Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Novembru 2026 (*)

“Rikors għal annullament – Direttiva (UE) 2023/959 – Emenda tad-Direttiva 2003/87/KE – Sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Bażi legali għal din id-direttiva – Determinazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tal-imsemmija direttiva – Artikolu 192(1) TFUE – Punt (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE – Dispożizzjonijiet essenzjalment ta’ natura fiskali – Miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu – Prinċipji ta’ solidarjetà enerġetika, ta’ sussidjarjetà, ta’ proporzjonalità, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża C‑505/23,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit‑8 ta’ Awwissu 2023

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

rikorrenti,

sostnuta minn:

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn O. Denkov u W. D. Kuzmienko, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn R. Boucquey, A. Maceroni, M. Moore u A. Sikora-Kalėda, bħala aġenti, sussegwentement minn R. Boucquey, A. Maceroni u M. Moore, bħala aġenti, u fl-aħħar nett minn A. Maceroni, M. Moore u K. Pleśniak, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. De Meester, D. Milanowska, M. Owsiany-Hornung u G. Wils, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, F. Schalin, M. Gavalec (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni (ĠU 2023, L 130, p. 134, rettifika fil-ĠU L, 2024/90176, iktar ’il quddiem id-“Direttiva kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

 It-Trattat UE

2        Skont l-Artikolu 4(3) TUE:

“Skond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f'rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

[...]”

3        L-Artikolu 5(3) u (4) TUE huwa fformulat kif ġej:

“3.      Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklussiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn, l-objettivi ta' l-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell ta' l-Unjoni.

[...]

4.      Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontenut u l-forma ta’ l-azzjoni ta’ l-Unjoni m’għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati.

[...]”

 It-Trattat FUE

4        L-Artikolu 191(2) TFUE jipprovdi:

“Il-politika ta’ l-Unjoni dwar l-ambjent għandha jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta' livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni ta' l-Unjoni. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f'ras il-għajn u li min iniġġeż għandu jħallas.

F’dan il-kuntest, il-miżuri ta’armonizzazzjoni li jirrispondu għall-ħtiġijiet ta’ protezzjoni ambjentali għandhom jinkludu, fejn xieraq, klawsola ta’ salvagwardja li tħalli l-Istati Membri li jieħdu miżuri provviżorji għal raġunijiet ambjentali non-ekonomiċi, suġġett għall-proċedura ta' monitoraġġ mill-Unjoni.”

5        L-Artikolu 192(1) u l-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE jipprevedu:

“1.      Il-Parlament Ewropew u l-[Kunsill tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-[Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)] u lill-[Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR)], għandhom jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni sabiex twettaq l-objettivi msemmija fl-Artikolu 191.

2.      B’deroga għall-proċedura ta’ deċizjoni prevista fil-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 114, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’mod unanimu skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-[Parlament] , il-[KESE] u l-[KtR] għandu jadotta:

a)      dispożizzjonijiet essenzjalment ta’ natura fiskali;

[...]

c)      miżuri li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-għażla ta’ Stat Membru bejn fonti differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ l-enerġija.”

6        Skont l-Artikolu 194(1)(b) TFUE:

“Fil-kuntest ta’ l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u b’ kont meħud tal-ħtieġa ta’ preservazzjoni u titjib ta’ l-ambjent, il-politika ta’ l-Unjoni fil-qasam ta’ l-enerġija għandha timmira li, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri:

[...]

b)      tassigura s-sigurtà tal-provvista ta’ l-energija fl-Unjoni”.

 Id-Direttiva 2003/87

7        Il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva kkontestata (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), tipprovdi:

“Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha ftiehmu li jwettqu konġuntement dawn l-impenji li jnaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-gassijiet serra, [(iktar ’il quddiem il-“GES”)] skond id-Deċiżjoni 2002/358/KE [tal-Kunsill] 2002/358/KE [tal‑25 ta’ April 2002 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt ta’ l-obbligi tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24)]. Din id-Direttiva timmira li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-impenji tal-Komunità Ewropea u ta’ l-Istati Membri tagħha b’mod iktar effettiv, permezz ta’ suq Ewropew effiċjenti fil-għoti ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra, bl-inqas tnaqqis possibbli ta’ l-iżvilupp ekonomiku u tax-xogħol.”

8        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-materja tas-suġġett”, huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoniji tal-[GES] ġewwa l-Unjoni (minn issa ‘l quddiem imsjħa l-‘EU ETS’) sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-[GES] b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.

Din id-Direttiva tipprevedi wkoll li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' [GES] jiżdied sabiex jikkontribwixxi għal-livelli tat-tnaqqis li huma kkunsidrati xjentifikament meħtieġa biex jimpedixxu bidla perikoluża fil-klima. Dan jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u l-miri klimatiċi tagħha kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tat‑30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU 2021, L 243, p. 1) u b’hekk biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi [, adottat fit‑12 ta’ Diċembru 2015 skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU 2016, L 282, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Pariġi”) aprovat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal‑5 ta’ Ottubru 2016 (ĠU 2016, L 282, p. 1)].

[...]”

9        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jiddefinixxi, fil-punt (ae) tiegħu, il-kunċett ta’ “entità rregolata”, għall-finijiet tal-Kapitolu IVa ta’ din id-direttiva, bħala, essenzjalment, kull persuna fiżika jew ġuridika, bl-esklużjoni ta’ kull konsumatur finali tal-karburanti, li twettaq l-attività msemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva u li hija responsabbli għall-ħlas tad-dazju tas-sisa eżiġibbli skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad‑19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU 2020, L 58, p. 4, rettifiki fil-ĠU 2020, L 409, p. 38 u fil-ĠU 2023, L 188, p. 60).

10      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Kwantità ta’ kwoti madwar l-Unjoni kollha”, jipprevedi, fit-tielet u fir-raba’ paragrafi tiegħu:

“Fl-2024, il-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għandha titnaqqas b'90 miljun kwota. Fl-2026, il-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għandha titnaqqas b'27 miljun kwota. Fl-2024, il-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għandha tiżdied bi 78,4 miljun kwota għat-trasport marittimu. Il-fattur lineari għandu jkun 4,3 % mill-2024 sal-2027 u 4,4 % mill-2028. [...] Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tippubblika l-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha sas-6 ta’ Settembru 2023.

Mill-1 ta’ Jannar 2026 u l-1 ta' Jannar 2027 rispettivament, il-kwantità ta' kwoti għandha tiżdied biex titqies il-kopertura ta' emissjonijiet ta' [GES] għajr l-emissjonijiet [tad-diossidu tal-karbonju (CO2)] mill-attivitajiet tat--trasport marittimu u l-kopertura tal-emissjonijiet ta' bastimenti offshore, abbażi tal-emissjonijiet tagħhom għall-aktar sena reċenti li għaliha tkun disponibbli d-data. Minkejja l-Artikolu 10(1), il-kwoti li irriżultaw minn dik iż-żieda għandhom ikunu disponibbli biex jappoġġaw l-innovazzjoni f'konformità mal-Artikolu 10a(8).”

11      Skont l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-irkant tal-kwoti”:

“1.      [...]

2 % tal-kwantità totali tal-kwoti bejn l-2021 u l-2030 għandhom jiġu rkantati biex jiġi stabbilit fond għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika u l-immodernizzar tas-sistemi tal-enerġija ta’ ċerti Stati Membri (l-“Istati Membri benefiċjarji”) kif stabbilit fl-Artikolu 10d (il-“Fond għall-Modernizzazzjoni”). L-Istati Membri benefiċjarji għal dak l-ammont ta' kwoti għandhom ikunu l-Istati Membri b'[prodott domestiku gross (PDG)] per capita bi prezzijiet tas-suq taħt is-60 % tal-medja tal-Unjoni fl-2013. Il-fondi li jikkorrispondu għal dak l-ammont ta’ kwoti għandhom jitqassmu f'konformità mal-Parti A tal-Anness IIb.

Barra minn hekk, 2,5 % tal-kwantità totali ta’ kwoti bejn l-2024 u l-2030 għandhom jiġu rkantati għall-Fond għall-Modernizzazzjoni. L-Istati Membri benefiċjarji għal dak l-ammont ta' kwoti għandhom ikunu l-Istati Membri b'PDG per capita bi prezzijiet tas-suq taħt il-75 % tal-medja tal-Unjoni matul il-perjodu mill-2016 sal-2018. Il-fondi li jikkorrispondu għal dak l-ammont ta' kwoti għandhom jitqassmu f'konformità mal-Parti B tal-Anness IIb.

Il-kwantità totali li jifdal tal-kwoti li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri għandha tkun distribwita f'konformità mal-paragrafu 2.

[...]

3.      L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-użu tad-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ħlief għad-dħul stabbilit bħala riżorsi proprji f'konformità mal-Artikolu 311, it-tielet paragrafu tat-TFUE u mdaħħal fil-baġit tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jużaw dak id-dħul, bl-eċċezzjoni tad-dħul użat għall-kumpens tal-kostijiet indiretti tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 10a(6) ta’ din id-Direttiva, jew l-ekwivalenti f'valur finanzjarju ta' dak id-dħul, għal wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

[...]

ha)            għall-għoti ta' appoġġ finanzjarju biex jiġu indirizzati aspetti soċjali f'unitajiet domestiċi bi dħul baxx u medju, inkluż billi jitnaqqsu t-taxxi distortivi, u tnaqqis mmirat ta' dazji u spejjeż għall-elettriku rinnovabbli;

[...]

k)      għall-promozzjoni tal-formazzjoni tal-ħiliet u r-riallokazzjoni tal-ħaddiema sabiex isir kontribut għal transizzjoni ġusta lejn ekonomija newtrali għall-klima, b’mod partikolari f'reġjuni milquta l-agħar mit-transizzjoni tal-impjiegi, f'koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, u biex isir investiment fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema li potenzjalment huma affettwati mit-transizzjoni, inklużi l-ħaddiema fit-trasport marittimu;

[...]”

12      L-Artikolu 10a tal-imsemmija direttiva, intitolat “Regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni gratis armonizzata”, jipprevedi, fil-paragrafi 8 u 8b tiegħu:

“8.      345 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi allokata bla ħlas skont dan l-Artikolu, u 80 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista’ tiġi rkantata skont l-Artikolu 10, kif ukoll il-kwoti li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-allokazzjoni bla ħlas imsemmija fil-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ fond (il-‘Fond għall-Innovazzjoni’) bl-għan li jappoġġa l-innovazzjoni f’tekniki, proċessi u teknoloġiji b'livell baxx jew żero ta' karbonju li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi koperti minn din id-Direttiva u jikkontribwixxu għall-objettivi ta' tniġġis żero u ta' ċirkolarità, inklużi proġetti bl-għan li tali tekniki, proċessi u teknoloġiji jiżdiedu fid-dawl tal-implimentazzjoni wiesgħa tagħhom fl-Unjoni kollha. Tali proġetti għandu jkollhom potenzjal sinifikanti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-[GES] u għandhom jikkontribwixxu għall-iffrankar tal-enerġija u r-riżorsi f'konformità mal-miri tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija għall-2030.

[...]

Barra minn hekk, 5 miljun kwota mill-kwantità msemmija fl-Artikolu 3c(5) u (7) relatati mal-kwoti tal-avjazzjoni għall-2026 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni għall-appoġġ għall-innovazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Barra minn hekk, 50 miljun kwota mhux allokati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għandhom jissupplimentaw kull dħul li jifdal mit-300 miljun kwota disponibbli fil-perjodu mill-2013 sal-2020 [...] u għandhom jintużaw b’mod f’waqtu għall-appoġġ għall-innovazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

[...]

8 ter.      40 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi allokata bla ħlas skont dan l-Artikolu, u 10 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi rkantata skont l-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva għandhom isiru disponibbli għall-Fond Soċjali għall-Klima stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [, tal‑10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU 2023, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU L, 2025/90562)]. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kwoti destinati għall-Fond Soċjali għall-Klima jiġu rkantati fl-2025 [...].”

13      L-Artikolu 10b tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Miżuri transizzjonali li jappoġġaw ċerti industriji intensivi fl-enerġija f’każ ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju”, jipprovdi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 tiegħu:

“Fi Stat Membru fejn, fuq medja fis-snin mill-2014 sal-2018, is-sehem tal-emissjonijiet tiegħu mit-tisħin distrettwali tat-total tal-Unjoni ta’ tali emissjonijiet, diviż bis-sehem ta’ PDG ta’ dak l-Istat Membru tal-PDG totali tal-Unjoni huwa akbar minn ħamsa, allokazzjoni addizzjonali bla ħlas ta’ 30 % tal-kwantità determinata skont l-Artikolu 10a għandha tingħata lit-tisħin distrettwali għall-perjodu mill-2026 sal-2030, dment li volum ta’ investiment ekwivalenti għall-valur ta’ dik l-allokazzjoni bla ħlas addizzjonali jiġi investit biex l-emissjonijiet jitnaqqsu b’mod sinifikanti qabel l-2030 f'konformità mal-pjanijiet ta’ newtralità klimatika msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u li l-kisba tal-miri u l-istadji importanti msemmija fil-punt (b) ta’ dak is-subparagrafu jkun ikkonfermat mill-verifika mwettqa f'konformità mar-raba’ subparagrafu ta' dan il-paragrafu.”

14      L-Artikolu 10d ta’ din id-direttiva, intitolat “Fond għall-Modernizzazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu:

“1.      Għandu jiġi stabbilit [Fond għall-Modernizzazzjoni] biex jappoġġa l-investimenti proposti mill-Istati Membri benefiċjarji, inkluż il-finanzjament ta' proġetti ta’ investiment fuq skala żgħira, għall-immodernizzar tas-sistemi tal-enerġija u għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika għall-perjodu mill-2021 sal-2030 [...]. Il-Fond għall-Modernizzazzjoni għandu jiġi ffinanzjat permezz tal-irkantar tal-kwoti kif stabbilit fl-Artikolu 10, għall-Istati Membri benefiċjarji stabbiliti fih.

L-investimenti appoġġati għandhom ikunu konsistenti mal-għanijiet ta’ din id-Direttiva, kif ukoll mal-objettivi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar ‘Il-Patt Ekoloġiku Ewropew’ u [tal-Liġi dwar il-Klima]  u mal-objettivi fit-tul kif espressi fil-Ftehim ta’ Pariġi. [...] Ma għandu jiġi pprovdut l-ebda appoġġ mill-Fond għall-Modernizzazzjoni lill-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw fjuwils fossili. Madankollu, id-dħul minn kwoti koperti minn notifika skont il-paragrafu 4ta' dan l-Artikolu jista’ jintuża għal investimenti li jinvolvu fjuwils fossili gassużi.

[...]

2.      Mill-inqas 80 % tad-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, u mill-kwoti koperti minn notifika skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, u mill-inqas 90 % tad-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), ir-raba’ subparagrafu, għandhom jintużaw biex jappoġġaw l-investimenti f’dawn li ġejjin:

[...]

(e)      l-appoġġ għal unitajiet domestiċi bi dħul baxx, inkluż f’żoni rurali u remoti, biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku u biex jimmodernizzaw is-sistemi tat-tisħin tagħhom; u

(f)      tranżizzjoni ġusta f'reġjuni dipendenti fuq il-karbonju fl-Istati Membri benefiċjarji, sabiex jiġu appoġġati r-riallokazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, l-edukazzjoni, l-inizjattivi ta' tfittxija tal-impjiegi u n-negozji ġodda, fi djalogu mas-soċjetà ċivili u mas-sħab soċjali, b’mod li huwa konsistenti mal-azzjonijiet rilevanti inklużi mill-Istati Membri fil-pjanijiet territorjali tagħhom għal tranżizzjoni ġusta, u li jikkontribwixxu għalihom, f'konformità mal-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (k), tar-Regolament (UE) 2021/1056 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU 2021, L 231, p. 1, rettifika fil-ĠU 2021, L 421, p. 74)], fejn rilevanti.

[...]

4.      Kull Stat Membru kkonċernat jista’ juża l-allokazzjoni bla ħlas totali mogħtija skont l-Artikolu 10c(4), jew parti minn dik l-allokazzjoni, u l-ammont ta' kwoti mqassma għall-finijiet ta’ solidarjetà, tkabbir u interkonnessjonijiet fl-Unjoni skont l-Artikolu 10(2)(b), jew parti minn dak l-ammont, f’konformità mal-Artikolu 10d għall-appoġġ ta’ investimenti fil-qafas tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, u b’hekk jiżdiedu r-riżorsi mqassma lil dak l-Istat Membru. [...]”

15      L-Artikolu 10e tal-imsemmija direttiva, intitolat “Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.      Bħala miżura straordinarja u ta’ darba, sal-31 ta’ Awwissu 2026, il-kwoti rkantati skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu rkantati sakemm l-ammont totali ta’ dħul miksub minn dan l-irkantar ikun laħaq l-EUR 20 biljun. Dak id-dħul għandu jsir disponibbli għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament u tal-Kunsill[, tat‑12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU 2021, L 57, p. 17, rettifika fil-ĠU 2023, L 137, p. 70)] u għandu jiġi implimentat f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

[...]

4.      B’deroga mill-Artikolu 1(5a) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ skambju tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU 2015, L 264, p. 1, rettifika fil-ĠU 2021, L 420, p. 132)], sal-31 ta’ Diċembru 2030, 27 miljun kwota mhux allokati fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq mill-kwantità totali li altrimenti tiġi invalidata fuq dak il-perijodu għandhom jintużaw biex jappoġġaw l-innovazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 10a(8), l-ewwel subparagrafu, ta’ din id-Direttiva.”

16      Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Il-Penali”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali li jistgħu jiġu applikati għall-kontravvenzjonijiet kontra d-disposizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-disposizzjonijiet lill-Kummissjoni u għandhom jinnotifikawha wkoll, mingħajr dewmien, b’kull emenda li taffettwahom.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-operaturi, tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru u tal-kumpaniji tat-tbaħħir li qegħdin jiksru r-rekwiżiti li jċedu biżżejjed kwoti skont din id-Direttiva.

[...]”

17      L-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva intitolata “Reviżjoni fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-iżvilupp tas-swieq tal-karbonju f'ekonomiji ewlenin oħra”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tibqa’ tiġi rieżaminata fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali u l-isforzi mwettqa biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi, u ta’ kwalunkwe impenn rilevanti li jirriżulta mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.”

18      Il-Kapitolu IVa tal-imsemmija direttiva, intitolat “Sistema ta’ Skambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għas-Setturi tal-Bini, tat-Trasport bit-Triq u oħrajn addizzjonali [(iktar ’il quddiem l-“ETS 2”)]”, jinkludi l-Artikoli 30a sa 30k tagħha.

19      Skont l-Artikolu 30a tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-emissjonijiet, għall-permessi għall-emissjonijiet ta’ [GES], għall-ħruġ u għaċ-ċediment ta' kwoti, għall-monitoraġġ, għar-rapportar u għall-verifika fir-rigward tal-attività msemmija fl-Anness III. Dan il-Kapitolu ma għandu japplika għall-ebda emissjoni koperta mill-Kapitoli II u III.”

20      L-Artikolu 30b ta’ din id-direttiva, intitolat “Permessi għall-emissjonijiet ta’ [GES]”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mill-1 ta' Jannar 2025, l-ebda entità regolata ma twettaq l-attività msemmija fl-Anness III, sakemm dik l-entità regolata ma jkollhiex permess maħruġ minn awtorità kompetenti f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.”

21      L-Artikolu 30c tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kwantità tal-kwoti fl-Unjoni kollha”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Il-kwantità ta’ kwoti maħruġa fl-Unjoni kollha skont dan il-Kapitolu kull sena mill-2027 għandha tibda tonqos b’mod lineari mill-2024. Il-valur tal-2024 għandu jiġi definit bħala l-limiti tal-emissjonijiet tal-2024, ikkalkolati abbażi tal-emissjonijiet ta’ referenza skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU 2018, L 156, p. 26)] għas-setturi koperti minn dan il-Kapitolu u bl-applikazzjoni tat-trajettorja lineari għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kollha fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament. Il-kwantità għandha tonqos kull sena wara l-2024 b’fattur ta’ tnaqqis lineari ta’ 5,10 %. Sal-1 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantità ta’ kwoti għall-Unjoni kollha għas-sena 2027.

2.      Il-kwantità ta’ kwoti maħruġa fl-Unjoni kollha skont dan il-Kapitolu kull sena mill-2028 għandha tonqos b’mod lineari mill-2025 abbażi tal-emissjonijiet medji rrapportati skont dan il-Kapitolu għas-snin mill-2024 sal-2026. Il-kwantità ta' kwoti għandha tonqos b'fattur ta' tnaqqis lineari ta’ 5,38 %, ħlief jekk japplikaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IIIa, f'liema każ il-kwantità għandha tonqos b'fattur ta' tnaqqis lineari aġġustat f'konformità mar-regoli stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IIIa. Sat-30 ta' Ġunju 2027, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha għall-2028 u, jekk ikun meħtieġ, il-fattur ta’ tnaqqis lineari aġġustat.”

