SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
3 ta’ Settembru 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal perijodu twil – Direttiva 2003/109/KE – Artikolu 6(1) – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi – Rifjut li jingħata l-istatus ta’ resident għal perijodu twil minħabba preċedenti kriminali tal-persuna kkonċernata”
Fil-Kawżi magħquda C‑503/19 u C‑592/19,
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 17 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 17 ta’ Barcelona, Spanja) (C‑503/19) u mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 5 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 5 ta’ Barcelona, Spanja) (C‑592/19), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑7 ta’ Ġunju 2019 u tal‑15 ta’ Lulju 2019, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Lulju 2019 u fit‑2 ta’ Awwissu 2019 rispettivament, fil-proċeduri
UQ (C‑503/19),
SI (C‑592/19)
vs
Sudelegación del Gobierno en Barcelona,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, D Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u C. Cattabriga, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, UQ (Kawża C‑503/19) u SI (Kawża C‑592/19) u, min-naħa l-oħra, is-Subdelegación del Gobierno en Barcelona (is-Subdelegazzjoni tal-Gvern f’Barcelona, Spanja), dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet intiżi għall-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil ippreżentati mill-persuni kkonċernati. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Id-Direttiva 2003/109 tinkludi Kapitolu II, intitolat “Status ta’ residenti għal perijodu twil ta’ żmien fi Stat Membru”, li fih jinsabu l-Artikoli 4 sa 13 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi: “L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni relevanti.” |
|
4 |
L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħtu evidenza li jkollhom, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja:
2. L-Istati membri jistgħu jeħtieġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali.” |
|
5 |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/109 huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jagħtu status ta’ residenti għat-tul fuq il-bażi ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika. Meta jieħu d-deċiżjoni relevanti, l-Istat Membru għandu jikkonsidra is-severità jew it-tip ta’ offiża kontra l-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika, jew il-perikolu li joħroġ mill-persuna konċernata, waqt li jingħata kont proprju tat-tul ta’ residenza u l-eżistenza ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ residenza.” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 4 u 5 tagħha huma ssodisfatti, u jekk il-persuna ma tkunx tippreżenta theddida, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti liċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat l-istatus ta’ residenti għal perijodu twil. |
|
7 |
Skont l-Artikolu 12(1) u (3) tal-istess direttiva: “1. L-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni li jkeċċu residenti għat-tul unikament fejn hu/i jikkostitwixxi theddiha attwali u suffiċjentement serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika. […] 3. Qabel ma tittieħed deċiżjoni biex jitkeċċa residenti għat-tul, l-Istati membri għandhom jagħtu kont tal-fatturi li ġejjin:
|
|
8 |
Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109 huwa intitolat “Residenza fl-Istati Membri l-oħra”. Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, li jaqa’ taħt dan il-kapitolu, resident għal perijodu twil jikseb id-dritt li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stati Membri differenti minn dak li jkun tah l-istatus ta’ resident għal perijodu twil, għal perijodu li jaqbeż it-tliet xhur, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi kapitolu jkunu ssodisfatti. |
|
9 |
L-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva, li wkoll jaqa’ taħt l-istess kapitolu, jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjonijiet għar-residenza minn residenti għat-tul jew membri tal-familja tagħhom fejn il-persuna konċernata tkun tikkostitwixxi theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika. Meta tittieħed id-deċiżjoni relevanti, l-Istat Membru għandu jikkonsidra s-severità jew it-tip ta’ reat kontra l-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika kommess mir-resident għat-tul jew il-membru/i tal-familja tiegħu/tagħha, jew il-perikolu li tippreżenta l-persuna konċernata.” |
Id-dritt Spanjol
Il-Liġi Organika 4/2000
|
10 |
