European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/107

10.1.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Minn impjanti tal-iskart għal impjanti tar-riżorsi

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2025/107)

Relatur:

Anastasis YIAPANIS

Korelatur:

Michal PINTÉR

Konsulenti

Mihai IVAŞCU (għar-relatur tal-Grupp III)

Alexandra ŠARINOVÁ (għall-korelatur tal-Kat.1)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

18.1.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali

Adozzjoni fis-sezzjoni

24.9.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

23.10.2024

Sessjoni plenarja Nru

591

Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet)

243/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-ġenerazzjoni tal-iskart, xprunata mit-tkabbir tal-popolazzjoni, l-urbanizzazzjoni, l-industrijalizzazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku, teħtieġ prattiki ta’ mmaniġġjar sostenibbli tal-iskart biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs), b’enfasi fuq il-minimizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart permezz tal-prevenzjoni u ż-żieda fl-użu mill-ġdid. In-negozji, il-gvernijiet u ċ-ċittadini qed ifittxu soluzzjonijiet sostenibbli għall-immaniġġjar tal-iskart li jesiġu bidla minn ħsieb lineari ta’ “prodott li jwassal għall-iskart” għal approċċi ta’ “skart li jwassal għar-riżorsi”.

1.2.

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li tingħata prijorità lid-diskussjonijiet fil-livell tal-UE dwar l-immaniġġjar tal-iskart u li tiġi implimentata strateġija riveduta biex tħaddan proġetti pijunieri mmirati lejn it-tisħiħ tar-riċiklaġġ u l-irkupru tar-riżorsi, u li titnaqqas ukoll il-prevalenza tas-siti tar-rimi tal-iskart. L-industrija trid tkun appoġġjata fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi affidabbli u innovattivi permezz ta’ riżorsi finanzjarji mmirati għar-riċerka u l-iżvilupp, proġetti pilota u l-espansjoni ta’ teknoloġiji avvanzati għall-impjanti tar-riżorsi.

1.3.

L-immaniġġjar effiċjenti tal-iskart bejn il-fruntieri u r-regolamentazzjoni tiegħu bħala materja prima ewlenija permezz ta’ standards adatti skont REACH u l-kriterji għat-tmiem tal-istatus ta’ skart se jippromovu l-innovazzjoni u jistimulaw is-swieq tal-materjali sekondarji. Il-KESE jappella għal sorveljanza fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati każi ta’ ksur u biex il-katina tal-prodotti tiġi semplifikata b’investimenti futuri.

1.4.

Il-Kumitat iħeġġeġ politiki addizzjonali tal-UE u nazzjonali biex jissaħħu s-sistemi tal-ġbir tal-iskart, biex isir investiment f’teknoloġiji avvanzati ta’ separazzjoni, biex ir-regolamenti eżistenti jiġu infurzati b’mod effettiv, u biex jiġu stabbiliti multi armonizzati fl-Istati Membri kollha biex jiġu miġġielda l-attivitajiet illegali tal-iskart. L-implimentazzjoni ta’ tariffa tat-tniġġis waqt li jiġu indirizzati wkoll il-kostijiet tar-riċiklaġġ tista’ ssaħħaħ ir-raġunament ekonomiku għar-riċiklaġġ.

1.5.

Il-KESE jappoġġja l-armonizzazzjoni mifruxa tal-istandards għall-materjali rkuprati sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-materjali verġni u sekondarji madwar l-Unjoni kollha u biex tiġi evitata r-regolamentazzjoni frammentata tagħhom fil-livelli nazzjonali individwali.

1.6.

Diversi teknoloġiji disponibbli, bħall-impjanti li jipproduċu l-ilma u l-idroġenu mill-iskart, l-użu tal-irmied tal-qiegħ u tal-irmied li jtir tal-inċineraturi, it-teknoloġiji li jipproduċu l-fjuwils mill-iskart u t-trattament tal-ilma mormi għandhom il-potenzjal li jibdlu l-paradigmi attwali tal-immaniġġjar tal-iskart lejn approċċ orjentat lejn ir-riżorsi u jrawmu simbjożi industrijali. Huwa meħtieġ appoġġ għal teknoloġiji innovattivi ta’ rkupru u swieq funzjonali għal materjali rkuprati, kif ukoll ambjent regolatorju li jħeġġeġ tranżizzjoni minn rimi ta’ materjali mhux sostenibbli għal ġenerazzjoni ta’ materjali sekondarji ta’ kwalità għolja.