22      Skont l-Artikolu 30d tad-Direttiva 2003/87, intitolat “L-irkantar ta’ kwoti għall-attività msemmija fl-Anness III”:

“1.      Mill-2027, il-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu għandhom jiġu rkantati, sakemm ma jitqegħdux fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq stabbilita bid-Deċiżjoni [2015/1814]. Il-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu għandhom jiġu rkantati separatament mill-kwoti koperti mill-Kapitoli II u III ta’ din id-Direttiva.

[...]

3.      Għandhom jiġu rkantati 150 miljun kwota maħruġa taħt dan il-Kapitolu u d-dħul kollu minn dawk l-irkanti għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima stabbilit bir-Regolament [2023/955] sal-2032.

4.      Mill-ammont ta’ kwoti li jifdal u sabiex jiġi ġġenerat, flimkien mad-dħul mill-kwoti msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 10a(8b) ta’ din id-Direttiva, ammont massimu ta’ EUR 65 000 000 000, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ammont addizzjonali ta' kwoti koperti minn dan il-Kapitolu jiġi rkantat u d-dħul ġenerat minn dawk l-irkanti għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima stabbilit mir-Regolament [2023/955] sal-2032.

[...]

6.      L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-użu tad-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, ħlief għad-dħul li jikkostitwixxi dħul assenjat estern f'konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu jew id-dħul stabbilit bħala riżorsi proprji f’konformità mal-Artikolu 311, it-tielet paragrafu, tat-TFUE u mdaħħal fil-baġit tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jużaw id-dħul tagħhom jew l-ekwivalenti fil-valur finanzjarju ta’ dak id-dħul għal wieħed jew aktar mill-finijiet imsemmija fl-Artikolu 10(3) ta’ din id-Direttiva, filwaqt li jagħtu prijorità lil attivitajiet li jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-aspetti soċjali tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet taħt dan il-Kapitolu, jew għal wieħed jew aktar mill-punti li ġejjin:

(a)      miżuri maħsuba biex jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ tal-bini jew għat-tnaqqis tal-ħtiġijiet tal-enerġija tal-bini, inkluża l-integrazzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli u miżuri relatati f’konformità mal-Artikolu 7(11) u l-Artikoli 12 u 20 tad-Direttiva 2012/27/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU 2012, L 315, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 116, p. 24)], kif ukoll miżuri li jipprovdu appoġġ finanzjarju għal unitajiet domestiċi bi dħul baxx f'bini bl-agħar rendiment;

(b)      miżuri maħsuba biex jaċċelleraw l-użu ta' vetturi b'emissjonijiet żero jew biex jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-introduzzjoni ta' infrastruttura kompletament interoperabbli tar-riforniment tal-fjuwil u tal-irriċarġjar għal vetturi b'emissjonijiet żero, jew miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu transizzjoni lejn it-trasport pubbliku u jtejbu l-multimodalità, jew biex jipprovdu appoġġ finanzjarju sabiex jiġu indirizzati l-aspetti soċjali li jikkonċernaw l-utenti tat-trasport bi dħul baxx u medju;

[...]”

23      L-Artikolu 30e tad-Direttiva 2003/87, bit-titolu “It-trasferiment, iċ-ċediment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti”, jipprevedi, fil-paragrafu (3) tiegħu:

“Sal-31 ta’ Diċembru 2030, b'deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, meta entità regolata stabbilita fi Stat Membru partikolari tkun soġġetta għal taxxa nazzjonali fuq il-karbonju fis-seħħ għas-snin 2027 sa 2030, li tkopri l-attività msemmija fl-Anness III, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista' teżenta lil dik l-entità regolata mill-obbligu li ċċedi l-kwoti skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għal sena ta' referenza partikolari, dment li:

(a)      l-Istat Membru kkonċernat jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dik it-taxxa nazzjonali fuq il-karbonju, sal-31 ta’ Diċembru 2023, u l-liġi nazzjonali li tistabbilixxi r-rati tat-taxxa applikabbli għas-snin 2027 sa 2030, sa dik id-data, tkun daħlet fis-seħħ; l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti fit-taxxa nazzjonali fuq il-karbonju;

(b)      għas-sena ta’ referenza, it-taxxa nazzjonali fuq il-karbonju tal-Istat Membru kkonċernat effettivament imħallsa minn dik l-entità regolata tkun ogħla mill-prezz medju mill-ikklerjar f’irkant tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet stabbilita skont dan il-Kapitolu;

(c)      l-entità regolata tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi skont l-Artikolu 30b dwar il-permessi għall-emissjonijiet ta’ [GES] u l-Artikolu 30f dwar il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet tagħha;

(d)      l-Istat Membru kkonċernat jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni bħal din u l-ammont korrispondenti ta’ kwoti li jridu jiġu kkanċellati f’konformità mal-punt (g) ta’ dan is-subparagrafu u l-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(4), sal-31 ta’ Mejju tas-sena wara s-sena ta’ referenza;

(e)      il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjoni għall-applikazzjoni tad-deroga għar-raġuni li l-miżura nnotifikata ma tkunx konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu, fi żmien tliet xhur minn notifika skont il-punt (a) ta' dan is-subparagrafu jew fi żmien xahar min-notifika għas-sena rilevanti skont il-punt (d) ta’ dan is-subparagrafu;

[...]”

24      L-Artikolu 30f ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-monitoraġġ, ir-rapportar, il-verifika tal-emissjonijiet u l-akkreditazzjoni”, jsemmi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull entità regolata li jkollha permess f’konformità mal-Artikolu 30b fl-1 ta’ Jannar 2025 tirrapporta l-emissjonijiet storiċi tagħha għas-sena 2024 sat-30 ta’ April 2025.”

25      L-Artikolu 30h tal-imsemmija direttiva, intitolat “Miżuri f’każ ta’ żieda eċċessiva tal-prezzijiet”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Meta, għal aktar minn tliet xhur konsekuttivi, il-prezz medju tal-kwoti fl-irkantijiet imwettqa f’konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(4) ta’ din id-Direttiva jkun aktar mid-doppju tal-prezz medju tal-kwoti matul is-sitt xhur konsekuttivi preċedenti fl-irkantijiet għall-kwoti koperti minn dan il-Kapitolu, 50 miljun kwota koperta minn dan il-Kapitolu għandhom jiġu rilaxxati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq f’konformità mal-Artikolu 1a(7) tad-Deċiżjoni [2015/1814].

Għas-snin 2027 u 2028, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu ssodisfati meta, għal aktar minn tliet xhur konsekuttivi, il-prezz medju tal-kwoti jkun aktar minn 1,5 darbiet il-prezz medju tal-kwoti matul il-perjodu ta’ referenza tas-sitt xhur konsekuttivi preċedenti.

2.      Meta l-prezz medju tal-kwoti msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jaqbeż prezz ta’ EUR 45 għal perjodu ta’ xahrejn konsekuttivi, 20 miljun kwota koperta b’dan il-Kapitolu għandhom jiġu rilaxxati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq f’konformità mal-Artikolu 1a(7) tad-Deċiżjoni [2015/1814]. L-indiċjar abbażi tal-indiċi Ewropew tal-prezzijiet tal-konsumaturi għall-2020 għandu japplika. Il-kwoti għandhom jiġu rilaxxati permezz tal-mekkaniżmu previst’ f’dan il-paragrafu sal-31 ta’ Diċembru 2029.

3.      Meta l-prezz medju tal-kwoti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkun aktar minn tliet darbiet il-prezz medju tal-kwota matul is-sitt xhur konsekuttivi preċedenti,150 miljun kwota koperta minn dan il-Kapitolu għandhom jiġu rilaxxati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq f’konformità mal-Artikolu 1a(7) tad-Deċiżjoni [2015/1814]. ”

26      Il-parti A tal-Anness IIb tad-Direttiva 2003/87, intitolata “Id-Distribuzzjoni tal-Fondi mill-Fond għall-Modernizzazzjoni li Tikkorrispondi għall-Artikolu 10(1), it-Tielet Subparagrafu”, tipprevedi li s-sehem tar-Repubblika tal-Polonja huwa ta’ 43.41 % ta’ dawn il-fondi. Fir-rigward tal-Parti B ta’ dan l-anness, intitolata “Id-Distribuzzjoni tal-Fondi mill-Fond għall-Modernizzazzjoni li Tikkorrispondi għall-Artikolu 10(1), ir-Raba’ Subparagrafu”, hija tindika li s-sehem tar-Repubblika tal-Polonja huwa ta’ 34.2 % ta’ dawn il-fondi.

 Ir-Regolament 2018/842

27      L-Artikolu 4 tar-Regolament 2018/842, kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/857 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ April 2023 (ĠU 2023, L 111, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2018/842”), intitolat “Il-livelli annwali tal-emissjonijiet għall-perijodu mill-2021 sal-2030”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fl-2030, kull Stat Membru għandu jillimita l-emissjonijiet ta’ [GES] tiegħu tal-inqas bil-perċentwal stabbilit għal dak l-Istat Membru fil-kolonna 2 tal-Anness I fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ [GES] tiegħu fl-2005, iddeterminati skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.”

28      L-adozzjoni tar-Regolament 2023/857 kellha l-konsegwenza li żżid it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] meħtieġ mir-Repubblika tal-Polonja fl‑2030 meta pparagunat mal-livelli tagħhom tal‑2005 minn 7 % għal 17.7 %.

 Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima

29      L-Artikolu 2 tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, intitolat “Objettiv tan-newtralità klimatika”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ [GES] madwar l-Unjoni rregolati mil-liġi tal-Unjoni għandhom jiġu bbilanċjati fi ħdan l-Unjoni sa mhux iktar tard mill-2050, biex b’hekk l-emissjonijiet netti jitnaqqsu għal żero sa dik id-data, u l-Unjoni għandu jkollha l-għan li sussegwentement tikseb emissjonijiet negattivi.

2.      L-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali, rispettivament, biex ikun jista’ jinkiseb b’mod kollettiv l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fil-paragrafu 1, filwaqt li jqisu l-importanza tal-fatt li jippromwovu kemm l-ekwità u s-solidarjetà fost l-Istati Membri kif ukoll il-kosteffettività fl-ilħuq ta’ dan l-objettiv.”

30      L-Artikolu 4 tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, intitolat “Miri klimatiċi tal-Unjoni intermedji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sabiex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1), il-mira klimatika vinkolanti tal-Unjoni għall-2030 għandha tkun tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti tal-[GES] (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Meta jkunu qegħdin jimplimentaw il-mira msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lit-tnaqqis tal-emissjonijiet rapidu u prevedibbli u, fl-istess ħin, isaħħu l-assorbimenti minn bjar naturali.

[...]”

 Ir-Regolament (UE) 2023/435

31      Il-premessa 1 tar-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU 2023, L 63, p. 1), tipprovdi:

“Wara l-adozzjoni tar-Regolament [2021/241] li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza [...], ġrajjiet ġeopolitiċi mingħajr preċedent ikkawżati mill-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja, u ż-żieda fil-gravità tal-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19 ikkawżata direttament u indirettament minnhom, affettwaw konsiderevolment lis-soċjetà u l-ekonomija tal-Unjoni, liċ-ċittadini tagħha u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha. B’mod partikolari, huwa aktar ċar minn qatt qabel li s-sigurtà tal-enerġija u l-indipendenza enerġetika tal-Unjoni huma indispensabbli għal irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 li jkun ta’ suċċess, sostenibbli u inklużiv, peress li huma wkoll fatturi ewlenin li jikkontribwixxi għar-reżiljenza tal-ekonomija tal-Unjoni.”

 Id-Deċiżjoni (UE) 2023/852

32      Il-premessa 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2023/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ April 2023 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fir-rigward tal-għadd ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal‑2030 (ĠU 2023, L 110, p. 21), tipprovdi:

“Sabiex jiġi indirizzat l-iżbilanċ strutturali bejn il-provvista ta’ u d-domanda għal kwoti fis-suq, id-Deċiżjoni [2015/1814] stabbiliet riżerva tal-istabbiltà tas-suq [...] fl-2018, li ilha operattiva mill-2019. Mingħajr preġudizzju għal reviżjonijiet oħra tar-riżerva bħala parti mir-reviżjoni ġenerali tad-Direttiva [2003/87] u tad-Deċiżjoni [2015/1814] fl-2023, il-Kummissjoni jenħtieġ li timmonitorja kontinwament il-funzjonament tar-riżerva u tiżgura li r-riżerva tinżamm adegwata għall-iskop tagħha f’każ ta’ xokkijiet esterni imprevedibbli fil-futur. Riżerva robusta u li tħares ’il quddiem hija essenzjali biex tiġi żgurata l-integrità tal-EU ETS u biex l-EU ETS tiġi ġestita b’mod effettiv bil-għan li tkun tista’ tikkontribwixxi, bħala għodda ta’ politika, biex l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni jintlaħaq sa mhux aktar tard mill-2050 u biex l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi jintlaħaq wara dik id-data, kif stabbilit [fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima].”

 Ir-Regolament 2023/955

33      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2023/955 huwa fformulat kif ġej:

“Il-miżuri u l-investimenti appoġġati mill-Fond għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-unitajiet domestiċi, għall-mikrointrapriżi u għall-utenti tat-trasport, li huma vulnerabbli u partikolarment affettwati mill-inklużjoni tal-emissjonijiet ta’ [GES] mill-bini u mit-trasport bit-triq [(iktar ’il quddiem is-“setturi BTT”)] fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2003/87], b’mod partikolari l-unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku jew unitajiet domestiċi fil-faqar tat-trasport.”

34      Skont il-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, il-“faqar enerġetiku” ifisser “in-nuqqas ta’ aċċess ta’ unità domestika għal servizzi essenzjali tal-enerġija li jirfdu standard tal-għajxien u tas-saħħa diċenti, inkluż tisħin, tkessiħ, tidwil adegwati, u enerġija għat-tħaddim ta’ apparati domestiċi, fil-kuntest nazzjonali rilevanti, tal-politika soċjali eżistenti u ta’ politiki rilevanti oħra”.

35      L-Anness II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Allokazzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru fil-qafas tal-Fond skont l-Artikoli 10 u 14”, jipprevedi li, għall-perijodu mis-sena 2026 sas-sena 2032, l-allokazzjoni finanzjarja massima tar-Repubblika tal-Polonja tirrappreżenta 17.60 % tat-total allokat lill-Istati Membri kollha, li jista’ jammonta għal EUR 11 439 026 446, skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament, u ammont ta’ EUR 9 608 782 215, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-istess regolament.

 Ir-Regolament (UE) 2023/956

36      Il-premessa 12 tar-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (ĠU 2023, L 130, p. 52).

“[Il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM)] ifittex li jissostitwixxi dawk il-mekkaniżmi eżistenti billi jindirizza r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju b’mod differenti, jiġifieri billi jiżgura pprezzar tal-karbonju ekwivalenti għall-importazzjonijiet u l-prodotti interni. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni gradwali mis-sistema attwali ta’ kwoti bla ħlas għas-CBAM, is-CBAM għandu jiddaħħal progressivament filwaqt li l-kwoti bla ħlas fis-setturi koperti mis-CBAM jitneħħew gradwalment. L-applikazzjoni kkombinata u tranżitorja tal-kwoti tal-EU ETS allokati bla ħlas u tas-CBAM ma għandha fl-ebda każ tirriżulta fi trattament aktar favorevoli għall-oġġetti tal-Unjoni meta mqabbla mal-oġġetti importati fit-territorju doganali tal-Unjoni.”

 Id-Direttiva kkontestata

37      Il-premessi 1 sa 9, 17, 20, 39, 43, 64, 70, 75, 77, 78, 80, 81, 84, 90, 91 u 107 tad-Deċiżjoni kkontestata jipprovdu:

“(1)      Il-Ftehim ta’ Pariġi [...] daħal fis-seħħ fl‑4 ta’Novembru 2016. Il-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi qablu li jżommu ż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt 2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u jagħmlu sforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. Dak l-impenn ssaħħaħ bl-adozzjoni fl-ambitu tal-UNFCCC, tal-Patt Klimatiku ta’ Glasgow fit‑13 ta’ Novembru 2021, li fih il-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC, li sservi bħala laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi, tirrikonoxxi li l-impatti tat-tibdil fil-klima se jkunu ħafna aktar baxxi b’żieda fit-temperatura ta’ 1,5 °C, meta mqabbla ma’ 2 °C, u tiddeċiedi li twettaq sforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C.

(2)      L-urġenza tal-ħtieġa li l-objettiv tal-Ftehim ta’ Pariġi ta’ 1,5 °C jibqa’ ħaj saret aktar sinifikanti wara s-sejbiet tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima fis-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tiegħu li t-tisħin globali jista’ jiġi limitat għal 1,5 °C biss jekk isir minnufih tnaqqis qawwi u sostnut tal-emissjonijiet globali ta' [GES] f'dan id-deċennju.

(3)      L-indirizzar tal-isfidi relatati mal-klima u mal-ambjent u l-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi huma fil-qalba tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar ‘Il-Patt Ekoloġiku Ewropew’ (il-‘Patt Ekoloġiku Ewropew’).

(4)      Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jgħaqqad sett komprensiv ta’ miżuri u inizjattivi ta' tisħiħ reċiproku bl-għan li, sal-2050, tinkiseb in-newtralità klimatika fl-Unjoni, u jistabbilixxi strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f'soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Huwa għandu wkoll l-għan li jipproteġi, jikkonserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni, u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti relatati mal-ambjent. Din it-tranżizzjoni taffettwa lil ħaddiema minn diversi setturi b’mod differenti. Fl-istess ħin, dik it-tranżizzjoni għandha aspetti ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri kif ukoll impatt partikolari fuq xi gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, bħall-persuni akbar fl-età, il-persuni b’diżabbiltà, il-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju u l-individwi u l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju-baxx. Timponi wkoll sfidi akbar fuq ċerti reġjuni, b’mod partikolari r-reġjuni strutturalment żvantaġġati u periferiċi, kif ukoll fuq il-gżejjer. Għalhekk, irid jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun ġusta u inklużiva, u ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura.

(5)      [...] Peress li [l-EU ETS], stabbilita bid-Direttiva [2003/87], hija pedament tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima u tikkostitwixxi l-għodda ewlenija tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] b'mod kosteffettiv, l-emendi għad-Direttiva [2003/87], inkluż fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, adottati permezz ta’ din id-Direttiva, huma parti mill-elementi essenzjali tal-pakkett ‘Lesti għall-mira ta’ 55 %’.

(6)      In-neċessità u l-valur li jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew kibru biss fid-dawl tal-effetti severi ħafna tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-saħħa, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u l-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni. Dawk l-effetti wrew li s-soċjetà tagħna u l-ekonomija tagħna jeħtieġ li jtejbu r-reżiljenza tagħhom fir-rigward tax-xokkijiet esterni u jaġixxu kmieni biex jevitawhom jew itaffu l-effetti tax-xokkijiet esterni b'mod li jkun ġust u li jirriżulta f'li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, inklużi dawk f'riskju ta' faqar enerġetiku. Iċ-ċittadini Ewropej qed ikomplu jesprimu fehmiet qawwija li dan japplika b'mod partikolari għat-tibdil fil-klima.

(7)      L-Unjoni impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet netti tal-[GES] fl-ekonomija kollha tal-Unjoni b’mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, sal-2030, [fil-kontribut iddeterminat fil-livell nazzjonali] aġġornat ippreżentat lis-Segretarjat tal-UNFCCC fis-17 ta’ Diċembru 2020.

(8)      Permezz tal-adozzjoni [tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima], l-Unjoni naqqxet fil-leġiżlazzjoni l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-ekonomija kollha sa mhux aktar tard mill-2050 u l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi wara dik id-data. [L-imsemmija liġi tistabbilixxi] wkoll mira vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet netti ta’ [GES] (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta' mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, sal-2030, u jipprevedi li l-Kummissjoni obbligata tagħmel l-almu tagħha biex tallinja l-abbozzi futuri kollha ta’ miżuri jew proposti leġiżlattivi, inklużi l-proposti baġitarji, mal-objettivi ta’ dak ir-Regolament u, fi kwalunkwe każ ta’ nuqqas ta’ allinjament, tagħti r-raġunijiet għal tali nuqqas ta’ allinjament bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja dawk il-proposti.