Il-Ley Orgánica 4/2000 sobre derechos y libertades de los extranjeros en España y su integración social (il-Liġi Organika 4/2000 dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Barranin fi Spanja u l-Integrazzjoni Soċjali Tagħhom), tal‑11 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 10, tat‑12 ta’ Jannar 2000, p. 1139), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwimiet fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Organika 4/2000”), tinkludi l-Artikolu 31, intitolat “Sitwazzjoni ta’ residenza temporanja”. L-Artikolu 31(7) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “Għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza temporanja, għandhom jiġu eżaminati, skont il-każ: a) il-preċedenti kriminali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ tnaqqis tal-piena jew ta’ sitwazzjonijiet ta’ tnaqqis kundizzjonali tal-piena jew ta’ sospensjoni tal-piena ta’ priġunerija. […] Fid-dawl ta’ dan it-tiġdid, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-isforz manifest ta’ integrazzjoni miċ-ċittadin barrani u li jimmilita favur l-imsemmi tiġdid, li għandu jiġi pprovat permezz ta’ rapport favorevoli tal-komunità awtonoma […]” |
|
11 |
L-Artikolu 32 tal-Liġi Organika 4/2000 jikkonċerna r-residenza għal perijodu twil. Dan jipprovdi: “1. Ir-residenza għal perijodu twil hija s-sitwazzjoni li tawtorizza r-residenza u l-ħidma fi Spanja b’mod indefinit, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini Spanjoli. 2. Għandhom id-dritt ta’ residenza għal perijodu twil dawk li kellhom residenza temporanja mingħajr interruzzjoni fi Spanja ta’ mill-inqas ħames snin u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti b’mod leġiżlattiv. Għall-finijiet ta’ residenza għal perijodu twil, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ residenza mwettqa preċedentement u mingħajr interruzzjoni fi Stati Membri oħra bħala detentur tal-Karta Blu tal-UE. Ir-residenza titqies bħala mhux interrotta anki jekk il-barrani jkun telaq mit-territorju nazzjonali b’mod temporanju, għal perijodi ta’ vaganzi jew għal raġunijiet oħra stabbiliti b’mod leġiżlattiv. 3. Il-barranin residenti għal perijodi twal fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jistgħu jitolbu għalihom infushom, u jiksbu, permess ta’ residenza għal perijodu twil fi Spanja meta huma jkunu ser jeżerċitaw attività bħala impjegati jew għal rashom, jew għal finijiet oħra, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti b’mod leġiżlattiv. Madankollu, fil-każ fejn il-barranin residenti għal perijodu twil fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jkunu jixtiequ jżommu l-istatus ta’ residenti għal perijodu twil miksub fl-ewwel Stat Membru, huma jistgħu japplikaw u jiksbu permess ta’ residenza temporanja fi Spanja. […]” |
Ir-Regolament tal-Liġi Organika 4/2000
|
12 |
L-Artikolu 148 tar-Regolament tal-Liġi Organika 4/2000 approvat permezz tar-Real Decreto 557/2011 por el que se aprueba el Reglamento de la Ley Orgánica 4/2000, tras su reforma por Ley Orgánica 2/2009 (id-Digriet Irjali 557/2011 li Japprova r-Regolament tal-Liġi Organika 4/2000, wara l-emendi tagħha bil-Liġi Organika 2/2009) tal‑20 ta’ April 2011 (BOE Nru 103, tat‑30 ta’ April 2011, p. 43821)), jipprevedi: “1. Il-barranin li jkunu ilhom jirrisjedu fit-territorju Spanjol b’mod legali u mingħajr interruzzjoni għal ħames snin għandhom id-dritt li jiksbu permess ta’ residenza għal perijodu twil. Għandhom ukoll id-dritt li jiksbu dan il-permess, il-barranin li juru li kienu ilhom jirrisjedu matul dan il-perijodu mingħajr interruzzjoni fl-Unjoni Ewropea, bħala detenturi ta’ Karta Blu tal-UE, sakemm kienu residenti fit-territorju Spanjol matul is-sentejn immedjatament qabel l-applikazzjoni tagħhom. […]” |
|
13 |
L-Artikolu 149 tar-Regolament tal-Liġi Organika 4/2000 li jirregola l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-finijiet tal-ksib ta’ permess ta’ residenza għal żmien twil. L-Artikolu 149(2)(f) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-applikazzjoni għall-kisba ta’ tali permess għandha tkun akkumpanjata, jekk ikun il-każ, minn estratt mir-rekords kriminali jew minn dokument ekwivalenti maħruġ mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-pajjiż jew pajjiżi li fihom l-applikant ikun irrisjeda matul l-aħħar ħames snin, fejn dan id-dokument ma għandu juri ebda kundanna għal ksur previst mill-ordinament ġuridiku Spanjol. |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawża C‑503/19
|
14 |
UQ huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, li għandu permess ta’ residenza temporanja fi Spanja. |
|
15 |
Fl‑10 ta’ Novembru 2014, huwa ġie kkundannat għal piena ta’ 40 jum għal xogħlijiet ta’ interess ġenerali u għas-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu għal tmien xhur u jumejn, għal sewqan taħt l-effett tal-alkoħol fit‑2 ta’ Novembru 2014. |
|
16 |
Fit‑2 ta’ Frar 2018, UQ, li, f’din id-data, kien legalment residenti fi Spanja diġà għal tal-inqas ħames snin bis-saħħa tal-permess ta’ residenza tiegħu, ippreżenta, quddiem l-Oficina de Extranjeros de Barcelona (l-Uffiċċju għall-Barranin ta’ Barcelona, Spanja), applikazzjoni għall-ksib tad-dritt ta’ residenza għal perijodu twil, fis-sens tal-Artikolu 32 tal-Liġi Organika 4/2000. |
|