1.7.

Il-KESE jappella għal aktar inċentivi finanzjarji u appoġġ għall-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi (bħall-Internet tal-Oġġetti (IoT), ir-robots tal-IA, il-pajpijiet pnewmatiċi, it-teknoloġija blockchain, ir-riċiklaġġ kimiku, it-tekniki avvanzati ta’ separazzjoni tal-materjali, id-droni u l-immaġni bis-satellita), u li jiġi rispettat il-prinċipju tal-ġerarkija tal-iskart. Il-finanzjament iddedikat tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għall-immaniġġjar tal-iskart għandu jiġi estiż u semplifikat biex jagħti prijorità lill-investimenti li jappoġġjaw l-irkupru integrat tar-riżorsi mill-iskart.

1.8.

F’konformità mal-prijoritajiet tal-Patt Blu tal-UE, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-massimizzazzjoni tal-irkupru tan-nutrijenti mill-ilma mormi, il-ħama tad-drenaġġ u sorsi oħra, permezz tat-trattament tal-aħjar prattika, ir-riċiklaġġ u permezz ta’ metodi ta’ rkupru tar-riżorsi mmirati lejn il-qbid ta’ minerali ta’ valur.

1.9.

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa għal programmi apposta ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema tal-industrija tal-iskart. It-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali qed tibdel in-natura u l-iskop tal-impjiegi fl-industrija tal-iskart, u tirrikjedi investimenti addizzjonali fil-kapital uman fil-livelli kollha tal-ħiliet u tal-funzjonijiet kollha. Il-KESE jirrakkomanda l-involviment kontinwu tal-imsieħba soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ tali programmi biex jiġi ffaċilitat fehim komuni tal-isfidi u s-soluzzjonijiet settorjali għall-ħaddiema.

1.10.

L-appoġġ għall-involviment attiv tal-gvernijiet lokali u reġjonali fit-tranżizzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart lejn irkupru integrat tar-riżorsi huwa kruċjali għall-avvanz tal-ekonomija ċirkolari. Il-governanza fil-livell muniċipali trid tissaħħaħ biex jiġu żviluppati l-kompetenzi, il-ħiliet u l-kapaċità meħtieġa għal investimenti u oqfsa regolatorji ġodda li jrawmu l-innovazzjoni fl-immaniġġjar tal-iskart u tar-riżorsi.

1.11.

Il-KESE jqis li l-kampanji ta’ informazzjoni għandhom jiġu promossi u ffinanzjati biex jinfurmaw liċ-ċittadini tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-iskart, ir-responsabbiltà tal-produttur u l-protezzjoni ambjentali. L-edukazzjoni tal-pubbliku dwar l-immaniġġjar tal-iskart, ir-riċiklaġġ u l-ekonomija ċirkolari se tixpruna bidliet essenzjali fl-imġiba.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (1) jirrapporta li d-dinja tiġġenera 2,1 biljun tunnellata ta’ skart solidu muniċipali kull sena, bi projezzjoni li dan se jikber għal 3,8 biljun tunnellata sal-2050. Il-ġenerazzjoni tal-iskart hija riżultat inevitabbli tat-tkabbir tal-popolazzjoni, l-urbanizzazzjoni, l-industrijalizzazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku. Il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li nofs l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra u aktar minn 90 % tat-telf tal-bijodiversità u l-istress fuq l-ilma jiġu mill-estrazzjoni u l-ipproċessar tar-riżorsi (2).

2.2.

L-integrazzjoni ta’ prattiki ta’ mmaniġġjar sostenibbli tal-iskart hija kruċjali għall-kisba ta’ diversi SDGs u għall-promozzjoni ta’ futur aktar sostenibbli. L-aktar triq effettiva tinvolvi l-minimizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart fis-sors, li tibda bil-prevenzjoni u enfasi msaħħa fuq l-użu mill-ġdid. F’sistema verament ċirkolari, l-iskart huwa biss taħlita ta’ riżorsi li għadhom ma ġewx separati jew ittrattati kif suppost (iżda jistgħu jkunu). Madankollu, ladarba r-riżervi kollha tal-materja prima verġni jiġu eżawriti, l-iskart isir l-uniku sors tagħhom.

