20.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/674

tal-15 ta’ Mejju 2020

dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej proposta intitolata “Inniedu Introjti Bażiċi Mingħajr Kondizzjonijiet (UBI) fl-UE kollha”

(notifikata bid-dokument C(2020) 3190)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Billi:

(1)

L-objettiv tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej proposta intitolata “Inniedu Introjti Bażiċi Mingħajr Kondizzjonijiet (UBI) fl-UE kollha”, kif emendata mill-grupp ta’ organizzaturi bi tweġiba għall-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2020 (2), huwa “li tiġi stabbilita l-introduzzjoni ta’ introjti bażiċi mingħajr kondizzjonijiet fl-UE kollha li jiżguraw l-eżistenza materjali u l-opportunità ta’ kull persuna biex tipparteċipa fis-soċjetà bħala parti mill-politika ekonomika tagħha. Dan l-għan għandu jintlaħaq filwaqt li jibqa’ fi ħdan il-kompetenzi konferiti fuq l-UE mit-Trattati.” L-organizzaturi jitolbu lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta għal introjti bażiċi mingħajr kondizzjonijiet fl-Unjoni, li jnaqqsu d-disparitajiet reġjonali sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni u tindika li “dan għandu jilħaq l-għan tad-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, li fl-2017 iddikjaraw li ‘l-UE u l-Istati Membri tagħha se jappoġġjaw ukoll sistemi ta’ protezzjoni soċjali effiċjenti, sostenibbli u ekwi sabiex l-introjtu bażiku jkun garantit’ għall-ġlieda kontra l-inugwaljanza”.

(2)

Anness dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej proposta fih l-erba’ kriterji li jiddefinixxu l-“Introjtu Bażiku Mingħajr Kondizzjonijiet” propost: jenħtieġ li dan ikun “universali”, “individwali”, “mingħajr kondizzjonijiet” u “għoli biżżejjed”.

(3)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jsaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jqawwi aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(4)

Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini jkunu ċari, sempliċi, faċli għall-utenti u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini, sabiex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli.

(5)

Il-grupp ta’ organizzaturi jirreferi għal numru ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattati kkunsidrati rilevanti, inkluż l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom fi ħdan l-Unjoni u li, għal dan l-għan, il-Kunsill għandu jadotta miżuri, b’mod partikolari linji gwida ġenerali għal dawn il-politiki. Din id-dispożizzjoni tagħti kompetenza għall-koordinazzjoni fl-oqsma ekonomiċi u soċjali dwar l-Unjoni, iżda ma tikkostitwix bażi ġuridika li tippermetti lill-Kummissjoni tagħmel proposta għal att legali tal-Unjoni.

(6)

Madankollu, att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati dwar “Introjti Bażiċi Mingħajr Kondizzjonijiet fl-UE kollha” għal kull ċittadin, kif mitlub fl-inizjattiva proposta, jista’ jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 121(2) tat-Trattat. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jifformola abbozz għal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni, u jirrapporta r-riżultati lill-Kunsill Ewropew. Abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, il-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi dawk il-linji gwida ġenerali.

(7)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva proposta ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, skont l-Artikolu 6(3)(c) tar-Regolament (UE) 2019/788.

(8)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza adattata li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament.

(9)

L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li l-inizjattiva proposta intitolata “Inniedu Introjti Bażiċi Mingħajr Kondizzjonijiet (UBI) fl-UE kollha” tiġi rreġistrata,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej proposta intitolata “Inniedu Introjti Bażiċi Mingħajr Kondizzjonijiet (UBI) fl-UE kollha” hija b’dan irreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Inniedu Introjti Bażiċi Mingħajr Kondizzjonijiet (UBI) fl-UE kollha”, rappreżentata mis-Sur Klaus SAMBOR u s-Sur Ronald BLASCHKE li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi-President


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.

(2)  C(2020) 909 final