(9)      Is-setturi kollha tal-ekonomija jeħtieġ li jikkontribwixxu biex jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet stabbilit [bil-Liġi Ewropea dwar il-Klima]. Għalhekk, l-ambizzjoni tal-EU ETS jenħtieġ li tiġi aġġustata sabiex tkun konformi mal-mira għall-2030 ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta’ [GES] fl-ekonomija kollha, mal-objettiv li tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 u l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi wara din id-data, kif stabbilit [fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima].

[...]

(17)      L-attività tat-trasport marittimu internazzjonali, li tikkonsisti fi vjaġġi bejn portijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta' żewġ Stati Membri differenti jew bejn port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru u port barra mill-ġuriżdizzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru, kienet l-uniku mezz ta' trasport mhux inkluż fl-impenji tal-Unjoni fil-passat biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ [GES]. L-emissjonijiet mill-fjuwil mibjugħ fl-Unjoni għal vjaġġi li jitilqu minn Stat Membru wieħed u li jaslu fi Stat Membru differenti jew f'pajjiż terz żdiedu b'madwar 36 % mill-1990 ’l hawn. Dawk l-emissjonijiet jirrappreżentaw kważi 90 % tal-emissjonijiet kollha tan-navigazzjoni tal-Unjoni, billi l-emissjonijiet mill-fjuwil mibjugħ fl-Unjoni għal vjaġġi li jitilqu minn u li jaslu fl-istess Stat Membru tnaqqsu b’26 % mill-1990 ’l hawn. F’xenarju ta' żamma tal-istatus quo, l-emissjonijiet minn attivitajiet tat-trasport marittimu internazzjonali huma pproġettati li jiżdiedu b’madwar 14 % bejn l-2015 u l-2030 u b’34 % bejn l-2015 u l-2050. Jekk l-impatt tal-attivitajiet tat-trasport marittimu fuq it-tibdil fil-klima jkompli jikber kif ipproġettat, dan jimmina b'mod sinifikanti t-tnaqqis li sar minn setturi oħrajn biex jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima u għalhekk biex jintlaħqu l-mira għall-2030 ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta’ [GES] fl-ekonomija kollha, l-objettiv tal-Unjoni li tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 u l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi wara dan, kif stabbilit [fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima], u l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi.

[...]

(20)      L-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu jammontaw għal madwar 3 sa 4 % tal-emissjonijiet tal-Unjoni. [...] F’dan il-kuntest, jenħtieġ li d-Direttiva [2003/87] tiġi emendata biex tinkludi t-trasport marittimu fl-EU ETS sabiex jiġi żgurat li dak is-settur jikkontribwixxi s-sehem ġust tiegħu għall-objettivi klimatiċi akbar tal-Unjoni, kif ukoll għall-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi

[...]

(39)      Il-kisba tal-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Unjoni għall-2030 se tkun teħtieġ tnaqqis fl-emissjonijiet tas-setturi koperti mill-EU ETS ta’ 62 % meta mqabbla mal-2005. Il-kwantità ta' kwoti tal-EU ETS fl-Unjoni kollha jeħtieġ li titnaqqas biex jinħolqu s-sinjal meħtieġ tal-prezz tal-karbonju fit-tul u l-impetu għal dak il-grad ta’ dekarbonizzazzjoni. Il-kwantità totali ta’ kwoti jenħtieġ li titnaqqas fl-2024 u fl-2026 biex issir aktar konformi mal-emissjonijiet attwali. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiżdied il-fattur ta’ tnaqqis lineari fl-2024 u fl-2028, filwaqt li titqies ukoll l-inklużjoni tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu. It-trajettorja tal-limitu aktar qawwija li tirriżulta minn dawk il-bidliet se twassal għal livelli ferm ogħla ta' tnaqqis kumulattiv tal-emissjonijiet sal-2030 milli kieku kien iseħħ skont id-Direttiva (UE) 2018/410 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU 2018, L 76, p. 3)]. [...]

[...]

(43)      Biex jiġu indirizzati l-effetti distributtivi u soċjali tat-tranżizzjoni fl-Istati Membri bi dħul baxx, jenħtieġ li jintuża ammont addizzjonali ta’ 2,5 % tal-kwantità ta' kwoti madwar l-Unjoni kollha mill-2024 sal-2030 biex tiġi ffinanzjata t-tranżizzjoni enerġetika tal-Istati Membri bi [PDG] per capita taħt il-75 % tal-medja tal-Unjoni fis-snin 2016 sa 2018, permezz tal-Fond għall-Modernizzazzjoni msemmi fl-Artikolu 10d tad-Direttiva [2003/87].

[...]

(64)      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni jenħtieġ li jiġi allinjat mal-objettivi klimatiċi l-aktar reċenti tal-Unjoni billi jirrikjedi li l-investimenti jkunu konsistenti mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u [l-Liġi Ewropea dwar il-Klima], u li jiġi eliminat l-appoġġ għal kwalunkwe investiment relatat mal-ġenerazzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-fjuwils fossili, minbarra fir-rigward tal-appoġġ għal tali investimenti bi dħul minn kwoti ttrasferiti volontarjament fil-Fond għall-Modernizzazzjoni f'konformità mal-Artikolu 10d(4) tad-Direttiva [2003/87]. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-appoġġ limitat għal tali investimenti jibqa’ possibbli bi dħul mill-allokazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, ta’ dik id-Direttiva taħt ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari meta l-attività tikkwalifika bħala ambjentalment sostenibbli skont ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat‑18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU 2020, L 198, p. 13)] u fir-rigward tal-kwoti rkantati sal-2027. Għal din l-aħħar kategorija ta' kwoti, l-użi downstream tal-fjuwils fossili mhux solidi jenħtieġ li, barra minn hekk, ma jiġux appoġġati bi dħul minn kwoti rkantati wara l-2028. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-persentaġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li jeħtieġ li jiġi ddedikat għall-investimenti ta' prijorità jiżdied għal 80 % għall-kwoti tal-Fond għall-Modernizzazzjoni ttrasferiti f'konformità mal-Artikolu 10d(4) tad-Direttiva [2003/87] u msemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, ta’ dik id-Direttiva, u għal 90 % għall-ammont addizzjonali ta’ 2,5 % mill-kwantità ta' kwoti għall-Unjoni kollha.

L-effiċjenza enerġetika inkluż fl-industrija, it-trasport, il-bini, l-agrikoltura u l-iskart; it-tisħin u t-tkessiħ minn sorsi rinnovabbli; kif ukoll l-appoġġ għall-unitajiet domestiċi biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku, inkluż f’żoni rurali u remoti, jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-investimenti ta' prijorità. [...]

[...]

(70)      L-esklużjoni mill-EU ETS ta’ installazzjonijiet li jużaw esklussivament il-bijomassa wasslet għal sitwazzjonijiet fejn l-installazzjonijiet li jaħarqu sehem għoli ta' bijomassa jkunu kisbu profitti mhux previsti billi jkunu rċevew kwoti bla ħlas li jaqbżu bil-kbir l-emissjonijiet attwali. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi introdott valur ta’ livell limitu għall-kombustjoni tal-bijomassa b’rata żero, li ’l fuq minnu l-installazzjonijiet jiġu esklużi mill-EU ETS. L-introduzzjoni ta’ livell limitu jipprovdi aktar ċertezza dwar liema installazzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS u jippermetti li l-kwoti bla ħlas jitqassmu b’mod aktar ugwali lil setturi li jinsabu f’riskju akbar ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju b’mod partikolari. Jenħtieġ li l-livell limitu jiġi stabbilit f’livell ta’ 95 % biex jiġu bbilanċjati l-vantaġġi u l-iżvantaġġi għall-installazzjonijiet li jibqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS. Għalhekk, l-installazzjonijiet li żammew il-kapaċità fiżika li jaħarqu l-fjuwils fossili jenħtieġ li ma jiġux inċentivati biex jerġgħu lura għall-użu ta’ tali fjuwils. Livell limitu ta’ 95 % jiżgura li jekk installazzjoni tuża fjuwils fossili bil-għan li tibqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS biex tibbenefika minn kwoti ta’ allokazzjoni bla ħlas, il-kostijiet tal-karbonju relatati mal-użu ta’ dawk il-fjuwils fossili jkunu importanti biżżejjed biex jaġixxu ta’ diżinċentiv.

[...]

(75)       [...] il-Kummissjoni ħabbret li espansjoni ulterjuri tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tista’ tinkludi emissjonijiet [mis-setturi BTT], filwaqt li indikat li l-kopertura tal-emissjonijiet kollha mil-kombustjoni tal-fjuwil tippreżenta benefiċċji importanti. L-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet jenħtieġ li jiġi applikat għall-fjuwils użati għall-kombustjoni fis-[setturi BTT] bit-triq kif ukoll f’setturi addizzjonali li jikkorrispondu għal attivitajiet industrijali mhux koperti mill-Anness I għad-Direttiva [2003/87] [(iktar ’il quddiem is-“setturi addizzjonali”)] bħat-tisħin ta’ faċilitajiet industrijali [...]. Għal dawk is-setturi, jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet separata iżda b’mod parallel biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet li tiffunzjona tajjeb għall-installazzjonijiet stazzjonarji u għall-avjazzjoni. Is-sistema l-ġdida hija akkumpanjata minn politiki komplementari li jsawru l-aspettattivi tal-parteċipanti fis-suq u li jimmiraw għal sinjal tal-prezz tal-karbonju għall-ekonomija kollha filwaqt li jipprovdu miżuri biex jiġu evitati impatti bla bżonn fuq il-prezzijiet. L-esperjenza preċedenti wriet li l-iżvilupp tas-sistema l-ġdida jeħtieġ l-istabbiliment ta’ sistema effiċjenti ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika. Bil-ħsieb li jiġu żgurati sinerġiji u konsistenza mal-infrastruttura eżistenti tal-Unjoni għall-EU ETS, huwa xieraq li tiġi stabbilita sistema ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali permezz ta' emenda għad-Direttiva [2003/87].

[...]

(77)      Minħabba l-għadd kbir ħafna ta' emittenti żgħar fis-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali, mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit il-punt ta' regolamentazzjoni fil-livell ta' entitajiet li jarmu direttament [GES], kif inhu l-każ għall-installazzjonijiet stazzjonarji u għall-avjazzjoni. Għalhekk, għal raġunijiet ta' fattibbiltà teknika u effiċjenza amministrattiva, huwa aktar xieraq li jiġi stabbilit il-punt ta’ regolamentazzjoni aktar 'il fuq fil-katina tal-provvista. L-att li jiskatta l-obbligu ta’ konformità taħt is-sistema l-ġdida ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet jenħtieġ li jkun ir-rilaxx għall-konsum ta’ fjuwils li jintużaw għall-kombustjoni fis-[setturi BTT], inkluż għalt-trasport bit-triq ta' [GES] għall-finijiet tal-ħżin ġeoloġiku tagħhom, kif ukoll fis-setturi addizzjonali li jikkorrispondu għal attivitajiet industrijali mhux koperti mill-Anness I għad-Direttiva [2003/87]. Biex tiġi evitata kopertura doppja, ir-rilaxx għall-konsum ta' fjuwils li jintużaw f'attivitajiet skont l-Anness I ta' dik id-Direttiva ma jenħtieġx li jiġi kopert.

(78)      L-entitajiet regolati fis-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali u l-punt ta’ regolamentazzjoni jenħtieġ li jiġu definiti f'konformità mas-sistema tad-dazju tas-sisa stabbilita bid-Direttiva [2020/262], bl-adattamenti meħtieġa, billi dik id-Direttiva diġà tistabbilixxi sistema robusta ta’ kontroll għall-kwantitajiet kollha ta’ fjuwils rilaxxati għall-konsum għall-finijiet tal-ħlas tad-dazji tas-sisa. [...]

[...]

(80)      Jenħtieġ li l-kwantità totali ta’ kwoti għas-sistema l-ġdida ta’ kwoti tal-emissjonijiet issegwi trajettorja lineari biex tilħaq il-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030, filwaqt li jitqies il-kontribut kosteffiċjenti tas-[setturi BTT] għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 43 % sal-2030, meta mqabbel mal-2005 u tas-setturi addizzjonali, kontribut kosteffiċjenti kkombinat ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 42 % sal-2030, meta mqabbel mal-2005. Jenħtieġ li l-kwantità totali ta’ kwoti tiġi stabbilita għall-ewwel darba fl-2027 biex issegwi trajettorja li tibda fl-2024 mill-valur tal-limiti tal-emissjonijiet tal-2024, ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament [2018/842] abbażi tal-emissjonijiet ta’ referenza għal dawn is-setturi koperti għall-2005 u għall-perjodu mill-2016 sal-2018 kif determinat skont l-Artikolu 4(3) ta’ dak ir-Regolament. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-fattur ta’ tnaqqis lineari jiġi stabbilit għal 5,10 %. Mill-2028, jenħtieġ li l-kwantità totali ta' kwoti tiġi stabbilita abbażi tal-emissjonijiet medji rrapportati għas-snin 2024, 2025 u 2026, u jenħtieġ li tonqos bl-istess rata ta’ tnaqqis annwali assolut kif stabbilit mill-2024, li jikkorrispondi għal fattur ta’ tnaqqis lineari ta’ 5,38 % meta mqabbel mal-valur komparabbli tal-2025 tat-trajettorja definita hawn fuq. Jekk dawk l-emissjonijiet ikunu ogħla b'mod sinifikanti minn dak il-valur tat-trajettorja u jekk tali diverġenza ma tkunx dovuta għal differenzi fuq skala żgħira fil-metodoloġiji tal-kejl tal-emissjonijiet, jenħtieġ li l-fattur ta’ tnaqqis lineari jiġi aġġustat biex jintlaħaq il-livell ta’ tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet fl-2030.

(81)      L-irkantar tal-kwoti huwa l-aktar metodu sempliċi u ekonomikament effiċjenti għall-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet, u jevita wkoll profitti mhux previsti. Kemm is-settur tal-bini kif ukoll dak tat-trasport bit-triq huma taħt pressjoni kompetittiva relattivament żgħira jew mhux eżistenti minn barra l-Unjoni u mhumiex esposti għal riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Għalhekk, jenħtieġ li l-kwoti għall-bini u għat-trasport bit-triq jiġu allokati biss permezz ta’ rkantar, mingħajr ma jkun hemm allokazzjoni bla ħlas.

[...]

(84)      L-introduzzjoni tal-prezz tal-karbonju fis- [setturi BTT] jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn kumpens soċjali effettiv, speċjalment fid-dawl tal-livelli eżistenti ta’ faqar enerġetiku. Madwar 34 miljun ċittadin Ewropew, kważi 6,9 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni, qalu li ma jistgħux jaffordjaw li jsaħħnu djarhom b'mod suffiċjenti fi stħarriġ li sar fl-2021 madwar l-Unjoni kollha. Biex jinkiseb kumpens soċjali u distributtiv effettiv, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jonfqu d-dħul mill-irkant mill-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali għall-finijiet relatati mal-klima u l-enerġija diġà speċifikati għas-sistema eżistenti ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, billi jagħtu prijorità lil attivitajiet li jistgħu jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-aspetti soċjali tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fis-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali, jew għal miżuri miżjuda speċifikament biex jindirizzaw it-tħassib relatat għal dawk is-setturi, inklużi miżuri ta' politika relatati skont id-Direttiva [2012/27].

Fond Soċjali għall-Klima ġdid stabbilit bir-Regolament [2023/ 955] se jipprovdi finanzjament iddedikat lill-Istati Membri biex jappoġġaw lill-gruppi vulnerabbli l-aktar affettwati, speċjalment l-unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku jew tat-trasport. Il-Fond Soċjali għall-Klima ser jippromwovi l-ġustizzja u s-solidarjetà bejn u fi ħdan l-Istati Membri, filwaqt li jtaffi r-riskju tal-faqar enerġetiku u tat-trasport matul it-tranżizzjoni. Huwa se jibni fuq il-mekkaniżmi ta’ solidarjetà eżistenti u jikkomplementahom, f’sinerġija ma’ programmi u fondi oħra ta’ nfiq tal-Unjoni. 50 miljun kwota mill-EU ETS skont l-Artikolu 10a(8b) tad-Direttiva [2003/87] u 150 miljun kwota mill-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fis-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali, u d-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti li jikkonċernaw is-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u oħrajn addizzjonali, sa massimu ta’ EUR 65 000 000 000, jenħtieġ li jintużaw għall-finanzjament tal-Fond Soċjali għall-Klima fil-forma ta’ dħul assenjat estern fuq bażi temporanja u eċċezzjonali, sakemm isiru d-diskussjonijiet u d-deliberazzjonijiet dwar il-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2021 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-[Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal‑14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU 2020, L 424, p. 1)] rigward l-istabbiliment ta’ riżorsa proprja ġdida bbażata fuq l-EU ETS f’konformità mal-Artikolu 311, it-tielet paragrafu,) tat-TFUE.

[...]

(90)      Huwa xieraq li jiġu introdotti miżuri biex jiġi indirizzat ir-riskju potenzjali ta’ żidiet eċċessivi fil-prezzijiet, li, jekk ikunu partikolarment għoljin fil-bidu tas-sistema tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet il-ġdida, jistgħu jimminaw ir-rieda tal-unitajiet domestiċi u tal-individwi li jinvestu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] tagħhom. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jikkomplementaw is-salvagwardji pprovduti mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq u li saru operattivi fl-2019. Filwaqt li s-suq se jkompli jiddetermina l-prezz tal-karbonju, il-miżuri ta' salvagwardja se jiġu skattati permezz ta’ mekkaniżmu awtomatiku bbażat fuq ir-regoli, fejn il-kwoti jiġu rilaxxati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq biss jekk jiġu ssodisfati kundizzjonijiet konkreti ta’ skattar, wieħed jew aktar, ibbażati fuq iż-żieda fil-prezz medju tal-kwoti. Dan il-mekkaniżmu addizzjonali jenħtieġ li jkun ukoll reattiv ferm, sabiex tiġi indirizzata l-volatilità eċċessiva dovuta għal fatturi għajr dak ta' tibdil fil-prinċipji fundamentali tas-suq. [...] Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura ta' akkumpanjament li jistgħu jadottaw l-Istati Membri biex jindirizzaw l-impatti soċjali negattivi.

(91)      Sabiex tiżdied iċ-ċertezza għaċ-ċittadini li l-prezz tal-karbonju fis-snin inizjali tas-sistema l-ġdida tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ma jaqbiżx il-EUR 45, huwa xieraq li jiġi inkluż mekkaniżmu addizzjonali ta' stabbiltà tal-prezzijiet biex jiġu rilaxxati kwoti mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq f'każ li l-prezz tal-karbonju jaqbeż dak il-livell. Fil-prinċipju, il-miżura jenħtieġ li tapplika darba matul perjodu ta’ 12-il xahar. [...] Fid-dawl tal-għan ta' dan il-mekkaniżmu li jiżgura l-istabbiltà fis-snin inizjali tas-sistema l-ġdida tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-funzjonament tiegħu u jekk jenħtieġx li jitkompla wara l-2029.

[...]

(107) Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' [GES] b’mod kosteffettiv u ekonomikament effiċjenti b'mod li huwa proporzjonat għall-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ [GES] netti fl-ekonomija kollha għall-2030 permezz ta’ mekkaniżmu estiż u emendat ibbażat fuq is-suq għall-Unjoni kollha, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-[TUE]. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.”

38      L-Artikolu 3 tad-Direttiva kkontestata, intitolat “Transpożizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 2023. Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2024.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-artikoli li ġejjin sat-30 ta' Ġunju 2024:

(a)      l-Artikolu 1, il-punt (3)(d), ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-Artikolu 3, il-punti (ae) sa (ai), tad-Direttiva [2003/87] kif miżjud b’dak il-punt;

(b)      l-Artikolu 1, il-punt (29), ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 30f(4) tad-Direttiva [2003/87] kif imdaħħal b'dak il-punt; u

(c)      l-Artikolu 1, il-punt (31), ta' din id-Direttiva rigward l-Annessi III u IIIa għad-Direttiva [2003/87] kif imdaħħal b'dak il-punt.

[...]”

 Il-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet

39      Il-punt 14 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU 2016, L 123, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet”), jistabbilixxi:

“Il-[Parlament] u l-Kunsill, meta jikkunsidraw il-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni, ser jieħdu kont sħiħ tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni. Għal dan l-għan, il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jiġu ppreżentati b’tali mod li jiffaċilitaw il-kunsiderazzjoni mill-[Parlament] u l-Kunsill tal-għażliet li tkun għamlet il-Kummissjoni.”

40      Skont l-ewwel paragrafu tal-punt 25 ta’ dan il-ftehim:

“Il-Kummissjoni għandha tipprovdi spjegazzjoni u ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ kull proposta lill-[Parlament] u lill-Kunsill dwar l-għażla tagħha ta’ bażi legali u tip ta’ att legali fil-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjaw il-proposta. Il-Kummissjoni għandha tieħu kont dovut tad-differenzi fin-natura u l-effetti bejn ir-regolamenti u d-direttivi.”