2.3.

L-iskart jista’ jiġi definit b’mod wiesa’ bħala l-eżitu mhux intenzjonat tal-konsum u l-produzzjoni; madankollu, l-iskart huwa differenti daqs is-sorsi tiegħu, u jista’ jiġi kklassifikat b’diversi modi (skont il-materjal, it-tip ta’ prodott, is-sors, il-livell ta’ periklu, eċċ.). L-enfasi primarja ta’ din l-Opinjoni tal-KESE hija fuq l-iskart solidu muniċipali, li jirreferi għall-iskart iġġenerat mid-djar, in-negozji tal-bejgħ bl-imnut u żgħar, is-servizzi pubbliċi u entitajiet simili. Dan jeskludi skart mhux muniċipali, bħall-kostruzzjoni, l-industrija, u l-iskart agrikolu jew mediku.

2.4.

L-iżgurar tal-aċċess għall-materja prima waqt li tiġi evitata dipendenza eċċessiva minn pajjiżi terzi ħareġ bħala sfida ambjentali u ġeopolitika sinifikanti għall-UE. L-irkupru tal-enerġija u tal-materjali mill-iskart jgħin biex titrażżan il-ħtieġa li jiġu estratti l-fjuwils fossili u l-materja prima, u jimminimizza l-emissjonijiet tal-gassijiet serra assoċjati mill-attivitajiet ta’ estrazzjoni, waqt li jappoġġja s-sigurtà tal-enerġija u tal-materja prima fl-UE.

2.5.

L-immaniġġjar tal-iskart tal-UE huwa bbażat fuq ġerarkija tal-iskart f’ħames stadji, li ġiet stabbilita u saret legalment vinkolanti bid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (3) u tirrikjedi li l-kumpaniji tal-UE japplikaw l-aħjar tekniki tal-immaniġġjar tal-iskart (4). Ir-rimi fil-landfills huwa l-“aħħar għażla” (operazzjoni ta’ rimi), segwit minn proċessi ta’ skart għall-produzzjoni tal-enerġija (inċinerazzjoni). Ir-rimi massiv fil-landfills għandu l-potenzjal li jeqred materjali u nutrijenti ta’ valur li jistgħu jiġu rkuprati, iżda ħafna Stati Membri tal-UE jiddependu bil-bosta minnu. Fi żmien meta n-negozji, il-gvernijiet u ċ-ċittadini qed ifittxu soluzzjonijiet sostenibbli għall-immaniġġjar tal-iskart, il-paradigma lineari ta’ “prodott li jwassal għall-iskart” trid timxi lejn il-ħsieb ta’ “skart li jwassal għar-riżorsi”.

3.   It-trattament tal-iskart bħala riżorsa

3.1.

Waqt li l-KESE japprezza l-isforzi tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-iskart, huwa jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lid-diskussjonijiet fil-livell tal-UE dwar il-leġiżlazzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart. Dawn id-diskussjonijiet għandhom ikopru strateġiji aġġornati, teknoloġiji innovattivi u tekniki ta’ ġestjoni, jippromovu l-prinċipji taċ-ċirkolarità u jneħħu l-ostakli regolatorji għall-iżvilupp ta’ sistema ċirkolari. Tali diskussjonijiet għandhom jallinjaw mal-objettivi tal-UE fir-Regolament dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, u r-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart. Huwa rrakkomandat li jiġu stabbiliti miri ta’ rkupru għal materjali bħall-fosforu, in-nitroġenu, metalli, eċċ., u li l-loġika tal-iskart bħala riżorsa tiġi applikata fil-leġiżlazzjoni l-ġdida u riveduta kollha tal-UE biex jiġi evitat li jitqiegħdu penali regolatorji jew ekonomiċi bla bżonn fuq l-użu ta’ materja prima rkuprata mill-iskart. Fi ħdan l-Att dwar il-Materja Prima Kritika, hija mħeġġa enfasi ħafna aktar b’saħħitha u usa’ fuq ir-riċiklaġġ.

