id-diskrepanza fl-investiment fl-infrastruttura soċjali; jisħaq fuq ir-rwol tal-Parlament Ewropew bħala koleġiżlatur u jitlob li jiġi meqjus il-kontribut tiegħu sabiex jiġi żgurat monitoraġġ demokratiku fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi li jiggarantixxu d-djalogu mas-sħab soċjali reġjonali; |
|
21. |
Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-allokazzjonijiet tagħhom għall-edukazzjoni fl-ambitu tal-prodott domestiku gross, u jistabbilixxu, fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom, l-investiment ambizzjuż fil-livelli kollha tal-edukazzjoni – inklużi l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid – bħala kundizzjoni għal irkupru ekonomiku li jrawwem il-koeżjoni soċjali u jindirizza l-inugwaljanzi; |
Id-dimensjoni soċjali
|
22. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod attiv id-distakk diġitali fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi, li bosta minnhom ġew diġitalizzati matul il-pandemija tal-COVID-19, billi jiżguraw appoġġ tal-UE, inkluż appoġġ finanzjarju, għall-innovazzjoni soċjali fil-livell lokali bl-għan li s-servizzi pubbliċi jsiru aċċessibbli aktar faċilment, inklużi l-bini tal-kapaċitajiet u l-iskalar tal-inizjattivi innovattivi minn isfel għal fuq għall-inklużjoni elettronika u l-litteriżmu fid-data, sabiex jiġi żgurat li fl-UE kulħadd ikollu aċċess għal servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità għolja, aċċessibbli u faċli għall-utent; jisħaq fuq l-importanza tat-tisħiħ ulterjuri tal-ħiliet diġitali u l-promozzjoni tat-trasformazzjoni diġitali tan-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi; jissottolinja li d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi tista' tgħin biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà ġusta tal-ħaddiema, partikolarment fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, u jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom favur din id-diġitalizzazzjoni; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiffukaw ukoll fuq l-innovazzjoni u l-investimenti f'konnettività u infrastruttura mtejba għall-unitajiet domestiċi urbani u rurali u tul il-kurituri ewlenin tat-trasport; |
|
23. |
Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex isaħħu l-infrastrutturi diġitali tagħhom, il-konnettività tagħhom u l-metodi edukattivi użati fl-iskejjel, l-universitajiet u ċ-ċentri ta' apprendiment tagħhom, jaċċeleraw ir-riformi li jimplimentaw it-trasformazzjoni diġitali, biex b'hekk ikun żgurat li fl-UE kulħadd ikun jista' jibbenefika, u jagħmlu sforz partikolari biex jiżguraw li l-edukazzjoni online tkun aċċessibbli għal kulħadd; ifakkar, f'dan il-kuntest, il-bżonn li jitħarrġu b'mod adegwat, l-għalliema, min iħarreġ u l-ġenituri, li lkoll jiżvolġu rwol kruċjali fit-trasformazzjoni diġitali, speċjalment fir-rigward tal-formati l-ġodda bħall-apprendiment mill-bogħod u mħallat; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn ta' valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt li tħalli l-espożizzjoni esaġerata għad-dinja diġitali u jitlob l-adozzjoni ta' miżuri li jippromwovu fehim aħjar tar-riskji maħluqa mit-teknoloġiji diġitali, li jistgħu jaffettwaw it-tfal u ż-żgħażagħ b'mod partikolari; jisħaq fuq il-fatt li, fit-terminu twil, l-aċċess għall-edukazzjoni diġitali u online mhux maħsub biex jissostitwixxi, iżda pjuttost biex jikkomplementa l-interazzjoni diretta bejn l-għalliema u l-istudenti, billi l-apprendiment in persona biss jista' jiżgura b'mod effettiv il-kisba tal-ħiliet soċjali u interpersonali; |
|
24. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġbru data aħjar u aktar armonizzata dwar l-għadd ta' persuni mingħajr dar fl-UE, peress li dan jikkostitwixxi l-bażi ta' kwalunkwe politika pubblika effettiva; |
|
25. |
Jenfasizza li l-investiment fid-drittijiet soċjali huwa importanti, bħalma hija importanti wkoll l-integrazzjoni tal-prinċipji minquxa fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, filwaqt li jitqiesu debitament l-ambjenti soċjoekonomiċi differenti, id-diversità tas-sistemi nazzjonali u r-rwol tas-sħab soċjali; |
|
26. |