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

41      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

–        tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

42      Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors; u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

43      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

44      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Novembru 2023, l-Ungerija ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja.

 Fuq ir-rikors

45      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka seba’ motivi, ibbażati fuq il-ksur, l-ewwel wieħed, tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, it-tieni wieħed, tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, it-tielet wieħed, tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, imsemmi fl-Artikolu 194(1)(b) TFUE, ir-raba’ wieħed, tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, imsemmi fl-Artikolu 5(3) TUE, il-ħames wieħed, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ggarantit fl-Artikolu 5(4) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 191(2) TFUE, is-sitt wieħed, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, fl-aħħar nett, is-seba’ wieħed, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, imsemmi fl-Artikolu 4(3) TUE.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq il-ksur, rispettivament, tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE u tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

46      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tqis li, billi adotta d-Direttiva kkontestata abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, li jipprovdi li, b’deroga mill-proċedura ta’ deċiżjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 192(1), il-Kunsill, b’deċiżjoni unanima, jadotta miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura tal-provvista tal-enerġija tiegħu.

47      Konformement mal-prinċipju li l-liġijiet speċjali jidderogaw mil-liġijiet ġenerali, l-applikazzjoni ta’ dan il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) hija imperattiva meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fih huma ssodisfatti. Għaldaqstant, l-esklużjoni, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ta’ din id-dispożizzjoni għandha tirriżulta b’mod ċar mix-xogħol preparatorju tad-Deċiżjoni kkontestata sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tistħarreġ oġġettivament jekk l-adozzjoni ta’ din id-direttiva skont l-Artikolu 192(1) TFUE tmurx kontra l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE.

48      F’dan il-każ, id-Direttiva kkontestata tagħmel parti minn tendenza kostanti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jixtiequ jiddisswadu lill-Istati Membri milli jagħmlu użu mill-fjuwils fossili u jillimitaw il-libertà tal-għażla li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE jiggarantilhom fid-definizzjoni tat-taħlita tal-enerġija tagħhom. F’dan ir-rigward, il-premessa 64 tad-Direttiva kkontestata tipprevedi t-tneħħija tal-appoġġ għal kull investiment marbut mal-produzzjoni ta’ enerġija minn fjuwils fossili. Bl-istess mod, mill-premessa 70 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-installazzjonijiet li żammew il-kapaċità fiżika li jaħarqu l-fjuwils fossili jenħtieġ li ma jiġux inċentivati biex jerġgħu lura għall-użu ta’ tali fjuwils.

49      Huwa irrilevanti l-fatt li l-imsemmija direttiva hija intiża li temenda d-Direttiva 2003/87 kif ukoll id-Deċiżjoni 2015/1814 li ġew adottati abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE. Kif jirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 49), att emendatorju ma għandux neċessarjament ikun ibbażat fuq l-istess bażi legali bħall-att emendat.

50      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 42 ta’ dik is-sentenza, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE għandu japplika meta miżura taffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu, u mhux biss meta l-“għan prinċipali” ta’ din il-miżura jkun jaffettwa b’mod sinjifikattiv tali għażla. Peress li din id-dispożizzjoni teħtieġ espressament il-kriterju tal-effett tal-att sabiex id-deroga prevista tkun tista’ tapplika, ikun contra legem li dan il-kriterju jiġi ssostitwit b’dak tal-għan u tal-kontenut tal-att. Ir-Repubblika tal-Polonja żżid li l-kriterju tal-effetti ta’ att huwa, barra minn hekk, adottat għall-applikazzjoni ta’ ċerti proċeduri leġiżlattivi f’ċerti oqsma tad-dritt tal-Unjoni, bħal dawk tad-dritt tal-kompetizzjoni jew tal-libertajiet ta’ moviment.

51      Fid-dawl tal-punti 41, 42 u 46 tal-imsemmija sentenza, ikun biżżejjed li l-istituzzjoni, awtriċi ta’ att tal-Unjoni, tallega, fl-att stess, li dan ma għandux bħala għan prinċipali li jinfluwenza l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija sabiex tiġġustifika li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE ma jikkostitwixxix il-bażi legali tiegħu. Issa, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-għażla tal-bażi legali ta’ att ġuridiku tal-Unjoni ma tistax tkun ibbażata fuq ir-rieda suġġettiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

52      F’dan ir-rigward, fid-Direttiva kkontestata, il-leġiżlatur tal-Unjoni juża b’mod iktar partikolari, fuq il-livell lingwistiku, il-kunċetti ta’ “limitazzjoni” jew ta’ “tnaqqis” tal-emissjonijiet ta’ GES, filwaqt li jipprova jaħbi li din id-direttiva għandha bħala għan prinċipali d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomiji tal-Istati Membri u l-eliminazzjoni progressiva tal-fjuwils fossili bħala sorsi ta’ enerġija. B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni evita l-Artikolu 194(2) TFUE, li jipprovdi li l-miżuri neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija “m’għandhomx jolqtu d-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta’ enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn riżorsi differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta' enerġija tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 192(2)(c) [TFUE]”.

53      Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta wkoll l-affermazzjoni, li tinsab fis-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 41), fis-sens li l-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq l-impatt probabbli ta’ miżura li fuqhom il-leġiżlatur tal-Unjoni jibbaża l-għażliet tiegħu huma spekulattivi min-natura tagħhom, b’tali mod li fl-ebda każ ma jikkostitwixxu elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Din l-interpretazzjoni tirrendi superfluwu t-tfassil ta’ analiżi tal-impatt u tikser il-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

54      Barra minn hekk, il-qorti għandha tivverifika l-eżattezza sostantiva tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u r-rilevanza tagħhom sabiex jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnhom, konformement mas-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39).

55      Fi kwalunkwe każ, mis-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 42) jirriżulta li l-evalwazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-effetti li jirriżultaw minn att hija rilevanti biss fir-rigward tal-għan u tal-kontenut ta’ dan l-att għall-finijiet tal-eżami tal-ksur tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE. Issa, peress li d-Direttiva kkontestata għandha bħala għan prinċipali jew bħala effett prinċipali li taffettwa l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu, hija kellha tiġi adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

56      Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li hija espressa fix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva kkontestata, għandha tiġi adottata bħala kriterju oġġettiv għall-applikazzjoni tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, flimkien mal-għan u l-kontenut tal-att, fid-dawl tas-sitwazzjoni proprja tal-Istat Membru kkonċernat.

57      F’dan ir-rigward, għandha tingħata importanza deċiżiva lill-Proposta tal-Kummissjoni COM(2021) 551 final tal‑14 ta’ Lulju 2021 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni, għad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u r-Regolament (UE) 2015/757, għar-rapport ta’ analiżi tal-impatt mehmuż ma’ din il-proposta (iktar ’il quddiem l-“analiżi tal-impatt tad-Direttiva kkontestata”) kif ukoll għax-xenarju ta’ riferiment tal-Unjoni għall‑2020, dwar ir-riżultati prinċipali fil-qasam tal-enerġija, tat-trasport u tal-emissjonijiet ta’ GES, li jissemma f’din l-analiżi tal-impatt.

58      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni madankollu li l-Kummissjoni ma wrietx b’mod ċar, distint u oġġettiv li eżaminat jekk l-għan u l-kontenut tad-Direttiva kkontestata kinux josservaw il-kundizzjoni li l-għażla tar-Repubblika tal-Polonja bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tagħha kienu affettwati b’mod sinjifikattiv, fis-sens tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE. Issa, din l-ommissjoni tal-Kummissjoni tobbliga lil dan l-Istat Membru jibbaża ruħu fuq dokumenti leġiżlattivi inkompleti, bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti, sabiex juri li din id-direttiva kellha tiġi adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Din is-sitwazzjoni tikser l-ewwel paragrafu tal-punt 25 tal-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament u lill-Kunsill, fl-espożizzjoni tal-motivi mehmuża mal-proposta u għal kull proposta, spjegazzjoni u ġustifikazzjoni tal-għażla li hija għamlet dwar il-bażi legali u t-tip ta’ att legali.

59      Issa, il-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES imfittex mid-Direttiva kkontestata tiġġustifika li l-adozzjoni tagħha tkun ibbażata fuq il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE. Fil-fatt, billi timponi li jitnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ GES b’mill-inqas 55 % sas-sena 2030 meta pparagunat mal-livelli tal-emissjonijiet ta’ GES tas-sena 1990 u li dawn jitnaqqsu għal żero sas-sena 2050, kif jistabbilixxu l-premessi 7 sa 9 tagħha, id-Direttiva kkontestata tistabbilixxi mira tant ambizzjuża li l-implimentazzjoni tagħha permezz tal-ETS 2 tobbliga lir-Repubblika tal-Polonja tabbanduna progressivament l-użu tal-fjuwils fossili solidi kollha li jniġġsu, filwaqt li żżid il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi ta’ enerġija alternattivi.

60      Iż-żewġ gruppi prinċipali ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva kkontestata jikkonfermaw li din taffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu, fis-sens tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE.

61      Fl-ewwel lok, it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 9, kif ukoll l-Artikolu 30c(1) u (2) tad-Direttiva 2003/87, moqrija flimkien mal-premessi 39 u 80 tad-Direttiva kkontestata, jimponu tnaqqis kontinwu tal-limitu massimu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES disponibbli, li jobbliga lir-Repubblika tal-Polonja tnaqqas l-użu ta’ fjuwils fossili solidi bħala sorsi ta’ enerġija fl-attivitajiet koperti mill-EU ETS attwali.

62      Fit-tieni lok, il-Kapitolu IVa u l-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jipprevedu li l-volum ta’ fjuwils irrilaxxati għall-konsum għall-attivitajiet tas-setturi koperti mill-ETS 2 huwa intiż li jonqos minħabba l-limitu tal-kwantità ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES għall-Unjoni kollha.

63      Issa, peress li, fil-Polonja, il-fjuwils prinċipali kkonsmati huma l-fjuwils fossili solidi u l-fjuwils idderivati miż-żejt, l-ETS 2 taffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla tar-Repubblika tal-Polonja bejn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll l-istruttura globali tal-provvista tal-enerġija tagħha, fis-sens tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE.

64      Dan l-Istat Membru jikkontesta, konsegwentement, l-allegata “newtralità teknoloġika” tal-ETS 2 u jqis li din iinfluwenza intenzjonalment il-kompożizzjoni tat-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri billi timponi żieda fis-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew tal-fjuwils mingħajr karbonju.

65      Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata l-applikabbiltà tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, huwa importanti li tiġi evalwata l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell ta’ kull Stat Membru meħud individwalment u, konsegwentement, il-mod kif l-att ikkonċernat jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ kull Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li l-att tal-Unjoni jaffettwa tal-inqas diversi Stati Membri tal-Unjoni fir-rigward ta’ din l-għażla u ta’ din l-istruttura.

66      Insostenn tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tallega li l-ETS 2 tikkostitwixxi “dispożizzjoni essenzjalment ta’ natura fiskali” li l-adozzjoni tagħha kellha tkun ibbażata fuq il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, li jipprovdi li, b’deroga mill-proċedura prevista fl-Artikolu 192(1) TFUE, il-Kunsill, b’deċiżjoni unanima, jadotta dispożizzjonijiet essenzjalment ta’ natura fiskali, jiġifieri regoli li jistabbilixxu miżuri ta’ natura fiskali li jservu għat-twettiq ta’ għan ambjentali. Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mis-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 37) li tipprovdi li l-kunċett ta’ “dispożizzjoni essenzjalment ta’ natura fiskali” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Din id-dispożizzjoni tippermetti għalhekk l-impożizzjoni ta’ dazji imperattivi, miġbura unilateralment, li għandhom għan baġitarju u li l-ammont tagħhom huwa ddeterminat mill-entità li timponiha.

67      Dan huwa l-każ tal-ETS 2 li hija bbażata fuq l-impożizzjoni ta’ piżijiet fiskali fuq il-fjuwils offruti għall-bejgħ bħala fjuwils jew kombustibbli. Dawn il-piżijiet fiskali huma għalhekk forma ta’ taxxa indiretta imposta fuq il-konsum ta’ tip partikolari ta’ fjuwil. Fil-fatt, il-fatt taxxabbli taħt l-ETS 2 huwa x-xiri, mill-persuna taxxabbli, ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES li l-ispiża tagħhom iżżid il-prezz unitarju tal-fjuwil mibjugħ fil-mument tar-rilaxx tiegħu għall-konsum. Il-piżijiet fiskali, intaxxati fil-kuntest tal-ETS 2, fuq il-fjuwils irrilaxxati għall-konsum huma bbażati fuq il-potenzjal ta’ emissjonijiet ta’ GES marbut mal-użu ta’ ċerti tipi ta’ fjuwils, iktar milli fuq l-emissjonijiet reali ta’ GES iġġenerati mill-użu tagħhom. Is-sanzjonijiet juru wkoll in-natura vinkolanti tal-piżijiet fiskali u jiggarantixxu l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ċediment tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES fil-kuntest tal-ETS 2.

68      Barra minn hekk, id-dħul iġġenerat mill-bejgħ bl-irkant tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-GES skont l-ETS 2 jikkontribwixxi għall-Fond Soċjali għall-Klima, għall-baġits tal-Istati Membri u, fil-futur, għall-baġit tal-Unjoni, kif previst fil-proposta tal-Kummissjoni COM(2021) 570 final tat‑22 ta’ Diċembru 2021 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea. L-ETS 2 tingħata funzjoni ridistributtiva karatteristika tat-taxxa, peress li d-dħul baġitarju li tiġġenera jikkontribwixxi għall-fondi pubbliċi allokati għat-twettiq tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima, għall-mitigazzjoni tal-impatti soċjali ta’ din il-politika kif ukoll għat-twettiq tal-għanijiet baġitarji ġenerali.

69      Barra minn hekk, mill-Artikolu 30h tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta b’mod partikolari li l-prezz tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES ma huwiex iddeterminat liberament mis-suq, iżda huwa suġġett għal leġiżlazzjoni intiża sabiex tiġi prekluża ż-żieda tiegħu u sabiex jinżamm taħt EUR 45. Il-funzjoni tal-ħolqien ta’ dħul baġitarju, li tikkaratterizza l-miżuri ta’ natura fiskali, hija għalhekk determinanti fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali tad-Direttiva kkontestata. Ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva li l-baġit tagħha jkollu jiġi kkreditat b’iktar minn EUR 14-il biljun matul il-perijodu mis-sena 2027 sas-sena 2030, filwaqt li l-baġits tal-Istati Membri kollha, għall-istess perijodu, jiġu kkreditati b’iktar minn EUR 172 biljun.

70      Barra minn hekk, il-funzjoni ambjentali tal-ETS 2 hija, sa ċertu punt, innewtralizzata mill-eżenzjonijiet previsti għall-fjuwils prodotti minn skart muniċipali u perikoluż jew mill-esklużjoni mis-settur tat-trasport tal-użu ta’ vetturi agrikoli fit-toroq asfaltati.

71      Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza wkoll li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-intenzjoni li tinterpreta b’mod restrittiv il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE billi tillimita l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tiegħu għall-miżuri fiskali li għandhom il-karatteristiċi ta’ taxxa, tali klassifikazzjoni għandha tiġi adottata għall-ETS 2. Fil-fatt, l-Artikolu 30e(3) tad-Direttiva 2003/87 jiddefinixxi l-ETS 2 bħala miżura ekwivalenti għat-taxxi fuq l-emissjonijiet ta’ CO2 stabbiliti minn ċerti Stati Membri qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva.

72      Fl-aħħar nett, l-ETS 2 ma tikkostitwixxix strument ibbażat fuq is-suq bħall-EU ETS, iżda mekkaniżmu regolatorju simili għad-dazji tas-sisa. Minħabba l-bidliet introdotti mid-Direttiva kkontestata, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), sa fejn tikkonċerna n-natura legali tal-EU ETS, hija obsoleta.

73      Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li l-ewwel u t-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74      Permezz tal-ewwel u tat-tieni motivi tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li d-Direttiva kkontestata kellha tiġi adottata abbażi mhux tal-Artikolu 192(1) TFUE, iżda abbażi tal-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, peress li, minn naħa, il-miżura kkonċernata taffettwa b’mod sinjifikattiv tal-inqas, id-dritt tagħha li tagħżel bejn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tagħha u, min-naħa l-oħra, l-ETS 2 tikkostitwixxi dispożizzjoni essenzjalment ta’ natura fiskali.

75      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għażla tal-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE bħala bażi legali ta’ att hija bbażata fuq l-istess elementi bħal dawk meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod kostanti fil-ġurisprudenza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 37 sa 39).

76      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, l-ewwel nett, li l-għażla tal-bażi legali ta’ att ma tistax tiddependi biss mill-konvinzjoni ta’ istituzzjoni fir-rigward tal-għan imfittex, iżda għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, bħall-għan u l-kontenut stess tal-att (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 45/86, EU:C:1987:163, punt 11; tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 54 kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 121).

77      Jekk l-għażla tal-bażi legali ta’ miżura leġiżlattiva kellha tiddependi mill-analiżi tal-impatt probabbli tagħha, li, min-natura tagħha, hija ta’ natura spekulattiva, tkun biss analiżi a posteriori li tippermetti li jkunu magħrufa l-effetti reali u konkreti ta’ tali miżura. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni bl-ebda mod ma tista’ tikkostitwixxi element oġġettiv li jista’ jkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 41).

78      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-validità ta’ att tal-Unjoni ma tistax tiddependi minn kunsiderazzjonijiet retrospettivi dwar il-livell ta’ effikaċja tiegħu (sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1973, Schroeder, 40/72, EU:C:1973:14, punt 14; tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et, C‑133/93, C‑300/93 u C‑362/93, EU:C:1994:364, punt 43, kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 84).

79      Minn dan isegwi li l-analiżi tal-impatt mistenni ta’ att tal-Unjoni fuq il-politika tal-enerġija ta’ Stat Membru tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-għan jew tal-kontenut ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 42).

80      It-tieni nett, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tista’ tkun ibbażata wkoll fuq il-kuntest li jaqa’ fih, peress li dan il-kuntest jista’ jipprovdi kjarifika dwar l-għan imfittex minn dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑656/11, EU:C:2014:97, punt 50; tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 32; tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 39, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 122).

81      Fuq dan il-punt, għandha ssir distinzjoni bejn att analogu għal att preeżistenti u att li jemenda att diġà eżistenti. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li l-bażi legali ta’ att għandha tiġi ddeterminata b’mod awtonomu, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tiegħu stess, u mhux fid-dawl tal-bażi legali użata għall-adozzjoni ta’ atti oħra tal-Unjoni li jkollhom, skont il-każ, karatteristiċi simili (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑178/03, EU:C:2006:4, punt 55, kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 49). Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ att li jemenda leġiżlazzjoni eżistenti, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-bażi legali ta’ dan l-att emendatorju, il-leġiżlazzjoni li huwa jemenda u, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tiegħu (sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 42, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 40).

82      It-tielet nett, jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan ikollu diversi skopijiet jew li jkollu diversi komponenti u jekk wieħed minn dawn l-skopijiet jew minn dawn il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-oħrajn ikunu biss anċillari jew ikollhom biss portata estremament limitata, il-bażi legali sabiex jiġi adottat dan l-att jkollha tiġi ddeterminata skont dan l-iskop jew komponent prinċipali (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑42/97, EU:C:1999:81, punti 39 u 40; tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 38, kif ukoll tal‑21 ta’ Marzu 2024, Landeshauptstadt Wiesbaden, C‑61/22, EU:C:2024:251, punt 47).

83      Ir-raba’ nett, interpretazzjoni wiesgħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE tirriskja li tistabbilixxi bħala regola l-użu ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali li għandha n-natura ta’ eċċezzjoni prevista mit-Trattat FUE. Konformement mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet, il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, ma jistax jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att tal-Unjoni ħlief jekk jirriżulta mill-għan u mill-kontenut tiegħu li r-riżultat tal-ewwel imfittex minn dan l-att ikun jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija ta’ dan tal-aħħar (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 44 sa 46). Bl-istess mod, il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, jista’ jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att tal-Unjoni biss jekk jirriżulta mill-għan u mill-kontenut tiegħu li r-riżultat ewlieni imfittex minn dan l-att huwa l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet essenzjalment ta’ natura fiskali.

