European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2960

2.12.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2960

tad-29 ta’ Novembru 2024

li jestendi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta) f’ċerti ibħra territorjali tal-Italja (it-Toskana u l-Liguria)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-4 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 988/2011 (2) li jistabbilixxi għall-ewwel darba deroga mill-Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 sal-31 ta’ Marzu 2014 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta) f’ċerti ibħra territorjali tal-Italja (it-Toskana u l-Liguria). Ingħataw diversi estensjonijiet (3), bl-aħħar waħda mogħtija bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1386 (4) li skada fil-31 ta’ Marzu 2024.

(2)

Fit-18 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni rċeviet talba mill-Italja għall-estensjoni tal-aħħar deroga, għas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta), f’ċerti ibħra territorjali tal-Italja (it-Toskana u l-Liguria).

(3)

L-Italja tat ġustifikazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi aġġornati għad-deroga.

(4)

Fis-17 ta’ Ottubru 2024, l-Italja adottat il-pjan ta’ ġestjoni b’Digriet (5), f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (“il-pjan ta’ ġestjoni Taljan”).

(5)

It-talba tikkonċerna attivitajiet tas-sajd diġà awtorizzati mill-Italja u tkopri bastimenti li għandhom rekord ta’ aktar minn 5 snin fis-sajd u li joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni Taljan adottat f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(6)

It-talba tkopri 116-il bastiment (75 bastiment fil-Liguria u 41 fit-Toskana), b’tul b’kollox ta’ anqas minn 14-il metru u bi sforz totali ta’ 5 694,9 kW għall-bastimenti, u l-pjan ta’ ġestjoni jiggarantixxi li ’l quddiem mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(7)

Dawk il-bastimenti huma inklużi f’lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(8)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”, Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries) ivvaluta l-estensjoni tad-deroga li talbet l-Italja u l-abbozz relatat tal-pjan ta’ ġestjoni Taljan fis-sessjoni plenarja tiegħu li saret mit-8 sat-12 ta’ Lulju 2024 (6).

(9)

Il-valutazzjoni ġenerali mill-STECF hija pożittiva u l-abbozz tal-pjan ta’ ġestjoni fih l-elementi meħtieġa li jappoġġaw it-talba. L-STECF ikkonkluda li l-pjan ta’ ġestjoni għat-tartaruni li għandhom fil-mira l-makku fl-ibħra tat-Toskana u tal-Liguria fih elementi adegwati mil-lat tad-deskrizzjoni tas-sajd, l-objettivi, is-salvagwardji u l-miżuri tekniċi/ta’ konservazzjoni kif ukoll l-indikaturi kwantifikabbli għall-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet perjodiċi. L-STECF innota wkoll li l-pjan ta’ ġestjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 għad-derogi dwar id-distanza mill-kosta u l-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tar-deroga mid-daqs minimu tal-malji.

(10)

Id-deroga li talbet l-Italja taffettwa għadd limitat ta’ bastimenti u hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi, minħabba d-daqs limitat tal-blata kontinentali kif ukoll minħabba d-distribuzzjoni spazjali tal-ispeċijiet fil-mira li jillimitaw il-postijiet għas-sajd.

(11)

Is-sajd ma jistax isir bi rkaptu ieħor, peress li t-tartaruni biss għandhom il-karatteristiċi tekniċi meħtieġa biex jitwettaq dan it-tip ta’ sajd.

(12)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u ma jtellfux irkapti oħra għajr ix-xbieki tat-tkarkir, it-tartaruni jew xbieki rmunkati simili.

(13)

Barra minn hekk, is-sajd ma għandu l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar, peress li t-tartaruni huma rkapti selettivi ħafna u la jmissu ma’ qiegħ il-baħar u lanqas ma għandhom fil-mira ċ-ċefalopodi.

(14)

Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1), il-punt (h) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, kif sostitwiti bl-Artikolu 8(1) u bl-Anness IX, il-Parti B, it-Taqsima I, tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), mhumiex applikabbli għaliex huma relatati mal-bastimenti tat-tkarkir.

