|
15.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 423/3 |
IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2080
tad-9 ta’ Diċembru 2020
dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti. |
|
(3) |
Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella. |
|
(4) |
Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dan il-perjodu jkun ta’ tliet xhur. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.
Artikolu 2
L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President,
Gerassimos THOMAS
Direttur Ġenerali
Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).
ANNESS
|
Deskrizzjoni tal-oġġetti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) |
Raġunijiet |
|
(1) |
(2) |
(3) |
|
Nofsijiet tat-tadam immellħin u mnixxfin, tajbin għall-konsum immedjat. Il-kontenut tal-melħ ivarja minn 10,65 % sa 17,35 % skont il-piż. Skont il-livelli differenti tal-kontenut tal-melħ, il-prodott huwa suddiviż f’kategoriji ta’ kwalità differenti, u jservi użi differenti. Il-proċess tal-produzzjoni jikkonsisti fit-tqattigħ tat-tadam frisk, it-tmelliħ tiegħu u sussegwentement l-esponiment tiegħu għax-xemx biex jinxef. Il-funzjoni ewlenija tat-tmelliħ hija t-taħwir u l-istabbiliment ta’ kategoriji ta’ kwalità differenti. Bħala effett sussidjarju, it-tmelliħ iħaffef it-tnixxif u jippreserva l-prodott. Il-prodott jitqiegħed f’pakketti f’vakwu ta’ daqsijiet differenti f’kaxxi tal-kartun, u jinħażen f’temperatura ta’ inqas minn 5 °C. |
2002 10 90 |
Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 2002 , 2002 10 u 2002 10 90 . L-intestatura 0711 tkopri l-ħxejjex li jkunu ġew ittrattati biss biex tiġi żgurata l-preservazzjoni proviżorja tagħhom matul it-trasport jew il-ħżin qabel l-użu tagħhom, dment li dawn jibqgħu mhux tajbin għall-konsum immedjat f’dak l-istat. Billi l-prodott inkwistjoni huwa tajjeb għall-konsum immedjat, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 0711 hija eskluża. L-intestatura 0712 tkopri l-ħxejjex imnixxfin li ma jkunux għaddew minn preparazzjoni ulterjuri. It-tmelliħ mhuwiex proċess previst fil-Kapitolu 7. Huwa meqjus bħala preparazzjoni ulterjuri billi l-proċessi tat-tnixxif mhux neċessarjament jeħtieġu ż-żieda tal-melħ. Konsegwentement, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 0712 hija eskluża. Għaldaqstant, il-prodott irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 2002 10 90 bħala tadam ippreparat jew ippreservat b’mod ieħor milli bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku. |