3.2.

Iridu jiġu implimentati teknoloġiji effettivi għall-immaniġġjar tal-iskart biex jissaħħu r-riċiklaġġ u l-irkupru, waqt li titnaqqas il-prevalenza tas-siti tar-rimi tal-iskart. L-UE jeħtiġilha tappoġġja lill-industrija biex tuża l-iżjed soluzzjonijiet teknoloġiċi aġġornati disponibbli għaliha, bl-għan li dawn jiġu introdotti u implimentati fuq skala kbira. Appoġġ finanzjarju adatt u mmirat għar-riċerka u l-iżvilupp, għall-proġetti pilota u għall-espansjoni tat-teknoloġiji innovattivi għall-impjanti tar-riżorsi se jnaqqas l-ispejjeż tagħhom. Il-fluss ta’ finanzjament tal-BEI ddedikat għall-immaniġġjar tal-iskart għandu jiżdied u jiġi semplifikat biex jiffoka fuq investimenti li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari u għall-irkupru integrat tar-riżorsi mill-iskart. Id-distribuzzjoni tal-appoġġ finanzjarju għandha tqis l-aspetti territorjali.

3.3.

Jeħtieġ li jiġu żviluppati metriċi tal-prestazzjoni u indikaturi standardizzati biex jittejbu l-proċeduri tal-immaniġġjar tal-iskart, li jkopru firxa wiesgħa ta’ dimensjonijiet, li jmorru lil hinn mill-aspetti purament ekonomiċi jew ambjentali, u li jintegraw il-fatturi soċjali.

3.4.

Il-Kumitat kien talab li l-“UE għandha tappoġġja l-industrija tagħha tat-trattament u l-ipproċessar tal-iskart billi tħejji materja prima sekondarja għar-riċiklaġġ fil-proċessi tal-produzzjoni, u temenda l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-iskart sabiex tipprijoritizza r-riċiklaġġ u ċ-ċirkolarità tal-materja prima kritika u strateġika bl-ogħla potenzjal tekniku u ekonomiku għar-riċiklaġġ” (5). Fl-indirizzar tal-ispiża tar-riċiklaġġ, l-introduzzjoni ta’ spiża għat-tniġġis tista’ tgħin biex jiġi stabbilit argument għall-vijabbiltà għar-riċiklaġġ.

4.   Bidla mill-immaniġġjar tal-iskart konvenzjonali għall-ġestjoni integrata u komprensiva tar-riżorsi

4.1.

Il-KESE jitlob li jissaħħu l-operat u l-effettività tal-landfills billi jiġu implimentati infrastruttura, trattamenti u għodod teknoloġiċi ġodda. L-Ewropa teħtieġ tekniki ta’ separazzjoni li huma aktar effiċjenti, u li tippromovi l-użu ta’ proċessi ta’ skart għall-enerġija u impjanti integrati għall-irkupru tar-riżorsi minflok il-landfills, peress li dawn jippermettu li l-iskart solidu jiġi pproċessat biex jiġġenera l-elettriku u materjali oħra tal-output.

4.2.

It-trawwim ta’ kollaborazzjonijiet ma’ ċentri ta’ riċerka waqt li jiġu żviluppati teknoloġiji mill-aktar avvanzati jista’ javvanza l-innovazzjoni tal-proċessi ta’ skart għall-enerġija, u b’hekk tittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi billi jitnaqqas l-iskart tal-landfills u tiġi ppreservata l-materja prima. Il-KESE jenfasizza li l-ippjanar tal-proċessi ta’ skart għall-produzzjoni tal-enerġija għandu jaderixxi mal-prinċipju tal-ġerarkija tal-iskart, waqt li jitqiesu il-kunsiderazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja, u qed jappella għal politika u appoġġ finanzjarju (eż. billi tiġi rikonoxxuta l-produzzjoni tal-enerġija mill-iskart fl-Atti Delegati dwar it-Tassonomija tal-UE) sabiex jiġi stabbilit każ tan-negozju u ambjentali favur it-teknoloġiji ta’ proċessi ta’ skart għall-enerġija li jinkorporaw proċessi ta’ rkupru tal-materjali, bħall-ipproċessar tal-irmied tal-qiegħ u l-estrazzjoni tal-metalli, biex jgħinu l-irkupru ta’ materja prima u nutrijenti sekondarji u jnaqqsu l-iskart perikoluż u r-rimi fil-landfills.