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2018, l-Uffiċċju għall-Barranin ta’ Barcelona ċaħad din l-applikazzjoni, minħabba preċedenti kriminali ta’ UQ, imsemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza. UQ ippreżenta, kontra din id-deċiżjoni, azzjoni amministrattiva, li wkoll ġiet miċħuda, permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Lulju 2018. |
|
18 |
Konsegwentement, UQ ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑503/19 kontra d-deċiżjoni tas‑6 ta’ Lulju 2018. |
|
19 |
Din il-qorti tindika li l-ġurisprudenza tal-qrati Spanjoli differenti hija konfuża u kontradittorja, fir-rigward tal-punt dwar jekk l-eżistenza ta’ preċedenti kriminali tal-persuna kkonċernata hijiex biżżejjed waħedha sabiex tiġi rrifjutata l-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil jew jekk, għall-kuntrarju, tali rifjut jirrikjedix evalwazzjoni tal-fatti f’kull każ partikolari, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna kkonċernata tirrappreżentax theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi li taffettwa interess funamentali tas-soċjetà. |
|
20 |
Issa, skont il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑503/19, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), f’sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, neħħiet id-dubji mqajma mill-ġurisprudenza konfuża ta’ qrati inferjuri. F’din is-sentenza, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ibbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 149(2)(f) tar-Regolament tal-Liġi Organika 4/2000, sabiex tikkunsidra, essenzjalment, li s-sempliċi eżistenza ta’ preċedenti kriminali tal-persuna kkonċernata kienet tipprekludi l-għoti lilha tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil. Barra minn hekk, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) qieset li din l-interpretazzjoni la kienet tikkontradixxi l-ispirtu u lanqas l-għan tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/109. |
|
21 |
Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑503/19 għandha dubji dwar il-konformità mad-Direttiva 2003/109 tal-pożizzjoni adottata mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fis-sentenza tagħha msemmija fil-punt preċedenti. |
|
22 |
Fit-tieni lok, hija tesprimi wkoll dubji fir-rigward tal-konformità tal-leġiżlazzjoni Spanjola ma’ din id-direttiva, fir-rigward tal-possibbiltà li ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi rrifjutat l-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva. Din id-dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà, iżda mhux l-obbligu, għal Stat Membru li jirrifjuta tali għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil għal dawn il-motivi. Skont il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑503/19, sabiex tkun konformi mad-Direttiva 2003/109, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għandha tkun trasparenti u li tinftiehem. Issa, ir-Renju ta’ Spanja ma għamilx użu minn din il-possibbiltà. L-Artikolu 149(2)(f) tar-Regolament tal-Liġi Organika 557/2011 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi tali raġuni għal rifjut. |
|
23 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑503/19 tirrileva li l-pożizzjoni adottata mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fis-sentenza tagħha msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza timplika li huwa iktar faċli, għal ċittadin ta’ pajjiż terz, li jikseb it-tiġdid tal-permess ta’ residenza temporanja tiegħu fi Spanja milli jiġi rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ resident għal żmien twil. Fil-fatt, il-preċedenti kriminali ma jikkostitwixxux ostakolu assolut għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza temporanja, peress li l-Artikolu 31(7)(a) tal-Liġi Organika 4/2000 jipprevedi biss li dawn “għandhom jiġu eżaminati” għall-finijiet ta’ tali tiġdid. Din il-qorti tistaqsi dwar il-konformità ta’ tali sitwazzjoni mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu preċedenti kriminali jiġi skoraġġut milli jitlob l-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil u jinżamm b’mod indefinit f’sitwazzjoni ta’ resident temporanju. |
|
24 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 17 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 17 ta’ Barcelona, Spanja), il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑503/19 iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-Kawża C‑592/19
|
25 |
SI huwa ċittadin ta’ pajjiż terz. Huwa għandu permess ta’ residenza temporanja fi Spanja, fejn għandu impjieg fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u fejn huwa rreġistrat mas-sigurtà soċjali. |
|
26 |
Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2016 tal-Juzgado de lo Penal no 18 de Barcelona (il-Qorti Kriminali Provinċjali Nru 18 ta’ Barcelona, Spanja), SI ġie kkundannat, bħala awtur tar-reat ta’ falsifikazzjoni u għal użu ta’ dokumenti pubbliċi ffalsifikati, għal piena ta’ priġunerija ta’ ħdax-il xahar sospiża għal sentejn mis‑17 ta’ Ottubru 2016, għal fatti mwettqa fit‑30 ta’ Novembru 2011. |