Jinsab imħasseb dwar l-ammonti kbar ta' dħul mit-taxxa li ma jinġabrux minħabba l-evitar tat-taxxa fuq skala kbira; jistieden lill-Kunsill iħaffef in-negozjati dwar il-leġiżlazzjoni rigward ir-rapportar pubbliku għal kull pajjiż u bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva, u jirrevedi l-kriterji kemm għall-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta għat-Tassazzjoni tal-Intrapriżi kif ukoll għal-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx; |
|
27. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jagħmlu l-almu tagħhom biex jiġġieldu l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa u jiġġieldu wkoll b'mod effettiv il-prattiki tat-taxxa dannużi adottati minn ċerti Stati Membri; |
|
28. |
Jiddispjaċih li l-mod kif id-data hija ppreżentata fir-rapport konġunt dwar l-impjiegi mhuwiex ċar u li d-data ħafna drabi tkun inkonklużiva jew diffiċli biex titqabbel, fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-pagi, il-produttività, il-profitti u l-qligħ kapitali, is-sussidji u l-ħelsien mit-taxxa għall-korporazzjonijiet, u l-porzjon ta' taxxa għax-xogħol u l-kapital; iwissi li l-produttività multifattorjali mhijiex qed titkejjel; jistieden lill-Istati Membri jinkludu l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri bħala waħda mill-għodod tas-Semestru Ewropew u janalizzaw ir-riformi strutturali minn perspettiva tal-ġeneru; ifakkar li biex wieħed jifhem id-domandi, l-imġiba u r-risponsi ġodda, jenħtieġu ġbir, monitoraġġ u użu aħjar ta' forom eżistenti u ġodda ta' data u evidenza; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' referenzi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u r-razziżmu u għall-iżgurar ta' opportunitajiet indaqs u ħajja dinjituża għall-gruppi kollha, inkluż tat-tfal u f'termini tal-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni, politika u prattika kontra d-diskriminazzjoni, sabiex tingħeleb b'mod effettiv id-diskriminazzjoni fuq kull bażi, inkluż l-anti-Żingariżmu, u jiġi ppreservat il-benesseri soċjali, mentali, kulturali u fiżiku fil-miżuri ta' rkupru; |
|
29. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw pakkett dwar impjiegi ta' kwalità sostenibbli, b'kont meħud tal-forom diversi ta' prattiki nazzjonali u r-rwol tas-sħab soċjali u n-negozjar kollettiv, inklużi inizjattivi leġiżlattivi mmirati mhux biss lejn it-titjib tal-pagi iżda wkoll lejn l-iżgurar ta' kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għal kulħadd, b'enfasi partikolari fuq it-telexogħol, id-dritt ta' skonnessjoni, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-benesseri mentali fuq il-post tax-xogħol, il-liv tal-ġenituri u relatat mal-indukrar, is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali, id-drittijiet tal-ħaddiema tal-pjattaformi, filwaqt li jiġu żgurati impjiegi ta' kwalità għall-ħaddiema essenzjali, u filwaqt li jissaħħu d-demokrazija fuq il-post tax-xogħol u r-rwol tas-sħab soċjali u n-negozjar kollettiv; jenfasizza li l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità huwa wieħed mill-objettivi inklużi fir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u li dan għandu jsir permezz ta' pakkett kumprensiv ta' riformi u investimenti kif ukoll miżuri li jiżguraw kuntratti stabbli, pagi deċenti, kopertura tan-negozjar kollettiv u limiti minimi ta' protezzjoni soċjali, inklużi pensjonijiet deċenti 'l fuq mis-soll tal-faqar; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dawn l-indikaturi fil-linji gwida għall-valutazzjoni tal-progress soċjali fl-ambitu tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza; jirrimarka li r-riformi tas-suq tax-xogħol imwettqa bħala parti mill-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza jridu jkunu konformi mal-kisba ta' dawn l-objettivi; |
|
30. |
Jinnota li l-politiki makroekonomiċi li jiggarantixxu livelli għoljin ta' impjieg, kif ukoll tassazzjoni ġusta, huma essenzjali għas-sostenibbiltà tas-sistemi nazzjonali tal-pensjonijiet tagħna f'kuntest demografiku ta' popolazzjonijiet tal-Istati Membri li qed jixjieħu; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' appoġġ ulterjuri għall-ħaddiema u n-negozji hekk kif l-Istati Membri jkomplu jistinkaw favur l-istabbiltà makroekonomika wara l-kriżi tal-COVID-19; jitlob approċċ koordinat fil-livell tal-UE sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta u dannuża fil-kost lavorattiv u tiżdied il-konverġenza soċjali 'l fuq għal kulħadd; |