84      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li d-Direttiva kkontestata temenda d-Direttiva 2003/87, b’mod partikolari billi ddaħħal fiha dispożizzjonijiet ġodda, b’tali mod li t-tieni direttiva tikkostitwixxi l-kuntest ġuridiku tal-ewwel waħda. Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, huwa meħtieġ li tiġi identifikata l-bażi legali li fuqha kellha tiġi adottata d-Direttiva kkontestata u dan b’teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-kuntest ikkostitwit mid-Direttiva 2003/87 kif ukoll tar-regoli li jirriżultaw mill-emendi li sarulha permezz tad-Direttiva kkontestata.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2003/87, li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 175(1) KE, li sar l-Artikolu 192(1) TFUE, għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ambjent. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 5 tagħha, din id-direttiva, li għandha bħala għan l-istabbiliment ta’ EU ETS intiża sabiex tnaqqas l-emissjonijiet ta’ GES fl-atmosfera għal livell li jipprevjeni kull interferenza antropoġenika perikoluża tal-klima u li l-għan finali tagħha huwa l-protezzjoni tal-ambjent, taqa’ taħt il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 29 u 30; tat‑8 ta’ Marzu 2017, ArcelorMittal Rodange u Schifflange, C‑321/15, EU:C:2017:179, punt 24, kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 62).

86      Issa, id-Direttiva kkontestata għandha l-istess għan bħad-Direttiva 2003/87 li hija emendat. Jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 1 sa 9 tad-Deċiżjoni kkontestata li din hija intiża li ssaħħaħ u tadatta l-miri klimatiċi tal-Unjoni, fid-dawl tal-konklużjonijiet ifformulati mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) fis-sitt rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu. Fil-fatt, l-aggravar tal-konsegwenzi tat-tisħin globali wassal b’mod partikolari lill-Unjoni sabiex tadotta l-Liġi Ewropea dwar il-Klima, li l-Artikolu 4(1) tagħha jistabbilixxi l-mira vinkolanti ta’ tnaqqis, fl-Unjoni, tal-emissjonijiet netti ta’ GES b’mill-inqas 55 % sas-sena 2030 meta pparagunat mal-livelli tal-emissjonijiet ta’ GES tas-sena 1990 u li l-Artikolu 2(1) tagħha jipprevedi li dawn l-emissjonijiet jitnaqqsu għal żero fl-Unjoni sa mhux iktar tard mis-sena 2050. Din il-liġi tipprevedi wkoll li l-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tallinja l-abbozzi ta’ miżuri jew proposti leġiżlattivi futuri kollha ma’ dawk il-miri. Barra minn hekk, skont id-Direttiva kkontestata, is-setturi kollha tal-ekonomija għandhom jikkontribwixxu għat-twettiq tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES stabbilit mill-imsemmija liġi. Kif tindika l-premessa 20 ta’ din id-direttiva, din hija intiża li tinkludi wkoll it-trasport marittimu fl-EU ETS sabiex dan is-settur jikkontribwixxi għat-twettiq tal-miri klimatiċi msaħħa tal-Unjoni kif ukoll tal-għanijiet imfittxija mill-Ftehim ta’ Pariġi.

87      Id-Direttiva kkontestata taqa’ għalhekk f’kuntest ġdid, minn naħa, minħabba l-amplifikazzjoni rapida tat-tibdil fil-klima u, min-naħa l-oħra, minħabba l-inklużjoni fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima tal-mira vinkolanti ta’ tnaqqis, fl-Unjoni, tal-emissjonijiet netti ta’ GES b’mill-inqas 55 % sas-sena 2030 meta pparaganut mal-livelli tal-emissjonijiet ta’GES tas-sena 1990. L-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi wkoll li din id-direttiva għandha tiġi eżami mill-ġdid “fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali u l-isforzi mwettqa biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi, u ta’ kwalunkwe impenn rilevanti li jirriżulta mill-[CCNUCC].”

88      Din hija r-raġuni għaliex it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi tnaqqis ikbar tal-emissjonijiet ta’ GES sabiex jintlaħqu l-livelli ta’ tnaqqis li huma kkunsidrati bħala xjentifikament neċessarji sabiex jiġi evitat tibdil fil-klima perikoluż. B’dan il-mod, id-Direttiva kkontestata hija intiża li tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u l-miri klimatiċi tagħha stabbiliti fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima u, għaldaqstant, għal dawk stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi.

89      Fl-istess ottika, il-premessi 5, 17, 20 u 75 tad-Direttiva kkontestata jippreżentaw l-EU ETS, stabbilita mid-Direttiva 2003/87, bħala pedament tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima u jipprevedu, konsegwentement, li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, b’mod partikolari għat-trasport marittimu u għas-setturi BTT. Din l-estensjoni ġiet ikkonkretizzata, b’mod partikolari, mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 2003/87, kif ukoll mill-Kapitolu IVa tagħha u, b’mod iktar preċiż, mill-Artikolu 30a tagħha.

90      Barra minn hekk, l-Artikoli 9 u 10a tad-Direttiva 2003/87 jadattaw, minn naħa, il-kwantità ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES għall-Unjoni kollha, kif ukoll il-fattur lineari ta’ tnaqqis tagħhom u, min-naħa l-oħra, jistabbilixxu regoli tranżitorji fir-rigward tal-ħruġ ta’ tali kwoti mingħajr ħlas. Fuq dan il-punt, il-premessa 39 tad-Direttiva kkontestata tindika b’mod ċar il-kwantità ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES tal-EU ETS fl-Unjoni kollha jeħtieġ li titnaqqas biex jiġi ġġenerat is-sinjal meħtieġ tal-prezz tal-karbonju fit-tul u biex tingħata spinta ġdida għall-proċess ta’ dekarbonizzazzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kanċellazzjoni ta’ dawn il-kwoti mingħajr ħlas hija pprogrammata fil-kuntest taċ-CBAM stabbilit mir-Regolament 2023/956. Il-premessa 12 tiegħu jipprovdi, fil-fatt, li ċ-CBAM huwa intiż li jissostitwixxi progressivament il-mekkaniżmi eżistenti, bħalma huma l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet GES mingħajr ħlas, billi jindirizza r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju b’mod differenti, jiġifieri billi jiżgura tarifikazzjoni tal-karbonju ekwivalenti għall-importazzjonijiet u għall-prodotti tal-Unjoni.

91      Fl-istess ħin, l-Artikoli 10, 10a, 10d u 10e tad-Direttiva 2003/87 jestendu l-għanijiet u l-azzjonijiet eliġibbli taħt il-Fond għall-Innovazzjoni, il-Fond għall-Modernizzazzjoni, il-Fond Soċjali għall-Klima, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, filwaqt li jżidu l-ammonti allokati għalihom, filwaqt li jispeċifikaw li r-riżorsi allokati lilhom jikkontribwixxu għall-finanzjament tat-tranżizzjoni klimatika.

92      Fit-tieni lok, il-premessi 64 u 70 tad-Direttiva kkontestata ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jikkontestaw in-newtralità teknoloġika tad-Direttiva kkontestata u, b’mod iktar preċiż, tal-ETS 2.

93      Fil-fatt, din il-premessa 64 tenfasizza l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni għandu jkun allinjat mal-aħħar miri klimatiċi tal-Unjoni u tindika li, konsegwentement, l-investimenti li dan iservi sabiex jiffinanzja għandhom ikunu kompatibbli mal-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u dawk segwiti mil-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Minn dan isegwi li, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, l-appoġġ għal kull investiment marbut mal-produzzjoni tal-enerġija minn fjuwils fossili għandu jitneħħa. Madankollu, l-imsemmija premessa ma tistax tinftiehem fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni jikkundanna l-produzzjoni tal-enerġija minn fjuwils fossili. Sabiex ikun hemm koerenza mat-tisħiħ tal-miri klimatiċi tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni sempliċement jindika li, bħala regola ġenerali, il-produzzjoni tal-enerġija minn dan it-tip ta’ fjuwils ma tistax tagħti dritt għal finanzjament taħt dan il-fond.

94      Fir-rigward tal-premessa 70 tad-Direttiva kkontestata, din tkopri l-ipoteżi speċifiku li fih l-esklużjoni mill-EU ETS tal-installazzjonijiet li jużaw esklużivament il-bijomassa wasslet għal sitwazzjonijiet fejn l-installazzjonijiet li jaħarqu parti kbira mill-bijomassa jagħmlu profitti kbar ħafna billi jkunu rċevew kwoti mingħajr ħlas ta’ emissjonijiet ta’ GES ferm ikbar mill-emissjonijiet reali.

95      Minn dan isegwi li dawn iż-żewġ premessi ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jikkontestaw il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, li bis-saħħa tiegħu l-liġi għandha tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-persuni b’mod ġeneriku, sabiex ma jiġix ipprivileġġat l-użu ta’ teknoloġija għad-detriment ta’ oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2022, Austro-Mechana, C‑433/20, EU:C:2022:217, punt 27 u tal‑20 ta’ Ġunju 2024, GEMA, C‑135/23, EU:C:2024:526, punt 37). Mingħajr ma tipprojbixxi jew timponi l-użu ta’ sors ta’ enerġija partikolari, id-Direttiva kkontestata tiffoka esklużivament fuq il-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ GES fis-setturi kollha koperti mill-EU ETS. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Polonja hija libera li tuża teknoloġiji, bħall-qbid u l-ħażna taċ-CO2, li, minflok ma jnaqqsu l-kombustjoni tal-fjuwils fossili, jippermettu li tittieħed azzjoni fuq l-emissjonijiet iġġenerati minn din il-kombustjoni.

96      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jadatta d-Direttiva 2003/87 għal kull bidla fiċ-ċirkustanzi jew għal kull żvilupp tal-għarfien fid-dawl tal-kompitu li huwa għandu li jiżgura l-protezzjoni tal-interessi ġenerali rrikonoxxuti mit-Trattati, fosthom il-protezzjoni tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 77; tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 56, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punti 266 u 1426).

97      Fit-tielet lok, kif tfakkar mill-punt 81 ta’ din is-sentenza, konformement mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni strett tal-eċċezzjonijiet, il-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, ma jistgħux jikkostitwixxu l-bażi legali ta’ att tal-Unjoni ħlief jekk jirriżulta mill-għan u mill-kontenut tiegħu li r-riżultat ewlieni mfittex minn dan l-att huwa l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet essenzjalment ta’ natura fiskali jew intiżi li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija ta’ dan tal-aħħar.

98      Issa, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-eċċezzjoni prevista fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, kif sostnew ġustament il-Parlament u l-Kunsill, billi ffokaw biss fuq il-konsegwenzi tad-Direttiva kkontestata fir-rigward tal-għażla tal-istruttura enerġetika tar-Repubblika tal-Polonja u billi injoraw l-għan realment imfittex minn din id-direttiva kif ukoll il-kontenut tagħha, l-analiżi ta’ dan l-Istat Membru twassal għall-konklużjoni li l-ebda miżura intiża għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ GES ma tista’ tiġi adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 192(1) TFUE, minħabba li dan it-tnaqqis inevitabbilment jippreġudika l-attivitajiet li jerħu dawn il-gassijiet fl-atmosfera.

99      Tali analiżi tad-Direttiva kkontestata tmur kontra l-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet. Hija wkoll kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva kkontestata li, bħala tali u prinċipalment, ma għandhomx bħala għan l-adozzjoni ta’ miżuri li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu iżda għandhom, l-iktar l-iktar, effetti indiretti u anċillari fuq l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tal-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑63 ta’ Diċembru 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑595/97, EU:C:2015:81, punt 63).

100    F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-eċċezzjoni prevista fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, mill-punti 84 sa 95 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-Direttiva kkontestata għandha bħala għan prinċipali l-protezzjoni tal-ambjent. Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li l-għan ambjentali ta’ din id-direttiva huwa sekondarju fil-konfront mal-għan tagħha ta’ natura fiskali jew baġitarja.

101    F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li, fis-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 63), mogħtija fil-kuntest tal-Artikoli 93 sa 95 KE, li saru l-Artikoli 113 sa 115 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minħabba n-natura ġenerali tagħhom, il-kliem “dispożizzjonijiet fiskali” ma jkoprux biss l-oqsma kollha tat-tassazzjoni, mingħajr ma jiddistingwu t-tipi ta’ taxxi jew ħlasijiet ikkonċernati, iżda wkoll l-aspetti kollha ta’ dan il-qasam, kemm jekk ikunu regoli sostantivi kif ukoll regoli proċedurali.

102    Barra minn hekk, f’kawża li tikkonċerna s-settur tal-ajru, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-EU ETS tikkostitwixxi miżura bbażata fuq is-suq u li, b’differenza minn dazju, taxxa jew imposta fuq il-konsum tal-fjuwil, din is-sistema, lil hinn mill-fatt li ma hijiex intiża li toħloq dħul favur l-awtoritajiet pubbliċi, bl-ebda mod ma tippermetti li jiġi stabbilit, abbażi ta’ bażi u ta’ rata ddefinita a priori, ammont li għandu jkun dovut għal kull tunnellata ta’ fjuwil ikkunsmat għat-titjiriet kollha mwettqa f’sena kalendarja (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 142 u 143).

103    Kuntrarjament għal dak li jallega l-Gvern Ungeriż, l-istess japplika, mutatis mutandis, għall-ETS 2, peress li, kif sostna l-Parlament, l-Artikolu 30e tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi li l-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES li għandhom jiġu ċeduti għandhom jiġu ttrasferiti, ċeduti jew ikkanċellati skont regoli paragunabbli għal dawk prevalenti fil-kuntest tal-EU ETS.

104    Ċertament, l-Artikolu 30e(3) jipprevedi li, b’mod degoratorju u sal‑31 ta’ Diċembru 2030, meta entità rregolata stabbilita fi Stat Membru partikolari tkun suġġetta għal taxxa nazzjonali fuq il-karbonju fis-seħħ għas-snin 2027 sa 2030, li tkopri l-attività msemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista’ teżenta, taħt ċerti kundizzjonijiet, lil dik l-entità rregolata mill-obbligu li ċċedi l-kwoti ta’ emissjonijiet GES previst fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu għal sena ta’ riferiment partikolari. Madankollu, mill-Artikolu 30e(3) tal-imsemmija direttiva ma jistax jiġi dedott li l-ETS 2 tikkostitwixxi taxxa. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta biss li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti Stati Membri kienu ssuġġettaw din l-attività għal taxxa fuq il-karbonju. Xorta jibqa’ l-fatt li l-għan ta’ newtralità klimatika mfittex mill-Unjoni jista’ jintlaħaq ukoll mingħajr in-neċessità ta’ introduzzjoni ta’ tali taxxa.

105    Barra minn hekk, il-miżuri li jistgħu jittieħdu, skont l-Artikolu 30h tad-Direttiva 2003/87, fil-każ ta’ żieda eċċessiva fil-prezzijiet, huma intiżi, kif indikat fil-premessa 91 tad-Direttiva kkontestata, li jiżguraw liċ-ċittadini dwar il-fatt li l-ispiża tal-karbonju ma teċċedix EUR 45 matul l-ewwel snin ta’ applikazzjoni tal-ETS 2. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika tal-Polonja ma wrietx kif tali rieda li jiġi limitat il-prezz tal-karbonju tista’ tagħti natura fiskali lill-prezz tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES.

106    Bl-istess mod, il-fatt li l-kunċett ta’ “entità rregolata” jiġi ddefinit, fl-Artikolu 3(ae) tad-Direttiva 2003/87, b’riferiment għad-Direttiva 2020/262, huwa spjegat biss mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jibbaża ruħu fuq sistema ta’ kontroll solida għall-kwantitajiet kollha ta’ fjuwils rrilaxxati għall-konsum u għalhekk li jillimita l-piżijiet amministrattivi kkawżati mill-adattament tal-EU ETS. Għaldaqstant, dan ir-riferiment għad-Direttiva 2020/262 bl-ebda mod ma jista’ jwassal sabiex l-ETS 2 tiġi assimilata ma’ dazju tas-sisa.

107    Għandu jiġi osservat ukoll li d-dħul iġġenerat mill-ETS 2 huwa allokat għall-protezzjoni tal-ambjent, peress li, konformement mal-Artikolu 30d(6) tad-Direttiva 2003/87, dan jikkontribwixxi sabiex jikkumpensa l-konsegwenzi soċjali tiegħu, b’mod jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-kompiti attribwiti lid-diversi fondi msemmija fil-punt 91 ta’ din is-sentenza.

108    Barra minn hekk, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jipprevedu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li kien diġà jinsab fil-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/87, għandu biss l-għan li jiżgura l-osservanza tad-Direttiva kkontestata. Għaldaqstant, il-preżenza ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax, waħedha, tbiddel in-natura tal-EU ETS u tikkonverti l-ETS 2 f’dispożizzjoni essenzjalment ta’ natura fiskali.

109    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma timponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-obbligu li jesponu l-motivi li għalihom huma ma jikkunsidrawx l-Artikolu 192(2) TFUE bħala bażi legali ta’ att tal-Unjoni, jekk l-għażla tal-Artikolu 192(1) TFUE jkun jidher debitament iġġustifikat. Fil-fatt, l-għażla ta’ bażi legali timplika, ipotetikament, li l-bażijiet legali potenzjali l-oħra, li setgħu jkunu l-bażi ta’ dan l-att, ma dehrux li kienu xierqa.

110    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel u t-tieni motivi għandhom jiġi miċħuda bħala infondati.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, stabbilit fl-Artikolu 194(1)(b) TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

111    Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li d-Direttiva kkontestata tikser il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika msemmi fl-Artikolu 194(1)(b) TFUE. Hija tenfasizza, b’analoġija mas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (72/83, EU:C:1984:256, punt 34), li l-provvista tal-faħam hija, għaliha, ta’ importanza eċċezzjonali għall-funzjonament tal-ekonomija tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali ta’ Stat Membru, kif ukoll għas-sopravivenza stess tal-popolazzjoni tiegħu.

112    Barra minn hekk, anki jekk ġiet adottata formalment fil-kuntest tal-politika ambjentali tal-Unjoni, id-Direttiva kkontestata tikkonċerna mingħajr dubju l-politika tal-enerġija ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, iż-żieda artifiċjali tal-ispiża tal-produzzjoni tal-elettriku li din id-direttiva twassal għaliha mhux biss twassal għall-falliment ta’ diversi impriżi tas-settur industrijali u għal riperkussjonijiet soċjali negattivi, iżda twassal ukoll għal riskju ikbar ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, minħabba r-rilokazzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku lejn pajjiżi terzi li l-politika klimatika tagħhom hija inqas restrittiva minn dik tal-Unjoni.

113    Issa, billi ma tinkludix analiżi komparattiva tal-interessi tal-Unjoni u ta’ dawk tal-Istati Membri eventwalment ikkonċernati, u lanqas l-ibbilanċjar ta’ dawn l-interessi meta dawn ikunu f’kunflitt, il-proposta COM(2021) 551 final, imsemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, u d-Direttiva kkontestata jiksru l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, previst fl-Artikolu 194(1) TFUE, kif interpretat fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja (C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punt 73).

114    Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li din il-lakuna hija iktar u iktar kundannabbli peress li mill-punt 14 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal‑11 ta’ Diċembru 2020, li għalihom għamlet riferiment il-Kummissjoni f’din il-proposta, jirriżulta li “[l]-għan il-ġdid għall-2030 għandu jintlaħaq b’mod li jippreżerva l-kompetittività tal-[Unjoni] u jieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ tluq differenti, il-kuntesti nazzjonali speċifiċi u l-potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Istati Membri, [...] kif ukoll l-isforzi mwettqa”. Bl-istess mod, minn dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li “[i]l-Kunsill Ewropew huwa konxju mill-ħtieġa [...] li jiġi rrispettat id-dritt tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar it-taħlita tal-enerġija tagħhom u li jagħżlu t-teknoloġiji l-iktar xierqa sabiex jintlaħqu kollettivament il-miri klimatiċi għall‑2030, inklużi teknoloġiji ta’ tranżizzjoni bħall-gass”.

115    Ir-Repubblika tal-Polonja tippreċiża, fl-aħħar nett, li t-tielet motiv tagħha la jirrigwarda l-funzjonament tal-Fond għall-Modernizzazzjoni jew tal-Fond Soċjali għall-Klima u lanqas il-kwistjoni tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES mingħajr ħlas.

116    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

117    Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li d-Direttiva kkontestata tikser il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika msemmi fl-Artikolu 194(1)(b) TFUE. Fil-fatt, minkejja li din id-direttiva thedded is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħha, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni la ħadu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jistgħu jkunu kkonċernati minn din it-theddida u lanqas, a fortiori, ma bbilanċjaw dawn l-interessi.

118    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (72/83, EU:C:1984:256), invokata mir-Repubblika tal-Polonja, hija irrilevanti f’din il-kawża, peress li dan l-Istat Membru bl-ebda mod ma wera li d-Direttiva kkontestata għandha bħala konsegwenza l-interruzzjoni tal-provvista tiegħu ta’ fjuwils fossili. Barra minn hekk, din is-sentenza, li tikkonċerna l-moviment liberu tal-merkanzija, ingħatat qabel l-inklużjoni fit-Trattati ta’ kwalunkwe għan ta’ natura ambjentali kif ukoll tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, li jillimita l-portata tagħha fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

119    Madankollu, għandu jiftakkar li skont l-Artikolu 194(1) TFUE, fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern u filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li jitħares u jittejjeb l-ambjent, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija hija intiża, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, li tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija, li tiżgura s-sigurtà tal-provvista enerġetika fl-Unjoni, li tippromwovi l-effikaċja enerġetika u l-ekonomiji tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp tal-enerġiji ġodda u li jiġġeddu, u li tippromwovi l-interkonnessjoni tan-networks enerġetiċi.