|
27 |
SI ppreżenta applikazzjoni quddiem is-Subdelegazzjoni tal-Gvern f’Barcelona sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-istatus ta’ resident għal perijodu twil. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda b’deċiżjoni tas-Subdelegazzjoni tal-Gvern f’Barcelona fit‑30 ta’ Ottubru 2017, minħabba, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ preċedent kriminali ta’ SI. Dan tal-aħħar ippreżenta azzjoni amministrattiva kontra din id-deċiżjoni, li wkoll ġiet miċħuda, b’deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2018. |
|
28 |
Konsegwentement, SI ppreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑592/19 kontra d-deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2018. |
|
29 |
Din il-qorti tirrepeti, essenzjalment, l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑503/19 u miġbura fil-qosor fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza. Hija tindika li, kieku kellha tapplika l-leġiżlazzjoni Spanjola kif interpretata mis-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, hija ma tkun tista’ twettaq ebda evalwazzjoni tas-sitwazzjoni personali u tal-integrazzjoni ta’ SI fi Spanja, tal-istatus tal-eżekuzzjoni tal-piena imposta fuqu permezz tas-sentenza tal-Juzgado de lo Penal no 18 de Barcelona (il-Qorti Kriminali Provinċjali Nru 18 ta’ Barcelona), imsemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, tar-reat imwettaq jew ta’ ċirkustanzi oħra, peress li din tkun iffaċċjata bi preċedent kriminali mhux imħassar mir-rekords kriminali tal-persuna kkonċernata. Issa, din il-qorti għandha dubji dwar il-konformità ta’ tali approċċ mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-Direttiva 2003/109. |
|
30 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 5 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 5 ta’ Barcelona, Spanja), il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑592/19, iddeċidiet ukoll li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikoli 4 u 6(1) tad-Direttiva 2003/109 għandhom jiġu interpretati fis-sens li preċedent kriminali, ta’ kwalunkwe natura, huwa raġuni suffiċjenti sabiex jiġi miċħud l-aċċess għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil, mingħajr il-ħtieġa li jiġi evalwat it-tul tar-residenza u l-eżistenza ta’ rabta mal-pajjiż ta’ residenza?” |
Fuq id-domandi preliminari
|
31 |
Qabelxejn, sa fejn il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑503/19 invokat, fl-ewwel, fit-tielet u fir-raba’ domanda tagħha, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/109, għandu jiġi ppreċiżat li dan l-artikolu, li jagħmel parti mill-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Residenza fl-Istati Membri l-Oħra”, jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li kiseb l-istatus ta’ resident għal perijodu twil fi Stat Membru wieħed u li jixtieq jirrisjedi fi Stat Membru ieħor. |
|
32 |
L-imsemmi artikolu huwa, konsegwentement, irrilevanti f’sitwazzjoni bħal dik li tat lok għall-kawżi prinċipali, li fil-kuntest tagħhom huwa inkwistjoni r-rifjut, minn Stat Membru, tal-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun irrisjeda fit-territorju tiegħu stess b’mod legali u mingħajr interruzzjoni matul il-ħames snin immedjatament preċedenti għall-preżentata tal-applikazzjoni tal-persuna kkonċernata. |
|
33 |
Wara din il-preċiżazzjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi tagħhom, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/109 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik interpretata minn ċerti qrati ta’ dan tal-aħħar, li tipprevedi li ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi rrifjutat l-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil f’dan l-Istat Membru sempliċement minħabba l-fatt li jkollu preċedenti kriminali, mingħajr eżami b’mod konkret tas-sitwazzjoni tiegħu, b’mod partikolari, tan-natura tar-reat imwettaq minn dan iċ-ċittadin, tal-perikolu possibbli li huwa jirrappreżenta għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, tat-tul tar-residenza tiegħu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u tal-eżistenza ta’ rabtiet ma’ dan tal-aħħar. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/109 jipprevedi l-fakultà u mhux l-obbligu, għall-Istati Membri, li jirrifjutaw l-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika. |
|
35 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑277/13, EU:C:2014:2208, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Minn dan isegwi li Stat Membru għandu, sabiex jimplimenta korrettament l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/109, jipprovdi fid-dritt intern tiegħu l-possibbiltà li jirrifjuta l-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil lil ċittadin ta’ pajjiż terz għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali. |