4.3.

Il-leġiżlazzjoni futura dwar l-iskart, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, għandha tirrikonoxxi l-kontribut sistemiku tal-impjanti tar-riżorsi, tipprovdi appoġġ għall-irkupru tar-riżorsi mill-iskart, u tikklassifika installazzjonijiet bħal impjanti għall-irkupru tar-riżorsi jew impjanti tat-trattament tal-ilma mormi bħala ċentri tar-riżorsi li jipprovdu mhux biss is-sħana, l-elettriku jew l-ilma, iżda wkoll il-karbonju, in-nutrijenti, il-metalli rkuprati u l-materjali organiċi bħala alternattiva għall-materjali verġni. L-iskart għandu jitqies u jiġi regolat bħala materja prima ewlenija, inkluż billi jiġu stabbiliti standards REACH adatti u kriterji għat-tmiem tal-iskart, u billi jiġu ġestiti b’mod effiċjenti l-vjeġġi transfruntiera tal-iskart. L-għoti tal-istatus ta’ tmiem tal-istadju tal-iskart lil materjali ġodda u innovattivi se jippromovi l-innovazzjoni u jistimula s-swieq tal-materjali sekondarji. Il-kontroll fil-livell tal-UE huwa importanti, peress li każi ta’ ksur fl-immaniġġjar tal-iskart spiss iseħħu fejn is-sorveljanza hija l-aktar dgħajfa.

4.4.

L-Istati Membri jridu jagħmlu ħilithom biex jassorbu l-fondi tal-UE sal-massimu possibbli u jiggwidaw l-investiment lejn ekonomija ċirkolari. Il-KESE qed jappella għal politiki addizzjonali tal-UE u nazzjonali li jiffukaw fuq it-titjib tas-sistemi tas-separazzjoni u tal-ġbir tal-iskart u, b’mod komplementari, l-investiment f’teknoloġiji avvanzati ta’ separazzjoni biex jiġu massimizzati r-rati ta’ riċiklaġġ. Is-separazzjoni tas-sorsi hija waħda mill-aktar operazzjonijiet importanti fil-bidu tal-katina tal-immaniġġjar tal-iskart u hija l-isforz deċiżiv biex jiġi żgurat riċiklaġġ ta’ kwalità tajba, waqt li tinvolvi l-parteċipazzjoni diretta tal-konsumatur. Barra minn hekk, l-infurzar tar-regolamenti eżistenti dwar l-immaniġġjar tal-iskart irid ikun akkumpanjat minn miżuri ġodda biex tiġi żgurata l-konformità u jiġu minimizzati l-attivitajiet illegali tal-iskart. Għandu jiġi applikat f’dan ir-rigward livell armonizzat ta’ multi fl-Istati Membri kollha.

4.5.

Fost it-teknoloġiji disponibbli għal faċilitajiet integrati futuri għall-irkupru tar-riżorsi, diversi għandhom il-potenzjal li jibdlu l-immaniġġjar tal-iskart lejn approċċ orjentat lejn ir-riżorsi. Dan jinkludi impjanti għall-produzzjoni tal-ilma mill-iskart u sistemi integrati għall-produzzjoni tal-ilma mill-iskart li jużaw l-enerġija mill-iskart biex joperaw impjanti ta’ desalinizzazzjoni tal-ilma baħar. It-teknoloġija għall-produzzjoni tal-idroġenu mill-iskart tuża l-elettriku ġġenerat permezz ta’ proċessi ta’ inċinerazzjoni biex tipproduċi idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju minn sorsi lokali. Kemm l-irmied tal-qiegħ kif ukoll l-irmied li jtir tal-inċineraturi – ir-residwi mill-inċinerazzjoni – għandhom il-potenzjal bħala sorsi ta’ materja prima sekondarja. Huwa essenzjali li jiġi inċentivat l-irkupru ta’ metalli, minerali, aggregati, potassju, sodju u kalċju f’forma ta’ komposti kimiċi fil-livell tal-UE permezz ta’ leġiżlazzjoni adatta u billi jitneħħew l-ostakli regolatorji li bħalissa jinkoraġġixxu r-radam mill-ġdid. Barra minn hekk, diversi teknoloġiji għall-produzzjoni tal-fjuwils mill-iskart (bijogass, metan, gass sintetiku, e-fjuwils, eċċ.) jistgħu jiddevjaw ammonti sinifikanti ta’ skart solidu muniċipali mil-landfills. Fir-rigward tat-trattament tal-ilma mormi, l-integrazzjoni tal-irkupru tal-fosforu fl-immaniġġjar sostenibbli tal-ħama tirrikjedi qafas regolatorju adatt.