120    Sa fejn mill-eżami tal-ewwel u tat-tieni motiv jirriżulta li d-Direttiva kkontestata ġiet adottata, ġustament, abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE u li għalhekk taqa’ taħt il-politika ambjentali tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, li huwa applikabbli biss għall-atti li jaqgħu taħt il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, ma jistax jiġi invokat b’mod utli.

121    Madankollu, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja (C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punti 38 u 41), dan il-prinċipju jikkorrispondi għal espressjoni speċifika, fil-qasam tal-enerġija, tal-prinċipju ta’ solidarjetà, li huwa stess jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u li fuqu hija bbażata s-sistema legali kollha tal-Unjoni.

122    F’dan il-kuntest, għandu jinftiehem li, permezz tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, imsemmi fl-Artikolu 194(1) TFUE, ir-Repubblika tal-Polonja għandha l-intenzjoni li ssostni l-ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà, li, bħall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jikkostitwixxi kriterju ta’ evalwazzjoni tal-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja (C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punt 45).

123    L-istess bħall-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, l-ewwel nett, il-prinċipju ta’ solidarjetà jimplika r-rispett ta’ drittijiet u l-osservanza ta’ obbligi kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri. Fil-fatt, filwaqt li l-Unjoni hija marbuta b’obbligu ta’ solidarjetà fir-rigward tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar huma marbuta b’obbligu ta’ solidarjetà bejniethom u fir-rigward tal-interess komuni tal-Unjoni u tal-politiki implimentati minnha. It-tieni nett, dan il-prinċipju jeżiġi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluża l-Kummissjoni, iwettqu bilanċ tal-interessi involuti fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-Unjoni kollha kemm hi. It-tielet nett, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà ma jfissirx, madankollu, li att tal-Unjoni fl-ebda każ ma għandu jkollu effetti negattivi fuq l-interessi partikolari ta’ Stat Membru fil-qasam li għalih jirreferi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja (C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punti 49, 53 u 73).

124    F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Polonja tallega li ż-żieda artifiċjali tal-ispiża tal-produzzjoni tal-elettriku kkawżata mid-Direttiva kkontestata għandha riperkussjonijiet soċjali negattivi u tirriskja li żżid ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

125    Għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni ma hijiex issostanzjata. Fi kwalunkwe każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni l-interessi tal-Istati Membri. Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mid-Direttiva kkontestata li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda miżuri kumpensatorji speċifiċi sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni u l-interessi speċifiċi ta’ kull Stat Membru. F’din l-ottika, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, sabiex jiġi evalwat jekk l-imsemmija direttiva tosservax il-prinċipju ta’ solidarjetà, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri kumpensatorji previsti minnha, kif ukoll dawk li ġew stabbiliti fl-istess ħin tal-adozzjoni tagħha.

126    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-premessa 43 tad-Direttiva kkontestata, li tiċċara l-portata tal-Artikolu 10(1) u (3)(ha) u (k) tad-Direttiva 2003/87, tipprovdi li, sabiex jiġu rrimedjati l-effetti distributtivi u soċjali tat-tranżizzjoni fl-Istati Membri bi dħul baxx, ammont addizzjonali ta’ 2.5 % tal-kwantità ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES għall-Unjoni kollha, bejn is-sena 2024 u s-sena 2030, għandu jintuża, permezz tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, sabiex tiġi ffinanzjata t-tranżizzjoni enerġetika tal-Istati Membri li l-PDG per capita tagħhom huwa inqas minn 75 % tal-medja tal-Unjoni għas-snin 2016 sa 2018.

127    It-tieni nett, skont l-Artikolu 10d(2)(e) u (f) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien mal-Artikolu 10(3)(ha) ta’ din id-direttiva, kif ukoll mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-premessa 64 tad-Direttiva kkontestata, hemm lok li jiżdied, b’mod partikolari, il-perċentwali tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li għandu jiġi ddedikat għall-investimenti prijoritarji. Għalhekk, konformement mal-Artikolu 10d(4) tad-Direttiva 2003/87, din il-perċentwali tiżdied għal 80 %, f’dak li jirrigwarda l-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES ittrasferiti taħt dan il-fond, u li huma msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva. Issa, fost dawn l-investimenti prijoritarji, dan l-Artikolu 10d(2)(e) u (f), moqri flimkien mal-Artikolu 10(3)(k) tad-Direttiva 2003/87, isemmi l-appoġġ mogħti lill-unitajiet domestiċi bi dħul baxx sabiex jaffaċċjaw il-faqar enerġetiku, kif ukoll appoġġ għar-riallokazzjoni, għat-taħriġ mill-ġdid u għat-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema fir-reġjuni dipendenti fuq il-karbonju tal-Istati Membri benefiċjarji tad-dħul allokat lill-Fond għall-Modernizzazzjoni.

128    It-tielet nett, l-Artikolu 30d(3) u (4) kif ukoll (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien mal-premessa 84 tad-Direttiva kkontestata, jipprevedi li l-introduzzjoni tal-prezz tal-karbonju fis-setturi BTT tkun akkumpanjata minn kumpens soċjali effettiv, fid-dawl b’mod partikolari tal-livelli eżistenti ta’ faqar enerġetiku. Għal dan l-għan, din id-dispożizzjoni tirreferi għall-Fond Soċjali għall-Klima ġdid stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/955 u li għandu jipprovdi finanzjament iddedikat lill-Istati Membri biex jappoġġaw lill-gruppi vulnerabbli li huma l-iktar f’riskju ta’ faqar enerġetiku jew tat-trasport, b’mod partikolari l-unitajiet domestiċi. Dan il-fond għandu jiffavorixxi l-ekwità u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, u fi ħdan l-Istati Membri, filwaqt li jtaffi r-riskju ta’ faqar fil-qasam tal-enerġija u tat-trasport matul il-perijodu tranżitorju bejn id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata u l-applikazzjoni effettiva, matul is-sena 2027, tas-sistema ta’ bejgħ b’irkant fis-setturi BTT. F’din l-ottika, dan il-fond ser jibbenefika minn dħul li jista’ jilħaq EUR 65 biljun bħala total mill-bejgħ b’irkant tal-kwoti tal-emissjonijiet ta’ GES taħt l-ETS 2.

129    Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 123 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ solidarjetà ma jeskludix li att tal-Unjoni jista’ jkollu effetti negattivi fuq l-interessi partikolari ta’ Stat Membru fil-qasam li għalih jirreferi.

130    Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-Anness II tar-Regolament 2023/955 u mill-Anness IIb tad-Direttiva kkontestata, ir-Repubblika tal-Polonja hija l-ikbar benefiċjarja tal-Fond Soċjali għall-Klima kif ukoll tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. Fil-fatt, fir-rigward tal-Fond Soċjali għall-Klima, l-Anness II ta’ dan ir-regolament jipprevedi li dan l-Istat Membru jista’ jikseb, għall-perijodu mis-sena 2026 sas-sena 2032, abbażi, minn naħa, tal-ewwel u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) u, min-naħa l-oħra, tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament, rispettivament, l-ammonti ta’ EUR 11 439 026 446 u ta’ EUR 9 608 782 215. Dawn l-ammonti jirrappreżentaw 17.6 % tal-allokazzjoni allokata lill-Istati Membri kollha taħt dan il-fond. Fir-rigward tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, il-parti A tal-Anness IIb tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi l-kriterji għat-tqassim tal-fondi mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1), tipprevedi li s-sehem tar-Repubblika tal-Polonja huwa ta’ 43.41 % ta’ dawn il-fondi. Fir-rigward tal-Parti B ta’ dan l-anness, din tiddetermina l-kriterji għat-tqassim tal-fondi mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, konformement mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10(1), u tindika li 34.2 % tal-imsemmija fondi huma allokati lil dan l-Istat Membru.

131    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, stabbilit fl-Artikolu 5(3) TUE

 L-argumenti tal-partijiet

132    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-Direttiva kkontestata tikser il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, stabbilit fl-Artikolu 5(3) TUE, sa fejn, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2018/842, l-Istati Membri huma diġà obbligati jilħqu miri msaħħa ta’ tnaqqis tal-volumi ta’ emissjonijiet ta’ GES fis-setturi BTT. Issa, dawn il-miri jistgħu jintlaħqu b’mod iktar effettiv fuq livell nazzjonali peress li dan ir-regolament iħalli f’idejn l-Istati Membri l-għażla tal-miżuri li jippermettu li dawn jintlaħqu. L-introduzzjoni tal-ETS 2 mid-Direttiva kkontestata għalhekk ma hijiex neċessarja, fis-sens tal-Artikolu 5(3) TUE, sabiex l-Unjoni tkun tista’ tilħaq il-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES stabbiliti għas-sena 2030.

133    L-introduzzjoni tal-ETS 2 iġġib magħha, barra minn hekk, sensiela ta’ effetti negattivi, bħal żieda tan-nuqqas ta’ enerġija, żieda fl-ispejjeż tal-impriżi u tnaqqis fil-kompetittività tagħhom. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma weriex li l-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES fis-setturi BTT tista’ tintlaħaq aħjar permezz ta’ intervent tal-Unjoni, milli permezz ta’ dak tal-Istati Membri f’dan il-qasam. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni, huwa stess, iqis suffiċjenti l-miżuri adottati individwalment minn ċerti Stati Membri fil-forma ta’ taxxi nazzjonali fuq il-karbonju, peress li l-Istati Membri li daħlu tali taxxi ngħataw minnu posponiment temporanju tal-introduzzjoni tal-ETS 2.

134    Ir-Repubblika tal-Polonja tqis ukoll li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 2”), ma ġewx osservati. Skont dan l-artikolu, l-abbozzi ta’ atti leġiżlattivi għandhom, minn naħa, ikunu ġġustifikati fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u, min-naħa l-oħra, jinkludu elementi ddettaljati li jippermettu li tiġi evalwata l-osservanza tal-imsemmija prinċipji minn miżura partikolari. Il-konstatazzjoni li għan partikolari jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni milli fil-livell nazzjonali għandha tkun ibbażata fuq indikaturi kwalitattivi u, meta possibbli, kwantitattivi.

135    Issa, in-neċessità li fis-setturi BTT jiġi stabbilit mekkaniżmu bbażat fuq is-suq fil-livell tal-Unjoni hija mmotivata biss, minn naħa, mir-rieda li jiġi promoss it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES b’mod ekonomiku u kosteffettiv, f’konformità mal-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta’ GES fil-livell tal-ekonomija sal‑2030 u, min-naħa l-oħra, mill-inkapaċità tal-Istati Membri li jilħqu dawn il-miri b’mod suffiċjenti, kif tiddikjara l-premessa 107 tad-Direttiva kkontestata.

136    Il-kapaċità tal-Istati Membri li jilħqu l-miri mfittxija mir-Regolament 2018/842 ma ġietx ivverifikata. Madankollu, l-Istati Membri ħadu miżuri biex isaħħu l-politiki u l-miżuri nazzjonali dwar is-setturi tal-BTT.

137    Skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, enfasizzat, fil-proposta tagħha COM(2021) 551 final, imsemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, in-neċessità li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ GES permezz tal-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet profittabbli u l-iktar razzjonali, ibbażati fuq is-suq, bħall-EU ETS. Hija enfasizzat ukoll il-ħtieġa li jiġi eliminat ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li jirriżulta mill-ħolqien ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES fil-livell ta’ swieq nazzjonali. Il-Kummissjoni tinvoka l-istess argumenti fir-rigward tal-estensjoni għal setturi ġodda tal-iskema ta’ tariffikazzjoni tal-emissjonijiet ta’ GES.

138    Madankollu, ix-xenarji differenti ppreżentati mill-Kummissjoni, li jqisu l-impatt tat-tendenzi u l-politiki makroekonomiċi, tal-prezzijiet tal-fjuwil u tat-teknoloġiji għall-iżvilupp tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni, tat-trasport u tal-emissjonijiet tal-GES, jippromwovu azzjonijiet nazzjonali mmirati lejn l-intensifikazzjoni tal-miżuri regolatorji adottati fil-kuntest tal-politika dwar l-enerġija u t-trasport u l-abbandun tal-ETS 2.

139    Barra minn hekk, is-setturi BTT ftit huma kkonċernati mir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni meta l-Istati Membri japplikaw il-politiki tagħhom stess ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES, peress li wħud minn dawn is-setturi, b’mod partikolari dak tal-bini, għandhom essenzjalment dimensjoni nazzjonali. L-istess japplika fir-rigward tas-setturi addizzjonali. Barra minn hekk, id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni jistgħu jitnaqqsu jew jiġu eliminati permezz ta’ miżuri meħuda mid-diversi Stati Membri skont ir-Regolament 2018/842.

140    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

141    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li d-Direttiva kkontestata tikser il-prinċipju ta’ sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 5(3) TUE.

142    Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) TUE “[s]kond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklussiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn, l-objettivi ta' l-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell ta' l-Unjoni”. Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2 jipprevedi, b’mod partikolari, li “[i]r-raġunijiet li jwasslu għall-konklużjoni li objettiv ta’ l-Unjoni jista' tintlaħaq aħjar fil-livell ta' l-Unjoni għandhom jiġu sostanzjati b’indikaturi kwalitattivi u, fejn ikun possibbli, kwantitattivi.”

143    Kif sostnew ġustament il-Parlament u l-Kunsill, mill-analiżi tal-impatt tad-Direttiva kkontestata jirriżulta b’mod ċar li r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà ttieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni tagħha.

144    Qabelxejn, mit-Taqsimiet 2.1 u 2.4 ta’ din l-analiżi tal-impatt jirriżulta li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni preċedenti għad-Direttiva kkontestata ma kinitx tippermetti li tintlaħaq l-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES b’55 % sas-sena 2030. L-imsemmija analiżi tal-impatt tindika, f’dan ir-rigward, li, kieku din il-leġiżlazzjoni preċedenti għal din id-direttiva baqgħet l-istess, is-setturi attwalment koperti mill-EU ETS kienu, skont ix-xenarju ta’ riferiment tal-Unjoni għas-sena 2020, imsemmi fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, inaqqsu, flimkien, l-emissjonijiet ta’ GES sa 51 % fl‑2030 meta pparagunati ma’ dawk tal‑2005. Issa, dan il-kontribut huwa insuffiċjenti fid-dawl tal-mira globali ta’ tnaqqis ta’ 55 % ta’ dawn l-emissjonijiet meta pparagunati ma’ dawk tas-sena 1990.

145    Sussegwentement, it-Taqsima 2.4.2 tal-analiżi tal-impatt tad-Direttiva kkontestata tenfasizza li, fis-setturi BTT, it-tarifikazzjoni tal-karbonju fuq livell nazzjonali ta’ spiss ma ssirx jew tkun limitata, li juri n-neċessità ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

146    Barra minn hekk, il-konformità ta’ din id-direttiva mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà tirriżulta mit-Taqsimiet 3.2 u 3.3 ta’ din l-analiżi tal-impatt li jenfasizzaw rispettivament in-neċessità tal-azzjoni tal-Unjoni u l-valur miżjud tagħha.

147    Fir-rigward tal-ħtieġa għal azzjoni tal-Unjoni, din l-analiżi tal-impatt tindika li t-tibdil fil-klima huwa problema transkonfinali u li l-azzjoni internazzjonali u Ewropea tista’ tikkomplementa u ssaħħaħ b’mod effettiv l-azzjonijiet reġjonali, nazzjonali u lokali. Iż-żieda tal-mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES għall‑2030 ikollha impatt fuq ħafna setturi tal-ekonomija Ewropea. Azzjoni kkoordinata fil-livell tal-Unjoni hija għalhekk indispensabbli u jista’ jkollha rwol ewlieni fit-trasformazzjoni meħtieġa għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES. Barra minn hekk, l-azzjoni tal-Unjoni tista’ wkoll tispira u twitti t-triq għall-adozzjoni ta’ miżuri bbażati fuq is-suq f’livell globali.

148    Fir-rigward tal-valur miżjud tal-azzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li, bħala suq tal-karbonju, l-EU ETS tinkoraġġixxi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES billi l-ewwel tadotta l-iktar soluzzjonijiet kosteffettivi għall-attivitajiet kollha li tkopri, li jippermetti, minħabba d-dimensjoni tagħha, effiċjenza ikbar. L-implimentazzjoni ta’ miżura simili fil-livell nazzjonali twassal għall-ħolqien ta’ swieq tal-karbonju iżgħar u iktar frammentati mis-suq tal-Unjoni, li jirriskjaw li jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u jwasslu għal spejjeż globali ogħla għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES. L-istess japplika fir-rigward tal-estensjoni tat-tariffikazzjoni tal-karbonju għas-setturi BTT.

149    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2, l-analiżi tal-impatt ta’ att leġiżlattiv għandha tinkludi indikaturi kwantitattivi “fejn ikun possibbli”. Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-eżistenza ta’ indikaturi kwantitattivi f’analiżi tal-impatt ma għandhiex tkun sistematika. Fi kwalunkwe każ, kif sostnew il-Parlament u l-Kunsill, kemm l-analiżi tal-impatt tad-Direttiva kkontestata kif ukoll l-analiżi tal-impatt li takkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2020) 562 finali tas‑17 ta’ Settembru 2020 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolata “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030”, kienu jinkludu tali indikaturi, li r-Repubblika tal-Polonja la wriet l-insuffiċjenza u lanqas l-assenza ta’ rilevanza tagħhom.

150    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ggarantit mill-Artikolu 5(4) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 191(2) TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

151    Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-punt 29 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata, li jintroduċi l-ETS 2, huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, moqri flimkien mal-Artikolu 191(2) TFUE.

152    Skont dan l-Istat Membru, l-ewwel nett, l-ETS 2 ma hijiex neċessarja, peress li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES fis-setturi koperti minnha kien jinkiseb permezz tal-applikazzjoni tar-Regolament 2018/842, li huwa, barra minn hekk, inqas vinkolanti għall-Istati Membri. L-analiżi tal-impatt tad-Direttiva kkontestata tikkonferma li, għas-sena 2030, it-tnaqqis, meta pparagunat mas-sena 2005, tal-emissjonijiet ta’ GES għas-setturi mhux koperti mill-EU ETS kien ikun ikbar fil-kuntest tax-xenarju “REG”, li ma kienx jipprevedi l-istabbiliment tal-ETS 2, milli fil-kuntest tax-xenarji “MIX” u “MIX-CP”, li jadottaw, għall-kuntrarju, tali sistema. Bħala medja, fil-livell tal-Unjoni, it-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet huwa ta’ 40.49 % fil-kuntest tax-xenarju “REG” u ta’ 38.93 % u 39.80 %, fil-kuntest tax-xenarji “MIX” u “MIX-CP”, rispettivament. Għalhekk, mhux biss it-tnaqqis jista’ jsir permezz ta’ mezz ieħor li ma jinvolvix l-introduzzjoni tal-EU ETS, iżda dan il-mezz ieħor ikun saħansitra jippermetti li jsir tnaqqis ikbar ta’ GES.

153    B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser l-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2. Kif interpretat fis-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑310/04, EU:C:2006:521, punti 122 u 133), dan l-artikolu jipprovdi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni awturi tal-att ikkonċernat għandhom ikunu f’pożizzjoni li juru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li dan l-att ġie adottat fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom, li jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha li l-imsemmi att huwa intiż li jirregola.

154    It-tieni nett, l-ikbar nuqqas tal-analiżi tal-impatt tad-Direttiva kkontestata huwa l-assenza ta’ eżami korrett tal-intensifikazzjoni sproporzjonata tal-faqar enerġetiku kkawżat mill-introduzzjoni tal-ETS 2. B’mod partikolari, din l-analiżi tal-impatt ma tindirizzax ix-xenarju REG. Hija turi li l-introduzzjoni ta’ ETS 2 iżżid il-medja tal-ispejjeż tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi Pollakki b’8.0 % għas-sena 2030, fil-kuntest tax-xenarju REF 2020, b’9.16 %, fil-kuntest tax-xenarju REG, u sa 9.7 % jew 9.8 %, fil-kuntest tax-xenarji MIX u MIX-CP. Issa, parti mill-ispejjeż tal-enerġija ta’ iktar minn 10 % tal-baġit tal-unitajiet domestiċi turi faqar enerġetiku.