(15)

L-Italja awtorizzat deroga mid-daqs minimu tal-malji stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 abbażi tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(7) ta’ dak ir-Regolament minħabba n-natura selettiva ħafna tas-sajd ikkonċernat, l-effett negliġibbli tiegħu fuq l-ambjent tal-baħar u minħabba li mhuwiex affettwat mid-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(16)

Għalkemm l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 tħassar bir-Regolament (UE) 2019/1241, l-Anness IX, il-Parti B, il-punt 4 ta’ dak ir-Regolament jippermetti li jkomplu japplikaw derogi mid-daqsijiet minimi tal-malji abbażi ta’ ċerti kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) 2019/1241. Tali derogi li kellhom ikunu fis-seħħ fl-14 ta’ Awwissu 2019, ma jwasslux għal deterjorament tal-istandards ta’ selettività, b’mod partikolari mil-lat ta’ żieda fil-qabdiet tal-frieħ tal-ħut, u għandhom l-għan li jiksbu l-objettivi u l-miri stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-Regolament. L-estensjoni mitluba tikkonforma mal-kundizzjonijiet imsemmija.

(17)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jitwettqu f’distanza qasira mill-kosta f’ilmijiet baxxi fl-istrixxa tat-tliet mili nawtiċi u għaldaqstant ma jtellfux l-attivitajiet ta’ bastimenti oħra.

(18)

Il-pjan ta’ ġestjoni jirregola l-attività tat-tartaruni biex jiġi żgurat li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 ikunu minimi. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 6 tal-pjan ta’ ġestjoni Taljan, is-sajd għall-Aphia minuta jista’ jsir biss fl-istaġun tas-sajd bejn l-1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Marzu ta’ kull sena u mhux aktar minn 60 jum għal kull dgħajsa f’kull staġun tas-sajd.

(19)

Il-pjan ta’ ġestjoni fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fl-Artikolu 13(9), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(20)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (8).

(21)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-estensjoni tad-deroga li talbet l-Italja tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. Għaldaqstant jenħtieġ li l-estensjoni tad-deroga tingħata.

(22)

Jenħtieġ li l-Italja tibgħat rapport lill-Kummissjoni fiż-żmien dovut u f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ previst fil-pjan ta’ ġestjoni Taljan.

(23)

Jenħtieġ li tiġi introdotta limitazzjoni fit-tul taż-żmien tad-deroga biex ikunu jistgħu jittieħdu fil-pront il-miżuri ta’ ġestjoni korrettivi f’każ li r-rapport lill-Kummissjoni juri status ħażin fil-konservazzjoni tal-istokk sfruttat, filwaqt li jkun hemm l-opportunità biex tittejjeb il-bażi xjentifika għal pjan ta’ ġestjoni aħjar.

(24)

Meta wieħed iqis li l-istaġun tas-sajd jibda fl-1 ta’ Novembru, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Novembru 2024 għal raġunijiet ta’ ċertezza legali. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis seħħ b’urġenza.

(25)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deroga mir-Regolament (KE) Nru 1967/2006

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika għas-sajd bit-tartarun għall-makku (Aphia minuta) fl-ibħra territorjali tal-Italja li jmissu mal-kosta tal-Liguria u tat-Toskana, dment li dawk il-bastimenti:

(a)

ikunu rreġistrati fid-Direttorati Marittimi (“Direzione Marittima”) ta’ Genova u ta’ Livorno rispettivament;

(b)

ikollhom rekord ta’ aktar minn 5 snin fis-sajd u mhux se jiżdidilhom aktar l-isforz tas-sajd użat; kif ukoll

(c)

ikollhom awtorizzazzjoni tas-sajd u joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni li adottat l-Italja f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

Artikolu 2

Pjan ta’ monitoraġġ u rapportar

Fi żmien sena minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, l-Italja għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni mfassal f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni Taljan imsemmi fl-Artikolu 1(c).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2024 sal-31 ta’ Marzu 2027.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 409, 30.12.2006, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1967/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 988/2011 tal-4 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun għall-makku (Aphia minuta) f’ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja (ĠU L 260, 5.10.2011, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/988/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2407 tat-18 ta’ Diċembru 2015 li jġedded id-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun għall-makku (Aphia minuta) f’ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja ( ĠU L 333, 19.12.2015, p. 104, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2407/oj), Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1634 tat-30 ta’ Ottubru 2018 li jġedded id-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 f’dak li għandu x’jaqsam mad-distanza minima mill-kosta u mal-fond minimu tal-baħar għas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta) f’ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja ( ĠU L 272, 31.10.2018, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1634/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1386 tad-9 ta’ Awwissu 2022 li jestendi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta) f’ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja (it-Toskana u l-Ligurja) (ĠU L 208, 10.8.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1386/oj).

(5)   Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana: https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/22306.

(6)  STECF 24-02: https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/d/stecf/stecf-plen-24-02.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1241/oj).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1224/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2960/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)