|
31. |
Jisħaq fuq il-fatt li d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma strumenti ewlenin li jgħinu lil min iħaddem u t-trade unions jistabbilixxu pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u li s-sistemi ta' negozjar kollettiv b'saħħithom iżidu r-reżiljenza tal-Istati Membri fi żminijiet ta' kriżi ekonomika; jemmen bis-sħiħ li rkupru demokratiku, reżiljenti u soċjalment ġust għandu jkun ibbażat fuq djalogu soċjali, inkluż in-negozjar kollettiv; itenni l-fehma tiegħu li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jippromwovu densità għolja tat-trade unions u jreġġgħu lura t-tnaqqis fil-kopertura tan-negozjar kollettiv; jirrimarka l-importanza li jiġi żgurat li l-ħaddiema fl-UE jkunu protetti permezz ta' pagi minimi adegwati, permezz tal-liġi jew ftehimiet kollettivi, li jippermettu standard tal-għajxien deċenti indipendentement minn fejn jaħdmu; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea, li għandha l-għan li żżid il-kopertura tan-negozjar kollettiv u tiżgura li l-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea jkunu protetti permezz ta' pagi minimi stabbiliti f'livelli adegwati; |
|
32. |
Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jippromwovu aċċess effettiv għas-sistemi ta' protezzjoni soċjali sabiex tiġi żgurata protezzjoni soċjali bażika adegwata għall-ħaddiema kollha (b'mod partikolari ħaddiema vulnerabbli bħal dawk f'forom ta' impjieg mhux standard, dawk li jaħdmu għal rashom, il-migranti u dawk b'diżabbiltà), b'mod partikolari billi jsegwu r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (35); jilqa', għal darb'oħra, l-adozzjoni ta' din ir-rakkomandazzjoni bħala l-ewwel miżura u l-impenn tal-Kummissjoni li ssaħħaħ is-sistemi ta' protezzjoni soċjali fl-UE, iżda jenfasizza l-ħtieġa li l-aċċess universali għall-protezzjoni soċjali jsir realtà, b'mod speċjali fil-kuntest diffiċli attwali; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jsaħħu l-inċentivi biex iżidu l-opportunitajiet ta' impjieg għall-ħaddiema akbar fl-età, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet; |
|
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-pubblikazzjoni tal-istrateġija tagħha dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà u jħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu f'moħħhom u jaħdmu biex jikkumpensaw għall-effetti negattivi sproporzjonati li l-miżuri adottati fil-kuntest tal-pandemija għandhom fuq il-gruppi vulnerabbli; |
|
34. |
Ifakkar li l-kriżi tal-COVID-19 qiegħdet is-sistemi tas-saħħa pubblika tal-Istati Membri taħt pressjoni liema bħalha, u dan jissottolinja kemm l-importanza ta' finanzjament adegwat, b'mod partikolari billi jsir l-aħjar użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex titjieb il-kapaċità ta' tħejjija għal kriżi u tissaħħaħ ir-reżiljenza soċjali u istituzzjonali, kif ukoll l-importanza tal-kapaċità, l-aċċessibbiltà, l-effettività u l-kwalità tas-saħħa pubblika u ta' kura tas-saħħa mgħammra b'biżżejjed persunal, inkluż biex tiġi aċċelerata d-distribuzzjoni koordinata tal-vaċċini u jiġi żgurat l-aċċess f'waqtu għalihom għall-Istati Membri kollha u għan-nies kollha; jilqa', f'dan ir-rigward, il-ħolqien ta' Unjoni tas-Saħħa tal-UE b'saħħitha; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess ugwali u universali għal kura tas-saħħa ta' kwalità għolja, li tinkludi l-kura preventiva u fit-tul u l-promozzjoni tas-saħħa, b'enfasi speċjali fuq il-kura ta' kwalità għall-anzjani, b'mod partikolari billi jagħmlu investimenti ddedikati fil-qasam u jtemmu l-prekarjetà u l-abbuż tax-xogħol temporanju fis-settur tas-saħħa; |
|
35. |