155    Barra minn hekk, din l-analiżi twettqet biss fir-rigward tas-sena 2030, għalkemm l-obbligu ta’ ċediment tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES skont l-ETS 2 ma jkunx għadu daħal fis-seħħ b’mod sħiħ fl‑2030.

156    Barra minn hekk, fl-imsemmija analiżi tal-impatt, it-tqassim tripartita bejn l-Istati Membri, skont jekk il-PDG tagħhom per capita jkunx inqas minn 60 %, bejn 60 % u 100 % jew ogħla minn 100 % tal-medja tal-Unjoni, ma kienx jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet ġeografiċi differenti tal-Istati Membri. Il-prestazzjoni ta’ dawk bi bżonnijiet ta’ tisħin ikbar minħabba klima iktar kiesħa tiġi għalhekk ikkumpensata mir-riżultati tal-Istati Membri bi bżonnijiet baxxi tat-tisħin, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom.

157    L-analiżi tal-impatt tad-Direttiva kkontestata ma tippermettix li jiġi ddeterminat liema kien ikun ir-riskju ta’ faqar enerġetiku fil-każ ta’ żamma fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni preċedenti għal din id-direttiva, u lanqas liema kien ikun, f’dan il-każ, il-livell ta’ riskju ta’ faqar enerġetiku fl-Unjoni u, b’mod partikolari, fl-Istati Membri l-iktar vulnerabbli minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom. In-nuqqasijiet ta’ din l-analiżi tal-impatt jirrigwardaw għalhekk aspetti determinanti, b’tali mod li l-Parlament u l-Kunsill ma wrewx li l-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata baqgħet fil-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom.

158    It-tielet nett, l-imsemmija analiżi tal-impatt hija obsoleta u timminimizza l-impatt negattiv tal-ETS 2 fuq il-prezzijiet tal-fjuwils. Fil-fatt, din ma tiħux inkunsiderazzjoni ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwils pprovokata, b’mod partikolari, mill-gwerra ta’ aggressjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina. Din iż-żieda għandha, madankollu, impatt negattiv fuq il-possibbiltà li l-fjuwils li jniġġsu ħafna jiġu ssostitwiti b’fjuwils li jniġġsu inqas. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika tal-Polonja tosserva wkoll li x-xenarju REG huwa dak li jeħtieġ l-inqas importazzjonijiet ta’ fjuwils fl-Unjoni.

159    Ir-raba’ nett, ir-riferiment għall-prinċipju ta’ proporzjonalità li jinsab fl-analiżi tal-impatt tad-Direttiva kkontestata ma jikkonċernax il-ġustifikazzjoni tal-istabbiliment tal-ETS 2, iżda biss il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din is-sistema. Fil-fatt, din l-analiżi tal-impatt sempliċement tinnota, fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi stabbilita l-ETS 2, li ż-żewġ varjanti previsti, jiġifieri l-għażliet EXT1 u EXT2, li kienu jikkonsistu fl-istabbiliment, upstream, ta’ sistema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjonijiet GES separata għall-Unjoni, li tkopri, fil-kuntest tal-ewwel varjant, il-bini u t-trasport bit-triq u, fil-kuntest tat-tieni varjant, l-emissjonijiet kollha mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili li ma humiex koperti mill-EU ETS, joffru ċertezza ikbar li jinkiseb tnaqqis globali tal-emissjonijiet ta’ GES. L-imsemmija analiżi lanqas ma tesponi, kuntrarjament għal dak li jippreskrivi l-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2, l-impatt tal-ETS 2 fuq il-PDG imqassam skont l-Istat Membru.

160    Fl-analiżi tal-impatt ta-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li huwa sett komprensiv ta’ miżuri u ta’ inizjattivi li jsaħħu lil xulxin, li l-għan tagħhom huwa li tintlaħaq in-newtralità klimatika fl-Unjoni sas-sena 2050, il-Kummissjoni pprevediet għall-EU ETS sas-sena 2030, prezz medju tal-kwoti ta’ EUR 50 fil-kuntest tax-xenarju MIX u ta’ EUR 84 fil-kuntest tax-xenarju MIX-CP. Dawn il-projezzjonijiet madankollu jidhru li jikkontradixxu l-previżjonijiet tal-parti l-kbira tal-gruppi ta’ riflessjoni fis-sens li prezzijiet għoljin ħafna, bi tliet ċifri, għall-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES fis-setturi BTT huma probabbli ħafna, filwaqt li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx il-prezzijiet li hija adottat. Barra minn hekk, għalkemm ir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq inħolqot sabiex jiġi stabbilizzat is-suq, din ma tipprekludix żieda fil-prezz tal-kwoti tal-emissjonijiet ta’ GES, li tista’ sseħħ f’daqqa. L-istruttura tal-ETS 2 u l-ipoteżijiet ta’ użu ta’ din ir-riżerva previsti mid-Direttiva kkontestata joħolqu riskju serju ta’ instabbiltà, ta’ tnaqqis tal-likwidità tas-suq u ta’ żieda mhux ikkontrollata tal-prezz tal-kwoti.

161    La l-ħolqien tal-Fond Soċjali għall-Klima u lanqas l-inklużjoni tal-appoġġ għall-unitajiet domestiċi mill-miżuri li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-Fond għall-Modernizzazzjoni ma jsolvu l-problema tal-ispejjeż għoljin tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi, peress li r-riżorsi allokati għal dawn iż-żewġ fondi huma baxxi wisq fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tirċievi abbażi ta’ dawn iż-żewġ fondi madwar EUR 22 biljun sas-sena 2032, li huwa insuffiċjenti sabiex jiffinanzja t-titjib tal-prestazzjoni enerġetika tal-bini li l-ispiża tiegħu hija stmata għal madwar EUR 340 biljun sas-sena 2050.

162    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, isostnu li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

163    Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li l-punt 29 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, imsemmi fl-Artikolu 5(4) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 191(2) TFUE. Madankollu, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, dan l-Istat Membru ma ressaq ebda argument fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 191(2). Konsegwentement, dan il-ħames motiv għandu jiġi eżaminat sa fejn huwa intiż unikament li tinkiseb konstatazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità biss.

164    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) TUE, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-għanijiet tat-Trattati.

165    Dan il-prinċipju jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu. Għalhekk, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija (sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 13; tat‑13 ta’ Marzu 2019, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑128/17, EU:C:2019:194, punt 94, kif ukoll tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 76).

166    F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-imsemmi prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fl-oqsma fejn l-azzjoni tiegħu tinvolvi għażliet ta’ natura kemm politika kif ukoll ekonomika jew soċjali u fejn huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi, a fortiori meta dawn ikunu jistgħu jevolvu. Din is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni tapplika għad-determinazzjoni tan-natura u tal-portata tal-miżuri li huwa jadotta, kif ukoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni tad-data bażika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 28, 33 u 46; tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 150, 151 u 170, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punti 219 u 242).

167    Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura stabbilita f’wieħed minn dawn l-oqsma, fid-dawl tal-għan li dawn l-istituzzjonijiet għandhom l-intenzjoni li jiksbu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura. Għaldaqstant, il-kwistjoni ma hijiex jekk miżura adottata f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni li lilu t-Trattati taw dan il-kompitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punti 82 u 83, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 242).

168    Madankollu, anki bis-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u għandu jeżamina jekk l-għanijiet imfittxija permezz tal-miżura magħżula jkunux tali li jiġġustifikaw konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki dawk sostanzjali, għal ċerti operaturi. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, għandhom ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom, li jippreżumi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni li l-imsemmi att kien intiż li jirregola. Minn dan jirriżulta li dawn l-istituzzjonijiet għandhom, tal-inqas, ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu u jesponu b’mod ċar u inekwivoku d-data bażika li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex fuqha jkunu bbażati l-miżuri kkontestati tal-istess att u li fuqha jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, il-validità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma tistax tiddependi minn kunsiderazzjonijiet retrospettivi dwar il-livell ta’ effettività tiegħu (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Frar 1973, Schroeder, 40/72, EU:C:1973:14, punt 14; tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 84, kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 152 u 153).

169    Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma huwiex obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru meta l-att tal-Unjoni kkonċernat ikollu impatt fl-Istati Membri kollha u jippreżupponi li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet imfittxija minnu, jiġi żgurat bilanċ bejn l-interessi differenti involuti. Għaldaqstant, it-tfittxija ta’ tali bilanċ li tieħu inkunsiderazzjoni mhux is-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru wieħed, iżda dik tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni ma tistax, fiha nnifisha, titqies li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2015, L‑Estonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 39; tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 167, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 246).

170    Fl-aħħar nett, kif diġà ssemma fil-punt 125 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-konformità tad-Direttiva kkontestata mal-prinċipju ta’ solidarjetà, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri kumpensatorji li hija tinkludi u dawk li ġew stabbiliti flimkien mal-adozzjoni tagħha sabiex jiġi vverifikat jekk din id-direttiva hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

171    F’dan il-każ, sabiex turi l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-Repubblika tal-Polonja titlaq, fl-ewwel lok, mill-premessa li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni preċedenti għad-Direttiva kkontestata, b’mod partikolari r-Regolament 2018/842, kienet suffiċjenti sabiex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES stabbilita għal 55 % sas-sena 2030, kif stabbilit mil-Liġi Ewropea dwar il-Klima, kif jikkonferma x-xenarju REG. Minn dan hija tikkonkludi li l-adozzjoni ta’ din id-direttiva ma kinitx neċessarja.

172    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, kif ġie enfasizzat fil-punt 166 ta’ din is-sentenza, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkollu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa tal-miżura li huwa jkun adotta, fid-dawl tal-għan li huwa jfittex, li tista’ taffettwa l-legalità tagħha. Għaldaqstant, il-kwistjoni ma hijiex jekk din il-miżura kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni li lilu t-Trattati taw dan il-kompitu

173    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni preċedenti għad-Direttiva kkontestata ppermettiet li tintlaħaq il-mira msaħħa ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES b’55 % sas-sena 2030, dan bl-ebda mod ma kien jipprekludi lil-leġiżlatur tal-Unjoni milli jadotta leġiżlazzjoni ġdida sabiex jasal għal dan ir-riżultat.

174    Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-punt 144 ta’ din is-sentenza, il-premessa li fuqha huwa bbażat l-argument tar-Repubblika tal-Polonja hija żbaljata. Fil-fatt, it-Taqsima 2.1 tal-Parti 1 tal-analiżi tal-impatt tad-Direttiva kkontestata tistabbilixxi li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni preċedenti għal din id-direttiva ma kinitx tippermetti li tintlaħaq il-mira msaħħa ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES b’55 % sas-sena 2030. Huwa f’din l-ottika li l-premessa 9 ta’ din id-direttiva tenfasizza l-ħtieġa li tiġi aġġustata l-ambizzjoni tal-EU ETS sabiex din tkun konformi ma’ din il-mira msaħħa u, lil hinn, mal-għan tan-newtralità klimatika sa mhux iktar tard mill‑2050.

175    Huwa wkoll żbaljat li r-Repubblika tal-Polonja tallega li x-xenarju REG sempliċement iżomm l-istatus quo. Ċertament, dan ix-xenarju ma jipprevedix l-estensjoni tal-EU ETS għas-setturi BTT. Madankollu, it-Taqsima 8.5.2 tal-Parti 2 tal-analiżi tal-impatt tad-Direttiva kkontestata tindika b’mod ċar li l-imsemmi xenarju huwa bbażat fuq tisħiħ sinjifikattiv tar-rekwiżiti fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, tal-enerġija rinnovabbli u tal-politika tat-trasport. Barra minn hekk, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Parlament u l-Kunsill sostnew, mingħajr ma ġew kontradetti mir-Repubblika tal-Polonja, li l-investimenti addizzjonali meħtieġa, għall-perijodu li jkopri s-snin 2021 sa 2030, mix-xenarju REG meta pparagunat max-xenarju MIX, li huwa l-eqreb għall-għażla fl-aħħar nett magħżula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, setgħu jiġu evalwati għal EUR 21 biljun. Issa, ir-Repubblika tal-Polonja bl-ebda mod ma ħadet inkunsiderazzjoni din l-ispiża addizzjonali prevista mix-xenarju REG meta pparagunat max-xenarji l-oħra previsti mill-Kummissjoni.

176    Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi miċħud l-argument dwar l-assenza ta’ eżami korrett tal-intensifikazzjoni tal-faqar enerġetiku, fis-sens li perċentwali tal-ispejjeż tal-enerġija ta’ iktar minn 10 % tal-baġit tal-unitajiet domestiċi huwa indikatur tal-faqar enerġetiku. Fil-fatt, dan l-approċċ ma huwiex konformi mad-definizzjoni li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2023/955, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jikkorrispondi, konformement mal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, għal dak tad-Direttiva 2003/87. Skont din id-definizzjoni, il-“faqar enerġetiku” tfisser “in-nuqqas ta’ aċċess ta’ unità domestika għal servizzi essenzjali tal-enerġija li jirfdu standard tal-għajxien u tas-saħħa diċenti, inkluż tisħin, tkessiħ, tidwil adegwati, u enerġija għat-tħaddim ta’ apparati domestiċi, fil-kuntest nazzjonali rilevanti, tal-politika soċjali eżistenti u ta’ politiki rilevanti oħra”.

177    Fuq kollox, ir-Repubblika tal-Polonja tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jużaw ir-riżorsi miksuba mill-bejgħ bl-irkant tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ CO2 fil-kuntest tal-ETS 2 sabiex jiġġieldu kontra l-faqar enerġetiku.

178    Issa, kif sostnew ġustament il-Parlament u l-Kunsill u kif ġie rrilevat fil-punti 126 sa 128 ta’ din is-sentenza, ir-riżorsi li jirriżultaw mill-bejgħ bl-irkant tal-kwoti tal-ETS 2 jikkontribwixxu sabiex jiġi kkumpensat l-impatt ta’ din is-sistema fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli. Barra minn hekk, l-analiżi tal-impatt tad-Direttiva kkontestata enfasizzat li ridistribuzzjoni b’rata fissa tad-dħul tal-karbonju fuq livell nazzjonali, ibbażata fuq id-daqs tal-unitajiet domestiċi, jista’ jkollha impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-popolazzjoni tal-Unjoni kollha kemm hi, b’mod partikolari fil-kuntest tax-xenarju MIX. Din l-analiżi tal-impatt tispeċifika wkoll li d-dħul tal-karbonju fil-livell nazzjonali jenħtieġ li jkun biżżejjed biex jikkumpensa għall-konsegwenzi negattivi tal-ETS 2 imġarrba mill-persuni l-iktar affettwati. Għaldaqstant, ir-riorjentazzjoni lejn l-unitajiet domestiċi vulnerabbli ta’ dan id-dħul tikkontribwixxi sabiex jiġi kkumpensat l-impatt tal-implimentazzjoni tal-ETS 2 fuq dawn l-unitajiet domestiċi.

179    L-Artikolu 30d(6) tad-Direttiva 2003/87 jistieden espressament lill-Istati Membri jużaw b’mod prijoritarju d-dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES sabiex jirrimedjaw il-konsegwenzi soċjali tal-introduzzjoni tal-ETS 2. Bħala tali, l-Istati Membri jistgħu, f’konformità mal-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu 6, jieħdu miżuri biex jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ tal-bini jew għat-tnaqqis tal-ħtiġijiet tal-enerġija tagħhom, inkluża l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll miżuri biex jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-unitajiet domestiċi bi dħul baxx fil-bini bl-agħar rendiment. L-Istati Membri jistgħu jadottaw ukoll miżuri biex jaċċelleraw l-adozzjoni ta’ vetturi b’emissjonijiet żero jew jipprovdu appoġġ finanzjarju biex jindirizzaw l-aspetti soċjali fir-rigward tal-utenti tat-trasport bi dħul baxx u medju.

180    B’mod iktar wiesa’, it-Taqsimiet 6.3.2 u 6.3.3 tal-Parti 1 tal-analiżi tal-impatt tad-Direttiva kkontestata kienu ddedikati speċifikament għall-eżami tal-impatti ekonomiċi u soċjali, b’mod partikolari fuq l-impjiegi kif ukoll fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli u bi dħul baxx, ikkawżati bl-introduzzjoni tal-ETS 2. Dawn l-iżviluppi juru r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti attenzjoni partikolari lill-problema tal-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku.

181    Kif sostnew il-Parlament u l-Kunsill, minn dan jirriżulta b’mod partikolari li, ċertament, investimenti kunsiderevolment ikbar ser ikunu neċessarji fl-Istati Membri għall-familji bi dħul baxx. Madankollu, f’din l-ottika, ir-Regolament 2023/955 stabbilixxa l-Fond Soċjali għall-Klima li huwa ffinanzjat mill-irkant ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES fil-kuntest tal-ETS 2 u li tiegħu r-Repubblika tal-Polonja hija l-ikbar benefiċjarja. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-ammonti allokati taħt il-Fond għall-Modernizzazzjoni, li r-Repubblika tal-Polonja hija l-ikbar benefiċjarja tagħhom, kif ġie rrilevat fil-punt 130 ta’ din is-sentenza.

182    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li l-gwerra ta’ aggressjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina ma tteħditx inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-impatt tagħha tad-Direttiva kkontestata, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 78 u 168 ta’ din is-sentenza, li l-validità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma tistax tiddependi minn kunsiderazzjonijiet retrospettivi dwar il-livell ta’ effikaċja tiegħu. Issa, f’dan il-każ, din l-analiżi tal-impatt, tal‑14 ta’ Lulju 2021, saret qabel din l-aggressjoni.

183    Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi kkontestat li l-leġiżlatur tal-Unjoni inkluda, fid-Direttiva kkontestata, mekkaniżmi li jippermettu lill-Unjoni tirreaġixxi fil-każ ta’ xokkijiet esterni, bħalma hija l-gwerra ta’ aggressjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina.

184    Fil-fatt, l-Artikolu 30h tad-Direttiva 2003/87 intitolat “Miżuri f’każ ta’ żieda eċċessiva tal-prezzijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-possibbiltà li jiġu rrilaxxati, mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq, 50 miljun kwota ta’ emissjonijiet ta’ GES li jaqgħu taħt il-Kapitolu IVa ta’ din id-direttiva, meta, għal iktar minn tliet xhur konsekuttivi, il-prezz medju tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES irkantati jkun ogħla mid-doppju tal-prezz medju ta’ dawn il-kwoti osservat matul is-sitt xhur konsekuttivi preċedenti. Bl-istess mod, il-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu 30h jippermetti li jiġu rrilaxxati 150 miljun kwota ta’ emissjonijiet ta’ GES mill-ETS 2, meta, għal iktar minn sitt xhur konsekuttivi, il-prezz medju tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES irkantati jkun ogħla mit-triplu tal-prezz medju tagħhom osservat matul is-sitt xhur konsekuttivi preċedenti.

185    Għas-snin 2027 u 2028, ir-rilaxx ta’ 50 miljun kwota ta’ emissjonijiet ta’ GES jista’ saħansitra jseħħ meta l-prezz medju tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES ikun ogħla minn 1.5 darba l-prezz medju kkonstatat ta’ dawn il-kwoti matul is-sitt xhur konsekuttivi preċedenti. Fl-aħħar nett, il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu 30h jistabbilixxi, min-naħa tiegħu, tnaqqis ta’ 20 miljun kwota ta’ emissjonijiet ta’ GES meta l-prezz medju tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES jaqbeż EUR 45 matul perijodu ta’ xahrejn konsekuttivi.

186    Għalhekk, il-mekkaniżmu gradwali previst fl-Artikolu 30h tad-Direttiva 2003/87 jista’ japplika fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi.

187    Mill-premessa 90 ta’ tad-Direttiva kkontestata jirriżulta li dawn il-miżuri ta’ salvagwardja, li huma intiżi li jindirizzaw ir-riskju potenzjali ta’ żidiet eċċessivi fil-prezzijiet, huma ta’ natura oġġettiva, peress li l-attivazzjoni tagħhom hija suġġetta għal kundizzjoni waħda jew iktar ibbażati fuq iż-żieda fil-prezz medju tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES. Barra minn hekk, dan il-mekkaniżmu addizzjonali previst fl-Artikolu 30h tad-Direttiva 2003/87 li huwa partikolarment reattiv, sabiex tiġi indirizzata l-volatilità eċċessiva kkawżata minn fatturi oħra, minbarra tibdil fil-kundizzjonijiet fundamentali tas-suq. Barra minn hekk, dan il-mekkaniżmu ma jeskludix li l-Istati Membri jistgħu jadottaw kwalunkwe miżura ta’ akkumpanjament li huma jqisu neċessarja sabiex jaffaċċjaw konsegwenzi soċjali negattivi.