4.6.

L-Istati Membri tal-UE bħalissa jimmaniġġjaw il-materjali rkuprati msemmija hawn fuq fil-livell nazzjonali, mingħajr regolamentazzjoni Ewropea jew kopertura leġiżlattiva. Dan ifixkel l-użu mill-ġdid ċirkolari u l-valutazzjoni sħiħa tagħhom. Se jkunu meħtieġa diversi azzjonijiet ta’ politika li jippromovu l-irkupru tar-riżorsi minn dawn is-sustanzi, flimkien ma’ standards u politiki prevedibbli u stabbli biex tiġi żgurata l-kosteffettività ta’ dawn it-teknoloġiji. L-appoġġ għal teknoloġiji innovattivi ta’ rkupru u swieq funzjonali għal materjali rkuprati huwa meħtieġ biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi. L-ambjent regolatorju għandu jħeġġeġ tranżizzjoni minn rimi ta’ materjali mhux sostenibbli għal ġenerazzjoni ta’ materjali sekondarji ta’ kwalità għolja. L-awtorizzazzjoni u l-ħruġ ta’ permessi għas-sustanzi kimiċi mfassla tajjeb u flessibbli huma meħtieġa biex tinżamm il-kwalità tal-materjali ta’ input għal ipproċessar ulterjuri.

4.7.

Diversi ostakli regolatorji jridu jitneħħew biex tiġi implimentata l-bidla li tittrasforma l-iskart f’riżorsi u tinkiseb ekonomija kompletament ċirkolari. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni tal-UE li tipprojbixxi l-użu ta’ materja prima riċiklata u nutrijenti rkuprati f’diversi setturi, inklużi l-agrikoltura/il-biedja organika, it-trobbija tal-annimali, l-akkwakultura, eċċ., f’konsultazzjoni mill-qrib mal-industrija. Ir-regolamentazzjoni għandha tipprijoritizza l-kwalità tal-prodott fuq l-oriġini, u l-kundizzjonijiet tas-suq iridu jiġu aġġustati biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi bejn il-materjali riċiklati u dawk verġni.

4.8.

F’konformità mal-Patt Blu tal-UE (6), il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa l-irkupru ottimali tan-nutrijenti mill-ilma mormi, il-ħama tad-drenaġġ u sorsi oħra permezz tal-aħjar prattika fil-qasam tal-metodi tat-trattament, ir-riċiklaġġ u l-rkupru għall-qbid tan-nitroġenu, il-fosforu u l-potassju. L-irkupru jgħin biex jitnaqqsu l-importazzjonijiet fl-UE ta’ dawn il-materjali, waqt li juża teknoloġija avvanzata biex jitneħħew il-metalli tqal u l-mikroplastik, u b’hekk jipprevjeni l-akkumulazzjoni fil-ħamrija u l-kontaminazzjoni. Il-prijoritizzazzjoni ta’ teknoloġiji għall-irkupru tal-fosforu u ta’ materjali oħra hija essenzjali għall-faċilitar ta’ bidla lejn ekonomija tal-ilma kompletament ċirkolari u mmaniġġjar tal-ilma mormi/tal-ħama. Għandha tiġi abbozzata strateġija apposta għall-irkupru sostenibbli tar-riżorsi mill-ilma mormi, b’azzjonijiet immirati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, biex l-operaturi tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi jiġu mħeġġa jwettqu dawn il-kompiti addizzjonali u tiġi żgurata l-kwalità għolja tal-flussi tal-ilma mormi li jkunu deħlin għall-irkupru.