Jenfasizza li l-indirizzar tal-pandemija huwa prerekwiżit għall-irkupru soċjali u ekonomiku u għall-effettività tal-isforzi ta' rkupru; jilqa' l-iżvilupp tal-vaċċini kontra l-COVID-19, iżda jinsab imħasseb ħafna dwar il-każijiet serji ta' nuqqas ta' konformità mal-iskedi tal-produzzjoni u tal-konsenja; jitlob li l-vaċċini kontra l-COVID-19 jiġu ttrattati fil-prattika bħala oġġetti pubbliċi garantiti għal kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jegħlbu l-ostakli u r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-privattivi u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex tiġi żgurata l-produzzjoni mifruxa tal-vaċċini u d-distribuzzjoni f'waqtha tagħhom lill-pajjiżi kollha u liċ-ċittadini kollha; |
|
36. |
Ifakkar li d-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi, fil-pagi u fil-pensjonijiet għadha għolja ħafna; jissottolinja li l-proċess tas-Semestru Ewropew u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandhom jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi; jappella għat-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru, u jitlob lill-Kummissjoni taċċellera l-introduzzjoni ta' metodoloġija effettiva, trasparenti, komprensiva, orjentata lejn ir-riżultati u bbażata fuq il-prestazzjoni għall-programmi kollha tal-UE; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tintroduċi miżuri vinkolanti ta' trasparenza fil-pagi, inkluż indiċi tal-ugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel; iħeġġeġ l-adozzjoni rapida ta' dawn il-miżuri sabiex jiġu evitati aktar inugwaljanzi bbażati fuq il-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw l-intraprenditorija fost in-nisa u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għall-finanzjament; jistieden lill-Istati Membri jiżblokkaw in-negozjati fil-Kunsill dwar id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet; |
|
37. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-futur testendi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż biex jiġi inkluż eżitu rigward l-involviment tas-sħab soċjali fil-mekkaniżmi għall-iffissar tal-pagi u l-effettività tal-involviment tagħhom; |
|
38. |
Jisħaq li l-implimentazzjoni f'waqtha, effettiva u ekwa tal-aġenda tal-UE dwar il-ħiliet hija kritika għall-promozzjoni tal-impjiegi fis-settur tas-saħħa u l-indirizzar tan-nuqqas ta' ħiliet f'oqsma ġodda tax-xogħol; iwissi, madankollu, li aġenda dwar il-ħiliet mhijiex biżżejjed biex jiġu indirizzati l-prekarjetà li qed tiżdied u l-faqar fost dawk li jaħdmu fis-suq tax-xogħol tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jiġu żviluppati ħiliet u taħriġ vokazzjonali ta' kwalità għolja, affordabbli u inklużivi permezz tal-kisba u r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u r-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-kompetenzi, l-eżiti tal-apprendiment u d-diplomi fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, kif ukoll tal-apprendiment mhux formali b'appoġġ imfassal apposta u sensibilizzazzjoni attiva, b'mod partikolari għall-gruppi l-aktar marġinalizzati fis-soċjetà, biex b'hekk tiġi evitata l-istereotipizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jitħeġġu l-prattiki ta' apprendiment tul il-ħajja madwar l-UE, peress li dawn se jkunu element essenzjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija diġitali, ekoloġika, kompetittiva u reżiljenti tal-UE; |
|
39. |
Ifakkar fl-importanza ta' programmi tal-UE bħall-programm Garanzija għaż-Żgħażagħ, li l-pakkett tiegħu ġie msaħħaħ reċentement; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw malajr dan il-programm, f'allinjament mill-qrib ma' fondi tal-UE bħall-Fond Soċjali Ewropew Plus, biex jindirizzaw is-sitwazzjoni tan-NEET tagħhom, bi tħassib partikolari fir-rigward ta' dawk li jgħixu f'żoni rurali u reġjuni b'restrizzjonijiet naturali jew demografiċi fis-swieq tax-xogħol tagħhom, sabiex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta' 30 sena jirċievu offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, taħriġ jew edukazzjoni vokazzjonali, ikunu kapaċi jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għal opportunitajiet ta' impjieg f'firxa wiesgħa ta' setturi, jew jiġu offruti traineeship jew apprendistat b'remunerazzjoni fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew jitilqu minn edukazzjoni formali; |
|
40. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadattaw b'mod temporanju l-Iskema tal-UE ta' Frott, Ħxejjex u Ħalib fl-Iskejjel għall-għeluq tal-iskejjel, meta dan ikun meħtieġ sabiex tiġi miġġielda l-pandemija, jiġi żgurat li t-tfal iżommu drawwiet alimentari tajbin għas-saħħa matul perjodi bħal dawn, tiġi evitata l-malnutrizzjoni fost dawk f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali, u jiġu appoġġjati l-produtturi lokali; |
|
41. |
Jissottolinja l-importanza tal-koordinazzjoni orizzontali bejn il-programmi tal-UE u l-miżuri nazzjonali għall-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza, għall-iżvilupp soċjali u għall-ġlieda kontra r-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, inklużi l-faqar fost it-tfal u l-faqar fost dawk li jaħdmu, u għall-prevenzjoni tal-ħolqien ta' nuqqas ta' ħiliet u inugwaljanzi fl-introjtu; jirrimarka li l-Fond Soċjali Ewropew huwa eżempju ċarissimu tal-koordinazzjoni orizzontali msemmija hawn fuq; jissottolinja bil-qawwa, fl-istess ħin, li l-impatt soċjali u fuq l-impjiegi għandu jkun kunsiderazzjoni trasversali fil-programmi ta' nfiq kollha; |
|
42. |
Jenfasizza li l-garanzija ta' kontinġenza tal-baġit tal-UE, il-funzjonijiet tiegħu ta' teħid u għoti ta' self, u b'mod partikolari l-istrument tal-UE għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (l-istrument SURE), huma eżempji perfetti ta' kif il-kapaċità ta' kreditu u r-reputazzjoni tal-baġit tal-UE jistgħu jintużaw biex jiġu appoġġjati l-azzjonijiet tal-Istati Membri bi qbil mal-prijoritajiet tal-UE, b'mod partikolari fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali miġjuba minn kriżi sanitarja u ekonomika li kienet mingħajr preċedent fl-istorja tal-UE; |
|
43. |
Jappella għal koordinazzjoni aħjar bejn il-politiki ambjentali, ekonomiċi u soċjali u bejn il-fondi strutturali u l-fondi ta' rkupru differenti, sabiex jittejbu s-sinerġiji u tingħata spinta lir-riżorsi ta' investiment soċjali, inklużi dawk immirati lejn il-persuni tal-ewwel rispons għall-kriżi bħalma huma l-ħaddiema essenzjali, filwaqt li jiġi inkorporat il-prinċipju li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti kollha, fil-livelli xierqa tagħhom, fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet relatati mas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fl-oqsma soċjali u tas-saħħa, li spiss jaqgħu barra mill-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u fiskali; |
|
44. |
Jilqa' l-inklużjoni tal-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni fis-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-problema ta' persuni mingħajr dar, u jistieden ukoll lill-Istati Membri jadottaw il-prinċipju tal-akkomodazzjoni l-ewwel, li jgħin biex titnaqqas b'mod sostanzjali r-rata ta' persuni mingħajr dar, filwaqt li jagħtu prijorità l-provvediment ta' akkomodazzjoni permanenti lil persuni mingħajr dar, jipproponu modi biex tiġi indirizzata l-prekarjetà enerġetika, jitwaqqfu l-evizzjonijiet furzati u titwaqqaf il-kriminalizzazzjoni tal-persuni mingħajr dar; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li tinġabar data aħjar u aktar armonizzata dwar il-persuni mingħajr dar fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħorġu bi proposti speċifiċi sabiex tiġi indirizzata b'mod adegwat il-problema tal-prekarjetà enerġetika fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; |
|
45. |
Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strument biex jiġu mmitigati l-effetti tax-xokkijiet asimmetriċi u li jkun effettiv fuq medda twila ta' żmien, bħal skema ta' (ri)assigurazzjoni tal-qgħad adegwata u fattibbli li tkun kapaċi tappoġġja l-iskemi nazzjonali meta parti mill-UE tesperjenza xokk ekonomiku temporanju; jisħaq fuq l-importanza kbira tal-appoġġ għall-investiment u l-aċċess għall-finanzi fl-UE sabiex tingħata għajnuna lill-SMEs f'diffikultajiet ta' solvenza, jinħolqu impjiegi ta' kwalità f'setturi strateġiċi u tiġi promossa koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali fl-UE; jissottolinja l-fatt li l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni l-ġdid għall-ħaddiema spostati jista' jiġi mmobilizzat biex jiġu mmitigati l-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-impjiegi; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jippreżentaw malajr lill-Kummissjoni applikazzjonijiet għal finanzjament biex jappoġġjaw lill-ħaddiema Ewropej li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-COVID-19 biex jitħarrġu mill-ġdid, jikkwalifikaw mill-ġdid u jintegraw mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; |
