25.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 133/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 567/2007

ta’ l-24 ta’ Mejju 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 297/2003 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-kwota tariffarja fuq iċ-ċanga u l-vitella li joriġinaw fiċ-Ċili

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 32(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 297/2003 (2) jipprevedi l-ftuħ u l-amministrazzjoni, fuq bażi multiannwali, ta' kwota tariffarja għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti taċ-ċanga u tal-vitella.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awwissu 2006 li jistipula regoli komuni għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta' prodotti agrikoli mmaniġġjati permezz ta' sistema ta' liċenzji ta' l-importazzjoni (3), japplika għal-liċenzji ta' l-importazzjoni għall-perjodi tal-kwota tariffarja ta' l-importazzjoni li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2007. Dak ir-Regolament jillimita l-perjodu tal-validità tal-liċenzji sa l-aħħar jum tal-perjodu tal-kwota tariffarja ta' l-importazzjoni. Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 għandhom japplikaw, mill-1 ta’ Lulju 2007, għal-liċenzji ta' l-importazzjoni maħruġa f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 297/2003, mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet addizzjonali stipulati f'dak ir-Regolament. Jeħtieġ li, kulfejn dan ikun f'loku, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 297/2003 jinġiebu f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1301/2006.

(3)

Uħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 297/2003 rigward perjodu fl-imgħoddi tal-kwoti tariffarji ta' l-importazzjoni, m'għadhomx jgħoddu. Għal raġunijiet ta' ċarezza, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jitħassru.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 297/2003 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni taċ-Ċanga u l-Vitella,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 297/2003 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, għandu jitħassar il-paragrafu (2).

(2)

L-Artikolu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 1445/95, ir-Regolament (KE) Nru 1291/2000 u l-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2003 (*1) għandhom japplikaw ħlief fejn hemm previst mod ieħor f'dan ir-Regolament.

(*1)   ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.” "

(3)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-liċenzji ta' l-importazzjoni għandhom jagħtu lok għal obbligu ta' importazzjoni minn pajjiżi speċifiċi. Is-Sezzjoni 8 ta' l-applikazzjonijiet għal-liċenzji u l-liċenzji għandhom juru l-pajjiż ta' l-oriġini u l-kaxxa li tindika l-kelma ‘iva’ għandha tkun immarkata b'salib.”

(4)

Fl-Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“L-oriġinal taċ-ċertifikat ta' l-awtentiċità u kopja tiegħu ċċertifikata kif xieraq għandhom jiġu sottomessi lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘l-awtorità kompetenti’) fiż-żmien li ssir l-applikazzjoni inizjali għal liċenzja ta' l-importazzjoni konnessa maċ-ċertifikat ta' l-awtentiċità.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Ufficjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 160, 26.6.1999, p. 21. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).

(2)   ĠU L 43, 18.2.2003, p. 26. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1965/2006 (ĠU L 408, 30.12.2006, p. 26).

(3)   ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 289/2007 (ĠU L 78, 17.3.2007, p. 17).