Soluzzjonijiet innovattivi oħra

4.9.

Fl-Ewropa, bosta teknoloġiji emerġenti għall-immaniġġjar tal-iskart jużaw l-Internet tal-Oġġetti (IoT) biex itejbu l-effiċjenza tal-ġbir tal-iskart. Is-sensuri tal-IoT jistgħu jiġu integrati f’kontenituri tal-iskart biex jiġu mmonitorjati l-livelli ta’ mili f’ħin reali, u jiġu ottimizzati r-rotot u l-iskedi tal-ġbir tal-iskart. Ir-robots tal-IA jistgħu jiġu pprogrammati biex issir distinzjoni bejn diversi materjali malajr u b’mod preċiż, u hemm ċentri ta’ riċiklaġġ li diġà jintegraw din it-teknoloġija biex itejbu l-effiċjenza u l-preċiżjoni fil-faċilitajiet tar-riċiklaġġ. Il-pajpijiet pnewmatiċi jistgħu jitqiegħdu taħt reċipjenti tal-iskart pubbliċi biex l-iskart jiġi ttrasportat direttament lejn iċ-ċentri tal-ipproċessar, u fl-istess ħin tiġi eliminata l-ħtieġa għal ġbir tradizzjonali ta’ skart. It-teknoloġija blockchain tista’ tintuża biex jiġi segwit u ntraċċat l-iskart matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu, u biex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà fil-proċessi tal-immaniġġjar tal-iskart. Ir-riċiklaġġ kimiku u t-tekniki avvanzati tas-separazzjoni tal-materjali jistgħu jtejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-proċessi tar-riċiklaġġ. Id-droni u l-immaġni bis-satellita jistgħu jintużaw għall-monitoraġġ mill-ajru tas-siti tal-iskart, għall-attivitajiet ta’ rimi illegali, u għall-ġestjoni tal-landfills, għat-titjib tal-isforzi ta’ sorveljanza u infurzar.

4.10.

Il-KESE jappella għal aktar inċentivi finanzjarji u appoġġ għal dawn it-teknoloġiji u prattiki fl-immaniġġjar tal-iskart, u li tiġi rispettata l-ġerarkija tal-iskart. Il-Kumitat diġà ddikjara li biex isir dan ikun jirrikjedi “li jiġu adottati politiki dwar il-bini ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ ġodda u t-titjib teknoloġiku ta’ dawk eżistenti, inkluż permezz tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (7)”.

5.   Il-kapital uman u s-sensibilizzazzjoni

5.1.

Il-ħaddiema fl-industrija tal-iskart se jkollhom bżonn titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid biex jadattaw għal teknoloġiji ġodda. Għandhom jiġu żgurati investimenti adegwati fl-infrastruttura tal-kapital uman, bl-involviment sħiħ tal-imsieħba soċjali. Il-bidla lejn industrija tal-iskart aktar ċirkolari hija mistennija li toħloq aktar impjiegi, peress li l-proċessi avvanzati ta’ rkupru tar-riżorsi tipikament jirrikjedu aktar ħaddiema mir-rimi fil-landfills jew l-inċinerazzjoni. L-istimi jissuġġerixxu li jistgħu jinħolqu 50 000 impjieg addizzjonali fl-immaniġġjar tal-iskart biss, jekk l-ekonomija ekoloġika tiġi implimentata bis-sħiħ (8). Barra minn hekk, il-livell tal-ħiliet tal-ħaddiema fl-immaniġġjar tal-iskart huwa mistenni li jiżdied, li jinkludi firxa usa’ ta’ ħiliet diġitali, għarfien speċjalizzat fl-inġinerija tal-prodott/output u tal-proċessi.

5.2.

L-evalwazzjoni mill-ġdid tal-approċċ tal-UE għall-immaniġġjar tal-iskart se tinfluwenza direttament il-ħtieġa għal edukazzjoni u taħriġ addizzjonali tal-ħaddiema. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-għarfien tal-ħaddiema dwar il-prinċipji tas-sostenibbiltà u t-teknoloġiji innovattivi, u enfasi akbar fuq prinċipji ta’ saħħa u sikurezza. Djalogu soċjali robust fis-settur jista’ jiffaċilita fehim komuni ta’ dawn ir-rekwiżiti u jipprovdi soluzzjonijiet aċċettati mill-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha. L-involviment kontinwu mal-imsieħba soċjali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fil-livelli transindustrijali, nazzjonali u tal-UE għandu jiġi appoġġjat u ffaċilitat.