|
46. |
Jilqa' l-fatt li l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni qed jintuża wkoll biex iwieġeb għal din il-pandemija, billi jappoġġja l-ħtiġijiet ta' ristrutturar tal-kumpaniji Ewropej; jinnota li l-limitu fuq is-sensji tal-ħaddiema biex jiġi aċċessat il-fond tnaqqas għall-minimu ta' 200, u li din l-għodda tal-UE tista' tgħin biex jiġu ffinanzjati miżuri ta' appoġġ personalizzati, bħal korsijiet ta' taħriġ imfassla apposta u programmi ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE involuti jkunu flessibbli u janalizzaw malajr it-talbiet ta' attivazzjoni, filwaqt li jiżguraw li l-ħin meħtieġ għall-mobilizzazzjoni tal-fond jitnaqqas għal livell minimu; |
|
47. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-fenomenu tal-eżodu ta' mħuħ ikabbar id-distakk fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali fi ħdan l-UE; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-eżodu ta' mħuħ f'ċerti reġjuni u setturi u tipproponi miżuri ta' appoġġ fejn meħtieġ, u tappoġġja wkoll lill-ħaddiema mobbli billi tiżgura l-libertà ta' moviment tal-ħaddiema, mingħajr restrizzjonijiet, u ssaħħaħ il-portabbiltà tad-drittijiet u l-intitolamenti; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta għal numru tas-sigurtà soċjali diġitali tal-UE; |
|
48. |
Jinnota l-ħtieġa li jingħata appoġġ speċifiku lis-settur tal-media, li jiżvolġi rwol fundamentali fid-demokrazija tagħna, b'mod li jirrispetta u jippromwovi l-libertà u l-pluraliżmu tal-media f'mument meta l-ambjent online qed ikun dejjem iktar iddominat minn ftit atturi kbar, b'saħħa dejjem ikbar fis-suq u bażijiet tat-taxxa mobbli, li xi kultant jostakolaw lill-bosta kumpaniji iżgħar tal-UE meta jiġu biex jiftħu negozju u jikbru fis-suq uniku, kif issottolinjat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Annwali tal-UE għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021 (36); jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri għall-miżuri speċifiċi stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Media ppreżentat fit-3 ta' Diċembru 2020 biex is-setturi tax-xandir, tal-pubblikazzjoni tal-aħbarijiet u taċ-ċinema jiġu mgħejuna jirkupraw mit-telf kbir fl-introjtu mir-reklami li ġarrbu minħabba l-lockdown impost mill-pandemija u jagħtu spinta lill-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-kontenut diġitali tagħhom; |
|
49. |
Jirrimarka li jridu jiġu kkunsidrati kundizzjonijiet ta' ekwità għall-kumpaniji li jixtiequ jaċċessaw appoġġ u fondi pubbliċi sabiex jiġi evitat li tali appoġġ imur għal kumpaniji bbażati f'ġurisdizzjoni msemmija fl-Anness I tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa (37), u jirrimarka li dawn m'għandhomx idgħajfu n-negozjar kollettiv, il-parteċipazzjoni jew il-kodeterminazzjoni tal-ħaddiema fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-kumpanija skont il-liġi u l-prattika nazzjonali, u għandhom ikunu kundizzjonali għaż-żamma tal-istess livell ta' kundizzjonijiet u drittijiet ta' xogħol u impjieg, inkluża l-protezzjoni kontra s-sensji u t-tnaqqis fil-pagi, filwaqt li ma jitħallas l-ebda bonus jew dividend lill-maniġers jew lill-azzjonisti rispettivament; |
|
50. |
Jenfasizza, għaldaqstant, li l-valutazzjoni tal-istat tad-dritt u tal-effettività tas-sistema ġudizzjarja għandha tkompli tiġi inkluża fis-Semestru Ewropew; |
o
o o
|
51. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU C 242, 10.7.2018, p. 24.
(2) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 89.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0194.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0180.
(5) ĠU C 429, 11.12.2020, p. 159.
(6) ĠU C 364, 28.10.2020, p. 124.
(7) ĠU C 97, 24.3.2020, p. 32.
(8) ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79.
(9) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 93.
(10) ĠU C 440, 6.12.2018, p. 37.
(11) ĠU C 363, 28.10.2020, p. 80.