188    Lanqas ma jista’ jiġi injorat il-fatt li, kif tiddikjara l-premessa 5 tagħha, id-Direttiva kkontestata tagħmel parti mill-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Issa, il-mekkaniżmu ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq stabbilit bid-Deċiżjoni 2015/1814 huwa intiż preċiżament, konformement mal-premessa 9 tad-Deċiżjoni 2023/852, sabiex jagħmel l-EU ETS iktar reżiljenti fil-każ ta’ xokkijiet esterni imprevedibbli, bħalma hija l-gwerra ta’ aggressjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina.

189    Barra minn hekk, l-Artikolu 10e(1) tad-Direttiva 2003/87, li ġie introdott permezz tal-Artikolu 5 tar-Regolament 2023/435, jipprevedi, bħala miżura eċċezzjonali u unika, li jiġu rkantati, sal‑31 ta’ Awwissu 2026, kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES għal ammont totali ta’ EUR 20 biljun intiżi li jikkontribwixxu għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Bl-istess mod, l-Artikolu 10e(4) tad-Direttiva 2003/87 jippermetti li jiġu allokati lill-Fond għall-Innovazzjoni, sal‑31 ta’ Diċembru 2030,27 miljun kwota ta’ emissjonijiet ta’ GES mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq, sabiex tiġi ddiversifikata malajr il-provvista tal-enerġija tal-Unjoni u titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili qabel is-sena 2030.

190    Fir-raba’ u fl-aħħar lok, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-analiżi tal-impatt tad-Direttiva kkontestata ma tosservax ir-rekwiżiti previsti mill-Protokoll Nru 2 sa fejn il-Kummissjoni ma tesponix fih l-impatt tal-ETS 2 fuq il-PDG imqassam skont l-Istat Membru, għandu jiġi osservat li r-Repubblika tal-Polonja ma tressaq ebda element ta’ natura li juri li l-ommissjoni allegata għandha titqies bħala ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, kif isostni l-Kunsill, tali rekwiżit ma jistax jiġi dedott mill-formulazzjoni tal-Artikolu 191(3) TFUE, li jipprovdi li, fit-tfassil tal-politika tagħha fil-qasam tal-ambjent, l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, l-iżvilupp ibbilanċjat tar-reġjuni tagħha.

191    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kemm l-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi ETS 2 kif ukoll il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ din is-sistema li huwa adotta fil-punt 29 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata ma jistgħux jitqiesu li huma manifestament inadegwati, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 167 ta’ din is-sentenza, fid-dawl tal-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GES b’55 % sas-sena 2030 segwita minn dan il-leġiżlatur.

192    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

 L-argumenti tal-partijiet

193    Permezz tas-sitt motiv tagħha, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, issostni li, billi eskluda mid-dritt għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ GES mingħajr ħlas is-setturi tal-industrija tal-enerġija li ma jaqgħux taħt l-ETS kif ukoll is-setturi tal-industrija tal-manifattura u tal-kostruzzjoni msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddiskrimina kontra l-operaturi ta’ installazzjonijiet li jaqgħu taħt dawn is-setturi meta pparagunati ma’ dawk tas-setturi li jaqgħu taħt l-ETS.

194    Ir-Repubblika tal-Polonja tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 10b(4) tad-Direttiva 2003/87, kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES mingħajr ħlas huma allokati lin-networks ta’ tisħin distrettwali kif ukoll lill-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja prevista mid-Direttiva 2012/27, sabiex jissodisfaw id-domanda ekonomikament iġġustifikata għall-produzzjoni ta’ sħana jew ta’ kesħa. B’paragun, fil-kuntest tal-ETS 2, l-uniku metodu ta’ tqegħid fis-suq tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES huwa l-bejgħ bl-irkant.

195    Issa, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza x-xebh kbir bejn l-installazzjonijiet koperti mill-EU ETS u dawk li jaqgħu taħt is-setturi tal-industrija tal-enerġija li ma jaqgħux taħt l-EU ETS kif ukoll taħt is-setturi tal-industrija tal-manifattura u tal-kostruzzjoni msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87. Madankollu, filwaqt li l-utenti tal-karburanti li joperaw installazzjonijiet koperti mill-EU ETS jirċievu allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES mingħajr ħlas, l-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva jċaħħad minn dan lill-operaturi ta’ installazzjonijiet li jaqgħu taħt is-setturi li jikkorrispondu għal attivitajiet industrijali li ma jaqgħux taħt l-Anness I tal-imsemmija direttiva, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Din is-sitwazzjoni hija iktar u iktar gravi peress li l-operaturi ta’ installazzjonijiet li jaqgħu taħt l-EU ETS ġeneralment ikollhom riżorsi finanzjarji ikbar u kapaċitajiet ta’ investiment ikbar, li huma msaħħa ulterjorment permezz ta’ diversi skemi ta’ appoġġ li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva, u jkunu f’pożizzjoni aħjar sabiex jaffrontaw iż-żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni minħabba dħul mill-bejgħ ogħla. Madankollu, id-Direttiva kkontestata ma tiġġustifikax oġġettivament din id-distinzjoni.

196    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li s-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

197    Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni essenzjalment li, billi teskludi l-possibbiltà li jinkisbu kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES mingħajr ħlas fil-kuntest tal-ETS 2, id-Direttiva kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

198    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. In-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet rispettivi inkwistjoni ma għandhiex tiġi evalwata b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni kkonċernata. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 23, 25 u 26; tat‑12 ta’ Mejju 2011, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑176/09, EU:C:2011:290, punti 31 u 32, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punti 308 u 309).

199    F’dan il-każ, għandu madankollu jiġi kkonstatat li bejn l-ETS 2 u l-EU ETS teżisti differenza oġġettiva. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel waħda tipprovdi li ma humiex il-konsumaturi finali, iżda l-entitajiet irregolati, fis-sens tal-Artikolu 3(ae) tad-Direttiva 2003/87, li jridu jċedu kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES, it-tieni waħda tobbliga direttament lill-utent finali jċedi tali kwoti. Għalhekk, filwaqt li l-ETS 2 tikkostitwixxi sistema upstream tal-katina tal-provvista, l-EU ETS hija sistema downstream fil-katina tal-provvista. Fuq dan il-punt, il-premessa 77 tad-Direttiva kkontestata tippreċiża li, minħabba n-numru kbir ħafna ta’ emittenti żgħar preżenti fis-setturi BTT, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit il-punt ta’ regolamentazzjoni fil-livell tal-entitajiet li joħorġu direttament GES, bħalma huwa l-każ għall-installazzjonijiet fissi u għall-avjazzjoni. Għalhekk, għal raġunijiet ta’ fattibbiltà teknika u effiċjenza amministrattiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies iktar xieraq li jiġi stabbilit il-punt ta’ regolamentazzjoni iktar ’il fuq fil-katina tal-provvista. L-att li jiskatta l-obbligu ta’ konformità fil-kuntest tal-ETS 2 huwa għalhekk ir-rilaxx għall-konsum tal-fjuwils użati għall-kombustjoni fis-setturi tal-BTT.

200    Barra minn hekk, kif sostnew ġustament il-Parlament u l-Kunsill, jekk l-installazzjonijiet u l-operaturi li jaqgħu taħt l-EU ETS jistgħu jiġu allokati, taħt ċerti kundizzjonijiet, kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES mingħajr ħlas, dan huwa għaliex għandhom iċedu tali kwoti għall-emissjonijiet tagħhom stess. Min-naħa l-oħra, sa fejn l-entitajiet li għandhom iċedu l-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES skont l-ETS 2 jistgħu jgħaddu l-ispejjeż tal-emissjonijiet fuq il-konsumaturi finali u għalhekk ma għandhomx neċessarjament ibatu l-piż finanzjarju marbut mal-osservanza tal-limiti ta’ emissjonijiet, huma ma għandhomx jibbenefikaw minn tali kwoti mingħajr ħlas. Barra minn hekk, l-operaturi ta’ setturi addizzjonali li huma responsabbli għall-emissjonijiet tal-kombustibbli li jirrilaxxaw għall-konsum ma huma obbligati jċedu ebda kwoti, la taħt l-ETS 2, u lanqas taħt l-EU ETS, minħabba d-daqs tagħhom li huwa taħt il-limitu stabbilit mill-ETS 2.

201    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm jappartjenu għal setturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS, l-installazzjonijiet fis-setturi addizzjonali huma biss dawk li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS. Fil-fatt, l-Anness III tad-Direttiva 2003/87, kif introdott mid-Direttiva kkontestata, jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS 2 il-konsum ta’ fjuwils użati għall-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-EU ETS. Għalhekk, l-installazzjonijiet fis-setturi addizzjonali, kif iddefiniti fl-ETS 2, jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-installazzjonijiet koperti mill-EU ETS peress li ma jġarrbu l-ebda spiża taħt l-EU ETS minħabba l-attivitajiet tagħhom. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, id-Direttiva kkontestata ma jistax ikollha l-effett li tostakola l-kompetizzjoni bejn dawn it-tipi differenti ta’ installazzjonijiet.

202    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-operaturi li jaqgħu taħt is-setturi addizzjonali u dawk li jaqgħu taħt l-EU ETS ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli f’dak li jirrigwarda l-mekkaniżmu għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ GES mingħajr ħlas.

203    Konsegwentement, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE

 L-argumenti tal-partijiet

204    Permezz tas-seba’ motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, kif iggarantit fl-Artikolu 4(3) TUE, inkiser matul ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva kkontestata, minħabba, l-ewwel nett, l-assenza ta’ diskussjoni fil-fond u ta’ riferiment speċifiku għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-leġittimità tal-introduzzjoni tal-ETS 2, fid-dawl tar-riskju sinjifikattiv ta’ aggravazzjoni tal-faqar enerġetiku, it-tieni nett, l-estensjoni, fir-rigward tal-proposta COM(2021) 551 final, imsemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS 2 għas-setturi addizzjonali billi tmur lil hinn mill-portata tal-mandat ta’ negozjati mogħti lill-Presidenza tal-Kunsill, it-tielet nett, l-iffissar ta’ terminu qasir wisq għall-finijiet tat-traspożizzjoni tal-punti 29 u 31 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 30f(4) tad-Direttiva 2003/87, u, ir-raba’ nett, il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirriżulta, minn naħa, mill-obbligi ta’ rapportar tad-data previsti fl-Artikolu 30f(4) tad-Direttiva 2003/87, li japplikaw għal perijodu preċedenti għad-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kkontestata u, min-naħa l-oħra, mill-introduzzjoni ta’ termini li ma jistgħux jiġu osservati f’dak li jirrigwarda t-traspożizzjoni tad-Direttiva kkontestata.

205    Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jisimgħu lil xulxin b’attenzjoni reċiproka u jqisu l-argumenti u l-pożizzjonijiet li jressqu, b’mod partikolari sabiex jiġi evitat li parteċipant fil-proċess leġiżlattiv ikollu l-impressjoni li l-argumenti tiegħu ma jitqisux mill-koleġiżlaturi.

206    F’dan il-każ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu konxji mid-diffikultajiet soċjoekonomiċi marbuta mal-mod ta’ tisħin tal-bini fil-Polonja, peress li r-Repubblika tal-Polonja kienet diġà qajmithom fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑336/16, EU:C:2018:94, punti 27 u 89). Il-faħam jibqa’ sors importanti ta’ provvista ta’ sħana għall-unitajiet domestiċi Pollakki. Għas-sena 2021, ir-Repubblika tal-Polonja kienet tirrappreżenta madwar 75 % tal-konsum ta’ fjuwils fossili solidi tad-djar fl-Unjoni u, skont id-data tal-Główny Urząd Statystyczny (l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika, il-Polonja), għal din l-istess sena, kważi 21 % tal-unitajiet domestiċi Pollakki kienu jsaħħnu bil-faħam. Il-konsum tal-enerġija allokat għat-tisħin tal-bini fil-Polonja huwa ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi l-iktar modesti, li jispjega li, fil-Polonja, il-faqar enerġetiku kien jikkonċerna, għas-sena 2020, madwar 10 % tal-unitajiet domestiċi.

207    F’dan il-kuntest, bil-ħolqien tal-ETS 2, li jkollu bħala effett li l-prezz tal-emissjonijiet ta’ CO2 jiġi inkluż fil-prezz tal-fjuwil mixtri mill-utent finali, jeżisti riskju kbir li l-faqar enerġetiku jaggrava, liema riskju huwa ikbar minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina.

208    Issa, l-istat tal-faqar enerġetiku f’kull Stat Membru ma ġiex eżaminat matul il-proċedura ta’ adozzjoni tad-Direttiva kkontestata. Fit-Taqsima 6.3.2.1 tal-Parti 1 tal-analiżi tal-impatt tad-Direttiva kkontestata, il-Kummissjoni studjat biss l-evoluzzjoni tal-projezzjonijiet tal-ispejjeż annwali għal akkomodazzjoni tal-unitajiet domestiċi bħala proporzjon tal-konsum tal-Unjoni kollha sas-sena 2030, abbażi ta’ tliet gruppi ta’ pajjiżi kklassifikati abbażi tal-PDG per capita rispettiv tagħhom. Skont id-data tal-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) għas-sena finanzjarja 2020, l-Istati Membri li l-PDG per capita tagħhom huwa bejn 60 u 100 % tal-PGD medju per capita tal-Unjoni huma 14, fosthom ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Portugiża. Tali raggruppament tal-Istati Membri skont il-livell tal-PDG tagħhom, irrispettivament mill-kundizzjonijiet meteoroloġiċi tagħhom, ma jippermettix li jiġi evalwat b’mod korrett il-faqar enerġetiku, peress li żieda fl-ispejjeż tat-tisħin tal-bini tinħass inqas fin-Nofsinhar tal-Ewropa milli fil-pajjiżi tal-baċir tal-Baħar Baltiku.

209    Barra minn hekk, it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kkontestata, li ġie stabbilit għat‑30 ta’ Ġunju 2024, huwa qasir wisq fid-dawl tal-bidliet li jirriżultaw mill-ETS 2 li jeżiġu, min-naħa tal-entitajiet li huma suġġetti għaliha, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ġbir u ta’ pproċessar ta’ ammont kbir ta’ data dwar ir-rilaxx għall-konsum tal-fjuwils fis-setturi koperti minn din l-ETS.

210    Il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser ukoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali billi impona, fl-Artikolu 30f(4) tad-Direttiva 2003/87 u b’effett mit‑30 ta’ April 2025, fuq kull entità rregolata, li għandha fl‑1 ta’ Jannar 2025 permess ta’ emissjonijiet ta’ GES, l-obbligu li tiddikjara l-emissjonijiet storiċi tagħha, jiġifieri l-emissjonijiet tagħha qabel l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

211    Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ ċertezza legali nkiser sa fejn l-iskeda prevista mid-Direttiva kkontestata timponi fuq l-entitajiet suġġetti għall-ETS 2 kompiti li bl-ebda mod ma jistgħu jitwettqu, bħalma huwa l-obbligu li tinġabar data dwar il-volumi ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal perijodu fejn dawn l-operaturi ma kinux għadhom obbligati jkollhom awtorizzazzjoni għall-emissjoni ta’ GES u lanqas ma kienu f’pożizzjoni li jimplimentaw pjan ta’ monitoraġġ tal-volum tal-emissjonijiet ta’ GES approvat mill-awtorità nazzjonali kompetenti. Fil-fatt, matul il-perijodu kopert mill-imsemmi obbligu ta’ dikjarazzjoni, jiġifieri mill‑1 ta’ Jannar 2024, il-proċess ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva kkontestata seta’ kien għadu għaddej fi Stat Membru, peress li t-terminu ta’ traspożizzjoni kien jiskadi fi tmiem ix-xahar ta’ April 2024. Għalhekk, billi timponi fuq l-entitajiet irregolati l-obbligu li jiddikjaraw sat‑30 ta’ April 2025, l-emissjonijiet storiċi għas-sena finanzjarja 2024, id-Direttiva kkontestata tikser serjament il-fiduċja tal-impriżi u taċ-ċittadini fl-Istat u fl-Unjoni u tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

212    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

213    Permezz tas-seba’ motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, tqis li d-Direttiva kkontestata tikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-riżervi fformulati mir-Repubblika tal-Polonja matul il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ din id-direttiva.

214    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, mill-erba’ argumenti mressqa minn dan l-Istat Membru insostenn ta’ dan il-motiv, kif miġbura fil-qosor fil-punt 204 ta’ din is-sentenza, huwa biss l-ewwel wieħed li jista’ jintrabat mal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, jiġifieri dak fis-sens li dan il-prinċipju nkiser minħabba l-assenza ta’ diskussjoni fil-fond u ta’ riferiment speċifiku għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-leġittimità tal-introduzzjoni tal-ETS 2, fid-dawl tar-riskju sinjifikattiv ta’ aggravazzjoni tal-faqar enerġetiku.

215    Fil-fatt, kif sostna, essenzjalment, il-Parlament fir-risposta tiegħu, it-tliet argumenti l-oħra tar-Repubblika tal-Polonja msemmija fil-punt 204 ta’ din is-sentenza bl-ebda mod ma jistgħu jindikaw ksur, min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li jipprovdi, konformement mal-Artikolu 4(3) TUE, li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jirrispettaw u jassistu lil xulxin b’mod reċiproku fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati.

216    La l-argument dwar il-kontestazzjoni tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS 2 għas-setturi addizzjonali, u lanqas dak tal-iffissar ta’ terminu qasir wisq għat-traspożizzjoni tal-punti 29 u 31 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata ma jistgħu jindikaw ksur mill-Unjoni tal-obbligu ta’ osservanza u ta’ assistenza reċiproka fil-konfront tal-Istati Membri fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati. Għalkemm dawn l-argumenti jesprimu l-iskuntentizza tar-Repubblika tal-Polonja dwar l-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, madankollu ma jistabbilixxux kif din l-għażla tikkostitwixxi nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ assistenza fit-twettiq tal-kompiti rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

217    Fir-rigward tal-ilment bbażat fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali, dan kellu jitqajjem b’mod awtonomu u ma jistax jintrabat mal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

218    Konsegwentement, dawn it-tliet argumenti l-oħra għandhom jiġu ddikjarati ineffettivi.

219    Dan premess, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-evalwazzjoni tat-tielet u tal-ħames motiv, mill-istruttura globali mhux biss tad-Direttiva kkontestata iżda, b’mod iktar wiesa’, mill-pakkett leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %” jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ it-tħassib espress mir-Repubblika tal-Polonja fir-rigward tar-riskju ta’ żieda tal-faqar enerġetiku tal-unitajiet domestiċi l-iktar vulnerabbli, peress li l-kritika fformulata minn dan l-Istat Membru hija bbażata fuq approċċ żbaljat tal-kunċett ta’ “faqar enerġetiku”, kif ġie rrilevat fil-punt 174 ta’ din is-sentenza.

220    Barra minn hekk u fuq kollox, kif jenfasizzaw, essenzjalment, il-Parlament u l-Kunsill, l-invokazzjoni tal-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali mir-Repubblika tal-Polonja hija intiża sabiex tikkontesta l-applikazzjoni tal-vot b’maġġoranza kkwalifikata fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ att fi ħdan il-Kunsill.

221    Ir-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattat u ma huma għad-dispożizzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 1988, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, 68/86, EU:C:1988:85, punt 38, kif ukoll tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 149). Għalhekk, rikonoxximent lil istituzzjoni tal-possibbiltà li tistabbilixxi bażijiet legali sekondarji li jippermettu l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi jew ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, jew biex isaħħu jew biex itaffu l-modalitajiet għall-adozzjoni ta’ att, ikun qed jattribwixxi fil-konfront tagħha setgħa leġiżlattiva li teċċedi dak li huwa previst mit-Trattati (sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 56, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑14/15 u C‑116/15, EU:C:2016:715, punt 47).

222    F’dan il-każ, id-Direttiva kkontestata ġiet adottata, abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE, fi tmiem proċedura leġiżlattiva ordinarja li fil-kuntest tagħha l-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata, konformement mal-Artikolu 16(4) TUE. F’dan il-kuntest, kif jirrileva ġustament, essenzjalment, il-Kunsill, il-fatt li Stat Membru ma jaqbilx mal-għażla magħmula minn din l-istituzzjoni ma jistax jikkostitwixxi motiv li jwassal għall-konstatazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali min-naħa tal-imsemmija istituzzjoni. Li kieku ma kienx hekk, l-ebda att leġiżlattiv ma jkun jista’ jiġi adottat mingħajr qbil unanimu tal-membri tal-Kunsill, li jikser ir-regola tal-maġġoranza kkwalifikata applikabbli għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

223    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud is-seba’ motiv bħala infondat u konsegwentement, għandu jiġi miċħud ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

224    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament u l-Kunsill talbu l-kundanna tar-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk sostnuti mill-Parlament u mill-Kunsill.

225    Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, li jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, l-Ungerija u l-Kummissjoni għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-Ungerija u l-Kummissjoni Ewropea huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.