5.3.

Il-gvernijiet lokali u reġjonali huma xpruni ewlenin ta’ inizjattivi ta’ mmaniġġjar tar-riżorsi mill-iskart, li jippromovu l-iżvilupp sostenibbli u l-ekonomija ċirkolari. Huma jimmaniġġjaw l-infrastruttura, jinfurzaw ir-regolamenti, jimmaniġġjaw il-ġbir u r-rimi tal-iskart u jissensibilizzaw lill-pubbliku. L-involviment attiv tagħhom fit-tranżizzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart lejn irkupru tar-riżorsi integrat bis-sħiħ huwa kruċjali għall-avvanz tal-ekonomija ċirkolari u għall-implimentazzjoni ta’ proġetti innovattivi. L-appoġġ għall-governanza fil-livell muniċipali huwa kruċjali biex l-awtoritajiet lokali jingħataw il-mezzi biex jiżviluppaw kompetenzi, ħiliet u kapaċità biex jimplimentaw investimenti ġodda u qafas regolatorju li jinkoraġġixxi l-innovazzjoni fl-immaniġġjar tal-iskart u tar-riżorsi.

5.4.

Il-KESE jemmen li l-kampanji ta’ informazzjoni għandhom jiġu promossi u ffinanzjati biex jissensibilizzaw liċ-ċittadini tal-UE dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-iskart, ir-responsabbiltà tal-produtturi u l-protezzjoni ambjentali. Il-popolazzjoni tal-UE għandha rwol enormi fil-bidla lejn iċ-ċirkolarità, u dan jagħmel l-involviment tagħhom f’kampanji bħal dawn vitali. Barra minn hekk, il-protezzjoni tad-data trid tingħata prijorità biex jiġi żgurat li s-settur tal-immaniġġjar tal-iskart tal-UE jikkonforma mar-regolamenti, itejjeb l-effiċjenza operazzjonali u jżomm il-fiduċja tal-pubbliku u ta’ partijiet ikkonċernati oħra.

5.5.

Il-Kumitat jirrakkomanda programmi u kampanji ta’ informazzjoni li jippromovu l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ materjali biex titnaqqas id-dipendenza mil-landfills u l-inċinerazzjoni mingħajr irkupru tal-enerġija. L-edukazzjoni tal-pubbliku dwar l-importanza tal-immaniġġjar tal-iskart, ir-riċiklaġġ u l-ekonomija ċirkolari se trawwem il-bidla fl-imġiba tant meħtieġa.

Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2024.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)   Global Waste Management Outlook 2024 (unep.org).

(2)   Eur-lex – Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari .

(3)   Test konsolidat tal-EUR-Lex – Direttiva 2008/98/KE.

(4)  Il-pedament tal-immaniġġjar tal-iskart tal-UE huwa l-ġerarkija tal-iskart f’ħames stadji, stabbilita fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Hija tistabbilixxi ordni ta’ preferenza għall-immaniġġjar u r-rimi tal-iskart.

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, 2018/1724 u (UE) 2019/1020” [COM(2023) 160 final — 2023/0079 (COD)] u dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Provvista sigura u sostenibbli ta’ materja prima kritika b’appoġġ għat-tranżizzjoni doppja” [COM(2023) 165 final] ( ĠU C 349, 29.9.2023, p. 142).

(6)   Il-KESE jappella għal Patt Blu tal-UE.

(7)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ‘Riċiklaġġ sostenibbli, użu ta’ materja prima sekondarja u tranżizzjoni ġusta fl-industrija Ewropea tal-metall ferruż u mhux ferruż’ (opinjoni fuq inizjattiva proprja) ( ĠU C 140, 21.4.2023, p. 1-7).

(8)  Friends of the Earth, 2010, More jobs, less waste: Potential for job creation through higher rates of recycling in the UK and EU.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/107/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)