(12) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 9.
(13) Testi adottati, P9_TA(2020)0371.
(14) Stima rapida preliminari tal-Eurostat tat-2 ta' Frar 2021: https://ec.europa.eu/eurostat/documents/portlet_file_entry/2995521/2-02022021-AP-EN.pdf/0e84de9c-0462-6868-df3e-dbacaad9f49f
(15) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).
(16) Nota tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2020 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa għall-perjodu 2021-2027 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 (“il-Programm l-UE għas-Saħħa”), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID-19 (Testi adottati, P9_TA(2020)0205).
(17) Proposta tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2020 għal rapport konġunt dwar l-impjiegi mill-Kummissjoni u mill-Kunsill (COM(2020)0744).
(18) Eurostat, Over 20 % of EU population at risk of poverty or social exclusion in 2019 (Iktar minn 20 % tal-popolazzjoni tal-UE kienu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-2019), il-Kummissjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2020.
(19) Eurofound, COVID-19: Some implications for employment and working life (COVID-19: Xi implikazzjonijiet għall-impjiegi u l-ħajja tax-xogħol), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021 (għad irid jiġi ppubblikat).
(20) J. Hurley, COVID-19: A tale of two service sectors (COVID-19: Storja ta' żewġ setturi tas-servizzi), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021.
(21) Eurofound, Living, working and COVID-19 (L-għajxien, ix-xogħol u l-COVID-19), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2020, p. 9.
(22) Eurostat, 1 in 10 employed persons at risk of poverty in 2018 (Persuna impjegata waħda minn kull għaxra kienet f'riskju ta' faqar fl-2018), il-Kummissjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2020, https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/DDN-20200131-2
(23) Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel, Opinion on Intersectionality in Gender Equality Laws, Policies and Practices (Opinjoni dwar l-Intersezzjonalità fil-Liġijiet, il-Politiki u l-Prattiki dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri), Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, Vilnius, 2020.
(24) Eurofound, Women and labour market equality: Has COVID-19 rolled back recent gains? (In-nisa u l-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol: Il-COVID-19 tefa' lura l-kisbiet reċenti?), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2020.
(25) L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Coronavirus pandemic in the EU fundamental rights implications: focus on social rights, (Il-pandemija tal-COVID-19 fl-UE – Implikazzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali: Enfasi fuq id-drittijiet soċjali), Bullettin 6, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2020.
(26) Eurofound, Upward convergence in the EU: Concepts, measurements and indicators (Konverġenza 'l fuq fl-UE: Kunċetti, kejl u indikaturi), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2018.
(27) Il-Kummissjoni Ewropea, Labour market and wage developments in Europe defy economic slowdown (L-iżviluppi tas-suq tax-xogħol u tal-pagi fl-Ewropa jdgħajfu t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku), il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, 2019.
(28) EuroHealthNet, Recovering from the COVID-19 pandemic and ensuring health equity – The role of the European Semester (Irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u l-iżgurar tal-ekwità tas-saħħa – Ir-rwol tas-Semestru Ewropew), EuroHealthNet, Brussell, 2020.
(29) Eurostat, People at risk of poverty or social exclusion (Persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali), il-Kummissjoni Ewropea, il-Lussemburgu, https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/t2020_50/default/table?lang=en
(30) Rapporti sussegwenti: Eurofound, COVID-19: Some implications for employment and working life, (COVID-19: Xi implikazzjonijiet għall-impjiegi u l-ħajja tax-xogħol), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021; Eurofound, Involvement of social partner in policy making during COVID-19, (Involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika matul il-COVID-19), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021.
(31) Eurofound, Long-term care workforce: employment and working conditions, (Il-forza tax-xogħol tal-kura fit-tul: l-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021.
(32) Social Score of Indicators (Punteġġ Soċjali tal-Indikaturi). Eurostat 2020 https://ec.europa.eu/eurostat/web/european-pillar-of-social-rights/indicators/social-scoreboard-indicators
(33) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Settembru 2020 bit-titolu “Rapport tal-Prospettiva Strateġika tal-2020 – Inwittu t-triq lejn Ewropa iktar reżiljenti” (COM(2020)0493).
(34) Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Identifying Europe's recovery needs” (Nidentifikaw il-ħtiġijiet ta' rkupru tal-Ewropa) (SWD(2020)0098).
(35) ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1.
(36) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2020 dwar L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021 (COM(2020)0575).