|
37 |
Konsegwentement, il-qrati tar-rinviju, li huma biss għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar l-interpretazzjoni tad-dritt intern fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 28, kif ukoll tal‑21 ta’ Novembru 2018, De Diego Porras, C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 80), għandhom jivverifikaw li d-dritt Spanjol jinkludi dispożizzjoni li fiha l-karatteristiċi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
|
38 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali dispożizzjoni tistax tipprevedi li s-sempliċi eżistenza ta’ preċedenti kriminali tal-persuna kkonċernata hija biżżejjed sabiex din tal-aħħar tiġi rrifjutata, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, l-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil, mill-kliem stess tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li tali rifjut jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni u l-ibbilanċjar ta’ ċertu numru ta’ elementi, jiġifieri, minn naħa, il-gravità jew in-natura tar-reat imwettaq mill-persuna kkonċernata, il-perikolu li din tirrappreżenta għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika u, min-naħa l-oħra, it-tul tar-residenza tagħha fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll rabtiet possibbli tagħha ma’ dan l-Istat Membru. |
|
39 |
It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi kollha jimplika evalwazzjoni każ b’każ, li jeskludi li rifjut tal-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil jista’ jiġi invokat fil-konfront tal-persuna kkonċernata għas-sempliċi raġuni li din ikollha preċedenti kriminali, tkun xi tkun in-natura tagħhom. |
|
40 |
Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/109 hija kkonfermata mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-miżuri ġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika jistgħu jittieħdu biss jekk, wara evalwazzjoni każ b’każ tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jirriżulta li l-aġir individwali tal-persuna kkonċernata jkun attwalment jirrappreżenta perikolu reali u suffiċjentement gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà (sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, K. u H. F. (Dritt ta’ residenza u allegazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra), C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2018:296, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Għalhekk, fir-rigward tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/109, li l-formulazzjoni tiegħu hija simili ħafna għal dik tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, ġie deċiż li deċiżjoni ta’ tkeċċija ma tistax tiġi adottata kontra ċittadin ta’ Stat terz, li jkun residenti għal perijodu twil, għas-sempliċi raġuni li jkun ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ iktar minn sena (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, López Pastuzano, C‑636/16, EU:C:2017:949, punt 28). |
|
42 |
Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ma jistgħux jikkunsidraw, b’mod awtomatiku, li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jiġi rrifjutat l-għoti tal-istatus ta’ residenti għal perijodu twil, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/109, minħabba s-sempliċi raġuni li huwa kien is-suġġett ta’ kundanna kriminali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, G. S. u V. G. (Theddida għall-ordni pubbliku), C‑381/18 u C‑382/18, EU:C:2019:1072, punt 65). |
|
43 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kif interpretata minn uħud mill-qrati tiegħu, li tipprevedi li ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi rrifjutat l-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil f’dan l-Istat Membru għas-sempliċi raġuni li huwa jkollu preċedenti kriminali, mingħajr eżami konkret tas-sitwazzjoni tiegħu fir-rigward, b’mod partikolari, tan-natura tar-reat imwettaq minn dan iċ-ċittadin, tal-perikolu possibbli li huwa jirrappreżenta għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, tat-tul tar-residenza tiegħu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u tal-eżistenza ta’ rabtiet ma’ dan tal-aħħar. |
Fuq l-ispejjeż
|
44 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kif interpretata minn uħud mill-qrati tiegħu, li tipprevedi li ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi rrifjutat l-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil f’dan l-Istat Membru għas-sempliċi raġuni li huwa jkollu preċedenti kriminali, mingħajr eżami konkret tas-sitwazzjoni tiegħu fir-rigward, b’mod partikolari, tan-natura tar-reat imwettaq minn dan iċ-ċittadin, tal-perikolu possibbli li huwa jirrappreżenta għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, tat-tul tar-residenza tiegħu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u tal-eżistenza ta’ rabtiet ma’ dan tal-aħħar. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.